European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1382

6.3.2026

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(C/2026/1382)

Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“Obst vom Bodensee”

Nru tal-UE: PGI-DE-02820 — 2.12.2021

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet

“Obst vom Bodensee”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew proċessati

Kodiċi tan-nomenklatura magħquda

08 – FROTT U ĠEWŻ TAJBIN GĦALL-IKEL; QOXRA TAL-FROTT TAĊ-ĊITRU JEW TAL-BETTIEĦ

0808 — Tuffieħ, lanġas u sfarġel, friski:

0808 10 — Tuffieħ

0808 30 — Lanġas

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Frott, jiġifieri tuffieħ u lanġas. L-IĠP “Obst vom Bodensee” tista’ tintuża għat-tuffieħ tal-ispeċi Malus domestica Borkh, u għall-kloni u l-mutazzjonijiet assoċjati tiegħu, u għal-lanġas tal-ispeċi Pyrus communis u għal-kloni u l-mutazzjonijiet assoċjati tiegħu. Iż-żewġ tipi ta’ frott iridu jitkabbru fiż-żona ġeografika definita u jissodisfaw il-karatteristiċi tal-kwalità stabbiliti hawn taħt.

Fil-prinċipju, iż-żewġ tipi ta’ frott huma tal-Klassi I u l-indikazzjonijiet tal-klassi huma bbażati fuq il-klassifikazzjoni stabbilita fir-Regolament rilevanti kurrenti tal-UE li huwa applikabbli għal kull tip ta’ frotta. Il-karatteristiċi tal-kwalità jistgħu jvarjaw fil-limiti tat-tolleranzi legali.

Il-Klassi II hija permessa għat-tipi ta’ frott imsemmija hawn fuq jekk l-iżvalutazzjoni tagħhom għall-Klassi II tkun dovuta biss għall-ħsara mis-silġ, għall-iżvilupp ta’ dbabar lewn is-sadid jew għall-ħsara mill-ġlata, u l-kumitat tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Obst vom Bodensee Marketinggesellschaft mbH jirrikonoxxi, fil-bidu tal-istaġun tal-kummerċjalizzazzjoni, li jkun hemm interess leġittimu fil-kummerċjalizzazzjoni tal-Klassi II. Fil-każ ta’ frott prodott b’mod organiku, japplikaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Klassi II.

L-“Obst vom Bodensee” dejjem ikollu aċidità ogħla mill-frott imkabbar f’żoni bi klimi aktar sħan. Il-varjetajiet ħelwin għandhom togħma partikolarment ta’ frott jekk il-kontenut taz-zokkor tagħhom ikun ibbilanċjat mal-aċidità tagħhom. Din l-interazzjoni armonjuża bejn il-kontenut taz-zokkor (iz-zokkor jgħaqqad l-aromi) u l-aċidità (l-aċidu jagħti l-vivaċità) hija tipika tal-“Obst vom Bodensee”. Għalhekk, b’mod ġenerali, l-“Obst vom Bodensee” huwa eċċezzjonalment aromatiku. Il-kulurazzjoni tal-epikarpju tal-“Obst vom Bodensee” hija eċċellenti u ogħla mill-medja, speċjalment għall-kulur dominanti. Dan huwa deskritt f’aktar dettall fit-tabelli ta’ hawn taħt.

L-“Obst vom Bodensee” huwa distint mill-karatteristiċi kwalitattivi li ġejjin:

Varjetà

Tuffieħ

Kalibru

Grupp tal-kulur/kulur minimu tas-superfiċje tipiku tal-varjetà

Valur Brix minimu

Aċidità minima g/l

Ebusija

Kg x cm2

Gala

60 –85

Skont il-mutant tal-grupp tal-kulur A, B jew C: A/ Nofs it-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar B/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat C/ Għaxra fil-mija tal-erja totali tas-superfiċje ta’ kulur kemxejn aħmar, ħamrani jew irrigat

11,5

1,5

5

Minneiska/SweeTango®

60 –90

B/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat

11,5

2,5

5

Sunspark/Sprizzle®

60 –90

B/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat

11,5

1,5

5,5

Caudle/Cameo®

60 –85

Skont il-mutant tal-grupp tal-kulur A jew B: A/ Nofs it-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar B/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat

11,5

2

4,5

Fuji/KIKU®

60 –95

Skont il-mutant tal-grupp tal-kulur A jew B: A/ Nofs it-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar B/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat

11,5

1

5,5

Prem A96/Rockit®

40 –70

M - varjetà ċkejkna

B/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat

11,5

2

6,5

Elstar

60 –90

C/ Għaxra fil-mija tal-erja totali tas-superfiċje ta’ kulur kemxejn aħmar, ħamrani jew irrigat

11,5

2,5

4,5

Pinova/Evelina®

60 –90

B/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat

11,5

2,5

6

Jonagold

60 –90

C/ Għaxra fil-mija tal-erja totali tas-superfiċje ta’ kulur kemxejn aħmar, ħamrani jew irrigat

11,5

2,5

4,5

Red Jonagold/Red Jonaprince®

60 –90

C/ Għaxra fil-mija tal-erja totali tas-superfiċje ta’ kulur kemxejn aħmar, ħamrani jew irrigat

11,5

2,5

4,5

Nicoter/Kanzi®

60 –90

B/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat

11,5

4

6

SQ159/Natyra®/Magic Star®

60 –90

A/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat

12

3

4,5

Xeleven/Swing®

60 –85

A/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat

12

3,5

7,5

Boskoop

60 –90

B/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat, tal-varjetà bi dbabar lewn is-sadid

11,5

3

4,5

HS 66/Fräulein®

60 –90

B/ Terz tat-total tas-superfiċje ta’ kulur aħmar imħallat

11,5

3,5

6


Varjetà

Lanġas

Kalibru

Grupp tal-kulur/kulur minimu tas-superfiċje tipiku tal-varjetà

Valur Brix minimu

Aċidità minima g/l

Ebusija

Kg x cm2

Alexander Lukas

55 –90

50 % dbabar lixxi lewn is-sadid

11

Ma jitkejjilx għal-lanġas

4

Konferenza

55 –90

50 % dbabar lixxi lewn is-sadid

11,5

Ma jitkejjilx għal-lanġas

4

Cepuna/Migo®

60 –85

50 % dbabar lixxi lewn is-sadid

11,5

Ma jitkejjilx għal-lanġas

4

Williams Christ

55 –85

50 % dbabar lixxi lewn is-sadid

10,5

Ma jitkejjilx għal-lanġas

4

Xenia®

60 –95

50 % dbabar lixxi lewn is-sadid

11,5

Ma jitkejjilx għal-lanġas

5

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

L-istadji li ġejjin tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita:

Kultivazzjoni tal-frott

3.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Il-proċeduri kollha fil-punti ta’ reġistrazzjoni/fl-istazzjonijiet tal-ippakkjar — ir-reġistrazzjoni, il-ħżin, is-separazzjoni, l-ippakkjar u d-dispaċċ — jitwettqu f’konformità mar-rekwiżiti tal-Qualitätszeichen Baden-Württemberg [it-tikketta tal-kwalità ta’ Baden-Württemberg] u tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-Istandard Internazzjonali tal-Ikel (IFS, International Food Standard) u għandhom iċ-ċertifikati korrispondenti.

Għalhekk, jinvolvu l-kompiti li ġejjin:

Il-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti tal-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE jew tal-istandard tan-NUKEE u tad-daqsijiet tal-frott imsemmija hawn fuq, u kwalunkwe devjazzjoni minnhom, u d-dokumentazzjoni tar-riżultati.

L-iżgurar li l-imballaġġ li jintuża darba biss ikun jista’ jiġi rriċiklat jew inkella li jintuża imballaġġ riutilizzabbli li huwa standard fl-industrija.

Il-prodott jinħadem, jinħażen u jiġi ppakkjat f’konformità mal-linji gwida għat-tikketta tal-kwalità ta’ Baden-Württemberg, kif ukoll mal-QS-GAP jew mal-GLOBALG.A.P., biċ-ċertifikati korrispondenti. It-tikketta tal-kwalità ta’ Baden-Württemberg, l-iskemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-IFS u tal-QS japplikaw għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. Dan ifisser, b’mod partikolari, li r-rekwiżiti tal-kwalità jridu jiġu ssodisfati, fir-rigward tal-produzzjoni, għall-fertilizzazzjoni, għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-ħamrija, għat-tikkettar, għall-ħżin, għat-trasport u għall-imballaġġ pereżempju, u, fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni, għall-ispezzjoni tal-oġġetti deħlin, għat-tikkettar, għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott, għat-traċċabbiltà u għall-ħruġ tal-oġġetti.

Peress li l-istandards tal-kwalità jiggarantixxu l-kwalità distintiva tal-frott, ir-reġistrazzjoni trid issir f’punti ta’ reġistrazzjoni/f’ċentri tal-ippakkjar fiż-żona ġeografika definita. Din tinkludi l-ispezzjoni viżwali tas-sikurezza tal-prodott, il-kwalità, il-kompletezza u l-integrità tal-frott, ir-reġistrazzjoni tal-produzzjoni, tal-kwantitajiet ikkonsenjati u tal-istandards tal-kwalità, id-deżinjazzjoni tal-faċilità tal-ħżin, it-tikkettar tal-kaxxi individwali fil-każ tal-konsenja mill-produttur u s-separazzjoni skont id-daqs u l-kulurazzjoni.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

4.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Id-deżinjazzjoni “Obst vom Bodensee” tidentifika l-frott prodott fir-reġjun tal-Lag Konstanz. Il-konfini ġeografiċi taż-żona ġeografika huma ffurmati mid-distretti rurali ta’ Bodenseekreis, ta’ Konstanz, ta’ Ravensburg u ta’ Lindau.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn l-“Obst vom Bodensee” u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-kwalità miksuba bis-saħħa tal-kundizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi speċifiċi, u fuq l-għarfien akkumulat u adattat maż-żmien mill-produtturi tul it-tradizzjoni twila tat-tkabbir tiegħu.

(1)   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Altitudni

Iż-żona tal-produzzjoni tal-Lag Konstanz għandha altitudni ta’ 400–700 m ’il fuq mil-livell tal-baħar.

Temperatura

It-temperatura medja annwali hija ta’ 8–9 °C, b’varjazzjoni medja annwali tat-temperatura għolja ħafna ta’ 18–19 K. Iż-żona tal-produzzjoni tal-frott hija influwenzata mill-Antiċiklun tal-Azores, b’mod partikolari matul l-istaġun tat-tkabbir. F’Ottubru, mill-ġdid qed nerġgħu naraw l-ogħla medji fix-xahar fil-lag innifsu. Is-saffi atmosferiċi ta’ fuq għadhom relattivament sħan. L-Antiċiklun tal-Azores iġorr l-arja li tkun issaħħnet fuq il-Kurrent tal-Golf lejn l-Ewropa, li tirriżulta f’temp kalm li jippromwovi t-tkabbir tal-pjanti. It-temperaturi medji għoljin imsemmija juru l-influwenza tiegħu fiż-żona ġeografika. Dan ma nbidilx minkejja t-tibdil ġenerali reċenti fil-klima. Xorta għadu l-każ li l-iljieli relattivament aktar kesħin jiġu segwiti minn jiem sħan, speċjalment lejn l-aħħar tas-sajf u fil-ħarifa, jiġifieri matul il-perjodu tas-sajran tal-frott. Dan joħloq il-varjazzjoni għolja fit-temperatura bejn binhar u billejl li hija tipika tal-Lag Konstanz.

Karatteristiċi u kwalità tal-ħamrija

Il-Lag Konstanz jaġixxi bħala riżerva termali li żżomm is-sħana fis-sajf u tirrilaxxaha matul ix-xhur tal-ħarifa u tax-xitwa. Dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi ideali għall-kultivazzjoni tat-tuffieħ u tal-lanġas huma uniċi u karatteristiċi tal-Lag Konstanz. Dawn huma fattur pożittiv li joħloq kundizzjonijiet tat-tkabbir favorevoli.

Preċipitazzjoni

Ix-xita fil-parti tal-Punent tal-Lag Konstanz tvarja minn 750 mm sa 800 mm fis-sena; aktar lejn il-Lvant titla’ għal 1 400 mm fis-sena aktar ma tiżdied l-altitudni. It-tuffieħ jikber fiż-żona klimatika umda u moderata, u jippreferi żoni b’livelli għoljin ta’ preċipitazzjoni u ta’ umdità, u ż-żona tal-Lag Konstanz, b’medja ta’ 950 mm xita u b’livelli għoljin ta’ umdità, kif ukoll b’temp sħun u xemx suffiċjenti, tipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet għat-tkabbir tiegħu. Madwar żewġ terzi tal-preċipitazzjoni tagħmel matul l-istaġun tat-tkabbir. Dan ifisser li mhux biss jistgħu jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-ilma tas-siġar tal-frott taż-żerriegħa, iżda hemm eċċess għall-kopertura tal-ħaxix.

Il-provvista kostanti u abbundanti tal-ilma li hija karatteristika tal-Lag Konstanz, bl-assorbiment ottimali assoċjat tal-minerali, twassal għal tkabbir kostanti tal-frott matul iċ-ċiklu veġetattiv u għal assorbiment mingħajr inibizzjoni tal-minerali, li jfisser inqas mard fiżjoloġiku matul il-ħżin.

Riskju ta’ ġlata u arja kiesħa

Il-ġlata sseħħ għal medja ta’ 80–90 jum fis-sena, u l-valuri jvarjaw minn reġjun għal ieħor. Fix-xitwa, il-Lag Konstanz jirrilaxxa s-sħana li jkun ħażen matul is-sajf. Dan jipprevjeni li l-għelejjel tal-frott iġarrbu ħsara kbira mill-ġlata.

Bl-istess mod, il-ġlata tardiva, li hija kawża ta’ biża’ matul il-perjodu tal-fjoritura, fil-biċċa l-kbira wkoll tinżamm ’il bogħod bis-saħħa tal-effett tal-Lag Konstanz bħala riżerva termali. F’konformità mal-elevazzjoni taż-żona, il-fjoritura sseħħ aktar tard fiż-żona tal-Lag Konstanz milli fiż-żoni l-oħra tat-tkabbir tal-frott fil-Lbiċ tal-Ġermanja.

Riħ

Il-klima tal-Lag Konstanz hija essenzjalment influwenzata miż-żiffiet li jiġu mill-art u mil-lag. Iż-żiffa mil-lag isseħħ binhar u hija l-aktar qawwija fis-sajf, speċjalment f’Awwissu u f’Settembru. Tonfoħ mases tal-arja aktar kesħin mil-lag lejn iż-żona tax-xatt. Iż-żiffa mill-art isseħħ l-aktar billejl u matul ix-xhur tax-xitwa. Ir-riżerva termali tal-lag tnaqqas il-forza tal-irjieħ, li spiss ikunu ħorox fix-xitwa. Dan itaffi l-ġlata severa, li tista’ tagħmel ħsara lis-siġar.

(2)   Speċifiċità tal-prodott

L-“Obst vom Bodensee” huwa kkaratterizzat minn kriterji tal-kwalità bħal kulurazzjoni qawwija, aroma intensa u reżistenza tal-qoxra, u spiss frott b’ċelloli żgħar; dan ġie osservat ripetutament f’pubblikazzjonijiet xjentifiċi għal madwar 90 sena. F’dan il-kuntest, “b’ċelloli żgħar” tfisser li l-istruttura taċ-ċellola hija aktar fina, li għandha effett pożittiv fuq is-sawra, l-aroma u t-togħma tal-polpa tal-frott.

(3)   Rabta kawżali

Il-kundizzjonijiet klimatiċi u l-kwalità tal-ħamrija fir-reġjun tal-Lag Konstanz, flimkien ma’ approċċ rigoruż għall-kwalità stabbilit tul ħafna snin, jagħmluha possibbli li jiġi prodott “Obst vom Bodensee” ta’ kwalità partikolarment għolja.

L-approċċ tal-kwalità ġie stabbilit fi stadju bikri u l-gruppi tal-produtturi jivverifikaw li l-membri tagħhom jikkonformaw miegħu, u jippermettu li tiġi prodotta kwantità kbira ta’ “Obst vom Bodensee” ta’ kwalità konsistentement għolja li hija aċċettata min-negozji bl-ingrossa u bl-imnut. Għalhekk, l-“Obst vom Bodensee” stabbilixxa ruħu u sar magħruf sew fil-Ġermanja u lil hinn minnha. Il-post jiffavorixxi t-tkabbir ta’ frott b’ċelloli fini. Dipl. Inġ. Agr. Karl Stoll ta’ ETH Zürich jgħid, f’kuntest differenti, li t-tkabbir ta’ frott ferm akbar iwassal għal “żvantaġġi kwalitattivi, bħat-taffija tal-aroma”, eċċ. Barra minn hekk, huwa jgħid li: “Il-varjetà Cox Orange, li hija adattata għall-klima marittima aktar friska, tikber f’żoni ta’ tkabbir sħan ħafna, iżda titlef l-aroma speċifika tagħha.”

Il-ħarifa sħuna tagħmilha possibbli li l-“Obst vom Bodensee” jsir perfettament. Il-ħarifa sħuna tiffavorixxi ħafna s-sajran tal-“Obst vom Bodensee” u l-vitikultura. Il-varjazzjonijiet kbar fit-temperatura bejn binhar u billejl jipproduċu kulurazzjoni tajba u aroma intensa. Barra minn hekk, bħala t-tielet l-akbar lag fl-Ewropa Ċentrali, il-Lag Konstanz għandu volum ta’ ilma eċċezzjonalment kbir minħabba d-daqs partikolari tiegħu (twil 63 km, wiesa’ 40 km b’fond massimu ta’ 251 m). Dan ifisser li l-effett tal-ibbilanċjar u ta’ ritardant tiegħu fuq it-temperatura ambjentali huwa wkoll eċċezzjonalment kbir. Din l-ispeċifiċità ġeografika u klimatika għandha impatt ċar fuq il-frott imkabbar hemmhekk u twassal għall-kulurazzjoni ogħla mill-medja u għall-intensifikazzjoni tal-aroma. Dan għaliex huma l-antoċjanini mill-grupp tal-flavonojdi li huma essenzjalment responsabbli għall-iżvilupp tal-pigmenti tal-kulur fil-qoxra tal-frott. B’mod partikolari, it-temperatura matul is-sajran tal-frott għandha influwenza sinifikanti fuq is-sinteżi tal-antoċjanini, minħabba li l-akkumulazzjoni tas-sustanzi li jagħtu l-kulur hija korrelatata mill-qrib mat-temperaturi prevalenti ta’ billejl. L-iljieli aktar friski, segwiti minn jiem sħan, ħaġa tipika fuq il-Lag Konstanz lejn l-aħħar tas-sajf u fil-ħarifa, iħeġġu l-formazzjoni ta’ kulur dominanti qawwi fl-“Obst vom Bodensee”. Għalhekk, il-varjazzjoni kbira fit-temperatura bejn binhar u billejl fir-reġjun tal-Lag Konstanz toħloq il-kundizzjonijiet ideali għall-formazzjoni tal-kulur dominanti qawwi tal-polpa tal-frott. Is-sodezza tal-polpa hija dovuta wkoll għaż-żieda fl-akkumulazzjoni tal-antoċjanini. Barra minn hekk, id-diviżjoni ċellulari tiddependi mit-temperatura. Il-varjazzjoni kbira fit-temperatura twassal għal kundizzjonijiet favorevoli matul il-fażi tad-diviżjoni ċellulari u l-fażi sussegwenti tat-tkabbir taċ-ċelloli. Peress li l-klima tal-lag b’effett ta’ moderazzjoni tipprevjeni t-temp estrem, jiġi żgurat ukoll li ċ-ċelloli jikbru b’mod uniformi. Għalhekk, il-kundizzjonijiet naturali jirriżultaw fi frott b’ċelloli żgħar jew fi frott bi struttura taċ-ċelloli aktar fina bil-karatteristiċi speċifiċi tal-“Obst vom Bodensee” kif deskritti hawn fuq.

Il-kundizzjonijiet tat-temp prevalenti fir-reġjun tal-Lag Konstanz jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp tal-kwalità tat-togħma. L-istudji sensorjali juru li l-kompożizzjoni taz-zokkor u tal-aċidu għandha rwol ewlieni fil-kwalità tat-togħma tal-“Obst vom Bodensee”. L-akkumulazzjoni ta’ diversi zokkrijiet u aċidi fl-“Obst vom Bodensee” minħabba r-rata ta’ fotosinteżi tas-siġar u d-deterjorament ikkawżat mir-respirazzjoni tal-frott huma essenzjalment proċessi kkontrollati mit-temperatura. It-temperaturi sħan ta’ kuljum u x-xemx abbundanti fir-reġjun tal-Lag Konstanz jistimulaw ir-rata ta’ fotosinteżi tas-siġar u konsegwentement il-produzzjoni taz-zokkor u tal-aċidu. It-temperaturi ta’ billejl komparattivament aktar baxxi jnaqqsu r-ritmu tal-proċess ta’ respirazzjoni ċellulari tal-frotta. L-“Obst vom Bodensee” jerġa’ jibda jiffavorixxi l-aċidi organiċi bħala s-substrat għar-respirazzjoni ċellulari. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet klimatiċi fir-reġjun tal-Lag Konstanz jistimulaw il-formazzjoni tal-aċidu fl-“Obst vom Bodensee” u jikkontribwixxu għar-rata ta’ deterjorament relattivament aktar baxxa. Konsegwentement, dan ifisser li l-frott għandu proporzjon ogħla ta’ aċidu maz-zokkor u, għalhekk, l-“Obst vom Bodensee” għandu togħma unika u aċiduża.

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika partikolari, ftit ikun hemm sitwazzjonijiet fejn ikun hemm falliment tal-uċuħ tar-raba’ kkawżat mill-ġlata jew mill-influss ta’ arja kiesħa. Matul l-istaġun tat-tkabbir, ir-riħ iħalli l-benefiċċji billi jnaqqas l-infestazzjoni tal-pesti u jħaffef it-tnixxif tal-frott.

Ir-rakkomandazzjonijiet tat-tkabbir f’konformità mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku kurrenti jitfasslu u jiġu aġġornati regolarment f’sistema ta’ konsulenza tripartitika li tikkonsisti f’konsulenti uffiċjali bi kwalifiki għoljin għad-distretti rurali kollha fiż-żona protetta, konsulenti privati u konsulenti speċjalizzati fil-kultivazzjoni tal-frott mill-kooperattivi, ikkoordinati u mmonitorjati xjentifikament mill-Kompetenzzentrum Obstbau – Bodensee (KOB) [iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Lag Konstanz għall-Kultivazzjoni tal-Frott]. Il-varjetajiet ġenetikament modifikati huma esklużi. F’konformità mar-rekwiżiti tal-kultivazzjoni integrata u kkontrollata, il-miżuri għall-protezzjoni tal-pjanti organiċi u l-kontroll mekkaniku tal-ħaxix ħażin huma ppreferuti.

L-influwenzi umani fuq il-prodott u fuq il-kwalità distintiva tiegħu huma manifestati fis-sistema ta’ konsulenza tripartitika msemmija hawn fuq. It-tradizzjoni qadima f’dan ir-rigward hija pjuttost eċċezzjonali. Fir-reġjun tal-Lag Konstanz, il-kultivazzjoni tal-frott kienet diġà qed tiġi pprattikata fil-ġonna tal-manastri madwar is-sena 800. It-tkabbir tal-frott kummerċjali beda madwar l-1900 u diġà kien jinvolvi l-ewwel konsulenti tat-tkabbir tal-frott. Fl-1910, twaqqfet il-Königlich Bayerische Obst- und Weinbauschule [l-Iskola Rjali Bavarjana tal-Kultivazzjoni tal-Frott u tal-Vitikultura] fid-distrett rurali ta’ Lindau. Ġiet żviluppata t-teknika taż-żbir tas-siġar tal-frott tal-Lag Konstanz u tħarrġu l-gwardjani tas-siġar. Permezz ta’ dan l-indukrar metikoluż tas-siġar, inkisbu rendimenti aħjar u aktar konsistenti. Bit-twaqqif ta’ stazzjon ta’ esperiment mill-Università ta’ Hohenheim f’Bavendorf fid-distrett rurali ta’ Ravensburg fl-1959, il-monitoraġġ xjentifiku tal-kultivazzjoni tal-frott fuq il-Lag Konstanz ġie appoġġat minn stadju bikri. Ir-riċerka bażika ssarrfet f’kultivazzjoni prattika tal-frott permezz ta’ riċerka applikata u konsulenza. Fl-1989, ġie żviluppat indiċi tal-maturità, li jgħaqqad il-valur tar-rifrattometru bħala karatteristika tal-kwalità tal-frott u s-sodezza tal-polpa u t-tkissir tal-lamtu bħala karatteristiċi tal-maturità. B’dan il-mod, tkun tista’ tiġi ddeterminata d-data ottimali tal-maturità tal-“Obst vom Bodensee”. Dan l-għarfien prattiku kollu jiġi applikat fil-prattika mill-produtturi fir-reġjun bħala ġardinara li jispeċjalizzaw fil-kultivazzjoni tal-frott jew bħala kultivaturi esperti tal-frott. Fl-istess ħin, permezz ta’ avvenimenti u fieri kummerċjali, kif ukoll bullettini u linji gwida, il-grupp tal-produtturi jiżgura li l-produtturi kollha jkunu konxji tar-rakkomandazzjonijiet tat-tkabbir f’konformità mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku kurrenti. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jitfasslu u jiġu aġġornati f’sistema ta’ konsulenza tripartitika li tikkonsisti f’konsulenti uffiċjali, konsulenti privati u konsulenti speċjalizzati fil-kultivazzjoni tal-frott mill-kooperattivi, ilkoll bi kwalifiki għoljin, u huma kkoordinati mill-Kompetenzzentrum Obstbau – Bodensee (KOB). Dan jiżgura li fil-ħarifa jkun jista’ jinħasad l-aħjar “Obst vom Bodensee” bil-kwalità distintiva tiegħu.

Iż-żminijiet ottimali tal-ħsad għall-“Obst vom Bodensee” jiġu ddeterminati fenoloġikament u fuq bażi speċifika għall-varjetà bl-użu tal-metodi xjentifiċi rilevanti. Sabiex tiġi ppreservata l-kwalità tal-frott, l-“Obst vom Bodensee” jitqiegħed immedjatament f’ħażna b’atmosfera kkontrollata (CA, Controlled-Atmosphere) jew b’ammont baxx ħafna ta’ ossiġenu (ULO, Ultra-Low-Oxygen), jew f’ħażna simili.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://urldefense.com/v3/__https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.detailtabelle.pdfdownload/42159__;!!DOxrgLBm!EkSkt8GnMkAOteOH6Qq1lEl7_CU3TG9jxYGGjBovwQ4o6jv3OclvBcr909CLpPT7LVCZlNDdgIhjwICq449zE2J5IBLCvNuTxbf6q-U$


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1382/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)