European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1436

31.3.2026

P10_TA(2025)0154

Is-sikurezza tal-prodotti u l-konformità regolatorja fil-kummerċ elettroniku u l-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2025 dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-konformità regolatorja fil-kummerċ elettroniku u l-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE (2025/2037(INI))

(C/2026/1436)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport tal-31 ta’ Marzu 2022 tal-Grupp ta’ Persuni Għorrief dwar ir-Riforma tal-Unjoni Doganali tal-UE bit-titolu “Putting More Union in the European Customs: Ten proposals to make the EU Customs Union fit for a Geopolitical Europe” (Għal aktar għaqda fid-dwani Ewropej: għaxar proposti biex l-Unjoni Doganali tal-UE tadatta għal Ewropa ġeopolitika),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-5 ta’ Frar 2025 bit-titolu “Sett ta’ għodod komprensiv tal-UE għal kummerċ elettroniku sikur u sostenibbli” (COM(2025)0037),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/3015 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 (3),

wara li kkunsidra r-rapport ta’ Enrico Letta ta’ April 2024 bit-titolu “Much more than a market: Speed, security, solidarity – Empowering the Single Market to deliver a sustainable future and prosperity for all EU Citizens” (Ħafna aktar minn suq: ħeffa, sigurtà, solidarjetà – Nagħtu setgħa lis-Suq Uniku biex iwassal għal futur sostenibbli u prosperità għaċ-Ċittadini kollha tal-UE) (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A10-0133/2025),

A.

billi l-kummerċ elettroniku ttrasforma kif il-konsumaturi jixtru u jinteraġixxu man-negozji madwar id-dinja, filwaqt li żvela opportunitajiet bla preċedent; billi l-kummerċ elettroniku jippreżenta wkoll sfidi sinifikanti għall-kompetittività tal-UE u jqajjem tħassib dwar id-drittijiet kif ukoll is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur, b’mod partikolari peress li ċerti kategoriji ta’ prodotti jqajmu tħassib serju rigward l-impatt tagħhom fuq gruppi ta’ konsumaturi vulnerabbli; billi dan għandu impatt ambjentali, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fil-ġenerazzjoni tal-iskart u fl-emissjonijiet tal-karbonju li jirriżultaw mit-trasport u mil-loġistika; billi l-kummerċ elettroniku għandu impatt fuq l-attraenza tal-bejjiegħa bl-imnut u jikkontribwixxi għalhekk għad-deżertifikazzjoni taċ-ċentri tal-ibliet; billi l-kummerċ elettroniku għandu wkoll implikazzjonijiet soċjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-ħażna u tal-konsenja;

B.

billi aktar minn 75 % tal-konsumaturi tal-UE jixtru online; billi t-tkabbir kontinwu tal-kummerċ elettroniku jsaħħaħ l-aċċess tal-konsumatur, il-kwalità u l-kompetizzjoni fil-prezzijiet; billi l-kummerċ elettroniku jnaqqas l-ostakli għad-dħul fis-suq għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u għall-imprendituri, irawwem l-inklużjoni diġitali, jappoġġja komunitajiet li mhumiex moqdijin biżżejjed, u jikkontribwixxi għall-innovazzjoni, il-produttività u t-tkabbir ekonomiku fis-suq uniku kollu;

C.

billi, biż-żieda fl-importazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku, ġejjin prinċipalment miċ-Ċina, bejjiegħa mhux konformi li jevadu l-kostijiet regolatorji u jimminaw in-negozji li josservaw il-liġi permezz ta’ mezzi bħall-iffalsifikar, intensifikaw il-kompetizzjoni inġusta; billi hemm ħtieġa urġenti li jiġu stabbiliti mill-ġdid kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha, speċjalment għall-SMEs; billi huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-isforzi tal-infurzar jiġu ffinanzjati u mgħammra b’mod adegwat fil-livell nazzjonali u dak tal-UE, filwaqt li tiġi evitata delega eċċessiva tar-responsabbiltajiet tal-infurzar lill-atturi privati;

D.

billi l-kumpaniji Ewropej, b’mod partikolari l-SMEs, jeħtiġilhom jikkonformaw mar-regolamenti stretti u jikkompetu f’kundizzjonijiet mhux ekwi ma’ pjattaformi tal-kummerċ elettroniku mhux tal-UE li jevitaw dawn l-obbligi; billi l-kumpaniji Ewropej jiddedikaw riżorsi materjali u umani biex jiżguraw il-konformità regolatorja, filwaqt li jassumu piżijiet amministrattivi u finanzjarji sinifikanti;

E.

billi ċerti kumpaniji mhux tal-UE jonqsu milli jikkonformaw mar-regolamenti Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data, li jiggarantixxu livell għoli ta’ privatezza għall-konsumaturi, billi jinvolvu ruħhom fi prattiki ta’ tfassil ta’ profili tal-konsumaturi bl-użu ta’ data personali; billi l-infurzar u l-kooperazzjoni msaħħa huma meħtieġa biex jiġu żgurati protezzjonijiet konsistenti tal-privatezza għall-konsumaturi kollha;

F.

billi l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen, fil-linji gwida politiċi tagħha għall-perjodu 2024–2029, irreferiet għall-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi tal-pjattaformi online sabiex jiġi żgurat li kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozji jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwi bbażati fuq kontrolli doganali, fiskali u tas-sikurezza effettivi u standards ta’ sostenibbiltà, u inkarigat lil diversi Viċi Presidenti Eżekuttivi u Kummissarji biex iwettqu dik il-missjoni;

G.

billi l-proċess ta’ adattament tal-acquis tal-UE għall-ambjent online beda ħafna snin ilu, u bosta liġijiet dwar il-prodotti, il-ħarsien tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti issa jinkludu dispożizzjonijiet li jiżguraw salvagwardji robusti fix-xenarju diġitali; billi, minkejja dawn l-isforzi, ikomplu jippersistu nuqqasijiet importanti biex l-awtoritajiet jingħataw is-setgħa li jżommu responsabbli lill-katina tal-provvista kollha u jiżguraw il-ħarsien tal-konsumatur, li jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod urġenti;

H.

billi l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (5) (DSA), ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti (6) (GPSR), ir-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq (7) (MSR) u r-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (CPC) (8) jikkontribwixxu għal ambjent tal-kummerċ elettroniku aktar sikur u ġust jekk jiġu implimentati u infurzati sew; billi, minkejja dawn il-liġijiet, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u organizzazzjonijiet oħra, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali, qajmu tħassib dwar l-għadd kbir ta’ prodotti mhux sikuri identifikati fl-UE li jonqsu milli jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-istandards ambjentali u kimiċi; billi finanzjament u koordinazzjoni aħjar tal-awtoritajiet ta’ infurzar tal-Istati Membri huma essenzjali biex dawn ir-riskji jiġu indirizzati b’mod effettiv;

I.

billi l-kummerċ elettroniku jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq il-konsumaturi billi jipprovdilhom konvenjenza mingħajr paragun, aċċess għal prodotti diversi, u pprezzar kompetittiv; billi l-kummerċ elettroniku jesponi wkoll lill-konsumaturi għal riskji bħal prodotti mhux sikuri, nuqqas ta’ trasparenza, u prattiki manipulattivi li jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tagħhom;

J.

billi l-ħarsien tal-konsumaturi huwa essenzjali għall-funzjonament tas-suq intern tal-UE, peress li jiżgura l-fiduċja u l-ekwità fil-prattiki kummerċjali, u b’hekk jippermetti tkabbir ekonomiku u innovazzjoni sostenibbli; billi l-indirizzar ta’ dan it-tħassib huwa importanti fil-promozzjoni tat-trasparenza, l-ekwità u l-iżvilupp responsabbli tas-servizzi diġitali u l-kummerċ elettroniku;

K.

billi l-persuni minn kuntesti soċjoekonomiċi aktar żvantaġġjati, inklużi l-familji b’introjtu baxx u t-tfal, huma esposti aktar għar-riskji minn prodotti mhux sikuri minħabba l-prezzijiet aktar baxxi, il-kummerċjalizzazzjoni aggressiva u d-distribuzzjoni mifruxa tagħhom;

L.

billi t-tħassib dwar l-adegwatezza tal-proċeduri doganali skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni attwali (9) għall-kummerċ elettroniku kien xprunatur sinifikanti tal-pakkett ta’ riforma doganali tal-Kummissjoni, inklużi l-proposti leġiżlattivi dwar ir-reviżjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-istabbiliment ta’ Awtorità Doganali tal-UE (riforma tal-KDU), u t-tneħħija tal-limitu ta’ eżenzjoni ta’ EUR 150 (de minimis) għall-ħlas tad-dazji doganali u l-VAT fuq prodotti importati;

M.

billi l-awtoritajiet doganali jeħtieġu investimenti sostanzjali, b’mod partikolari biex jiġi żgurat għadd suffiċjenti ta’ persunal imħarreġ kif xieraq biex jiġi ggarantit il-funzjonament tas-sistemi doganali tal-UE, li qed jiffaċċjaw żieda esponenzjali fid-domanda għal verifiki doganali; billi mingħajr l-investimenti meħtieġa fil-persunal, is-soluzzjonijiet diġitali ma jistgħux jiksbu benefiċċji f’termini tal-effiċjenza u l-armonizzazzjoni;

N.

billi teknoloġiji ta’ skrinjar avvanzati, bħall-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain, jistgħu jsaħħu b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq li jindikaw vjeġġi ta’ riskju għoli u jawtomatizzaw kontrolli tal-konformità f’dan il-livell; billi l-investiment f’tali teknoloġiji jibqa’ frammentat u mhux uniformi minn Stat Membru għal ieħor; billi finanzjament, koordinazzjoni u sforzi akbar fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà huma essenzjali biex titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom u jittejbu l-effiċjenza u l-effettività ġenerali tal-mekkaniżmi ta’ infurzar;

O.

billi għodod diġitali, bħall-intelliġenza artifiċjali u l-internet tal-oġġetti, jistgħu jgħinu biex jintraċċaw prodotti mhux konformi, iżda dawn iridu jirrispettaw l-privatezza tal-konsumatur u ma jridux iwasslu għal monitoraġġ ġenerali tal-utenti;

P.

billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2025 dwar sett ta’ għodod komprensiv tal-UE għal kummerċ elettroniku sikur u sostenibbli, tenfasizza li l-volum ta’ oġġetti tal-kummerċ elettroniku mixtrija mill-konsumaturi tal-UE fuq pjattaformi online mhux tal-UE huwa mistenni li jkompli jikber b’mod rapidu, hekk kif jibbenefikaw mill-eżenzjoni attwali mid-dazju doganali għal kunsinni ta’ valur baxx (sa EUR 150);

Iż-żieda f’oġġetti mhux konformi fil-kummerċ elettroniku

1.

Jenfasizza l-għadd dejjem akbar ta’ xiri li qed isir mill-konsumaturi tal-UE fuq pjattaformi online mhux tal-UE f’ambjenti min-negozju għall-konsumatur u f’ambjenti emerġenti mill-manifattur għall-konsumatur u diretti għall-konsumaturi; jenfasizza, kif deskritt fir-rapport ta’ Letta dwar il-futur tas-suq uniku (10), li ċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti li jagħmlu ħsara fis-suq uniku qed teskala u li l-konsumaturi tal-UE qed jaħlu EUR 19,3 biljun fis-sena fix-xiri ta’ prodotti perikolużi li jistgħu jwasslu għal korrimenti u li huma ta’ detriment għall-ekonomiji tagħna;

2.

Jinnota li 4,6 biljun oġġett tal-kummerċ elettroniku taħt il-limitu ta’ eżenzjoni ta’ EUR 150 ġew importati fl-UE fl-2024, u li 91 % minnhom oriġinaw miċ-Ċina, li jammontaw għal sa 12-il miljun oġġett żgħir tal-kummerċ elettroniku kuljum u li huwa kważi d-doppju tan-numru rreġistrat fl-2023 (2,4 biljun), u aktar mit-triplu tan-numru rreġistrat fl-2022 (1,4 biljun); jinnota li din iż-żieda ggravat l-isfidi tal-konformità, speċjalment fis-sikurezza tal-prodotti, u li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-investigazzjonijiet indipendenti rrappurtaw rati allarmanti ta’ nuqqas ta’ konformità;

3.

Jisħaq li l-biċċa l-kbira tal-prodotti mhux sikuri u illegali jiġu ttrasportati lejn l-UE f’volumi kbar ta’ pakketti individwali u spiss żgħar mibjugħa lill-konsumaturi tal-UE permezz ta’ pjattaformi online minn pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari miċ-Ċina; jisħaq li huwa diffiċli li tali prodotti jiġu kkontrollati, b’mod partikolari għall-awtoritajiet doganali fil-punti tad-dħul, li jinsabu l-aktar f’portijiet u f’ajruporti loġistiċi ewlenin għall-kummerċ elettroniku; jenfasizza li dan jagħmilha kważi impossibbli li tali prodotti jitwaqqfu milli jidħlu fl-UE u jagħmilha dejjem aktar diffiċli għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jidentifikaw u jneħħu tali prodotti mis-suq intern u għall-awtoritajiet tal-konsumatur biex jagħmlu dan ladarba l-prodotti jaslu għand il-konsumaturi tal-UE;

4.

Jisħaq li t-tkabbir rapidu tal-kummerċ elettroniku għandu implikazzjonijiet ambjentali sinifikanti minħabba kwistjonijiet bħal żieda fl-iskart mill-imballaġġ, l-impronta tal-karbonju akbar minn prodotti ta’ kwalità baxxa u ta’ ċiklu ta’ ħajja qasir u l-vjeġġi tagħhom, u problemi b’ġestjoni tal-iskart u materjali mhux riċiklabbli; jissottolinja, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali u li jiġu mħeġġa modi sostenibbli ta’ konsum;

5.

Jisħaq li xi swieq online mhux tal-UE jiffaċċjaw diversi allegazzjonijiet rigward l-użu tax-xogħol furzat; jissottolinja, f’dan ir-rigward, li r-Regolament (UE) 2024/3015 jipprojbixxi prodotti magħmulin b’xogħol furzat milli jidħlu fis-suq tal-UE, u li jrid jiġi infurzat b’mod effettiv wara l-applikazzjoni tiegħu, inkluż għall-bejgħ online;

6.

Jinnota li, fl-1 ta’ Diċembru 2025, se jidħol fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2023/2411 (11) dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali; jinnota li, jekk ma jkunux akkumpanjati minn promozzjoni u protezzjoni adegwati, speċjalment fir-rigward tas-swieq ta’ pajjiżi mhux tal-UE, hemm riskju li l-indikazzjonijiet ġeografiċi jibqgħu ineffettivi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, issaħħaħ il-verifiki bl-għan li tinterċetta prodotti li jiksru r-regoli dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi;

7.

Jinsab imħasseb li l-mudell kummerċjali prevalenti ta’ ċerti pjattaformi online ewlenin mhux tal-UE huwa bbażat fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni malajr u fuq skala kbira ta’ prodotti tal-moda mgħaġġla u ultraveloċi, li jagħtu prijorità lill-veloċità u lill-kost baxx aktar milli lis-sostenibbiltà, lis-sikurezza u lill-kwalità; jiddispjaċih li ħafna prodotti bħal dawn ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE, iżda bejjiegħa mhux konformi spiss jevadu infurzar jew sanzjonijiet sinifikanti; jenfasizza li tali prattiki jikkostitwixxu forma ta’ dumping soċjali u ambjentali, u dan jirriżulta f’vantaġġ kompetittiv persistenti u inġust għal dawn il-pjattaformi mhux tal-UE, filwaqt li jeżerċita pressjoni sproporzjonata fuq l-impriżi Ewropej, b’mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi; jenfasizza li dan ifixkel l-iżvilupp tas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ tal-UE;

F’salib it-toroq tal-kummerċ elettroniku: niffaċċjaw l-isfidi tal-konformità

8.

Jirrikonoxxi li l-UE stabbiliet qafas ta’ konformità robust, li japplika wkoll għall-prodotti mibjugħa online, iżda li huma meħtieġa sforzi akbar għall-infurzar sħiħ ta’ dan il-qafas ta’ konformità; jissottolinja, f’dan ir-rigward, l-importanza tad-DSA, tad-DMA, tal-MSR, tal-GPSR, tar-regoli dwar il-ħarsien tal-konsumatur u ta’ diversi liġijiet dwar il-prodotti u l-ambjent; jenfasizza li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jiffaċċjaw sfidi fl-applikazzjoni ta’ dawn l-oqfsa għall-pjattaformi online kif muri mir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikat reċentement dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 u, b’mod partikolari, f’każijiet fejn kwantitajiet kbar ta’ prodott jinbiegħu f’kunsinni żgħar; iqis li l-implimentazzjoni bir-reqqa tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u ta’ acquis regolatorju ieħor hija meħtieġa biex jiġu miġġielda prodotti mhux sikuri, mhux konformi u kontrafatti;

9.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi implimentat il-qafas ta’ konformità eżistenti u jiġu evalwati dawn il-miżuri meta titqies leġiżlazzjoni ġdida, inklużi obbligi ġodda għas-swieq online;

10.

Jinnota li t-twettiq ta’ testijiet fiżiċi mhuwiex b’mod partikolari prattiku għal pakketti żgħar mibgħuta lill-konsumatur finali u li l-awtoritajiet doganali għalhekk se jkomplu jibbażaw primarjament fuq il-verifiki tad-dokumenti, aktar milli fuq l-ispezzjoni tal-prodotti nfushom;

11.

Jenfasizza l-lakuni sinifikanti fl-infurzar ikkawżati mir-riżorsi limitati u l-livell insuffiċjenti tad-diġitalizzazzjoni tal-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq, in-nuqqas ta’ riżorsi umani u għodod teknoloġiċi armonizzati u interoperabbli madwar l-Istati Membri u l-kondiviżjoni insuffiċjenti tad-data u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni ġenerali bejn l-awtoritajiet doganali, il-pjattaformi u l-entitajiet tas-sorveljanza tas-suq; jirrikonoxxi li l-ispezzjonijiet fiżiċi huma inevitabbilment u intrinsikament limitati minħabba l-volum tal-pakketti tal-kummerċ elettroniku li jidħlu fl-UE;

12.

Iqis li l-eżerċizzji ta’ xiri bil-moħbi mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, kif imressaq fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ elettroniku, huma għodda importanti għall-verifika tal-konformità fuq prodotti mibjugħa mill-pjattaformi online; jisħaq, madankollu, li jekk il-bejjiegħa jkunu bbażati barra mill-UE jew ma jkunux traċċabbli u jekk jintużaw indirizzi foloz għall-persuni responsabbli, ma jkun hemm l-ebda entità legali responsabbli u huwa impossibbli biex jittieħdu azzjonijiet ta’ infurzar mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq;

13.

Iqis li l-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut tal-UE, b’mod partikolari l-SMEs, jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta minħabba pjattaformi mhux tal-UE li jippermettu lill-manifatturi mhux tal-UE u l-prodotti mhux konformi tagħhom jidħlu faċilment fis-suq tal-UE, hekk kif jevitaw regolamenti u standards applikabbli; jenfasizza li, filwaqt li l-manifatturi tal-UE jeħtiġilhom jikkonformaw ma’ regoli stretti dwar is-sikurezza, l-ambjent u l-kwalità, ħafna prodotti ta’ valur baxx mibjugħa permezz ta’ dawn il-pjattaformi jaħarbu l-kontrolli doganali u tas-sorveljanza tas-suq minħabba l-mod kif jiġu ttrasportati lejn l-UE; iqajjem tħassib li xi wħud minn dawn il-pjattaformi u negozjanti mhux tal-UE jisfruttaw apposta din il-lakuna, u dan b’hekk jippermetti li l-importazzjonijiet mhux konformi jidħlu fis-suq uniku tal-UE mingħajr ma jkunu ġew ikkontrollati, u jpoġġi lill-manifatturi, lill-bejjiegħa bl-ingrossa u lill-bejjiegħa bl-imnut Ewropej fi żvantaġġ, hekk kif jimmina il-kompetittività tagħhom u jfixkel il-kapaċità tagħhom li jinnovaw, li jista’ jwassal għall-għajbien ta’ bosta mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar;

14.

Jisħaq li l-manifatturi tal-UE huma de facto soġġetti għal sorveljanza tas-suq ferm aktar stretta meta mqabbla ma’ manifatturi mhux tal-UE li jilħqu lill-konsumaturi tal-UE permezz ta’ pjattaformi tal-kummerċ elettroniku; jiddispjaċih ħafna għat-telf tas-sehem mis-suq u l-impjiegi kkawżat mill-influss ta’ prodotti orħos li ma jikkonformawx mal-istandards Ewropej, b’mod partikolari f’termini ta’ sikurezza u kwalità, kif ukoll prodotti illegali oħra, ittrasportati minn pajjiżi mhux tal-UE, li jaffettwaw direttament lill-SMEs tal-UE u s-saħħa tal-kumpaniji tal-UE u l-kapaċità tagħhom li jinvestu u jżommu l-profittabbiltà;

15.

Jenfasizza d-differenza bejn il-pjattaformi online li jaġixxu bħala intermedjarji u dawk li jaġixxu bħala importaturi; jinnota, b’mod partikolari, li l-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku tal-UE li jaġixxu bħala importaturi jiffaċċjaw kostijiet tal-konformità li jżidu l-prezzijiet bl-imnut tagħhom sa 40 %, li qed iħalli impatt fuq il-konsumaturi finali; jissottolinja li l-importaturi bbażati fl-UE jiffaċċjaw obbligi aktar stretti u kostijiet aktar għoljin, filwaqt li l-pjattaformi intermedjarji jippermettu lill-bejjiegħa mhux tal-UE jibagħtu vjeġġi direttament lill-konsumaturi tal-UE mingħajr ma jiżguraw il-konformità;

16.

Jirrikonoxxi li l-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku huma soġġetti għal diversi obbligi skont id-DSA u l-GPSR u jistgħu jinżammu responsabbli skont id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti (12) (PLD) f’ċirkostanzi speċifiċi; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-pjattaformi online huma responsabbli jekk ma jirrispettawx l-obbligi speċifiċi tagħhom bħala intermedjarji; jemmen, madankollu, li r-rimedju għall-konsumatur irid jiġi żgurat fil-każijiet kollha; jissottolinja, f’dan ir-rigward, li meta l-manifattur ikun stabbilit barra mill-UE u ma jkun jista’ jiġi identifikat l-ebda importatur, rappreżentant awtorizzat, jew fornitur ta’ servizz ta’ ġestjoni, is-swieq online għandhom jipprovdu rimedji adegwati u proporzjonati lill-konsumaturi meta jonqsu milli jikkonformaw mad-DSA, b’mod partikolari mal-Artikoli 30 u 31 jew mal-Artikolu 22 tal-GPSR;

17.

Jenfasizza li s-swieq online huma mitluba jittraċċaw in-negozjanti tagħhom (“kun af il-klijent kummerċjali tiegħek”) skont id-DSA, u dan għandu jiskoraġġixxi lin-negozjanti milli jbigħu oġġetti mhux sikuri jew kontrafatti, u huma obbligati jikkonformaw mar-regoli ta’ “konformità skont id-disinn” biex iżidu t-traċċabbiltà ġenerali; jenfasizza n-nuqqas ta’ obbligu ta’ rendikont tal-pjattaformi online f’każ ta’ bejjiegħa mhux traċċabbli jew bejjiegħa bbażati barra mill-ġuriżdizzjoni tal-UE; jinnota l-livell konsiderevoli ta’ nuqqas ta’ konformità tal-prinċipju “kun af il-klijent kummerċjali tiegħek” u ż-żieda fi prattiki ġodda ta’ bejgħ permezz ta’ pjattaformi tal-media soċjali, fejn dan l-obbligu ma jiġix applikat b’mod effettiv, li jippermetti lill-bejjiegħa mhux tal-UE joffru oġġetti mhux konformi lill-utenti tal-UE direttament; jisħaq għalhekk fuq il-ħtieġa li l-pjattaformi online jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jiżguraw traċċabbiltà sħiħa tal-bejjiegħa u l-prodotti, u jipprevjenu li l-listi jidhru mingħajr dettalji vverifikati tal-konformità tal-prodott;

18.

Jenfasizza l-fatt li l-informazzjoni ta’ operatur ekonomiku responsabbli fl-UE fl-ambitu tal-GPSR, li jaġixxi f’isem negozjant jew pjattaforma mhux tal-UE, spiss tkun żbaljata jew nieqsa; jinnota li anke meta din l-informazzjoni tkun disponibbli, il-persuna responsabbli fl-UE tista’ ma tkunx responsabbli, b’mod partikolari meta l-persuna responsabbli tkun rappreżentant awtorizzat; jinsab imħasseb li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jirrappurtaw diffikultajiet sinifikanti biex jikkuntattjaw lil dawn in-negozjanti mhux tal-UE u biex jinfurzaw id-dritt tal-UE, u li anke meta jiġi stabbilit kuntatt, l-infurzar ta’ penali fil-konfront tagħhom spiss ma jkunx fattibbli;

19.

Iqis li l-ħolqien ta’ bażi tad-data ta’ persuni responsabbli fl-UE li tippermetti kontroverifika f’ħin reali għall-verifika, flimkien mal-istabbiliment ta’ proċedura ta’ akkreditazzjoni għalihom, jistgħu jsaħħu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tul il-katina tal-provvista tal-importazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku;

20.

Jappoġġja azzjonijiet ta’ riċerka u infurzar minn organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-ftuħ ta’ investigazzjonijiet imressqa mill-awtoritajiet tal-konsumatur fl-UE, bħala parti min-network CPC, kif ukoll fl-ambitu tad-DSA, kontra pjattaformi online mhux tal-UE għal ksur potenzjali tal-liġijiet dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-konsumatur tal-UE; jesprimi tħassib dwar il-progress bil-mod ta’ dawn l-investigazzjonijiet u jappella għall-konklużjoni rapida tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li l-infurzar ikun deterrent li jinkludi sanzjonijiet adegwati biex tiġi żgurata l-konformità; jissottolinja, f’dan ir-rigward, li hija meħtieġa attenzjoni partikolari fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità rikorrenti li jaf ikun ġie identifikat f’kontrolli preċedenti ta’ prodotti simili, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri interim; jisħaq li l-infurzar u l-effettività tal-impenji riċevuti mill-pjattaformi online għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib;

21.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tas-CPC biex jibdew djalogu strutturat dwar l-infurzar ma’ rappreżentanti tal-konsumaturi, negozjanti u partijiet ikkonċernati oħra biex jidentifikaw ksur sistemiku li jirrikjedi infurzar aktar b’saħħtu;

22.

Jinnota l-kumplessità għall-awtoritajiet tal-UE biex jinfurzaw il-liġijiet tal-UE meta l-operaturi ekonomiċi jkunu stabbiliti barra mill-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali msaħħa, b’mod partikolari mal-esportaturi ewlenin tal-kummerċ elettroniku;

Politiki ta’ infurzar b’saħħithom biex jiġu miġġielda l-prodotti tal-kummerċ elettroniku mhux konformi

Ħtieġa urġenti għal miżuri fuq terminu qasir

23.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament u r-riżorsi għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, doganali, tal-ħarsien tal-konsumatur u tas-servizzi diġitali, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw aħjar l-isfidi li jirriżultaw minn prodotti mhux sikuri u illeċiti; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja kooperazzjoni, kondiviżjoni tal-informazzjoni u skambju tad-data aktar b’saħħithom bejn l-awtoritajiet kompetenti, inkluż bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u dawk doganali u jisħaq li l-kooperazzjoni bejn setturi differenti għandha tittejjeb; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq differenti fit-territorji tagħhom, u jsaħħu s-setgħat tal-uffiċċji uniċi ta’ kollegament; jenfasizza li l-Istati Membri u l-UE għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u doganali jkollhom ir-riżorsi, it-taħriġ u t-tagħmir xierqa biex ikollhom il-kapaċità li jwettqu l-missjoni tagħhom, inklużi setgħat xierqa ta’ investigazzjoni;

24.

Jistieden lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jinvestu aktar riżorsi f’attivitajiet konġunti jew ikkoordinati ma’ Stati Membri oħra jew ma’ awtoritajiet rilevanti u, b’mod partikolari, iżidu l-għadd u l-frekwenza ta’ azzjonijiet ta’ infurzar ikkoordinati bħal sweeps, eżerċizzji ta’ xiri bil-moħbi u rieżamijiet bejn il-pari; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti jipparteċipaw b’mod attiv f’dawn l-attivitajiet u lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mis-setgħat ta’ koordinazzjoni tagħha;

25.

Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkoordina l-kontroll tal-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq taħt oqsma ta’ kontroll prijoritarji ffukati fuq prodotti minn pajjiżi mhux tal-UE li joħolqu perikli sinifikanti għas-sikurezza u riskju ta’ nuqqas ta’ konformità; jenfasizza li din l-inizjattiva għandha tiġġenera data siewja dwar il-profil tar-riskju, li tista’ tintuża f’aktar attivitajiet ta’ infurzar u penali għal atturi mhux konformi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni fi ħdan in-Network tal-UE għall-Konformità tal-Prodotti u żżid il-finanzjament tal-UE għall-kooperazzjoni doganali fl-ambitu tal-programm doganali u għal operazzjonijiet tas-sorveljanza tas-suq fl-ambitu tal-programm tas-suq uniku; jisħaq li n-nuqqas ta’ riżorsi adegwati xekkel l-implimentazzjoni effettiva ta’ għodod, bħall-użu mifrux ta’ attivitajiet ta’ xiri bil-moħbi mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jew l-użu ta’ sinjalaturi fdati fl-ambitu tad-DSA; jirrimarka lill-Kummissjoni li, minbarra l-faċilitajiet tal-ittestjar eżistenti għall-ġugarelli u t-tagħmir tar-radju, aktar faċilitajiet tal-ittestjar għall-prodotti tal-kummerċ elettroniku huma meħtieġa b’mod urġenti, bħal fil-każ tal-batteriji, it-tessuti, il-kożmetiċi, l-apparat elettroniku u prodotti oħra; jitlob lill-Istati Membri jużaw biżżejjed riżorsi biex jiggarantixxu żieda fil-kapaċità tal-faċilitajiet tal-ittestjar u jżidu l-investimenti f’tagħmir għall-identifikazzjoni ta’ oġġetti mhux sikuri u illegali;

26.

Jenfasizza li minħabba raġunijiet ta’ data u sigurtà, l-Istati Membri għandhom jillimitaw lill-bejjiegħa b’riskju għoli milli joperaw fl-infrastruttura kritika tagħhom u fis-sistemi ta’ sigurtà tal-fruntieri, inkluż għall-akkwist ta’ tagħmir għall-iskrinjar tas-sigurtà u għall-iskennjar tal-merkanzija użat fl-ajruporti u fil-portijiet;

27.

Jenfasizza l-fatt li, skont il-GPSR, is-swieq online huma obbligati jistabbilixxu punt uniku ta’ kuntatt, jirreġistraw mal-Portal Safety Gate u jindikaw l-informazzjoni dwar il-punt uniku ta’ kuntatt tagħhom fuq il-portal; jitlob lill-Kummissjoni tinforza b’mod effettiv dan u obbligi oħra tas-swieq online, filwaqt li tappoġġja lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-GPSR u tal-MSR; jinnota li l-GPSR introduċa skambji ta’ data diretti bejn l-awtoritajiet tal-infurzar u l-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku; jemmen, madankollu, li sabiex is-sistema taħdem b’mod effettiv, għandha tiġi pprovduta rabta diretta mal-awtoritajiet doganali;

28.

Jinnota li s-sistema attwali hija prinċipalment aktar reattiva milli preventiva, peress li l-awtoritajiet jintervjenu biss wara li jkunu diġà nbigħu l-prodotti perikolużi lill-konsumaturi, minflok ma jipprevjenu d-distribuzzjoni tagħhom lill-konsumaturi; ifakkar li, skont il-GPSR, il-fornituri tas-swieq online huma mħeġġa jiċċekkjaw il-prodotti skont il-Portal Safety Gate qabel ma jelenkawhom fuq l-interfaċċi tagħhom; jissottolinja li l-ittestjar bl-użu ta’ kampjunar aleatorju jista’ jkun effiċjenti biss jekk jitwettaq regolarment;

29.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni rapida tal-Passaport Diġitali tal-Prodotti (DPP) għal diversi prodotti kritiċi mibjugħa online hija essenzjali sabiex jissaħħaħ l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa dwar id-DPP malajr kemm jista’ jkun, li tagħti prijorità lit-tessuti, lill-ġugarelli, lill-kożmetiċi, lill-prodotti elettroniċi u prodotti oħra b’rati għoljin ta’ nuqqas ta’ konformità u riskji assoċjati; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kontinwament ir-rekwiżiti, id-disinn tekniku u l-operat tad-DPP skont ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli (13) (ESPR) bħala prijorità; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja n-negozji, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro u l-SMEs, fl-implimentazzjoni tad-DPP;

30.

Jipproponi DPP obbligatorju b’verifika bikrija tal-konformità għall-prodotti kollha importati permezz tal-kummerċ elettroniku, inkluża data dettaljata dwar il-kwalità u l-konformità, li għandu jiġi integrat direttament fil-pjattaforma tad-data doganali tal-UE, li jippermetti lill-awtoritajiet jiskrinjaw minn qabel l-informazzjoni dwar il-prodotti qabel ma jitqiegħdu fis-suq uniku;

31.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu sforzi sostanzjali biex iżidu l-kontrolli doganali u jtejbu l-analiżi tar-riskju, peress li l-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’ oġġetti mhux konformi jistgħu jnaqqsu l-ħsara lill-konsumaturi tal-UE u jipproteġu l-interessi ekonomiċi tan-negozji tal-UE; jissottolinja li l-introduzzjoni fl-analiżi tar-riskji doganali ta’ preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità għal oġġetti identiċi għal dawk li diġà nstabu li mhumiex konformi, tiffaċilita l-kontrolli mill-awtoritajiet doganali u ttejjeb il-kosteffiċjenza; Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu ċ-ċentri tad-dwana biex ikunu mgħammra aħjar ħalli jimmaniġġjaw il-volum kbir ta’ pakketti żgħar li huma diffiċli li jiġu kkontrollati bl-użu ta’ metodi tradizzjonali, mgħammra b’teknoloġiji tal-iskrinjar avvanzati ħalli jidentifikaw pakketti suspettużi fil-punti tad-dħul; jitlob kontrolli tal-konformità aktar rigorużi kif ukoll kontrolli għal għarrieda mill-awtoritajiet fuq it-trasport b’tunnellaġġ għoli; iħeġġeġ lill-Istati Membri, barra minn hekk, iżidu b’mod sinifikanti l-livell ta’ diġitalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ importazzjoni fl-awtoritajiet doganali sabiex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni eżistenti u jaċċelleraw il-proċeduri doganali, speċjalment fid-dawl tal-għad kbir ta’ pakketti;

32.

Jissottolinja li n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, jirrikjedu b’mod urġenti linji gwida ċari mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-GPSR, inkluża kjarifika dwar l-interazzjoni tiegħu ma’ leġiżlazzjoni li tikkoinċidi, bħad-DSA, l-MSR, il-PLD, u liġijiet speċifiċi għas-settur dwar il-ġugarelli, il-kożmetiċi u d-deterġenti; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ dawn il-linji gwida qabel tmiem l-ewwel nofs tal-2025 ħalli tiffaċilita l-konformità tan-negozji; iqis li r-rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-interazzjoni tad-DSA ma’ atti legali oħra, li huwa mistenni fis-17 ta’ Novembru 2025, għandu jqis leġiżlazzjoni differenti, b’mod partikolari dik dwar il-konformità tal-prodotti, l-obbligi tas-swieq online, ir-regoli dwar l-infurzar u t-titjib futur possibbli tas-simplifikazzjoni u l-implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-azzjonijiet ulterjuri kollha possibbli, inkluża l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali, li hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà legali u li ma jitħallew l-ebda lakuni legali jew lakuni fl-infurzar fir-rigward tal-importazzjonijiet diretti minn pajjiżi mhux tal-UE permezz ta’ swieq online;

33.

Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jagħmlu użu sħiħ mis-sett ta’ għodod ta’ infurzar eżistenti u adottati reċentement, speċjalment fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ elettroniku stabbiliti fl-MSR, il-GPSR u d-DSA bħall-ordnijiet għal tneħħija, il-projbizzjoni, ir-restrizzjoni fuq id-disponibbiltà ta’ prodotti fis-suq jew l-eliminazzjoni tagħhom mis-suq, is-sejħa lura u s-sanzjonijiet bħala miżuri biex tiġi miġġielda ż-żieda tal-importazzjonijiet illegali mhux konformi minn pajjiżi mhux tal-UE;

34.

Jissottolinja l-miżuri ta’ infurzar regolatorju meħuda kontra l-atturi mhux konformi ma għandhomx ipoġġu piżijiet sproporzjonati fuq l-atturi konformi jew jikkawżaw ħsara mhux intenzjonata lis-suq ta’ oġġetti użati;

35.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali fid-dawl taż-żieda f’oġġetti kontrafatti mhux Ewropej fuq il-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku; jinnota li dawn il-prattiki jagħmlu ħsara lill-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej u jippreżentaw riskji għall-innovazzjoni u l-inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp; jappella għal miżuri aktar b’saħħithom kontra l-bejgħ tal-oġġetti kontrafatti online; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida ċari dwar is-sinjalaturi fdati u jisħaq li d-detenturi tad-drittijiet għandhom jiġu rikonoxxuti bħala sinjalaturi fdati eliġibbli meta jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 22 tad-DSA;

36.

Jirrimarka li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu aħjar mis-settijiet disponibbli ta’ penali u sanzjonijiet kontra l-operaturi ekonomiċi, kif ukoll minn għodod oħra disponibbli inkluż miżuri interim, sabiex joħolqu effett ta’ deterrent ħalli jiskoraġġixxu lill-operaturi ekonomiċi milli jiksru l-leġiżlazzjoni applikabbli;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri effettivi, inklużi miżuri leġiżlattivi fejn lakuni legali jiġu identifikati b’mod ċar, mingħajr dewmien biex jiggarantixxu ċ-ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi Ewropej, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs;

Il-ħtieġa għal riformi regolatorji

38.

Jappella għat-tneħħija ta’ ostakli għall-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, bħal talbiet ta’ garanzija legali u d-dritt li l-oġġetti jiġu rritornati; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina r-Regolament CPC mingħajr dewmien peress li dan se jkun fundamentali għal infurzar transfruntier aktar effettiv tad-dritt tal-konsumatur tal-UE u l-ġlieda kontra prodotti mhux sikuri; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, tipprevedi miżuri ċari biex jissaħħu aktar is-setgħat ta’ infurzar fuq negozjanti u pjattaformi mhux tal-UE u tiżgura koordinazzjoni aħjar tal-azzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet kif ukoll mal-awtoritajiet fil-pajjiżi mhux tal-UE; jenfasizza li l-istruttura tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni tista’ tintuża bħala eżempju li għandu jiġi segwit għall-infurzar u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-każ ta’ ksur suspettat li jkollu impatt fuq diversi Stati Membri, speċjalment biex jiġu miġġielda prodotti mhux konformi b’mod effettiv; jisħaq fuq l-importanza li l-Kummissjoni tingħata setgħat diretti biex tinvestiga u tissanzjona ċertu ksur b’impatt għoli tal-liġi tal-konsumatur, u b’hekk tiżgura infurzar u sanzjonijiet aktar effettivi, simultanji u uniformi skont il-liġi tal-konsumatur tal-UE;

39.

Jinnota li r-Regolament CPC diġà jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet tal-infurzar biex jaġixxu kontra negozjanti mhux konformi u jagħti wkoll il-possibbiltà lill-Istati Membri li jintroduċu penali u miżuri interim bħal restrizzjonijiet għall-aċċess ta’ siti web; jirrikonoxxi, madankollu, li l-limitazzjoni hija li din l-azzjoni trid tittieħed fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż aktar milli fil-livell tal-UE, b’kull pajjiż japplika l-penali tiegħu stess, u dan jagħmel il-konsegwenzi tal-ksur mhux ċari;

40.

Jinnota li l-infurzar fl-Istati Membri huwa frammentat, u dan iwassal għal ineffiċjenzi; jappella biex is-sorveljanza tal-infurzar u tal-konformità tkun ikkoordinata aħjar, biex l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri jkun aktar effettiv u biex l-applikazzjoni tal-acquis tal-UE tkun aktar uniformi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-MSR, b’mod partikolari l-ħtieġa ta’ Awtorità tas-Sorveljanza tas-Suq tal-UE li tiżgura l-konsistenza u tipprovdi appoġġ operazzjonali lill-attivitajiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq rilevanti u trawwem il-kooperazzjoni mal-Awtorità Doganali tal-UE l-ġdida, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 tal-MSR, li jiddefinixxi l-operaturi ekonomiċi responsabbli fl-UE għall-konformità tal-prodotti; jisħaq li, sal-lum, l-operatur ekonomiku responsabbli ddeżinjat spiss ma jkollux il-kapaċità li jipprovdi rimedju jew kumpens lill-konsumaturi, b’mod partikolari meta jkun rappreżentant awtorizzat;

41.

Jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tavvanza malajr in-negozjati interistituzzjonali li ġejjin mal-Parlament u mal-Kunsill dwar ir-riforma tal-KDU u ż-żewġ proposti għal atti tal-Kunsill dwar it-tneħħija tal-limitu ta’ eżenzjoni fuq id-dazji doganali għal oġġetti b’valur ta’ anqas minn EUR 150; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jaċċelleraw il-proċedura ta’ negozjar fil-Kunsill, filwaqt li jirrikonoxxu l-urġenza tar-riforma doganali għall-kompetittività tal-UE u l-ħarsien tal-konsumaturi tal-UE; jissottolinja, madankollu, li t-tneħħija tal-limitu hija pass meħtieġ iżda mhijiex soluzzjoni awtonoma, peress li l-awtoritajiet doganali xorta se jkunu jistgħu jispezzjonaw biss perċentwal limitat ta’ pakketti; jisħaq li t-tneħħija immedjata tal-eżenzjoni mid-dazju doganali hija meħtieġa għall-importazzjonijiet ta’ riskju għoli mill-perspettivi tas-sikurezza tal-prodotti u tal-konsumaturi; jenfasizza l-ħtieġa li r-riforma doganali tiżgura l-koerenza fl-oqfsa regolatorji kollha, b’mod partikolari billi jiġu evitati d-duplikazzjoni jew il-kunflitti mad-DSA, u jenfasizza r-rwol essenzjali li l-awtoritajiet doganali għandhom fl-identifikazzjoni ta’ prodotti mhux konformi u mhux sikuri;

42.

Jisħaq li r-riforma tal-KDU se tipprovdi l-għodod meħtieġa għall-awtoritajiet doganali biex jissorveljaw u jikkontrollaw aħjar l-oġġetti li jidħlu fl-UE, tgħin biex jissaħħu s-suq uniku u l-unjoni doganali, ittejjeb l-identifikazzjoni ta’ prodotti mhux sikuri u illeċiti u tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fost l-operaturi ekonomiċi; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta skont ir-Regolament tal-KDU biex jiġi stabbilit il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li se jtejjeb l-effettività tal-kontrolli tal-prodotti; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-infrastruttura u l-persunal doganali għall-ġestjoni effettiva tal-kummerċ elettroniku; jenfasizza l-ħtieġa ta’ proċessi ta’ konformità simplifikati mfassla speċifikament għall-SMEs; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu sistemi ta’ żdoganar tal-merkanzija awtomatizzati u li jħarsu ’l quddiem, pereżempju billi jobbligaw lill-pjattaformi jirreġistraw u jiżdoganaw il-merkanzija awtomatikament fil-punt tal-bejgħ;

43.

Jinsab imħasseb li xi negozjanti mhux tal-UE qed jevitaw il-kontrolli doganali tal-UE billi jiżdoganaw il-merkanzija mid-dwana fil-punt tal-oriġini; jisħaq li dawk il-kumpaniji mhux tal-UE spiss jippreferu jħallsu penali milli jiftħu l-pakketti mal-wasla fid-dwana tal-UE, bil-għan li jħottu l-vjeġġi u jitilqu immedjatament; jinsab imħasseb ferm li l-awtoritajiet doganali jsibu li ħafna pakketti jew ma jkunux iddikjarati jew ikunu ddikjarati b’mod żbaljat u xi kultant ikunu ttikkettati b’mod frawdolenti; jenfasizza li r-riforma tal-KDU għandha tindirizza dawn l-aspetti wkoll;

44.

Jieħu nota tat-tħassib espress min-network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi rigward il-mudell ta’ negozju tad-dropshipping, li jqajjem sfidi fil-ħarsien tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti u l-konformità regolatorja; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-konsumaturi ta’ spiss jiffaċċjaw prattiki qarrieqa, diffikultajiet biex jirritornaw il-prodotti u dazji fuq l-importazzjoni mhux mistennija, filwaqt li sehem sinifikanti ta’ prodotti dropshipped jonqsu milli jikkonformaw mal-istandards tas-sikurezza tal-UE; jisħaq li d-dropshipping jikkomplika l-infurzar minħabba negozji li ma jkunux traċċabbli u kumplessitajiet transfruntiera, filwaqt li l-VAT u l-konformità mal-protezzjoni tad-data jibqgħu tħassib ewlieni; jinnota li meta kkombinat mal-kummerċjalizzazzjoni tal-influwenzaturi, id-dropshipping jista’ jiggrava l-kwistjonijiet ta’ trasparenza, ir-riskji għar-reputazzjoni u l-eżiti inkonsistenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif se tindirizza l-kwistjonijiet relatati mad-dropshipping;

45.

Jenfasizza l-fatt li l-kunċett ta’ “importatur preżunt” għandu l-għan li jiżgura kundizzjonijiet ekwi kemm għall-pjattaformi online tal-UE kif ukoll għal dawk mhux tal-UE; jinnota li, fil-kuntest ta’ bejgħ online minn barra l-UE, din il-miżura tippermetti li l-klijenti ta’ pjattaformi online mhux tal-UE ma jitqisux bħala importaturi, bħal ma huwa l-każ skont il-KDU attwali, filwaqt li minflok pjattaforma jew negozjant mhux tal-UE jitqies bħala “importatur preżunt”; jemmen li r-responsabbiltajiet ta’ “importatur preżunt” għandhom jiġu definiti b’mod ċar u jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-DSA; jenfasizza li l-fatt li l-pjattaformi huma responsabbli biex jiżguraw li l-VAT u d-dazji doganali jinġabru fil-post tal-bejgħ, aktar milli mad-dħul fl-UE, se jnaqqas il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa;

46.

Jesprimi tħassib dwar in-natura fakultattiva tal-iskema tal-Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjonijiet (IOSS) għall-operaturi online kollha, li tiddevja mill-objettivi oriġinali tal-inizjattiva tal-VAT fl-Era Diġitali; jissottolinja l-ħtieġa ta’ azzjonijiet addizzjonali biex tissaħħaħ ir-robustezza tas-sistema u jitnaqqas l-użu ħażin potenzjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati biex tistabbilixxi salvagwardji għall-IOSS kontra prattiki frawdolenti; jirrakkomanda li tali salvagwardji jkunu komprensivi u ssimplifikati biex jipprevjenu b’mod effettiv il-frodi filwaqt li jiġu evitati piżijiet amministrattivi eċċessivi; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-applikabbiltà tal-IOSS tiġi estiża għall-oġġetti li jmorru lil hinn mil-limitu tal-eżenzjoni mid-dazju doganali ta’ EUR 150 biex tiġi evitata s-sottovalutazzjoni u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta;

47.

Jappella biex, fl-2026, tiġi stabbilita Awtorità Doganali tal-UE ġdida biex tipprovdi appoġġ espert lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri; jissottolinja li, fir-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha, l-Awtorità Doganali tal-UE għandha timmappja wkoll il-kapaċitajiet ta’ ttestjar u kontroll tal-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri kollha u tingħata l-mandat li twettaq spezzjonijiet mhux imħabbra biex tidentifika prodotti mhux sikuri jew mhux konformi possibbli u toħroġ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità; jinnota li l-pjattaforma l-ġdida tad-data doganali tal-UE se tippermetti kooperazzjoni msaħħa bejn l-Awtorità Doganali tal-UE u l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħra permezz tal-iskambju tad-data u l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT nazzjonali, u b’hekk tiffaċilita l-kontrolli kkoordinati u l-identifikazzjoni ta’ prodotti mhux konformi; iqis li huwa essenzjali li jiġu integrati bis-sħiħ il-funzjonalitajiet tat-Tieqa Unika għad-Dwana fil-pjattaforma tad-data doganali tal-UE; jinnota, fil-kuntest tal-Awtorità Doganali tal-UE proposta, l-importanza li jiġu kkonsultati rappreżentanti ta’ diversi partijiet ikkonċernati b’mod regolari biex tingħata twissija bikrija lill-Awtorità Doganali tal-UE;

48.

Jisħaq li, minħabba l-urġenza, id-dħul fis-seħħ ta’ obbligi differenti ppjanati fir-reviżjoni tal-KDU għandu jiġi aċċellerat, bħall-istabbiliment ta’ pjattaforma tad-data doganali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tibda minnufih il-ħidma preparatorja meħtieġa għall-istabbiliment tal-pjattaforma tad-data doganali tal-UE, sabiex tħaffef it-tħejjija tal-funzjonijiet tagħha tal-kummerċ elettroniku fl-2026;

49.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-idea li l-oġġetti tal-kummerċ elettroniku jiġu ttrasportati lejn l-UE bl-ingrossa kif ukoll tal-istabbiliment ta’ mħażen fl-UE minn negozjanti mhux tal-UE għal tali oġġetti qabel ma jitqiegħdu f’pakketti għall-konsenja lill-klijenti; jirrikonoxxi li tali vjeġġi ta’ oġġetti tal-kummerċ elettroniku bl-ingrossa u l-ħżin tagħhom fl-imħażen fl-UE jistgħu jżidu s-sorveljanza tal-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq u jtejbu l-kontrolli tagħhom u l-identifikazzjoni ta’ oġġetti mhux konformi meta mqabbla mal-vjeġġi ta’ pakketti individwali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-għażliet kollha possibbli biex jinċentivaw tali prattiki, inklużi status simplifikat għall-operaturi ta’ fiduċja u vverifikati (operaturi Trust and Check) u valutazzjonijiet tal-kostijiet u l-benefiċċji għall-iskemi ta’ inċentivi; jinnota wkoll li l-vjeġġi bl-ingrossa jista’ ma jkunx fattibbli għan-negozjanti kollha li mhux tal-UE, b’mod partikolari dawk li joperaw mudelli minn konsumatur għal konsumatur (C2C) jew użati; jenfasizza li dan l-approċċ għandu joħloq bilanċ bejn il-vantaġġi tal-konformità u r-rekwiżiti prattiċi tal-operaturi tal-kummerċ elettroniku, filwaqt li jiżgura li jevita li joħloq ostakli loġistiċi jew li jpoġġi piż żejjed fuq mudelli ta’ negozju differenti;

50.

Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni ħarġet dokument informali li jiddeskrivi l-introduzzjoni ta’ tariffa amministrattiva mhux diskriminatorja fuq oġġetti tal-kummerċ elettroniku, li għandha tiġi imposta mill-awtoritajiet doganali għall-oġġetti mibjugħa f’bejgħ mill-bogħod bil-għan li tkopri ż-żieda fil-kostijiet superviżorji tal-awtoritajiet doganali, jiġifieri l-verifika tad-data, it-twettiq ta’ analiżi tar-riskju, it-twettiq ta’ kontrolli dokumentarji u fiżiċi u speċifikament il-finanzjament tal-Awtorità Doganali tal-UE u tal-pjattaforma tad-data; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jevitaw tariffi unilaterali biex tiġi evitata frammentazzjoni tal-unjoni doganali; jissottolinja li l-proposta tissuġġerixxi rata fissa ta’ EUR 2 għal kull oġġett ikkonsenjat direttament lill-klijent jew tariffa iżgħar ta’ 50 ċenteżmu għall-operaturi ta’ fiduċja u vverifikat (operaturi Trust and Check) li joperaw mudell ta’ negozju ta’ depost għall-bejgħ mill-bogħod fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni xierqa ta’ jekk l-ammont propost jikkonformax mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u jekk huwiex suffiċjenti u proporzjonat biex jintlaħqu l-objettivi; jinsisti li din it-tariffa amministrattiva ma għandhiex tiġġarrab mill-konsumatur;

51.

Jinnota l-kost enormi għall-ġestjoni tal-iskart u għall-qerda tal-prodotti li jirriżultaw mill-ammont kbir ħafna ta’ prodotti mhux konformi u mhux sikuri importati bil-kummerċ elettroniku ta’ pajjiżi mhux tal-UE; jissottolinja li sehem kbir ta’ dawn il-prodotti mhuwiex riċiklabbli, huwa ta’ ħsara għall-ambjent jew mhuwiex konformi mal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi applikabbli, u dan ikompli jżid il-kostijiet ambjentali għall-awtoritajiet pubbliċi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tevalwa l-miżuri meħtieġa biex jittaffa l-impatt ambjentali tal-attivitajiet tal-kummerċ elettroniku ta’ pajjiżi mhux tal-UE inkluża l-fattibbiltà ta’ tariffa għall-ġestjoni tal-iskart fuq il-prodotti kollha mibjugħa permezz ta’ swieq online ta’ pajjiżi mhux tal-UE biex jiġi żgurat li l-kostijiet ambjentali ma jkunux appoġġjati mill-kontribwenti tal-UE;

52.

Jisħaq li l-penali inkonsistenti u l-istrateġiji ta’ infurzar differenti għan-nuqqas ta’ konformità fi Stati Membri differenti jwasslu għal “xiri fil-fruntieri” jew “xiri doganali”; jappoġġja l-armonizzazzjoni minima tal-ksur u tas-sanzjonijiet mhux kriminali għan-nuqqas ta’ konformità fl-Istati Membri kollha u permezz tal-Awtorità Doganali tal-UE peress li din tevita li jinħolqu punti tad-dħul dgħajfa fit-territorju doganali tal-UE; jisħaq li dan għandu jinvolvi qafas komuni għal armonizzazzjoni minima biex jingħalqu l-lakuni eżistenti u b’hekk jiġu indirizzati l-isfidi tal-kummerċ elettroniku; jissottolinja li l-Istati Membri jistgħu jimponu sanzjonijiet addizzjonali mfassla għall-kuntesti nazzjonali;

53.

Jinnota li l-Kummissjoni qed tiskrutinizza ċerti swieq online mhux tal-UE talli jużaw prattiki manipulattivi, inklużi darks patterns, karatteristiċi tad-disinn li joħolqu dipendenza, kummerċjalizzazzjoni tal-influwenzaturi qarrieqa, u t-tixrid ta’ reċensjonijiet foloz jew qarrieqa online; jirrikonoxxi li, skont ir-rapport tal-Kontroll tal-Idoneità tal-Ekwità Diġitali, il-prattiki kummerċjali inġusti jiswew madwar EUR 8 biljun lill-konsumaturi fis-sena, u li l-użu ta’ tekniki inġusti li jagħmlu pressjoni fuq il-konsumaturi, speċjalment dawk vulnerabbli u t-tfal, biex jagħmlu xiri impulsiv, iwassal għal konsum żejjed u nfiq żejjed; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet fl-Att dwar l-Ekwità Diġitali li jmiss, sakemm ma jkunux diġà koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti, bil-ħsieb li l-prattiki inġusti jiġu indirizzati b’mod effettiv u jingħalqu l-lakuni legali eżistenti, filwaqt li tibqa’ konsistenti mal-oqfsa legali eżistenti u tevita piżijiet regolatorji mhux meħtieġa;

54.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li kwalunkwe inizjattiva ġdida proposta mill-Kummissjoni fil-qasam tal-infurzar jew tal-konformità doganali ma tirriżultax f’piżijiet amministrattivi addizzjonali għan-negozji Ewropej, b’mod partikolari għall-SMEs;

55.

Jisħaq fuq l-importanza tar-rwol tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) fil-qasam tal-investigazzjonijiet transfruntiera ta’ reati doganali, li jinkludu b’mod partikolari frodi, pereżempju s-sottovalutazzjoni illeċita tal-prezz tal-prodotti sabiex jiġi evitat il-ħlas tat-taxxi tal-importazzjoni; jenfasizza li l-evażjoni fuq skala kbira tad-dazji doganali, inklużi d-dikjarazzjonijiet frawdolenti tal-kummerċ elettroniku u s-sottovalutazzjoni, kif ukoll l-evitar ta’ kontrolli u għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni, iridu jiġu miġġielda b’mod effettiv permezz ta’ investigazzjonijiet tad-dritt kriminali mwettqa mill-UPPE, bl-appoġġ tal-awtoritajiet doganali; jisħaq li l-qafas legali robust tal-UPPE għal investigazzjonijiet transfruntiera għandu jiġi sfruttat biex jiġu żarmati n-networks kriminali wara operazzjonijiet bħal dawn;

Azzjonijiet ta’ infurzar addizzjonali

56.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jinforzaw bil-qawwa d-DSA fir-rigward tar-responsabbiltà tas-swieq online, b’mod partikolari l-obbligi tagħhom rigward is-sistemi ta’ rakkomandazzjoni, id-disinji tal-interfaċċa, id-dritt għall-informazzjoni, ir-regoli dwar il-konformità mid-disinn biex tiżdied it-traċċabilità ġenerali u l-obbligu tagħhom ta’ “kun af il-klijent kummerċjali tiegħek”; jenfasizza li l-konformità ma’ dawn l-obbligi għandha taqta’ qalb in-negozjanti mhux konformi milli joffru l-prodotti tagħhom fl-UE permezz ta’ swieq jew servizzi ta’ xiri tal-media soċjali li jaqgħu f’din il-kategorija, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ prattiku fit-traċċar ta’ negozjanti li ma jirrispettawx ir-regoli tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ network ibbażat fuq id-DSA ta’ sinjalaturi fdati għall-prodotti illegali u l-kummerċ elettroniku biex jiġi żgurat li l-pjattaformi jissodisfaw l-obbligi tagħhom b’mod effettiv;

57.

Jisħaq li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huwa kruċjali; jitlob aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti kollha, bħall-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, u koordinazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-gruppi ta’ esperti stabbiliti kollha; jisħaq li, skont d-DSA, l-azzjonijiet investigattivi kontra swieq online mhux konformi jeħtieġ li jagħtu riżultati u jwasslu għal sanzjonijiet deterrenti sabiex jipprevjenu l-offerta ta’ prodotti mhux konformi; jenfasizza l-importanza ta’ dawn l-investigazzjonijiet fl-indirizzar tar-riskji sistemiċi, il-fallimenti tal-konformità, it-tixrid ta’ kontenut illegali, il-karatteristiċi tad-disinn li joħolqu dipendenza, id-dark patterns u l-użu ta’ influwenzaturi għal reklamar manipulattiv;

58.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar isaħħu l-azzjonijiet ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar immirati lejn mezzi tal-bejgħ ġodda; jirrakkomanda li l-awtoritajiet kompetenti jkunu mgħammra b’riżorsi adegwati, għodod teknoloġiċi u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera biex jidentifikaw u jieħdu azzjoni b’mod effettiv kontra negozjanti mhux konformi li joperaw permezz tal-media soċjali u ta’ pjattaformi emerġenti oħra;

59.

Jissuġġerixxi li l-bejjiegħa tas-swieq online jeħtiġilhom jipprovdu indirizz tat-trasport mill-ġdid u punt ta’ kuntatt fl-UE biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jirritornaw faċilment oġġetti mhux konformi mingħajr kostijiet żejda u biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jispezzjonaw l-oġġetti; jemmen li s-swieq online għandhom ikunu responsabbli biex jivverifikaw dan u għandhom jinżammu responsabbli għall-infurzar;

60.

Jappella għal evalwazzjoni urġenti u dettaljata tal-effettività tad-dispożizzjoni tal-“persuna responsabbli għall-prodotti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni”, b’mod partikolari dawk ta’ negozjanti mhux tal-UE, li tibni fuq ir-riżultati tar-rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-Artikolu 4 tal-MSR; jistieden lill-Kummissjoni tqis, fost l-azzjonijiet futuri tagħha, li tintroduċi rekwiżit obbligatorju għan-negozjanti mhux tal-UE biex jaħtru persuna responsabbli fl-UE b’aktar responsabbiltà legali u finanzjarja;

61.

Jinnota li s-servizzi postali u servizzi oħra ta’ konsenja għaddejjin minn trasformazzjonijiet sinifikanti minħabba t-tkabbir rapidu tal-kummerċ elettroniku; iqajjem tħassib li s-sistema tat-tariffi terminali tal-Unjoni Postali Universali fil-prattika ma tapplikax għall-flussi tal-kummerċ elettroniku; jinnota li, b’riżultat ta’ dan, in-negozji tal-kummerċ elettroniku Ċiniżi, minħabba l-volumi ta’ vjeġġi, jidħlu fi ftehimiet kummerċjali direttament mal-operaturi postali tal-UE għal rati tal-konsenja attraenti ħafna li jkunu irħas minn dawk għall-oġġetti manufatturati fl-EU, u dan iwassal għal frammentazzjoni aktar profonda tas-suq uniku għas-servizzi postali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt tal-kummerċ elettroniku fuq is-servizzi postali u s-suq intern, u tqis kif is-servizzi postali jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-suq uniku u jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u għall-kompetittività globali tal-UE;

62.

Jilqa’ l-approvazzjoni tar-riformi tal-VAT fl-Era Diġitali, li jirrappreżentaw pass sinifikanti lejn l-immodernizzar tal-ġbir tal-VAT fis-settur tal-kummerċ elettroniku; jenfasizza l-importanza ta’ ID tal-VAT Uniku għas-swieq online u għall-manifatturi Ewropej, li jippermettilhom jikkompetu f’kundizzjonijiet ekwi billi jissimplifika l-konformità mal-VAT fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li din il-miżura tista’ wkoll tiffaċilita l-importazzjoni bl-ingrossa u l-ħżin ta’ oġġetti fl-UE, tnaqqas id-dipendenza fuq vjeġġi transfruntiera frammentati u tiżgura li s-servizzi ta’ valur miżjud, bħat-twettiq u l-loġistika, jitwettqu fis-suq uniku; jisħaq li dawn ir-riformi se jtejbu l-konformità mar-regoli tat-taxxa, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jtejbu l-infurzar filwaqt li jappoġġjaw il-kompetizzjoni ġusta u jsaħħu l-ktajjen tal-provvista tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-miżuri biex jimmassimizzaw il-benefiċċji tagħhom għan-negozji u l-konsumaturi Ewropej;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż tal-konformità regolatorju u amministrattiv mhux meħtieġ għall-manifatturi tal-UE, b’mod partikolari għall-SMEs, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u jkunu jistgħu jikkompetu aħjar mal-kompetituri globali li joperaw taħt standards ta’ konformità aktar effiċjenti;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi tal-istess fehma biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki, jiġu identifikati sfidi u riskji komuni u jiġu żviluppati azzjonijiet konġunti dwar il-kummerċ elettroniku;

65.

Jilqa’, f’dan ir-rigward, l-Inizjattiva ta’ Dikjarazzjoni Konġunta tad- WTO dwar il-Kummerċ Elettroniku; jinnota li l-ftehim se jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u n-negozji billi jiffaċilita t-tranżazzjonijiet elettroniċi transfruntieri, inaqqas l-ostakli għall-kummerċ diġitali u jippromwovi l-innovazzjoni fil-kummerċ elettroniku; jissottolinja, madankollu, li l-ftehim huwa biss pedament u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi ftehimiet kummerċjali ambizzjużi fin-negozjati mas-sħab biex jiġu żgurati dispożizzjonijiet vinkolanti dwar il-kummerċ elettroniku;

Użu akbar ta’ għodod tal-IT

66.

Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tħejji proġett biex tissimplifika l-bażijiet tad-data eżistenti, inklużi s-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq, is-sistema Safety Gate tal-UE u s-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali, f’sistema interoperabbli komuni li tiġbor l-informazzjoni kollha dwar is-sikurezza tal-prodotti, it-trekkjar tal-prodotti kontrafatti u n-notifika ta’ aċċidenti u biex tiżgura l-interoperabbiltà mad-DPP u l-futur tal-pjattaforma tad-data doganali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika informazzjoni dwar l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni u r-rekwiżiti tar-riżorsi ta’ din l-inizjattiva;

67.

Jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tipprovdi lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq bl-għodda WebCrawler għas-sorveljanza elettronika biex taqbad prodotti perikolużi li jerġgħu jitfaċċaw; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli web crawler ieħor għall-identifikazzjoni ta’ elenkar ġdid malajr kemm jista’ jkun, sabiex jinqabdu prodotti mhux konformi qabel ma jaslu għand il-konsumaturi;

68.

Jappoġġja l-użu responsabbli tal-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain u l-internet tal-oġġetti għall-iskennjar u l-analiżi tal-elenkar ta’ prodotti fuq pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, l-awtomatizzazzjoni tal-ispezzjonijiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq u l-identifikazzjoni tar-riskju u l-integrazzjoni ta’ bażijiet tad-data dwar il-konformità tal-prodotti għall-kontrolli f’ħin reali bejn awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet doganali, f’konformità mad-dritt tal-UE u dak nazzjonali; jinnota, madankollu, li l-kostijiet għoljin tal-implimentazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji għadhom ostaklu; jinnota li l-użu sħiħ ta’ dawn it-teknoloġiji se jagħmel l-immaniġġjar aktar effiċjenti, speċjalment għal oġġetti ta’ valur baxx u li l-volum għoli ta’ pakketti li fihom ħafna oġġetti differenti jiffaċċjaw kapaċitajiet ta’ spezzjoni limitati;

69.

Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki u jsibu inċentivi biex jipprovdu l-finanzjament u l-appoġġ meħtieġa lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiżdied l-użu responsabbli ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi; jissuġġerixxi li l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain u l-internet tal-oġġetti jintużaw biex jiskennjaw u janalizzaw l-elenkar ta’ prodotti fuq pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, jawtomatizzaw l-ispezzjonijiet u t-tfassil ta’ profili tar-riskju, u jintegraw bażijiet tad-data dwar il-konformità tal-prodotti għal kontrolli f’ħin reali minn diversi awtoritajiet;

70.

Jissottolinja li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kontrolli doganali b’mod partikolari fuq vjeġġi b’valur baxx billi jimplimentaw sistemi ta’ valutazzjoni bbażati fuq ir-riskju u traċċar diġitali biex jipprevjenu li prodotti mhux konformi jevitaw il-kontrolli doganali; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-livell ta’ proċessi awtomatizzati, bħall-iskennjar awtomatizzat ta’ tikketti meta jipproċessaw pakketti fid-dwana;

71.

Jirrikonoxxi li xi swieq online jużaw ukoll għadd ta’ għodod tal-IT biex jidentifikaw u jneħħu prodotti mhux sikuri u illeċiti li jinstabu fuq il-pjattaformi tagħhom; jenfasizza, madankollu, il-fatt li s-swieq online jeħtieġ li jinvestu aktar f’dawn l-għodod tal-IT u jżidu l-użu tagħhom biex jevitaw b’mod effettiv l-offerta u l-bejgħ ta’ prodotti mhux sikuri u illeċiti; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinċentiva l-użu tal-għodod tal-IT mis-swieq online f’dan ir-rigward, filwaqt li tiżgura l-konformità sħiħa mal-Artikolu 8 tad-DSA, li jipprevedi li ma hemm l-ebda obbligu ġenerali li tiġi mmonitorjata l-informazzjoni li l-fornituri ta’ servizzi intermedji jittrażmettu jew jaħżnu;

72.

Jissuġġerixxi li, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju stabbilit fid-DSA li l-fornituri tas-servizzi intermedjarji online ma għandhomx ikunu soġġetti għal obbligu ta’ monitoraġġ fir-rigward tal-obbligi ta’ natura ġenerali, l-intermedjarji online involuti fil-bejgħ, il-promozzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti fis-suq tal-UE għandhom iqisu waħedhom l-użu ta’ sistemi ta’ monitoraġġ diġitali bbażati fuq ir-riskju biex jidentifikaw u jipprevjenu l-preżenza ta’ kontenut illegali (il-preżentazzjoni, id-deskrizzjoni jew l-offerta għall-bejgħ ta’ prodotti illegali jew perikolużi); jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati mekkaniżmi ta’ rispons rapidu biex tiġi żgurata t-tneħħija permanenti ta’ kontenut illegali speċifiku hekk kif il-fornituri tas-servizzi intermedjarji online jkollhom għarfien reali dwar tali kontenut illegali ppreżentat fuq l-interfaċċi tagħhom, kif ukoll il-ħtieġa li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu li l-istess kontenut illegali jew kontenut illegali ekwivalenti jitfaċċa mill-ġdid fuq il-pjattaforma tagħhom;

Titjib fis-sensibilizzazzjoni u l-informazzjoni tal-konsumatur

73.

Jenfasizza li l-konsumaturi tal-UE u l-SMEs Ewropej involuti f’attivitajiet ta’ importazzjoni spiss ma jkollhomx informazzjoni suffiċjenti dwar il-perikli possibbli ta’ prodotti potenzjalment mhux sikuri u l-ħsara li dawn jistgħu jikkawżaw; jisħaq li l-konsumaturi huma dejjem aktar fil-mira ta’ negozjanti li, minkejja l-obbligi legali tagħhom, ta’ spiss ma jinfurmawx lill-konsumaturi li l-prodotti tagħhom ikunu magħmula u ttrasportati minn barra l-UE; jirrikonoxxi li hemm domanda fost il-konsumaturi tal-UE għal prodotti orħos, li jinxtraw fi swieq online mhux tal-UE minħabba l-kostijiet tal-produzzjoni ferm aktar baxxi tagħhom u l-kundizzjonijiet mhux kompetittivi għan-negozji u l-pjattaformi online tal-UE; jisħaq li s-swieq online jistgħu jużaw tekniki ta’ disinn manipulattiv (dark patterns) biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tax-xiri; iwissi kontra r-riskji assoċjati ma’ mġiba ta’ xiri kompulsiv, diffikultajiet finanzjarji u l-akkumulazzjoni ta’ oġġetti mhux meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni dwar ix-xiri ta’ prodotti mhux sikuri online u l-konsegwenzi possibbli tagħhom fuq is-saħħa, il-privatezza, l-ambjent u l-kompetittività, b’enfasi speċjali fuq il-konsumaturi vulnerabbli u l-eqqel żminijiet ta’ konsum;

74.

Jirrakkomanda l-promozzjoni tal-konsum tal-prodotti użati bħala approċċ sostenibbli biex tiġi indirizzata l-ħtieġa tal-konsumaturi għall-oġġetti affordabbli; jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni u l-inċentivar tal-użu mill-ġdid ta’ prodotti użati bħala xprunatur importanti għall-isfruttar tal-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari;

75.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinforzaw b’mod strett ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tessuti u għal prodotti oħra skont l-ESPR kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika (14) sabiex tiżgura li l-konsumaturi jkunu infurmati aħjar dwar l-aspetti ta’ sostenibbiltà, bħall-impatti ambjentali, l-użu tal-enerġija, il-possibbiltà ta’ tiswija u id-durabbiltà tal-prodotti mixtrija fis-swieq online;

76.

Iqis li l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet industrijali u l-kmamar tal-kummerċ għandhom ikunu mħeġġa jwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni kbar u ikkoordinati dwar id-drittijiet tal-konsumatur, ir-riskji potenzjali, inklużi l-possibilitajiet għar-rimedju kollettiv, u l-mekkaniżmi ta’ rimedju meta jixtru online, b’mod partikolari fuq pjattaformi online mhux tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm ukoll sensibilizzazzjoni dwar l-impatti ambjentali, tas-saħħa u soċjali ta’ prattiki kummerċjali mhux sostenibbli u li l-konsumaturi jiġu mwissija dwar ir-rwol ta’ tekniki ġodda ta’ reklamar, bħall-influwenzaturi u l-opinjonisti diġitali, fit-tiswir tal-perċezzjonijiet tas-sikurezza u l-affidabbiltà tal-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta’ koordinazzjoni kif imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2025 dwar il-kummerċ elettroniku u tesplora l-possibbiltajiet għall-finanzjament ta’ kampanji ta’ informazzjoni transfruntiera żviluppati f’kooperazzjoni mar-riċerkaturi, mas-soċjetà ċivili u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra;

Kunsiderazzjonijiet rigward il-kummerċ u l-iżvilupp

77.

Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-livell ta’ ambizzjoni tagħha fi ftehimiet ma’ sħab internazzjonali fil-livell multilaterali, peress li l-prodotti mhux sikuri huma sfida Ewropea kif ukoll sfida globali; itenni li, kif stabbilit fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar ir-reviżjoni tal-KDU, l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ ħidma mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali; jisħaq li tali arranġamenti għandhom jippermettu lill-Awtorità Doganali tal-UE tiskambja informazzjoni, inklużi l-aħjar prattiki, mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, u twettaq attivitajiet konġunti; jappoġġja l-impenn kontinwu fil-grupp ta’ ħidma tal-Kummerċ u l-Iżvilupp tan-NU dwar is-sikurezza tal-prodotti tal-konsumaturi, li għandu rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-aħjar prattiki għall-infurzar transfruntier;

78.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, fi ħdan fora bħad-WTO, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) u l-G7, biex tikkontrobilanċja l-influwenza taċ-Ċina u tiżgura r-reċiproċità u l-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora b’mod espliċitu obbligi sodi u infurzabbli li jindirizzaw ix-xogħol furzat meta tirrieżamina u tinnegozja mill-ġdid il-ftehimiet attwali dwar il-kummerċ u l-investiment; jissottolinja l-ħtieġa ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħithom bejn l-UE u ċ-Ċina u ta’ rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni trasparenti biex tiġi żgurata l-konformità;

79.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu s-sikurezza tas-servizzi u tal-prodotti kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-konformità regolatorja meta jiġu nnegozjati ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE; jisħaq fuq l-importanza ta’ djalogi regolatorji speċifiċi u kooperazzjoni permezz ta’ arranġamenti amministrattivi, kooperazzjoni msaħħa rigward l-infurzar doganali, it-traċċabbiltà tal-vjeġġi bl-ogħla standards u l-arranġamenti mtejba ta’ kondiviżjoni tad-data bejn l-awtoritajiet doganali biex l-importazzjonijiet mhux konformi jiġu indirizzati b’mod effettiv;

80.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun proattiva u timplimenta malajr strumenti għad-difiża tal-kummerċ, inklużi investigazzjonijiet kontra s-sussidji, biex tindirizza l-impatti negattivi fuq in-negozji Ewropej; jenfasizza li tali azzjonijiet iridu jkunu kkoordinati mill-qrib mas-sħab internazzjonali ewlenin biex jiġu żgurati infurzar globali effettiv u ekwità reċiproka tas-swieq;

81.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni ttejjeb l-isforzi diplomatiċi u l-kooperazzjoni fil-fora internazzjonali, b’mod partikolari d-WTO, id-WCO u l-G7, biex tiġi kkontrobilanċjata l-espansjoni strateġika taċ-Ċina fl-oqfsa ta’ governanza diġitali, inkluża l-inizjattiva “Digital Silk Road” tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ regoli dwar il-kummerċ diġitali miftuħa, aktar trasparenti u responsabbli fil-korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-internet u jiġu mmitigati r-riskji minħabba mudelli restrittivi ta’ governanza diġitali;

82.

Jilqa’ l-Inizjattiva ta’ Dikjarazzjoni Konġunta tad-WTO dwar il-Kummerċ Elettroniku bħala pass vitali lejn regoli globali dwar il-kummerċ elettroniku; jisħaq, madankollu, fuq il-limitazzjonijiet attwali tagħha, speċjalment rigward ir-trasparenza doganali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja dispożizzjonijiet vinkolanti aktar b’saħħithom biex tiżgura l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni effettivi tagħha fil-qafas legali tad-WTO, u tiżgura standards imtejba ta’ konformità globali;

83.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ inizjattivi internazzjonali ta’ bini tal-kapaċitajiet biex tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni sostenibbli u konformi fil-kummerċ diġitali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, speċjalment id-WTO, biex ittejjeb l-oqfsa regolatorji u l-assistenza teknika għall-kummerċ elettroniku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

°

° °

84.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)   ĠU C, C/2025/1035, 27.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1035/oj.

(2)   ĠU L, 2024/3015, 12.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3015/oj.

(3)   ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj.

(4)  Letta, E., “Much more than a market: Speed, security, solidarity – Empowering the Single Market to deliver a sustainable future and prosperity for all EU Citizens” (Ħafna aktar minn suq: ħeffa, sigurtà, solidarjetà – Nagħtu setgħa lis-Suq Uniku biex iwassal għal futur sostenibbli u prosperità għaċ-Ċittadini kollha tal-UE), https://www.consilium.europa.eu/media/ny3j24sm/much-more-than-a-market-report-by-enrico-letta.pdf.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE )ĠU L 135, 23.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/988/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1020/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2394/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).

(10)  Letta, E., “Much more than a market: Speed, security, solidarity – Empowering the Single Market to deliver a sustainable future and prosperity for all EU Citizens” (Ħafna aktar minn suq: ħeffa, sigurtà, solidarjetà – Nagħtu setgħa lis-Suq Uniku biex iwassal għal futur sostenibbli u prosperità għaċ-Ċittadini kollha tal-UE), April 2024.

(11)  Ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753 (ĠU L, 2023/2411, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2024/2853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE (ĠU L, 2024/2853, 18.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2853/oj).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, li jemenda d-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2023/1542 u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L, 2024/1781, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1781/oj).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2024/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar (ĠU L, 2024/825, 6.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/825/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1436/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)