European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1667

22.4.2026

P10_TA(2025)0257

Votazzjoni permezz ta’ prokura fil-plenarja għall-Membri waqt it-tqala u wara li jwelldu

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2025 dwar l-emenda tal-Att Elettorali Ewropew, li tippermetti lill-Membri jivvutaw fil-plenarja permezz ta’ prokura waqt it-tqala u wara li jwelldu (2025/2195(INL) – 2025/0900(APP))

(C/2026/1667)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattati, u b’mod partikolari l-Artikoli 9, 10, 14 u 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 20, 22, 223(1) u 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett (“l-Att Elettorali”), anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976 u kif emendat, u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċedura elettorali tal-Parlament Ewropew, u b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Lulju 1998 dwar abbozz ta’ proċedura elettorali li jinkorpora prinċipji komuni għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew (2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 (3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar it-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta’ organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 (4), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea (5) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Mejju 2022 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill (76/787/KEFA, KEE, Euratom) u l-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett anness ma' dik id-Deċiżjoni (6),

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, kif modifikat fis-17 ta’ Frar 2018  (7),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A10-0214/2025),

A.

billi l-Parlament Ewropew għandu d-dritt li jibda r-riforma tal-proċedura elettorali proprja, u li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għaliha;

B.

billi l-possibbiltà li tiġi żviluppata proċedura elettorali uniformi bbażata fuq vot universali dirett ilha minquxa fit-Trattati mill-1957;

C.

billi r-riforma tal-proċedura elettorali tal-Parlament Ewropew għandha timmira li ssaħħaħ id-dimensjoni demokratika tal-elezzjonijiet Ewropej, ittejjeb il-funzjonament tal-Parlament Ewropew u tal-governanza tal-Unjoni, tagħmel il-ħidma tal-Parlament Ewropew aktar leġittima u effiċjenti u tipprevedi ugwaljanza elettorali akbar għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

D.

billi l-politiki relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandhom jikkontribwixxu biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ommijiet fil-politika;

E.

billi r-riforma tal-proċedura elettorali trid tirrispetta l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità;

1.

Jiddeċiedi li jsaħħaħ ir-regoli dwar il-maternità għall-Membri tal-Parlament Ewropew li jixtiequ jkomplu jaqdu d-dmirijiet parlamentari tagħhom;

2.

Jipproponi reviżjoni mmirata tal-Att Elettorali Ewropew li tippermetti lill-Membri jiddelegaw, waqt it-tqala u wara li jwelldu, il-vot tagħhom fil-plenarja lil Membru ieħor tal-għażla tagħhom;

3.

Jemmen li din ir-riformi se tippermetti lill-Membri, fil-perjodi immedjatament qabel u wara li jsiru ommijiet, jeżerċitaw bis-sħiħ il-mandati tagħhom, u b’hekk titjieb l-ekwità istituzzjonali u l-inklużjoni fil-Parlament Ewropew;

4.

Jadotta l-proposta li tinsab fl-Anness u jippreżentaha lill-Kunsill;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva, kif ukoll il-proposta annessa magħha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)   ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/684/oj.

(2)   ĠU C 292, 21.9.1998, p. 66.

(3)   ĠU C 419, 16.12.2015, p. 185.

(4)   ĠU C 75, 26.2.2016, p. 109.

(5)   ĠU C 366, 27.10.2017, p. 7.

(6)   ĠU C 465, 6.12.2022, p. 171.

(7)   ĠU L 45, 17.2.2018, p. 46, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2018/217/oj.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tadotta d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 223(1) tiegħu,

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Parlament Ewropew,

wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

billi:

(1)

Il-politiki relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandhom jikkontribwixxu biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ommijiet fil-politika.

(2)

L-introduzzjoni ta’ sistema ta’ vot bi prokura fis-sessjonijiet plenarji se tippermetti lill-Membri, fil-perjodi immedjatament qabel u wara li jsiru ommijiet, jeżerċitaw bis-sħiħ il-mandati tagħhom.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6(1) tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom (1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, Membru li tkun tqila jew li tkun welldet tista’ tiddelega l-vot tagħha lil Membru ieħor għal perjodu massimu ta’ tliet xhur qabel id-data stimata tat-twelid tat-tarbija u għal perjodu massimu ta’ sitt xhur wara li l-Membru tkun welldet.”

Artikolu 2

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak fih tkun saret ir-riċezzjoni tal-aħħar notifika msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976 tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill relatata mal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1976/787(1)/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1667/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)