European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1474

9.4.2026

P10_TA(2025)0187

Ir-rwol tal-investiment tal-politika ta’ koeżjoni fis-soluzzjoni tal-kriżi attwali tal-akkomodazzjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2025 dwar ir-rwol tal-investiment tal-politika ta’ koeżjoni fis-soluzzjoni tal-kriżi attwali tal-akkomodazzjoni (2024/2120(INI))

(C/2026/1474)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-Artikoli 14, 174, 175, 177 u 349 tiegħu, u l-Protokoll 28 tiegħu dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi mmonitorjat regolarment il-progress li sar lejn il-kisba ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jiddikjara r-rieda tal-Istati Membri li jistudjaw il-miżuri kollha meħtieġa f’dan ir-rigward,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (1) (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (4) (JTF), li għandu l-għan li jappoġġja lill-persuni, lill-ekonomiji u lill-ambjent tat-territorji li jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi serji li jirriżultaw mill-bidla lejn UE newtrali għall-klima,

wara li kkunsidra d-disa’ rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, ta’ Marzu 2024,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 25(1) tagħha,

wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015 (il-Ftehim ta’ Pariġi),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, li daħlet fis-seħħ fl-UE fit-22 ta’ Jannar 2011 f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (6),

wara li kkunsidra l-Karta ta’ Ġinevra tan-NU dwar l-Akkomodazzjoni Sostenibbli u l-għan tagħha li “tiżgura aċċess għal akkomodazzjoni deċenti, adegwata, affordabbli u tajba għas-saħħa għal kulħadd”,

wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha dwar id-dritt għall-akkomodazzjoni,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja” (COM(2020)0662), li għandha l-għan li tirrinnova 35 miljun binja sal-2030,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1028 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ data b’rabta mas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (8) (id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2018 dwar il-Politika ta’ Koeżjoni u l-Ekonomija Ċirkolari (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar it-treġġigħ lura tax-xejriet demografiċi fir-reġjuni tal-UE bl-użu tal-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni (10),

wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali 2030 – Futur għall-postijiet kollha, adottata fil-laqgħa informali tal-ministri responsabbli għall-ippjanar spazjali, l-iżvilupp territorjali u/jew il-koeżjoni territorjali fl-1 ta’ Diċembru 2020,

wara li kkunsidra l-aġenda ta’ sħubija dwar l-akkomodazzjoni tal-Aġenda Urbana għall-UE ta’ Diċembru 2018,

wara li kkunsidra l-Karta l-Ġdida ta’ Leipzig – Il-qawwa trasformattiva tal-bliet għall-ġid komuni (New Leipzig Charter – The transformative power of cities for the common good), adottata fil-laqgħa ministerjali informali dwar kwistjonijiet urbani fit-30 ta’ Novembru 2020,

wara li kkunsidra l-aġenda urbana l-ġdida adottata min-NU fl-20 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona dwar il-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, iffirmata fil-21 ta’ Ġunju 2021 mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u s-sħab soċjali,

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) ipproklamat mill-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni f’Novembru 2017, u b’mod partikolari l-prinċipju 19, “Akkomodazzjoni u assistenza għal persuni mingħajr dar”, u l-prinċipju 20 “Aċċess għal servizzi essenzjali” tiegħu,

wara li kkunsidra d-disa’ ħarsa ġenerali lejn l-esklużjoni fl-akkomodazzjoni fl-Ewropa 2024, ippubblikata f’Awwissu 2024 mill-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali li Jaħdmu mal-Persuni Mingħajr Dar (FEANTSA) u l-Fondazzjoni Abbé Pierre,

wara li kkunsidra l-Green Paper dwar it-Tixjiħ – Inrawmu solidarjetà u responsabbiltà bejn il-ġenerazzjonijiet, ippubblikata mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Jannar 2021 (COM(2021)0050),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni” (COM(2020)0620),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2021 bit-titolu “Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida – Sbuħija, Sostenibbiltà, Flimkien” (COM(2021)0573),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar l-aċċess għal akkomodazzjoni diċenti u affordabbli għal kulħadd (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-indirizzar tar-rati ta’ persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Frar 2022 dwar l-isfidi għaż-żoni urbani fl-era ta’ wara l-COVID-19 (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment – rapport annwali 2022 (15),

wara li kkunsidra l-proġett ESPON bit-titolu “Access to affordable and quality housing for all people” (Aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u ta’ kwalità għan-nies kollha),

wara li kkunsidra s-sett ta’ għodod tal-politika tal-akkomodazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar id-deċentralizzazzjoni/il-frammentazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-akkomodazzjoni soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport maħruġ minn Enrico Letta f’April 2024 bit-titolu “Much more than a market” (Ħafna aktar milli suq),

wara li kkunsidra r-rapport maħruġ minn Mario Draghi f’Settembru 2024 bit-titolu “The future of European competitiveness” (Il-futur tal-kompetittività Ewropea),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Istitut Federali Ġermaniż għar-Riċerka dwar il-Bini, l-Affarijiet Urbani u l-Iżvilupp tal-Ispazju ppubblikat fl-2022 bit-titolu “Housing Policies in the EU” (Il-Politiki dwar l-Akkomodazzjoni fl-UE),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol tat-18 ta’ Ottubru 2023 bit-titolu “Bridging the rural-urban divide: Addressing inequalities and empowering communities” (Neliminaw id-distakk rurali-urban: Nindirizzaw l-inugwaljanzi u nsaħħu l-pożizzjoni tal-komunitajiet),

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Eurostat bit-titolu “Housing in Europe – 2024 edition” (L-Akkomodazzjoni fl-Ewropa – edizzjoni tal-2024),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-ministri tal-UE responsabbli għall-akkomodazzjoni adottata f’Nizza fit-8 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Gijón adottata fl-okkażjoni tal-laqgħa ministerjali informali dwar l-akkomodazzjoni u l-iżvilupp urban fit-13 u l-14 ta’ Novembru 2023,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ La Hulpe dwar il-Futur tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iffirmata mill-istituzzjonijiet tal-UE, is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fis-16 ta’ April 2024,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Liège abbozzata u ffirmata minn atturi mhux statali Ewropej, inklużi bliet u reġjuni, NGOs, organizzazzjonijiet, riċerkaturi, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u negozji fil-Konferenza Ewropea tal-Ministri għad-Djar fl-ambitu tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill fil-5 ta’ Marzu 2024,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tas-7 ta’ Frar 2024 bit-titolu “EIB Investment Report 2023/2024” (Ir-Rapport tal-BEI dwar l-Investimenti 2023/2024),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tas-17 ta’ April 2024 bit-titolu “Akkomodazzjoni intelliġenti, sostenibbli u affordabbli bħala għodda għall-awtoritajiet lokali biex jindirizzaw diversi sfidi”  (16),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-5 ta’ Diċembru 2024 bit-titolu “L-akkomodazzjoni soċjali fl-UE – deċenti, sostenibbli u affordabbli”  (17),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tal-14 ta’ Mejju 2025 bit-titolu “Ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni fil-Pjan tal-UE għal Akkomodazzjoni Affordabbli”,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tal-21 ta’ Novembru 2024 bit-titolu “Politika ta’ Koeżjoni mġedda wara l-2027 li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura”  (18),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2025 bit-titolu “Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa” (COM(2025)0097),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2022 dwar il-gżejjer tal-UE u l-politika ta’ koeżjoni: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri (19),

wara li kkunsidra l-ittra ta’ missjoni tas-17 ta’ Settembru 2024 lil Dan Jørgensen, Kummissarju għall-Enerġija u għall-Akkomodazzjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A10-0139/2025),

A.

billi l-Istati Membri għandhom il-kompetenza fuq il-politika tal-akkomodazzjoni, madankollu l-qafas leġiżlattiv u regolatorju tal-UE għandu impatt fuqha;

B.

billi l-aċċess għall-akkomodazzjoni adegwata u d-dritt għall-assistenza soċjali u l-akkomodazzjoni huwa dritt fundamentali tal-bniedem, minqux fl-Artikoli 7 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà; billi l-akkomodazzjoni hija essenzjali għall-garanzija tad-dinjità tal-bniedem, l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ekonomika; billi 17 % tal-Ewropej jgħixu fi djar li ma joffrux spazju adegwat; billi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu l-potenzjal li jtejjeb il-ħajja tan-nies fl-UE, inkluż permezz ta’ politiki tal-akkomodazzjoni;

C.

billi f’dawn l-aħħar snin, il-prezzijiet tad-djar fl-UE żdiedu b’medja ta’ 48 %, prinċipalment minħabba żieda qawwija fil-prezzijiet tal-produtturi tal-kostruzzjoni għal residenzi ġodda bejn l-2010 u l-2023, rati ogħla ta’ ipoteki, tnaqqis fil-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni, li għandha provvista limitata, żieda fix-xiri ta’ proprjetajiet bħala investiment li jiġġenera introjtu addizzjonali, u nuqqas ta’ politiki adegwati fis-suq tad-djar; billi din is-sitwazzjoni ġiet aggravata minn ostakli burokratiċi u investiment insuffiċjenti f’akkomodazzjoni soċjali, affordabbli, pubblika u mingħajr skop ta’ qligħ;

D.

billi t-tkabbir esponenzjali reċenti tas-suq tal-kiri għal żmien qasir laqat b’mod negattiv lill-komunitajiet lokali f’destinazzjonijiet turistiċi popolari minħabba nuqqas ta’ akkomodazzjoni disponibbli, u kkontribwixxa għall-ġentrifikazzjoni, l-esklużjoni soċjali u ż-żieda fil-prezzijiet tal-kera;

E.

billi l-ippjanar u d-disinn ħażin fil-qasam pubbliku, it-tkabbir tat-tifrix urban u l-użu mhux xieraq tal-art irriżultaw fi tnaqqis fil-kwalità tal-bini fl-Ewropa kollha;

F.

billi ż-żieda fl-għoli tal-ħajja kompliet taggrava l-kriżi tal-akkomodazzjoni fl-2023, u l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni fl-UE qabżu l-40 % tal-introjtu nett għal 10,6 % tal-unitajiet domestiċi fl-ibliet u 7 % tal-unitajiet domestiċi fiż-żoni rurali (20); billi r-rata tal-piż eċċessiv tal-kost tal-akkomodazzjoni kienet għolja ħafna fil-bliet fl-Istati Membri tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana;

G.

billi skont stħarriġ tal-Ewrobarometru ta’ Lulju 2024, it-tħassib dwar iż-żieda fil-prezzijiet, l-għoli tal-ħajja u s-sitwazzjoni ekonomika kienu r-raġunijiet ewlenin li mmotivaw lin-nies biex jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej;

H.

billi l-politiki tal-UE u nazzjonali dwar l-akkomodazzjoni li jirnexxu għandhom ikunu bbażati fuq data aġġornata, affidabbli, komprensiva u armonizzata li tkopri l-prezzijiet tad-djar, it-tranżazzjonijiet tal-proprjetajiet, is-sjieda benefiċjarja, l-istrutturi tas-sjieda, il-proporzjonijiet ta’ akkomodazzjoni pubblika, privata mingħajr skop ta’ qligħ, il-kwalità tal-akkomodazzjoni u l-impatti ambjentali;

I.

billi n-nuqqas ta’ affordabbiltà tal-akkomodazzjoni jolqot proporzjon dejjem akbar tal-popolazzjoni u għandu impatt sproporzjonat fuq l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju; billi l-kirjiet li qed jogħlew b’rata mgħaġġla f’ħafna reġjuni tal-UE qed jaggravaw l-insigurtà tal-akkomodazzjoni u l-esklużjoni soċjali, b’mod partikolari f’ċerti ċentri urbani u żoni turistiċi ħafna;

J.

billi l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi biex jindirizzaw il-pressjonijiet tal-kera f’żoni turistiċi ħafna jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fil-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli fl-UE kollha; billi dawn il-miżuri jistgħu joffru soluzzjonijiet lil persuni li jaħdmu jew jistudjaw f’żoni turistiċi ħafna;

K.

billi l-għan ta’ Ewropa newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sa mhux aktar tard mill-2050 għandha tkun akkumpanjata mill-għan ta’ tranżizzjoni ekwa u ġusta; billi t-tniġġis tal-arja u tal-ilma, in-nuqqas ta’ ilma disponibbli u l-faqar enerġetiku b’mod ġenerali għadhom għoljin wisq f’ħafna reġjuni anqas żviluppati;

L.

billi l-kriżi tal-akkomodazzjoni li għaddejja bħalissa fl-UE qed tapprofondixxi l-esklużjoni soċjali billi tagħmel l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli, adegwata, sikura, aċċessibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija dejjem aktar diffiċli, speċjalment għall-gruppi vulnerabbli, inklużi l-minoranzi etniċi; billi minkejja t-tkabbir ekonomiku f’diversi reġjuni, il-livelli tal-pagi mhux dejjem żammew il-pass maż-żieda fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, u dan wassal għal għadd dejjem jikber ta’ “ħaddiema foqra” li ma jaffordjawx akkomodazzjoni adegwata; billi ż-żieda fl-ispejjeż u n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni aċċessibbli wasslu biex ħafna individwi u familji f’dawn il-gruppi vulnerabbli qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjoni finanzjarja u instabbiltà; billi dan ifixkel ukoll il-mobilità tal-ħaddiem u l-parteċipazzjoni soċjali, b’mod partikolari għal dawk li diġà jinsabu f’riskju ta’ marġinalizzazzjoni;

M.

billi l-UE bħalissa qed tonqos milli tilħaq l-impenn tagħha li ttemm il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar sal-2030, u huma meħtieġa aktar sforzi biex din il-mira tintlaħaq; billi l-għadd ta’ persuni mingħajr dar fl-Ewropa fl-2024 huwa stmat li kien kważi 1.3 miljun, inklużi 400 000 tifel u tifla; billi l-għadd ġenerali ilu jiżdied b’mod kostanti mill-2008, xprunat minn kriżi tal-akkomodazzjoni li qed tmur għall-agħar u inugwaljanza li kulma jmur qed tikber u li għandha impatt sproporzjonat fuq il-komunitajiet l-aktar vulnerabbli u emarġinati;

N.

billi l-protezzjoni tal-proprjetà privata hija rikonoxxuta fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi n-nuqqas ta’ rispett għall-proprjetà jolqot b’mod partikolari lill-komunitajiet u lis-sidien fuq skala żgħira; billi l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jġorru r-responsabbiltà li jindirizzaw id-drittijiet tas-sidien u l-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni tal-familji u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli;

O.

billi l-investiment f’akkomodazzjoni pubblika, soċjali u mingħajr skop ta’ qligħ għandu jiġi eskluż mir-restrizzjonijiet fiskali;

P.

billi l-persuni b’diżabbiltà sikwit jiffaċċjaw ostakli sproporzjonati fl-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli; billi n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà fl-akkomodazzjoni jaggrava l-esklużjoni soċjali u jżomm lill-persuni b’diżabbiltà milli jgħixu b’mod indipendenti u jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà; billi l-bidliet demografiċi fl-Ewropa jirrikjedu li l-politiki ta’ koeżjoni jagħtu prijorità lill-iżvilupp ta’ akkomodazzjoni adattata biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u tal-persuni b’diżabbiltà, filwaqt li jiġu żgurati kemm l-aċċessibbiltà kif ukoll l-inklużività; billi l-investiment tal-politika ta’ koeżjoni għandu jintegra d-dimensjoni tad-diżabbiltà fil-programmi kollha ta’ akkomodazzjoni biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha;

Q.

billi bħalissa ma teżistix definizzjoni maqbula ta’ “akkomodazzjoni affordabbli” fl-Istati Membri kollha; billi l-kunċett ta’ akkomodazzjoni affordabbli fil-livell tal-UE jitqies bħala “continuum tal-akkomodazzjoni”, li jinkludi l-akkomodazzjoni soċjali, l-akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli u s-sjieda ta’ dar affordabbli; billi dan in-nuqqas attwali ta’ definizzjoni miftiehma jista’ jkun ostaklu għall-investiment addizzjonali f’dan il-qasam;

R.

billi l-politiki tal-UE jinfluwenzaw l-akkomodazzjoni b’mod indirett permezz ta’ regolamenti dwar ir-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika, is-sostenibbiltà ambjentali, il-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-Istat u l-liġijiet tal-UE li jolqtu l-ispejjeż u l-veloċità tal-kostruzzjoni;

S.

billi l-akkomodazzjoni soċjali kienet tinkludi ’l fuq minn 14-il miljun abitazzjoni jew 8 % tal-istokk totali tal-akkomodazzjonijiet fl-UE fl-2021; billi s-sehem tal-akkomodazzjoni soċjali fl-istokk totali tal-akkomodazzjonijiet naqas bi 3 punti perċentwali mill-2010 ’l hawn, għalkemm l-għadd ta’ persuni vulnerabbli, inkluż il-persuni mingħajr saqaf fuq rashom u l-migranti, żdied b’mod sinifikanti; billi dan it-tnaqqis huwa relatat ma’ tnaqqis fil-bini ta’ akkomodazzjonijiet soċjali ġodda u l-privatizzazzjoni tal-istokk eżistenti, fejn l-abitazzjonijiet soċjali jiġu kkonvertiti f’akkomodazzjonijiet għall-kiri b’rata tas-suq;

T.

billi l-aċċess għall-art huwa prerekwiżit fundamentali għall-iżvilupp ta’ akkomodazzjoni affordabbli u mingħajr skop ta’ qligħ; billi l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom rwol ewlieni fit-tfassil tal-użu tal-art permezz tal-ippjanar urban u l-istrumenti regolatorji; billi jridu jiġu żviluppati u implimentati mekkaniżmi xierqa ta’ kontroll biex jiġi żgurat li proporzjon adegwat ta’ art ikun riżervat għal proġetti ta’ akkomodazzjoni affordabbli u mingħajr skop ta’ qligħ; billi tali miżuri huma kruċjali biex jiġu miġġielda l-pressjonijiet spekulattivi u jiġu żgurati s-sostenibbiltà, l-affordabbiltà u l-inklużività fit-tul tal-iżvilupp urban;

U.

billi l-inċertezzi legali u l-burokrazija fir-rigward tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat huma ostaklu kbir għall-investiment ta’ fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fl-akkomodazzjoni affordabbli, u billi l-Kummissjoni għandha twettaq riforma tad-Deċiżjoni tagħha tal-2011 dwar is-Servizz ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (SGEI) (21) biex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli lil hinn mill-akkomodazzjoni soċjali u biex tikkontribwixxi għall-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni;

V.

billi l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni (PK) tal-UE u l-istrumenti ta’ finanzjament tal-BEI huma sorsi importanti ħafna ta’ investiment tal-UE biex tiżdied il-provvista tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli fl-UE u r-reġjuni tagħna, billi jippromwovu interventi integrati biex tiġi żgurata kemm affordabbiltà akbar tal-akkomodazzjoni u koeżjoni soċjali fil-livelli urban u rurali; billi l-appoġġ totali tal-UE ta’ EUR 7,5 biljun allokat għall-akkomodazzjoni fl-ambitu tal-PK jirrappreżenta madwar 2 % tal-allokazzjoni totali tal-PK ta’ EUR 379 biljun għall-perjodu 2021-2027; billi l-PK weħidha ma tistax tirriżolvi l-kriżi tal-akkomodazzjoni attwali, minħabba li, skont l-analiżi ekonomika mwettqa għar-Rapport tal-BEI dwar l-Investimenti 2024/2025, id-diskrepanza fl-investiment fl-akkomodazzjoni affordabbli hija stmata li tammonta għal EUR 270 biljun fis-sena; billi l-fondi tal-PK għandhom jintużaw b’mod strateġiku u bi proċeduri effiċjenti u trasparenti; billi l-fondi pubbliċi għandhom jiġu kkomplementati billi jiġi attirat l-investiment privat;

W.

billi l-investiment tal-PK fl-akkomodazzjoni għandu jkun imsejjes fuq valutazzjoni bir-reqqa tas-swieq tal-akkomodazzjoni sabiex jiġu evitati effetti mhux intenzjonati, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-unitajiet domestiċi u s-sollijiet tal-affordabbiltà, u tingħata prijorità lill-għajxien tal-aktar gruppi soċjali vulnerabbli, jiġifieri, fost l-oħrajn, il-persuni li jsibu ruħhom mingħajr saqaf fuq rashom, dawk li jgħixu f’akkomodazzjoni inadegwata jew mhux sigura u l-persuni bi ħtiġijiet partikolari, inkluż in-nisa, iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-ġenituri weħidhom, u l-ħaddiema, l-unitajiet domestiċi u l-familji b’introjtu baxx u medju;

X.

billi l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli hija ffinanzjata primarjament mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll mill-utenti finali tad-djar; billi l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE sikwit ikunu kumplessi żżejjed jew inkella mhux adattati għall-ħtiġijiet lokali, u b’hekk jillimitaw l-aċċess għall-bliet u l-muniċipalitajiet; billi din l-iskonnessjoni xxekkel l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tal-akkomodazzjoni, speċjalment għall-gruppi vulnerabbli; billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala atturi ewlenin fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku, għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fit-tfassil tal-investiment tal-PK fl-akkomodazzjoni;

Y.

billi l-PK hija l-għodda ewlenija ta’ investiment tal-UE għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli fl-UE kollha, u tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs); billi s-settur tal-kostruzzjoni għandu jadotta mudelli ċirkolari u riġenerattivi; billi l-bini jirrappreżenta madwar 40 % tal-użu tal-enerġija u 36 % tal-emissjonijiet ta’ CO2 fl-UE, u dan ifisser li d-dekarbonizzazzjoni tiegħu permezz ta’ rinnovazzjoni fuq skala kbira hija essenzjali; billi ż-żieda fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-enerġija tenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ akkomodazzjoni affordabbli, pubblika jew mingħajr skop ta’ qligħ u ta’ rinnovazzjoni profonda biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku; billi tali investiment irid jappoġġja soluzzjonijiet ekoloġiċi u li ma jagħmlux ħsara lill-klima u jallinja mal-objettivi ambjentali tal-UE;

Z.

billi l-Liġi Ewropea dwar il-Klima tinkludi l-objettiv legali li l-UE tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050, u tistabbilixxi l-mira intermedja li l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-anqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990;

AA.

billi l-Parlament appella għal soluzzjonijiet biex jittejjeb il-qafas leġiżlattiv u ta’ finanzjament fil-livell tal-UE biex jiġi ffaċilitat l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli u jiġu żgurati d-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ permanenza għal kull ċittadin;

AB.

billi skont data tal-Eurostat tal-2021, 49 % taż-żgħażagħ tal-faxxa tal-età ta bejn 18 u 34 sena fl-UE kienu qed jgħixu mal-ġenituri tagħhom, minħabba l-ispejjeż kbar tal-akkomodazzjoni, id-diffikultà biex jaċċessaw l-ipoteki u l-insigurtà tal-impjiegi, u dan jenfasizza l-ħtieġa ta’ politiki li jindirizzaw l-insigurtà tal-akkomodazzjoni, u 17 % biss tal-istudenti kellhom aċċess għall-akkomodazzjoni tal-istudenti; billi din il-kriżi tal-akkomodazzjoni toħloq dewmien fit-tranżizzjoni taż-żgħażagħ għall-ħajja adulta, tillimita l-iżvilupp tagħhom u tolqot l-ekwità interġenerazzjonali; billi l-PK għandha tappoġġja l-prinċipju tad-dritt ta’ permanenza, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, billi ttejjeb l-aċċess għall-akkomodazzjoni affordabbli;

AC.

billi l-eżodu tal-imħuħ ikompli jolqot b’mod sproporzjonat lir-reġjuni inqas żviluppati, b’konsegwenzi fit-tul għall-koeżjoni u l-futur tal-UE; billi l-investiment fir-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni u s-servizzi essenzjali fiż-żoni rurali huwa kruċjali biex jiġi pprevenut l-eżodu rurali u biex jinżamm it-talent;

AD.

billi l-kriżi attwali tal-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni ġiet iggravata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li poġġew pressjoni addizzjonali fuq l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni permezz ta’ żidiet fl-ispejjeż tal-input u tfixkil fil-katina tal-provvista; billi d-diskrepanza bejn il-provvista u d-domanda tal-akkomodazzjoni ġiet aggravata mir-rwol sinifikanti li kellhom l-ispekulaturi fiż-żieda tal-prezzijiet tal-akkomodazzjoni u fil-ħolqien ta’ bżieżaq immobiljari, kif ukoll min-nuqqas ta’ investiment pubbliku f’akkomodazzjoni affordabbli u soċjali f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin;

AE.

billi l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) tippromwovi paradigma ġdida għall-ambjent mibni msejsa fuq is-sbuħija, is-sostenibbiltà u l-għaqda permezz tal-arkitettura, id-disinn u l-ippjanar tal-ispazji; billi fid-dawl tal-kriżi klimatika, l-inugwaljanzi soċjali, iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u l-impatt tal-gwerra u d-diżastri naturali, il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha sservi wkoll bħala għodda biex nimmaġinaw mill-ġdid u nadattaw l-ispazji pubbliċi u privati tagħna għall-isfidi attwali u futuri;

Ħarsa ġenerali tal-kriżi tal-akkomodazzjoni attwali fl-UE

1.

Jirrikonoxxi li l-UE għaddejja minn kriżi tal-akkomodazzjoni severa li mhijiex biss kwistjoni soċjali iżda wkoll sfida ekonomika, li taggrava l-inugwaljanzi eżistenti u tostakola r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jinnota barra minn hekk li minkejja li ż-żoni urbani u industrijali huma partikolarment milquta, il-kriżi tal-akkomodazzjoni testendi għar-reġjuni kollha, speċjalment dawk bi żvantaġġi ġeografiċi permanenti bħaż-żoni rurali u interni, il-gżejjer, ir-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni tal-fruntiera b’popolazzjonijiet kbar ta’ ħaddiema li jaqsmu l-fruntiera kuljum biex imorru għax-xogħol, u ż-żoni kostali u remoti, b’mod partikolari dawk f’riskju ta’ tnaqqis demografiku; jissottolinja l-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet imfassla apposta u investiment tal-PK li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u jirriflettu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u ġeografiċi uniċi tagħhom, filwaqt li jirrispettaw ukoll id-dritt ta’ permanenza taċ-ċittadini li jixtiequ jibqgħu fir-reġjuni ta’ oriġini tagħhom, peress li l-akkomodazzjoni hija essenzjali għall-garanzija tad-dinjità tal-bniedem, l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ekonomika; jinnota li n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni adegwata jista’ jiskoraġġixxi lill-ħaddiema milli jidħlu fis-suq tax-xogħol reġjonali u jikkontribwixxi għan-nases fl-iżvilupp reġjonali;

2.

Jirrikonoxxi li l-kriżi tal-akkomodazzjoni ma timmanifestax ruħha b’mod uniformi fl-Ewropa, iżda tvarja b’mod sinifikanti bejn ir-reġjuni; jinnota li ż-żoni rurali tal-UE jkopru 83 % tat-territorju tal-UE u fihom joqogħdu madwar 137 miljun ruħ; jenfasizza l-fatt li dawn in-nies qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi enormi fl-akkomodazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjoni tal-istokk ta’ akkomodazzjoni eżistenti, l-aċċess limitat għall-kostruzzjonijiet ġodda u d-depopolazzjoni; jirrikonoxxi l-fatt li n-nuqqas ta’ infrastruttura pubblika fiż-żoni rurali, inkluża l-akkomodazzjoni, inaqqas l-attrazzjoni ta’ dawn iż-żoni għaċ-ċittadini u jenfasizza li l-PK tista’ tkun għodda sinifikattiva biex l-Ewropej jiġu attirati lejn iż-żoni rurali, b’mod partikolari billi tindirizza l-iskarsezzi ta’ akkomodazzjoni u l-bidla demografika, inkluż popolazzjoni li qed tixjieħ; jissottolinja l-isfidi uniċi tal-akkomodazzjoni li jiltaqgħu magħhom il-muniċipalitajiet ta’ daqs medju u żgħar, bħall-aċċess ristrett għar-riżorsi finanzjarji, l-infrastruttura inadegwata u l-kapaċità istituzzjonali limitata; jipproponi, f’dan il-kuntest, li tiżdied id-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni adattata għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni akbar fl-età, filwaqt li jitrawwem għajxien indipendenti filwaqt li jiġu promossi l-interazzjoni soċjali, l-appoġġ interġenerazzjonali, u sens ta’ komunità biex tiġi miġġielda s-solitudni mhux mixtieqa; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji mmirati fl-ambitu tal-PK biex tindirizza l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw iż-żoni rurali, bħall-bini vakanti, u l-ħtieġa ta’ rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija, akkomodazzjoni b’emissjonijiet żero netti u l-promozzjoni ta’ mudelli ta’ akkomodazzjoni multiġenerazzjonali, sabiex tiġi prevenuta d-depopolazzjoni rurali u tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali, u b’hekk il-benefiċjarji jingħataw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jeżerċitaw id-dritt ta’ permanenza tagħhom;

3.

Jenfasizza li l-kriżi tal-akkomodazzjoni fl-UE hija partikolarment severa fil-gżejjer u fir-reġjuni ultraperiferiċi, fejn il-limitazzjonijiet strutturali u ġeografiċi, il-pressjoni spekulattiva mit-turiżmu u n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni pubblika jaggravaw is-sitwazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ miżuri tal-PK imfassla apposta għal dawn ir-realtajiet speċifiċi, f’konformità mal-Artikoli 174 u 349 tat-TFUE; jissottolinja li l-gżejjer jiffaċċjaw żvantaġġi permanenti li jxekklu l-konverġenza territorjali, soċjali u ekonomika, u jirrikjedu finanzjament ta’ koeżjoni msaħħaħ u politiki tal-akkomodazzjoni mmirati; jenfasizza l-fatt li l-investiment fl-akkomodazzjoni jrid ikun akkumpanjat minn infrastruttura mtejba fis-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi pubbliċi u l-konnettività biex il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi jsiru attraenti u jiġi żgurat id-dritt tan-nies li jibqgħu hemm;

4.

Jinsab konvint li bl-allinjament tal-politiki dwar l-akkomodazzjoni mal-PK, jista’ jsir progress sinifikanti fl-indirizzar tad-disparitajiet reġjonali u soċjali, tal-isfidi demografiċi, tal-kriżi tal-akkomodazzjoni u fl-iżgurar ta’ żvilupp reġjonali bbilanċjat fl-UE kollha, u l-bliet u r-reġjuni tagħha; jenfasizza li l-PK mhijiex l-unika soluzzjoni għall-kriżi tal-akkomodazzjoni u li rridu nesploraw strumenti u sorsi oħra ta’ finanzjament tal-UE u investiment privat, inkluż il-BEI, li jistgħu jgħinu biex tiġi indirizzata l-kriżi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inċentivat l-involviment tas-settur privat u l-investiment fil-proprjetà biex tiżdied id-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistimulaw is-sħubijiet pubbliċi-privati fi proġetti ta’ kostruzzjoni tad-djar, inkluż l-iżvilupp tal-infrastruttura fuq art vijabbli u l-użu mill-ġdid ta’ bini pubbliku li ma jintużax biżżejjed, filwaqt li jsir użu sħiħ mill-fondi tal-PK u strumenti oħra ta’ finanzjament appoġġjati mill-BEI; jappoġġja l-ħolqien ta’ faċilità ta’ investiment iddedikata tal-BEI biex tiffinanzja l-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli u t-titjib fl-effiċjenza enerġetika; jirrakkomanda, barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ inċentivi u għodda finanzjarji innovattivi biex jiġi ingranat l-investiment tas-settur privat flimkien mal-finanzjament pubbliku fil-proġetti ta’ akkomodazzjoni affordabbli; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat għas-sidien, is-sidien fuq skala żgħira, u l-iżviluppaturi biex itejbu l-istokk ta’ akkomodazzjoni eżistenti u jespandu d-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni affordabbli, filwaqt li jinżamm il-bilanċ bejn is-settur pubbliku u dak privat;

6.

Jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment, fl-ambitu tal-pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli futur, ta’ pjattaforma ta’ investiment tal-UE għall-akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli permezz tas-sħubija tal-BEI ma’ banek promozzjonali nazzjonali u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali tal-Ewropa biex jiġu żviluppati opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament għall-akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli, biex jiġu ingranati fondi addizzjonali tal-PK, baġits nazzjonali, reġjonali u lokali, investiment pubbliku u privat u biex jiġu pprovduti servizzi u appoġġ ta’ konsulenza u mfassla apposta li jkopru l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-proġett u lil hinn; jissottolinja li din il-pjattaforma għandha tiġi kkoordinata mal-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni mingħajr Dar (EPOCH) sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar permezz ta’ strateġiji integrati fil-livell tal-UE; jirrakkomanda li l-BEI jikkollabora mal-awtoritajiet maniġerjali tal-PK biex jiġu żviluppati strumenti finanzjarji li jiżguraw l-investiment fit-tul fl-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli; jenfasizza li l-iżviluppaturi tal-propjetà u l-kooperattivi mingħajr skop ta’ qligħ u l-awtoritajiet lokali għandu jkollhom aċċess għal self fit-tul b’rati tal-imgħax baxxi sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli;

7.

Jirrikonoxxi li s-settur tal-kostruzzjoni, li għandu rwol kruċjali fl-indirizzar tal-kriżi tal-akkomodazzjoni permezz tal-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ akkomodazzjoni aktar sostenibbli, huwa wieħed mill-gruppi professjonali ewlenin li jbatu minn skarsezzi ta’ ħaddiema, u jitlob miżuri mmirati biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-akkomodazzjoni tal-forza tax-xogħol tas-settur tal-kostruzzjoni; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-FSE+ biex jindirizzaw l-iskarsezza ta’ ħaddiema tas-sengħa fis-setturi tal-kostruzzjoni u tar-rinnovazzjoni, u jirrikonoxxi li forza tax-xogħol estiża u b’livell għoli ta’ ħiliet hija kruċjali biex tiżdied il-provvista tal-akkomodazzjoni, tittejjeb l-affordabbiltà u biex jiġu xprunati l-kompetittività u l-innovazzjoni fl-industrija tal-kostruzzjoni Ewropea, speċjalment billi jiġu żviluppati negozji ġodda bbażati fuq ir-riċerka dwar materjali ġodda;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, jagħmlu użu mill-FSE+ biex jappoġġjaw it-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll programmi mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid biex il-ħaddiema jiġu mgħammra bl-għarfien espert meħtieġ fil-kostruzzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija, fir-rinovazzjoni sostenibbli tal-akkomodazzjoni u f’teknoloġiji tal-bini ġodda; iqis li huwa kruċjali, f’dan il-kuntest, li l-kwalifiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni jikkontribwixxu għall-isforz biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fit-tul ta’ ħaddiema fl-Istati Membri; jirrikonoxxi, barra minn hekk, il-ħidma u l-isforz tal-persuni li jaħdmu għal rashom, li bħala l-forza tax-xogħol ewlenija fis-settur, jirrikjedu protezzjoni speċjali;

9.

Jenfasizza l-fatt li n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli qed isir dejjem aktar ostaklu għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fl-UE, bil-ħaddiema, speċjalment il-professjonisti żgħażagħ, il-ħaddiema essenzjali u l-ħaddiema b’introjtu baxx, li qed ibatu biex isibu akkomodazzjoni adegwata, deċenti u affordabbli qrib il-postijiet tax-xogħol tagħhom, u dan qed jaggrava l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri; jipproponi li l-finanzjament għandu jappoġġja wkoll soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni temporanja għall-ħaddiema mobbli, għall-istudenti u għall-familji żgħażagħ biex jissaħħu l-koeżjoni soċjali u l-mobbiltà ekonomika;

10.

Ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta l-ewwel pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli biex tappoġġja lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-kriżi tal-akkomodazzjoni, u jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll is-soċjetà ċivili, iridu jkunu involuti fit-tfassil tiegħu, biex jirriflettu r-realtajiet esperjenzati; jenfasizza li l-pjan għandu jinkludi miżuri speċifiċi u servizzi mfassla apposta biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-problema ta’ persuni mingħajr dar, bħall-mudell “l-akkomodazzjoni l-ewwel”, b’mod li jikkomplementa l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE u f’konformità mal-impenji meħuda fl-ambitu tal-EPOCH;

11.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest attwali tal-falliment tas-suq tal-akkomodazzjoni u minħabba ċ-ċirkostanzi esterni, biex jappoġġjaw l-investiment pubbliku, u b’mod partikolari l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali magħmul mill-PK u minn strumenti finanzjarji, bħal self, garanziji u ekwità f’akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, inkluż f’akkomodazzjoni affordabbli għall-istudenti; jissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb ir-relazzjoni bejn il-PK u l-governanza ekonomika tal-UE, filwaqt li jiġi evitat approċċ punittiv; jisħaq li s-Semestru Ewropew għandu jikkonforma mal-objettivi tal-PK skont l-Artikolu 174 u l-Artikolu 175 tat-TFUE, peress li dawn huma essenzjali għall-benesseri soċjetali futur u fit-tul;

12.

Jappella lill-Kummissjoni biex tipproponi skemi ta’ għajnuna mill-Istat prekostitwiti biex tiffaċilita l-awtorizzazzjoni rapida ta’ miżuri ta’ appoġġ fil-livell nazzjonali jew f’dak tal-UE, skont kif ikun xieraq; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-istrumenti ta’ assistenza teknika fl-ambitu tal-PK biex jittejjeb il-fehim ta’ kif ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw għall-fornituri tal-akkomodazzjoni soċjali, pubblika, mingħajr skop ta’ qligħ u kooperattiva, u li tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta’ proġetti dwar akkomodazzjoni affordabbli żviluppati f’kollaborazzjoni bejn il-BEI u l-Kummissjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-aċċess għall-informazzjoni, l-iskambju tal-għarfien dwar l-istrumenti finanzjarji tal-UE għall-akkomodazzjoni, u appoġġ konsultattiv imfassal apposta għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proġetti, inkluż permezz tal-Pjattaforma ta’ Investiment Pan-Ewropea għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli;

13.

Jissuġġerixxi t-titjib tal-għodda statistika fil-livell tal-UE biex tiġi aċċessata d-data dwar l-allokazzjonijiet tal-fondi tal-PK għall-akkomodazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi adottat malajr ir-regolament propost dwar l-istatistika Ewropea relatata mal-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni, biex ikun jista’ jsir tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza u allokazzjoni aħjar tar-riżorsi ta’ koeżjoni, u jitlob lill-Eurostat jimmonitorja x-xejriet tal-investiment ta’ koeżjoni, l-iżbilanċi territorjali u l-effetti tat-turiżmu u tal-kirjiet għal żmien qasir; jappella, barra minn hekk, għal kooperazzjoni msaħħa mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-użu tal-fondi tal-PK għal akkomodazzjoni affordabbli, filwaqt li jirrakkomanda li din id-data tiġi integrata fil-programmazzjoni tal-PK futura biex jiġu indirizzati l-affordabbiltà u d-diskrepanzi fl-investiment;

14.

Iqis li l-introjtu mill-kiri jista’ jkun element strutturali li jissupplimenta l-introjtu taċ-ċittadini f’mument ta’ inċertezza ekonomika; jenfasizza l-ħtieġa ta’ rekwiżiti ta’ trasparenza għal tranżazzjonijiet ta’ investimenti tal-proprjetà immobbli fuq skala kbira, u l-monitoraġġ ta’ prodotti finanzjarji marbuta mas-swieq tal-akkomodazzjoni;

Politika ta’ koeżjoni 2021-2027 aġġornata biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-akkomodazzjoni

15.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-fondi tal-PK fil-livell nazzjonali u dak reġjonali jikkunsidraw li jużaw ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-PK fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 bħala opportunità biex mill-inqas jirduppjaw il-fondi allokati għal akkomodazzjoni affordabbli, filwaqt li jiżguraw approċċ aktar ibbilanċjat bejn l-akkomodazzjoni ġdida u l-interventi favur l-effiċjenza enerġetika, u jsaħħu aċċess aktar dirett għall-finanzjament tal-UE għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll għall-awtoritajiet tal-bliet u dawk urbani; jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-akkomodazzjoni biex jipprovdu soluzzjonijiet addizzjonali u li jagħmlu użu mill-possibbiltajiet attwali ta’ trasferiment tal-allokazzjonijiet bejn il-fondi tal-PK biex iżidu dan l-investiment u jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi ħalli jaċċelleraw l-investiment fl-akkomodazzjoni; ifakkar, madankollu, li ċ-ċaqliq tar-riżorsi fil-PK waħdu mhux se jsolvi l-kriżi tal-akkomodazzjoni, u li r-rwol fundamentali tal-politika ta’ koeżjoni biex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jrid jiġi rispettat bis-sħiħ; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi disponibbli permezz ta’ Next Generation EU, il-BEI u l-PK biex iżidu l-investiment tagħhom fl-akkomodazzjoni u fis-servizzi assoċjati;

16.

Ifakkar li l-kompetenza għall-akkomodazzjoni hija f’idejn l-Istati Membri u hija, fil-biċċa l-kbira, ġestita mill-awtoritajiet reġjonali u lokali; jisħaq li l-kriżi tal-akkomodazzjoni għandha tiġi indirizzata filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, ibda mil-livell lokali u b’rispett speċifiku għall-awtoritajiet reġjonali u lokali f’dan il-qasam; jappella, għalhekk, għal appoġġ flessibbli tal-UE li jallinja mal-ispeċifiċitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; ifakkar fl-importanza li jiġu rispettati bis-sħiħ il-prinċipju tas-sħubija, il-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija, u l-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli fil-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ kollha, u fi kwalunkwe riprogrammazzjoni tal-PK, filwaqt li jiġi żgurat l-involviment attiv tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u ta’ partijiet interessati oħra; jappella lill-Kummissjoni biex tevita ċ-ċentralizzazzjoni eċċessiva tal-programmi ta’ finanzjament fil-livell nazzjonali u toħloq aktar opportunitajiet biex l-awtoritajiet lokali jidentifikaw u jużaw b’mod xieraq il-fondi tal-PK fil-qasam tal-akkomodazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ l-investiment fil-bini tal-kapaċità amministrattiva, speċjalment għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jingħata lok għall-ġestjoni deċentralizzata effettiva u għat-twassil tal-fondi tal-UE;

17.

Jirrikonoxxi li ż-żieda fil-prezzijiet tad-djar tirriżulta minn diversi fatturi, inklużi l-provvista limitata, l-ostakli burokratiċi eċċessivi, in-nuqqas ta’ ħaddiema u d-dinamika tas-suq, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jibbilanċjaw l-affordabbiltà maċ-ċertezza legali u l-inċentivi għall-investiment; jirrakkomanda strumenti simplifikati u effettivi tal-PK biex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali fl-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli, u jappella għas-simplifikazzjoni, it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-fondi tal-PK; jissuġġerixxi li l-entitajiet lokali jiġu appoġġjati permezz ta’ piżijiet amministrattivi mnaqqsa; jappella lill-Kummissjoni biex tirrieżamina r-regolamenti eżistenti li għandhom impatt fuq is-setturi tal-kostruzzjoni u tar-rinnovazzjoni, u tidentifika l-ostakli marbuta, fost l-oħrajn, mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat li jdewmu l-proġetti ffinanzjati mill-fondi tal-PK;

18.

Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri identifikaw l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni bħala prijorità; jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra n-nuqqas attwali ta’ affordabbiltà tal-akkomodazzjoni bħala fenomenu fit-tul u tipproponi reviżjoni tar-regolamenti attwali dwar il-FEŻR/il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FSE+ u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta biex tappoġġja investimenti mmirati lejn il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-kriżi tal-akkomodazzjoni, b’mod partikolari fil-bliet, filwaqt li tinnota wkoll l-isfidi speċifiċi għas-suq tal-akkomodazzjoni fiż-żoni rurali u fil-gżejjer; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-fondi pubbliċi tal-UE jikkomplementaw l-investimenti nazzjonali; jappella għal qafas regolatorju li jinkoraġġixxi r-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni mingħajr ma tiġi mminata d-disponibbiltà tas-suq; jisħaq li l-fondi tal-PK għall-akkomodazzjoni jridu jallinjaw mal-għanijiet ta’ politika, jevitaw is-sovrapopolazzjoni urbana u jappoġġjaw l-isforzi biex tiġi miġġielda d-depopolazzjoni fir-reġjuni fejn din hija problema; jissuġġerixxi li jiġu indirizzati kemm id-depopolazzjoni kif ukoll in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni permezz ta’ proġetti ta’ konnettività mtejba; iqis li dan it-tip ta’ investiment għandu jimxi id f’id mal-forniment ta’ servizzi bażiċi oħra bħas-servizzi tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-enerġija u tal-ilma; jisħaq, b’mod partikolari, fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat l-impatt tal-kostijiet tal-akkomodazzjoni fuq il-persuni qiegħda, il-familji b’ġenitur wieħed u ż-żgħażagħ f’riskju ta’ faqar u li jiġu evitati r-riskju tal-esklużjoni soċjali u l-fenomenu “barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ” (NEET), bl-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tiġi promossa l-koeżjoni soċjali;

19.

Jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tinkludi objettivi flessibbli u speċifiċi ġodda dwar l-akkomodazzjoni pubblika, mingħajr skop ta’ qligħ, soċjali, affordabbli, kooperattiva u sostenibbli fir-reviżjoni tar-regolamenti tal-FSE+ u tal-FEŻR-FK, b’mod partikolari fi ħdan l-objettiv ta’ politika 2 tal-PK għall-2021-2027 dwar Ewropa aktar ekoloġika u ħielsa mill-karbonju, l-objettiv ta’ politika 4 dwar Ewropa aktar soċjali u l-objettiv ta’ politika 5 dwar Ewropa eqreb taċ-ċittadini, sabiex tiġi ffinanzjata azzjoni dwar in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni, jittejbu l-kwalità u s-sostenibbiltà tal-akkomodazzjoni, jitnaqqsu l-kostijiet tal-enerġija, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx li fihom il-persuni qiegħda, il-ġenituri waħedhom, in-nisa waħedhom u l-inkwilini, fost l-oħrajn, ikunu rappreżentati b’mod sproporzjonat, u jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli, sostenibbli u deċenti; jenfasizza li dawn l-objettivi speċifiċi jridu jiġu implimentati f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali fejn jintużaw l-investimenti, filwaqt li jiġi żgurat l-allinjament mal-istrateġiji ta’ żvilupp territorjali sostenibbli tagħhom, u jissuġġerixxi li tali investimenti jiġu inklużi fit-tassonomija tar-Regolament (UE) 2019/2088 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (22), f’konformità mal-Artikolu 9 tiegħu; f’dan il-kuntest, jappella lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jippromwovu l-inklużjoni ta’ akkomodazzjoni affordabbli, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, fi proġetti ġodda ta’ kostruzzjoni, b’mod li jirrifletti l-ħtiġijiet tas-suq tal-akkomodazzjoni lokali u ċ-ċirkostanzi soċjali, filwaqt li tiġi żgurata l-flessibbiltà tal-Istati Membri biex jiddefinixxu miri nazzjonali jew reġjonali xierqa;

20.

Jappella lill-Kummissjoni biex tipproponi t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-fondi tal-PK, lil hinn mill-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika jew tal-enerġija rinnovabbli fl-akkomodazzjoni u fl-akkomodazzjoni soċjali, biex tinkludi l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u r-rinnovazzjoni, u biex tintegra approċċi innovattivi u sostenibbli li jżidu l-affordabbiltà, bħat-trusts ta’ art komunitarja, il-kooperattivi u l-mudelli ta’ kera bbażata fuq il-kostijiet filwaqt li tiżgura soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni li jallinjaw mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari li jrawmu settur tal-akkomodazzjoni aktar responsabbli mil-lat ambjentali; jappella, barra minn hekk, biex ir-riżorsi tal-FSE+ jappoġġjaw miżuri komplementari bħal allowances għall-akkomodazzjoni għall-inkwilini u inizjattivi ta’ inklużjoni soċjali marbuta ma’ akkomodazzjoni affordabbli; jissuġġerixxi li jiżdiedu l-miżuri speċifiċi biex tiġi evitata u indirizzata l-problema ta’ persuni mingħajr dar, jiġi promoss il-mudell “l-akkomodazzjoni l-ewwel” u jiġi żgurat li l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx li jgħixu f’akkomodazzjoni mhux adatta u faqar enerġetiku jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-rinnovazzjoni;

21.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-investiment tal-PK fl-akkomodazzjoni jinkludi miżuri mmirati biex jappoġġjaw liż-żgħażagħ, lill-familji b’ġenitur wieħed u b’introjtu baxx, lill-anzjani, lin-nisa, lit-tfal u lill-gruppi emarġinati affettwati minn vjolenza jew diskriminazzjoni biex jaċċessaw akkomodazzjoni affordabbli, sikura u adegwata; jissottolinja li l-appoġġ għall-akkomodazzjoni jrid ikun parti minn qafas usa’ għall-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali, li jiżgura l-aċċessibbiltà, is-sigurtà u d-dinjità għall-gruppi vulnerabbli kollha; jisħaq li l-użu tal-fondi tal-UE għall-proġetti tal-akkomodazzjoni jrid jevita milli jikkontribwixxi għas-segregazzjoni jew l-esklużjoni soċjali;

22.

Jappella għal aċċess aħjar għall-finanzjament biex jiġi appoġġjat l-investiment fit-tranżizzjoni tal-enerġija lokali, inklużi l-effiċjenza enerġetika, id-distribuzzjoni deċentralizzata tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkompli jiżdied u jiġi ssimplifikat aħjar l-investiment tal-PK fl-akkomodazzjoni soċjali, pubblika u mhux għall-profitt, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, adegwata, deċenti u affordabbli, kif ukoll fl-indirizzar tal-problema ta’ persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintegraw bis-sħiħ l-istrateġija “mewġa ta’ rinnovazzjoni” fil-politiki tal-akkomodazzjoni, filwaqt li jiżguraw li r-rinnovazzjonijiet jiffukaw mhux biss fuq l-effiċjenza enerġetika u fuq l-indirizzar tal-pontijiet termali iżda wkoll fuq it-trasformazzjoni ta’ bini sottoutilizzat u abbandunat f’akkomodazzjoni affordabbli u aċċessibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita s-sħubijiet pubbliċi-privati permezz tal-istrateġija “mewġa ta’ rinnovazzjoni” għal proġetti ta’ tiġdid urban fuq skala kbira, u jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE jappoġġjaw b’mod adegwat l-akkomodazzjoni pubblika u mingħajr skop ta’ qligħ, is-sidien tad-djar, is-sidien tal-kera, is-sidien ta’ proprjetà żgħira, u l-iżviluppaturi fit-titjib tal-istokk ta’ akkomodazzjoni eżistenti;

23.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tipproponi rata ta’ kofinanzjament addizzjonali sa 100 % u prefinanzjament eċċezzjonali fir-rigward ta’ diversi prijoritajiet immirati dwar l-akkomodazzjoni affordabbli, u li l-investimenti fl-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni jitqiesu fi ħdan ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika u l-infiq relatat mal-klima;

24.

Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi qafas komuni flessibbli tal-UE ta’ eliġibbiltà għal akkomodazzjoni soċjali u affordabbli bi kriterji trasparenti u nondiskriminatorji li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jtejbu l-effettività tal-interventi preventivi billi jidentifikaw gruppi fil-mira possibbli, bħall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju li ma jistgħux jiksbu akkomodazzjoni bil-kundizzjonijiet tas-suq, jew minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom jew minħabba l-ħtiġijiet speċjali tagħhom, inklużi l-persuni b’diżabilità, iż-żgħażagħ jew l-anzjani u l-persuni li jeħtieġu appoġġ mill-FEŻR-FK u mill-FSE+ biex jaċċessaw akkomodazzjoni residenzjali li tkun adattata għall-ħtiġijiet tagħhom, li tissodisfa standards ta’ kwalità xierqa u li tiġi pprovduta b’mod affordabbli; jappella biex tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ, speċjalment f’żoni fejn il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ ikomplu jgħixu fid-dar tal-familja; jipproponi l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ “twissija bikrija”, inkluż permezz ta’ għodod bħall-intelliġenza artifiċjali, biex jiġu antiċipati r-riskji tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ il-prinċipji tat-trasparenza, tal-protezzjoni tad-data u tan-nondiskriminazzjoni;

25.

Jenfasizza li l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata, deċenti u affordabbli huwa dritt soċjali fundamentali u prerekwiżit għall-parteċipazzjoni soċjali u ekonomika u għall-benesseri, u jappella biex il-kunsiderazzjonijiet tal-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni jiġu integrati fil-politiki soċjali u tal-impjiegi rilevanti kollha tal-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu promossi politiki orjentati lejn il-familja; jipproponi l-ħolqien ta’ karta Ewropea li tiċċara r-rwol tal-gvernijiet nazzjonali fir-rikonoxximent u fl-applikazzjoni tal-akkomodazzjoni bħala dritt soċjali;

26.

Jinnota li jekk l-għotjiet tal-FEŻR-FK, tal-FSE+ u tal-JTF jiġu kkombinati u kkomplementati mal-istrumenti finanzjarji tal-BEI, dan jista’ jikkontribwixxi biex jiżdiedu l-effett ta’ ingranaġġ tal-investimenti u l-aċċess għall-finanzjament għall-iżviluppaturi tal-proprjetà, għall-bennejja u għall-benefiċjarji finali; jappoġġja l-ħolqien ta’ faċilità ddedikata għall-akkomodazzjoni fi ħdan l-istruttura tal-istrumenti finanzjarji tal-BEI; jisħaq li s-simplifikazzjoni tal-fondi u t-trasparenza fl-użu tal-fondi huma essenzjali għall-użu effiċjenti u strateġiku tal-investimenti, u għal effett multiplikatur tal-isforzi finanzjarji;

27.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-BEI jinkludu mekkaniżmi ta’ allokazzjoni stretti, trasparenti, inklużivi u ġusti, kif ukoll kundizzjonijiet soċjali u sostenibbli għall-benefiċjarji finali tal-fondi u l-istrumenti finanzjarji tal-UE; jisħaq li għandu jiġi segwit approċċ ibbilanċjat li jinvolvi kemm l-akkomodazzjoni pubblika kif ukoll dik mingħajr skop ta’ qligħ u l-parteċipazzjoni tas-settur privat permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati biex jiġi ottimizzat l-istokk tad-djar u jiġi żgurat l-użu effiċjenti tar-riżorsi; huwa tal-fehma li l-programmi ta’ akkomodazzjoni affordabbli jistgħu jinkludu – iżda m’għandhomx ikunu limitati għal – sjieda pubblika ta’ proprjetajiet, art u bini li huma proprjetà ta’ awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali; iqis li, għal tali fini, l-entitajiet pubbliċi għandhom jitħallew ikollhom aċċess għas-settur privat, taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jiġi żgurat ukoll appoġġ qawwi għall-fornituri tal-akkomodazzjoni soċjali u entitajiet oħra mingħajr skop ta’ qligħ involuti fil-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli; jissottolinja l-importanza li tingħata prijorità lill-gruppi bl-anqas introjtu li huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-kostijiet tal-akkomodazzjoni;

L-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni fil-politika ta’ koeżjoni futura wara l-2027

28.

Jinnota li l-investiment f’akkomodazzjoni affordabbli, deċenti, aċċessibbli u sostenibbli, inklużi miżuri bħal akkomodazzjoni soċjali, pubblika u mingħajr skop ta’ qligħ u l-iskemi ta’ kiri affordabbli għall-persuni vulnerabbli, għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju u b’mod partikolari għall-familji numerużi, għandu jkun waħda mill-prijoritajiet strateġiċi tal-fondi ta’ koeżjoni tal-UE li jmiss fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss wara l-2027 u li l-istrateġija “mewġa ta’ rinnovazzjoni” trid tkun ankrata fi programmi regolari tal-PK biex tiġi żgurata l-kontinwità tagħha mingħajr ma jiġu imposti piżijiet eċċessivi fuq is-sidien tal-proprjetà; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ standards ta’ aċċessibbiltà vinkolanti u disinn universali fil-proġetti kollha ta’ akkomodazzjoni ffinanzjati mill-UE, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, filwaqt li tingħata prijorità lill-investimenti fl-adattamenti tal-akkomodazzjoni, fit-teknoloġiji ta’ assistenza intelliġenti, u fir-rinnovazzjonijiet li jippermettu għajxien indipendenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ u lill-ġenerazzjonijiet futuri, speċjalment f’żoni fejn il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ mhumiex ekonomikament indipendenti u jkomplu jgħixu fid-dar tal-familja, b’mod partikolari l-istudenti u l-professjonisti fil-bidu tal-karriera tagħhom, billi jiġu appoġġjati ħalli jibdew ħajja indipendenti;

29.

Jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa gwida komprensiva għall-Istati Membri dwar l-ingranaġġ ta’ approċċi plurifondi integrati, biex jappoġġjaw investimenti fuq skala kbira f’akkomodazzjoni affordabbli u soċjali, fl-infrastruttura relatata u fis-servizzi bbażati fil-komunità li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni territorjali; jisħaq fuq l-importanza li tintuża taħlita xierqa ta’ għotjiet u strumenti finanzjarji, filwaqt li jirrikonoxxi li l-għotjiet huma kruċjali biex jiġu appoġġjati l-miżuri ta’ inklużjoni soċjali għall-inkwilini; iqis li, flimkien mal-finanzjament tal-PK, strumenti oħra bħal Orizzont Ewropa jistgħu jappoġġjaw proġetti ta’ riċerka u żvilupp fis-settur tal-kostruzzjoni u fit-teknoloġiji relatati biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-akkomodazzjoni; jappella lill-Kummissjoni biex taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali ħalli tissimplifika r-regoli ta’ finanzjament u l-proċeduri ta’ applikazzjoni u tipprovdi aċċess aktar rapidu għall-fondi għal proġetti ta’ akkomodazzjoni affordabbli;

30.

Jinnota li l-investiment f’akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli għall-popolazzjonijiet f’żoni b’karatteristiċi demografiċi partikolari għandu jkun prijorità strateġika oħra tal-fondi ta’ koeżjoni tal-UE li jmiss fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss mill-2027;

31.

Jappella lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe finanzjament ta’ akkomodazzjoni affordabbli ma jipperikolax il-kontribuzzjonijiet tal-infiq fuq il-klima fil-qafas tal-PK;

32.

Jissottolinja l-importanza li jiġu protetti ċ-ċentri storiċi tal-bliet u jiġi ppreżervat il-wirt storiku u kulturali Ewropew meta jitfasslu inizjattivi dwar l-akkomodazzjoni u l-effiċjenza enerġetika; jenfasizza l-potenzjal enormi għar-rinnovazzjoni sostenibbli ta’ bini vojt u antik, filwaqt li jenfasizza wkoll l-effiċjenza fir-riżorsi, il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli, u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, b’mod partikolari fl-irħula u l-komunitajiet żgħar; jappella biex il-PK tappoġġja b’mod attiv ir-rinnovazzjonijiet għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-investiment f'akkomodazzjoni affordabbli li jippromwovi emissjonijiet żero netti, f’konformità mad-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija; jappella, barra minn hekk, għal inċentivi, inkluż appoġġ fiskali u tekniku għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex jiġu promossi r-rinnovazzjoni u l-użu mill-ġdid ta’ bini mhux użat jew abbandunat, filwaqt li tiżdied il-provvista tal-akkomodazzjoni mingħajr użu addizzjonali tal-art;

33.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-isfidi tal-akkomodazzjoni li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, li jiltaqgħu ma’ ostakli dejjem akbar biex jaċċessaw akkomodazzjoni affordabbli, b’mod partikolari f’żoni urbani b’domanda għolja u f’reġjuni b’qgħad għoli fost iż-żgħażagħ; jissottolinja l-ħtieġa li l-Fond Soċjali għall-Klima jiġi integrat aktar mill-qrib mal-istrumenti tal-PK, b’mod partikolari biex jiġi appoġġjat l-investiment f’akkomodazzjoni soċjali u affordabbli u biex tingħata assistenza mmirata ħalli l-kirjiet isiru aktar affordabbli għaż-żgħażagħ; jisħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ u l-familji żgħażagħ jiġu integrati fl-istrateġiji nazzjonali tal-akkomodazzjoni u jappella għal miżuri mfassla apposta, inklużi inċentivi fiskali, self b’imgħax baxx, garanziji tal-kera u garanziji estensivi biex jiġu appoġġjati dawk li jixtru dar għall-ewwel darba; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jesploraw inċentivi fiskali għas-sidien ta’ proprjetà li jikru lil familji jew lil persuni żgħażagħ b’kuntratti fit-tul, ħalli jgħinu biex jespandu s-suq tal-kiri u jistabbilizzaw il-prezzijiet; jirrakkomanda l-użu tal-istrumenti tal-PK biex jiżdied l-investiment fl-akkomodazzjoni tal-istudenti u fl-akkomodazzjoni affordabbli, filwaqt li jiġi żgurat aċċess għal opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni stabbli appoġġjati bi trasport pubbliku, servizzi bażiċi u edukazzjoni, speċjalment għaż-żgħażagħ minn unitajiet domestiċi b’introjtu baxx; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-FSE+ futur wara l-2027 għandu jgħin l-aċċess għall-akkomodazzjoni għaż-żgħażagħ permezz ta’ garanziji jew skemi finanzjarji oħra sabiex is-self isir aktar affordabbli;

34.

Jappella, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-PK futura il-promozzjoni tar-reżiljenza territorjali u l-appoġġ għall-komunitajiet u l-familji, speċjalment fiż-żoni rurali u insulari permezz tal-provvista ta’ akkomodazzjoni reżiljenti li tista’ tiflaħ għall-impatt tad-diżastri naturali u għall-effetti ta’ eventi mhux mistennija, b’mod partikolari f’reġjuni li huma esposti ħafna għall-impatt ta’ eventi ta’ temp estremi relatati mat-tibdil fil-klima; jitlob li l-fondi tal-UE jappoġġjaw ir-rikostruzzjoni tal-akkomodazzjonijiet f’każ ta’ diżastri naturali u jippromwovu l-prinċipju nibnu mill-ġdid aħjar; iqis li r-riskji klimatiċi jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-popolazzjonijiet vulnerabbli, u jkomplu jxekklu l-kapaċità tal-gruppi vulnerabbli li jirkupraw mid-diżastri;

35.

Jemmen li l-appoġġ għal akkomodazzjoni affordabbli għandu jipprijoritizza l-konverżjonijiet u r-rinnovazzjonijiet fuq il-bini ġdid u għandu jippromwovi metodi ta’ kostruzzjoni newtrali għall-klima u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, akkomodazzjoni kollettiva u mobbiltà ekoloġika, biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-investiment kollu fl-akkomodazzjoni ffinanzjat mill-UE jkun allinjat mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi jiżgura standards għoljin ta’ effiċjenza enerġetika, inaqqas il-faqar enerġetiku u jinkorpora miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima; jappella lill-Kummissjoni tirrevedi b’mod urġenti l-Anness I tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u, abbażi tal-eżami tiegħu, tirrikonoxxi li l-investiment f’akkomodazzjoni soċjali, affordabbli u sostenibbli jikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi, u dan jippermetti lill-Istati Membri jilħqu l-miri tal-infiq fuq il-klima tal-FEŻR ta’ 30 %; jappella biex ikun hemm settur tal-kostruzzjoni sostenibbli bl-appoġġ tal-PK, bl-użu ta’ materjali b’bażi bijoloġika u pprezzar tal-kostijiet reali, inklużi l-kostijiet tal-manutenzjoni u dawk ambjentali; jisħaq fuq l-importanza, f’dan il-kuntest, li jissaħħaħ il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u li tiġi promossa d-dekarbonizzazzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Ftehim ta’ Pariġi;

36.

Jipproponi li fil-PK futura jiġi inkluż aktar finanzjament għall-akkomodazzjoni abbażi ta’ strateġiji nazzjonali, reġjonali u lokali dwar akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli, b’introjtu baxx u medju, u għall-familji b’ħafna tfal u dawk b’ġenitur wieħed, inklużi soluzzjonijiet ta’ għajxien megħjun u soċjali għall-persuni b’diżabilità u l-anzjani; jirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ dawn l-istrateġiji; jinsisti li dan il-finanzjament għandu jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali madwar l-UE; ifakkar fl-importanza ta’ konnessjonijiet rurali-urbani b’saħħithom u l-ħtieġa ta’ appoġġ partikolari għan-nisa fiż-żoni rurali;

37.

Jappella lill-Kummissjoni biex tinkludi t-tmiem tal-problema ta’ persuni mingħajr dar, il-ġlieda kontra l-akkomodazzjoni inadegwata u l-indirizzar tal-faqar enerġetiku fost il-popolazzjonijiet bl-inqas introjtu bħala objettivi politiċi espliċiti fil-PK wara l-2027, b’finanzjament robust iddedikat għal dawn il-prijoritajiet; jappella, barra minn hekk, biex l-aċċess għall-akkomodazzjoni u għas-servizzi assoċjati jitqies bħala qasam ewlieni fi ħdan l-objettivi ta’ politika futuri, b’enfasi qawwija fuq l-appoġġ għall-ġenerazzjonijiet futuri u l-aġenda urbana; jisħaq li l-miżuri relatati mal-akkomodazzjoni ffinanzjati mill-PK iridu jirrispondu għall-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ koeżjoni tat-Trattati; jipproponi li l-Kummissjoni torbot l-investiment fit-trasport u fis-servizzi tal-utilitajiet mal-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli, biex tiżgura li l-benefiċjarji jkollhom aċċess adegwat għas-servizzi essenzjali, u jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw il-konsistenza bejn il-politiki nazzjonali dwar l-akkomodazzjoni, it-trasport u l-utilitajiet;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jinkludu fil-PK futur rekwiżit ta’ tul ta’ żmien speċifiku, minn perspettiva ta’ sostenibbiltà, għal operazzjonijiet li jinvolvu investiment f’infrastruttura tal-akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli mill-fondi tal-PK, sabiex tiġi evitata l-ispekulazzjoni tal-proprjetà; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha toħloq qafas legali li jippermetti li l-art u d-djar li jibbenefikaw mill-fondi tal-UE jibqgħu taħt is-sjieda jew, skont kif ikun applikabbli, taħt il-ġestjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-fornituri tal-akkomodazzjoni soċjali u entitajiet oħra mingħajr skop ta’ qligħ, sabiex il-benefiċjarji finali tal-fondi u l-utenti finali ta’ dawn għandhom iżommu s-sjieda tad-djar;

39.

Jirrakkomanda l-inklużjoni ta’ kundizzjonijiet fit-tul għall-benefiċjarji tal-fondi tal-PK għal akkomodazzjoni affordabbli biex jappoġġjaw id-dritt ta’ residenza f’żoni fil-bliet li b’kera kkontrollata, b’mod partikolari f’żoni li jesperjenzaw pressjoni fuq l-akkomodazzjoni minħabba t-turiżmu, il-ġentrifikazzjoni jew l-investimenti spekulattivi, inklużi ċ-ċentri tal-ibliet, il-gżejjer, ir-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni kostali, mingħajr ma jiġu żvantaġġati bla bżonn l-attivitajiet leġittimi tal-proprjetà immobbli; jirrakkomanda wkoll l-esklużjoni ta’ investituri spekulattivi fuq perjodu ta’ żmien qasir billi jiġu stabbiliti salvagwardji kontra l-akkwiżizzjonijiet spekulattivi fuq perjodu ta’ żmien qasir, inklużi restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid malajr; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat id-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju taċ-ċittadini f’żoni rurali li jbatu minn nuqqas ta’ akkomodazzjoni xierqa u affordabbli; jappella lill-Kummissjoni biex toħroġ linji gwida speċifiċi dwar kif għandu jiġi implimentat u infurzat dan il-prinċipju fil-politiki kollha tal-UE; jappella għal integrazzjoni aktar b’saħħitha ta’ dan il-prinċipju bħala prinċipju trażversali fil-politiki kollha tal-UE, sabiex jappoġġjaw l-objettivi tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, kif stabbilit fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 174 tat-TFUE;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora l-NEB bħala programm awtonomu fil-qafas finanzjarju pluriennali 2028-2034, b’biżżejjed riżorsi finanzjarji biex tinkorpora l-valuri tal-NEB fl-inizjattivi u l-leġiżlazzjoni futura rilevanti promossi mill-istrateġija Ewropea għal akkomodazzjoni affordabbli;

41.

Ifakkar li l-PK għandha tinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni bejn il-periti, il-pjanifikaturi urbani, il-promoturi, l-inġiniera, il-ħaddiema tal-kostruzzjoni u professjonisti oħra biex jiġi żgurat approċċ olistiku fil-konfront tal-iżvilupp urban u dak rurali u biex jingħata kontribut għas-soluzzjoni tal-kriżijiet tal-akkomodazzjoni li għaddejjin bħalissa;

°

° °

42.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.


(1)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj.

(2)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1058/oj.

(3)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1057/oj.

(4)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1056/oj.

(5)   ĠU L 23, 27.01.2010, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/48(1)/oj.

(6)   ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1119/oj.

(7)   ĠU L, 2024/1028, 29.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1028/oj.

(8)   ĠU L, 2024/1275, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1275/oj.

(9)   ĠU C 28, 27.1.2020, p. 40.

(10)   ĠU C 15, 12.1.2022, p. 125.

(11)   ĠU C 456, 10.11.2021, p. 145.

(12)   ĠU C 425, 20.10.2021, p. 2.

(13)   ĠU C 125, 5.4.2023, p. 56.

(14)   ĠU C 342, 6.9.2022, p. 2.

(15)   ĠU C, C/2024/4006, 17.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4006/oj.

(16)   ĠU C, C/2024/3667, 26.06.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3667/oj.

(17)   ĠU C, C/2025/771, 11.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/771/oj.

(18)   ĠU C, C/2025/285, 24.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/285/oj.

(19)   ĠU C 493, 27.12.2022, p. 48.

(20)  Il-Parlament Ewropew, “Iż-żieda fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni fl-UE: il-fatti (infografika)”, is-17 ta’ Ottubru 2024, https://www.europarl.europa.eu/topics/mt/article/20241014STO24542/iz-zieda-fl-ispejjez-tal-akkomodazzjoni-fl-ue-il-fatti-infografika.

(21)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.01.2012, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/21(1)/oj).

(22)   ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2088/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1474/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)