European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1384

10.3.2026

Notifika tal- bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju llaminati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(C/2026/1384)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju llaminati ċatti, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”), skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”). Ir-rieżami interim parzjali huwa limitat għall-ambitu tal-prodott.

1.   Talba għal rieżami

It-talba tressqet fid-19 ta’ Mejju 2025 mill-importatur tal-Unjoni PalNet (“l-applikant”).

Verżjoni miftuħa tat-talba hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.4 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.

2.   Il-prodott rieżaminat

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa prodotti tal-aluminju, llaminati ċatti, illigati jew le, maħdumin aktar jew le ħlief illaminati ċatti, mingħajr rinforz, mingħajr saffi interni ta’ materjal ieħor, (i) f’koljaturi jew fi strixxi koljati, f’folji maqtugħin skont id-daqs, jew fil-forma ta’ ċrieki; ta’ ħxuna ta’ 0,2 mm jew aktar iżda mhux aktar minn 6 mm, (ii) fi pjanċi, ta’ ħxuna ta’ aktar minn 6 mm, (iii) f’koljaturi jew fi strixxi koljati, ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,03 mm iżda inqas minn 0,2 mm (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7606 11 91 (kodiċijiet TARIC 7606 11 91 25, 7606 11 91 86), ex 7606 11 93 (kodiċijiet TARIC 7606 11 93 25, 7606 11 93 86), ex 7606 11 99 (kodiċijiet TARIC 7606 11 99 25, 7606 11 99 86), ex 7606 12 92 (kodiċijiet TARIC 7606 12 92 25, 7606 12 92 93), ex 7606 12 93 (kodiċijiet TARIC 7606 12 93 86), ex 7606 12 99 (kodiċijiet TARIC 7606 12 99 25 u 7606 12 99 86), ex 7606 91 00 (kodiċijiet TARIC 7606 91 00 25, 7606 91 00 86), ex 7606 92 00 (kodiċijiet TARIC 7606 92 00 25, 7606 92 00 92), ex 7607 11 90 (kodiċijiet TARIC 7607 11 90 48, 7607 11 90 51, 7607 11 90 53, 7607 11 90 65, 7607 11 90 73, 7607 11 90 75, 7607 11 90 77, 7607 11 90 91, 7607 11 90 93) u ex 7607 19 90 (kodiċijiet TARIC 7607 19 90 75, 7607 19 90 94). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma pprovduti għall-fini ta’ informazzjoni biss mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1784 (2) (“l-investigazzjoni oriġinali”).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija bbażata fuq evidenza suffiċjenti pprovduta mill-applikant li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura eżistenti jista’ jiġi emendat biex jeskludi tip speċifiku tal-prodott ikkonċernat użat għal tip ta’ applikazzjoni speċifiku u limitat ħafna.

L-applikant allega li l-folji tal-aluminju magħmula minn ligi tas-serje 7000 (inkluż iżda mhux limitat għal liga 7021-T6), użati għall-manifattura ta’ Apparat Għat-Tagħbija Tal-Unità (Unit Load Devices, ULD) iċċertifikat għas-setturi tal-avjazzjoni ċivili u tal-merkanzija bl-ajru, kienu koperti mill-ambitu tal-prodott oriġinali.

L-applikant ipprovda wkoll evidenza li dan it-tip speċifiku tal-prodott taħt rieżami ma jiġix prodott fl-UE u ma jistax jinkiseb minn xi mkien ieħor fi kwantitajiet suffiċjenti bil-kombinazzjoni meħtieġa ta’ dimensjonijiet u tipi ta’ ligi. Dawn ir-rekwiżiti tal-prodott huma bbażati fuq Regolamenti stretti applikabbli biss għas-settur tal-avjazzjoni.

B’riżultat ta’ dan, l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fuq dawn il-prodotti allegatament tipperikola s-sopravivenza tal-uniku manifattur tal-ULD ibbażat fl-Unjoni, fid-dawl tal-impossibbiltà li jiġu assorbiti d-dazji proposti minħabba l-istruttura tal-kostijiet u l-livelli ta’ profittabbiltà tiegħu, u l-ineżistenza ta’ kwalunkwe alternattiva vijabbli oħra li tippermetti lill-kumpanija tibqa’ kompetittiva fis-suq. Barra minn hekk, huwa allegat li dan ma jwassalx għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

Għalhekk, l-applikant jitlob esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-folji tal-aluminju magħmula minn ligi tas-serje 7000 (inkluż iżda mhux limitat għal-liga 7021-T6), użati esklużivament għall-manifattura ta’ ULDs iċċertifikati għas-setturi tal-avjazzjoni ċivili u tal-merkanzija bl-ajru.

5.   Proċedura

Ladarba stabbiliet, wara li infurmat lill-Istati Membri, li hemm biżżejjed evidenza sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ rieżami interim parzjali limitat għall-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni qed tniedi rieżami f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

5.1.   Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3).

Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.2.   Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li qiegħdu informazzjoni disponibbli se jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet f’dik il-paġna biex tikseb aċċess (4).

5.3.   Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.4.   Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-smigħ ikun limitat għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara smigħ.

5.5.   Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex tintbagħat il-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu lill-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “ Sensitive ”  (5). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “ Sensitive ” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “ For inspection by interested parties ”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu li l-qofol tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali jinftiehem raġonevolment. Meta parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inkluż it-talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, id-dokumenti skenjati ta’ prokuri u dawk ta’ ċertifikazzjoni. Il-partijiet interessati, meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inkluż il-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON. tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-R849-ALU-FLAT-EUE@ec.europa.eu

6.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.

7.   Preżentazzjoni ta’ informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà għal kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika tal-Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal 3 ijiem dment li ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nonkooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal din il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talbiet. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ jenħtieġ li jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jenħtieġ li jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun, wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Jekk it-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn dawn it-talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en.

12.   Proċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU L 359, 11.10.2021, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1784/oj.

(3)  Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(4)  F’każ ta’ problemi tekniċi jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Uffiċċju tas-Servizz tal-Kummerċ bl-email trade-service-desk@ec.europa.eu jew bit-telefown + 3222979797.

(5)  Dokument “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1384/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)