European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1344

16.3.2026

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2026 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-49/26)

(C/2026/1344)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. A. Messina, R. Álvarez Vinagre u K. Walkerová, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, peress li ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2022/362 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jew, fi kwalunkwe każ, peress li ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ħlas lill-Kummissjoni ta’ somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla minn dawn iż-żewġ ammonti li ġejjin: i) l-ammont ta’ EUR 42 251 għal kull jum, immultiplikat bin-numru ta’ jiem li jkunu għaddew mill-jum ta’ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst minn din id-direttiva sad-data tat-tmiem tal-ksur jew, jekk il-ksur jippersisti, sad-data tal-għoti tas-sentenza; jew (ii) is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 10 717 000.

sa fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 1 baqa’ għaddej sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-proċedura, tikkundanna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 227 494,08 għall kull jum, mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-proċedura sad-data li fiha r-Repubblika Taljana tikkonforma ruħha mad-Direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (UE) 2022/362, l-Istati Membri kellhom, sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Marzu 2024, jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva u jinformaw lill-Kummissjoni bihom immedjatament.

Fl-24 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana. Fis-16 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana. Madankollu, ir-Repubblika Taljana għadha ma ttrasponietx kompletament id-Direttiva fid-dritt nazzjonali u lanqas ma informat lill-Kummissjoni b’din it-traspożizzjoni.

Skont l-Artikolu 260(3) TFUE, meta l-Kummissjoni tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE, peress li tqis li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Istat Membru inadempjenti jħallas pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum u somma f’daqqa.


(1)  Direttiva (UE) 2022/362 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 li temenda d-Direttivi 1999/62/KE, 1999/37/KE u (UE) 2019/520, fir-rigward tal-ħlas li jrid isir mill-vetturi għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU 2022, L 69, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 227, p. 133 u fil-ĠU L, 2023/90013).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1344/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)