European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1355

16.3.2026

Rikors ippreżentat fi-15 ta’ Jannar 2026 – Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-28/26)

(C/2026/1355)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentanti: A. Gavela Llopis, L. Aguilera Ruiz u S. Núñez Silva, aġenti)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 11 l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2025) 7357 tas-6 ta’ Novembru 2025 dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 12(1) tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, sa fejn dawn jippermettu li jiġu implementati;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż, sa fejn hija ressqet oppożizzjoni għal din it-talba.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 TUE, tal-Artikolu 18 TFUE u tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni fl-aċċess għall-impjieg pubbliku tal-Unjoni Ewropea, mill-perspettiva tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq l-età. Dan il-ksur ma huwiex suffiċjentement iġġustifikat u huwa sproporzjonat.

Id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tippermetti li fl-istadju finali tal-proċedura ta’ għażla tal-persunal (li hija l-fażi ta’ reklutaġġ), tista’ tingħata preferenza lil kandidat minħabba n-nazzjonalità tiegħu f’sitwazzjoni ta’ mertu ugwali, u sa fejn b’hekk tillimita, sempliċement minħabba din ir-raġuni (jiġifieri n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor iktar irrappreżentat), il-possibbiltajiet ta’ kandidat ieħor (miżura (b) tal-Artikolu 11 tad-deċiżjoni kkontestata) toħloq diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

Bl-istess mod, l-introduzzjoni tal-possibbiltà li jiġu applikati għanijiet ta’ reklutaġġ ibbażati fuq in-nazzjonalità (miżura (d) tal-Artikolu 11 tad-deċiżjoni kkontestata) twassal, b’mod iktar gravi u evidenti, għal ksur tal-prinċipji invokati ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, f’dan il-każ, in-natura indeterminata u pjuttost ġenerika tal-miżura tippermetti li l-Kummissjoni, b’mod diskrezzjonali ħafna, torjenta l-proċeduri ta’ reklutaġġ, u anki ta’ għażla, skont l-għan li jkunu ppreferuti l-kandidati ċittadini ta’ Stati Membri ġeografikament sottorappreżentati.

Ir-Renju ta’ Spanja jqis għalhekk li l-Kummissjoni, billi introduċiet tali miżuri fl-Artikoli 11 u 12 tad-deċiżjoni tagħha, li jippermettu li tiġi pprovokata differenzjazzjoni manifestament mhux xierqa u sproporzjonata meta mqabbla mat-twettiq ta’ għan, bħala prinċipju leġittimu, bħal dak li jintlaħaq il-bilanċ ġeografiku, wettqet ksur tal-Artikolu 18 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u tal-Artikolu 1d u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, u li għalhekk dawn għandhom jiġu annullati.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ mertu għall-aċċess għall-impjieg pubbliku, previst fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn in-neċessità li jittieħdu miżuri effikaċi sabiex tiġi rrimedjata sitwazzjoni ta’ żbilanċ ġeografiku ma tippermettix li jitħassar jew jitnaqqar il-prinċipju tal-mertu bħala kriterju ta’ reklutaġġ tal-persunal fis-servizz tal-Unjoni Ewropea.

Id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tipprevedi miżuri li jwasslu għal restrizzjoni li tikkonsisti jew fl-orjentament ta’ proċeduri ta’ reklutaġġ skont kriterji ta’ nazzjonalità, jew f’li jiġu pprivileġġati ċittadini ta’ Stat Membru partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ merti analogi, timplika jew tippermetti fi kwalunkwe każ ksur tal-prinċipju ta’ mertu fir-reklutaġġ tal-persunal.

Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-Artikoli 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata jiksru manifestament l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn, waqt ir-reklutaġġ tal-kandidati, dawn ma jieħdux inkunsiderazzjoni kriterji dwar il-merti tal-istess kandidati, iżda jagħtu preċedenza lill-kwalità tagħhom ta’ ċittadini ta’ ċerti Stati Membri ġeografikament sottorappreżentati. Dan l-approċċ jimplika nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li l-imsemmi Artikolu 27 jimponi fuq l-istituzzjonijiet fir-reklutaġġ tal-persunal tagħhom li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji strettament marbuta mal-mertu u mal-interess tas-servizz, li jistgħu iwasslu, de facto, għal riżerva ta’ pożizzjonijiet skont in-nazzjonalità.

Bl-istess mod, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-iżbilanċ ġeografiku joriġina u huwa mmotivat minn raġunijiet differenti ħafna u għalhekk jeħtieġ li jittieħdu miżuri xierqa sabiex tiġi rrimedjata tali sitwazzjoni, li ma jikkonsistux fil-preferenza tan-nazzjonalità bħala kriterju determinanti tar-reklutaġġ, li, kif espost fl-ewwel aggravju, jikser id-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni u ma jissodisfax it-test ta’ proporzjonalità stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-restrizzjonijiet għar-regoli fundamentali tal-Unjoni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1355/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)