European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1130

23.2.2026

Avviż ta’ reklutaġġ PE/343/2026/S

Direttur

(Grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14)

Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni, Direttorat għar-Riżorsi

(C/2026/1130)

 

1.   Pożizzjoni vakanti

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċidiet li tniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ direttur (AD, grad 14) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni, id-Direttorat għar-Riżorsi, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-impjieg huma previsti mir-Regolamenti tal-Persunal. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 14 (2). Mas-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kondizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li, b’obbligu impost mir-Regolamenti tal-Persunal, il-membri l-ġodda kollha tal-persunal jeħtiġilhom itemmu b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur u li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regoli dwar il-politika tal-mobbiltà li ġew adottati mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jirrikjedi disponibbiltà kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna reklutata bħala direttur se tkun mitluba twettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew.

2.   Post tax-xogħol

Brussell. Dan l-impjieg jaf jiġi trasferit lejn wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jagħti l-akbar attenzjoni lill-applikazzjonijiet kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni, kemm jekk tkun ibbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Bħala uffiċjal ta’ livell għoli, il-persuna reklutata bħala direttur, fid-dawl tal-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, tkun inkarigata minn dawn il-kompiti (3):

tiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ attività tad-direttorat, f’konformità mal-politiki tal-istituzzjoni,

tmexxi, tistimula, timmotiva u tikkoordina timijiet ta’ aġenti; taħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-direttorat filwaqt li tiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

tippjana l-attivitajiet tad-direttorat (tfassil tal-objettivi u l-istrateġiji); tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti; tivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li tiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

tagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarju Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat,

tikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, tirrappreżenta lill-istituzzjoni u tinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat,

tmexxi u twassal fi tmiemhom proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabbiltajiet finanzjarji,

twettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eleġibbiltà

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li, sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)   Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ b’mod partikolari li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (4),

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)   Rekwiżiti speċifiċi

(i)   Kwalifiki u diplomi meħtieġa

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas sena (5) meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE (6) jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki miksuba f’pajjiż mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara: https://www.enic-naric.net/.

(ii)   Esperjenza professjonali meħtieġa

Esperjenza professjonali miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq:

tnax-il sena, eżerċitati mill-anqas parzjalment fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat u li jinkludu:

minimu ta’ sitt snin f’ambjent Ewropew u/jew internazzjonali, u

minimu ta’ sitt snin f’funzjonijiet maniġerjali f’dipartiment kbir.

(iii)   Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni teżiġi għarfien komplut (livell minimu C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7), kif ukoll għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) ta’ mill-anqas lingwa waħda oħra minnhom.

Dan l-għarfien huwa definit fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi. Tista’ tikkonsultah fuq dan is-sit:

https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills.

Il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

6.   Testijiet

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jistabbilixxi l-lista tal-kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-kumitat jagħmel l-intervisti u jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

L-intervisti jkunu bbażati fuq id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt 4 ta’ dan l-avviż, kif ukoll fuq il-kapaċitajiet li ġejjin:

sens ta’ strateġija,

kapaċità maniġerjali,

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

approċċ metikoluż,

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

il-Ġimgħa, 6 ta’ Marzu 2026, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, f’format pdf u b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8), ittra ta’ motivazzjoni (Għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Avviż ta’ reklutaġġ numru PE/343/2026/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (9), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/343/2026/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

PERS-EPSeniorManagement@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati jeħtiġilhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jeħtiġilhom jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw fil-preżent  (10) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li l-kandidati jibagħtu fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u l-aktar reċentement mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Bħala uffiċjal, il-persuna reklutata tingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(3)  Għad-dmirijiet prinċipali, ara l-Anness.

(4)  L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma: il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

(5)  Din is-sena ta’ esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Il-kwalifiki/diplomi Brittaniċi miksuba sal-31 ta’ Diċembru 2020 jiġu aċċettati mingħajr rikonoxximent ieħor. Għad-diplomi miksuba wara din id-data, huwa meħtieġ rikonoxximent NARIC. Fil-prattika, dan ifisser li d-diplomi Brittaniċi maħruġa mill-1 ta’ Jannar 2021 iridu jkunu akkumpanjati minn ekwivalenza maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ pajjiż li jkun Stat Membru tal-UE.

(7)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(8)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(9)   https://europa.eu/europass/.

(10)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew fid-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet. Hija r-responsabbiltà tal-kandidati li jiżguraw li s-servizzi tal-Parlament ikollhom il-fajl komplut li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tagħhom (fil-każ li xi dokumenti rilevanti jkunu neqsin fil-portal HRM (Streamline)).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

DIRETTORAT ĠENERALI GĦAS-SIGURTÀ U L-PROTEZZJONI DIRETTORAT GĦAR-RIŻORSI

DMIRIJIET PRINĊIPALI

Jiżgura d-direzzjoni, il-koordinament u t-tmexxija tal-unitajiet tad-direttorat kif ukoll il-ġestjoni tal-persunal u l-organizzazzjoni ġenerali tad-Direttorat;

Jiddefinixxi u jimplimenta politika strateġika u innovattiva ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani, adattata għall-bżonnijiet tad-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni. Jiggarantixxi l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi umani skont il-qasam ta’ attività u fit-tliet postijiet tax-xogħol filwaqt li jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-prospettivi ta’ karriera u għall-ħolqien ta’ kondizzjonijiet ta’ xogħol xierqa. Jiżgura l-ippjanar annwali tal-aġenti tas-sigurtà u tal-prevenzjoni, kif ukoll il-ġestjoni loġistika tar-riżorsi;

Jiddefinixxi u jimplimenta strateġiji mmirati ta’ taħriġ fil-qasam tas-sigurtà u tal-protezzjoni għall-kategoriji kollha tal-persunal. Jidentifika l-bżonnijiet ta’ taħriġ u jistabbilixxi pjan annwali bil-għan li jiggarantixxi s-sigurtà, il-protezzjoni u ambjent ta’ xogħol inklużiv. Iżomm il-kuntatti mas-sħab, inklużi mal-fornituri esterni, u jsaħħaħ il-kapaċitajiet interni fil-qasam tas-sensibilizzazzjoni għas-sigurtà;

Jiżgura l-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-kuntratti kif ukoll il-programmazzjoni tal-akkwist, inkluża l-eżekuzzjoni effikaċi u effiċjenti tal-ippjanar annwali tas-sejħiet għall-offerti. Jagħti pariri u jassisti lis-servizzi kollha fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-baġit, kif ukoll fil-programmazzjoni u fil-monitoraġġ tal-uffiċjali awtorizzanti, b’mod konsistenti mal-proġetti strateġiċi u mal-objettivi definiti;

Jiżgura l-funzjonament u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-IT u jagħti appoġġ lill-utenti involuti fl-operazzjonijiet ta’ sigurtà bl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet informatiċi aġġornati li jissodisfaw il-bżonnijiet speċifiċi. Jiggarantixxi ppjanar bil-quddiem u monitoraġġ proattiv tal-preżentazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-proġetti tal-IT fil-qafas tal-programm informatiku tal-Parlament Ewropew;

Jikkoordina u jiggarantixxi l-iżvolġiment korrett tal-operazzjonijiet fi ħdan id-Direttorat għar-Riżorsi u tal-proġetti orizzontali, filwaqt li jiżgura ġestjoni ottimali tar-riżorsi b’mod konsistenti mal-bżonnijiet tal-Parlament Ewropew;

Jeżerċita s-setgħat ta’ Awtorità tal-Ħatra u ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

UNITÀ TAT-TAĦRIĠ

Torganizza sessjonijiet ta’ taħriġ speċifiċi dwar is-sigurtà u l-prevenzjoni;

Tistabbilixxi l-pjan ta’ taħriġ għad-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni u tiżgura li dan jiġi implimentat b’mod korrett biex jintlaħqu l-objettivi fil-qasam tat-taħriġ;

Tiżviluppa programm ta’ taħriġ għall-persunal kollu tad-Direttorat Ġenerali bil-għan li jżomm il-professjonalità tiegħu u l-effiċjenza tiegħu;

Tiddefinixxi l-bżonnijiet f’dak li huwa taħriġ tad-Direttorat Ġenerali bil-għan li tiżgura li jinkisbu u jinżammu l-ħiliet u t-tekniki ta’ sigurtà neċessarji biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew;

Tipparteċipa fl-inizjattivi ta’ komunikazzjoni, taħriġ u sensibilizzazzjoni għal min jokkupa l-binjiet tal-istituzzjoni fir-rigward tal-kultura ta’ sigurtà u protezzjoni.

UNITÀ TAR-RIŻORSI UMANI

Tiżgura l-ġestjoni effikaċi u strateġika tar-riżorsi umani tad-Direttorat Ġenerali: il-ġestjoni tal-karrieri tal-uffiċjali u tal-aġenti l-oħra (kompetizzjonijiet, reklutaġġ, mobbiltà, attivitajiet esterni, riżenji, allowances, eċċ.), il-kondizzjonijiet ta’ xogħol, il-pożizzjonijiet fl-organigramma (rivalutazzjoni tal-pożizzjonijiet, ċaqliq Ringbook, eċċ.) kif ukoll il-pakketti baġitarji (missjonijiet, aġenti kuntrattwali, ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija);

Jikkonsolida l-organizzazzjoni operattiva annwali ta’ kważi 760 kollega tad-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni fi Brussell, Strażburgu u fil-Lussemburgu, f’sinerġija mas-servizzi operattivi, bil-għan li jiġu koperti l-bżonnijiet ta’ sigurtà tal-istituzzjoni skont l-attività parlamentari u jiġi garantit il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-aġenti. Tidentifika l-bżonnijiet possibbli tar-reviżjoni tal-għodod tal-IT u tal-metodoloġiji ta’ ppjanar bil-għan li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-istituzzjoni;

Tiżgura l-ġestjoni tal-beni fl-inventarju (GBI), it-tagħmir u l-kunsinna annwali tal-ħwejjeġ tas-servizz u tal-protezzjoni ta’ aktar minn 760 aġent u koordinatur. Tipprovdi lill-persunal, u b’mod partikolari lill-aġenti operattivi, l-aħjar kondizzjonijiet ta’ xogħol possibbli fir-rispett tar-regoli fis-seħħ;

Tikkontribwixxi għall-eżerċizzji ta’ rapportar trażversali bħall-programm ta’ ħidma annwali, ir-rapport annwali tal-attività u r-rapport perjodiku tal-attività, il-ġestjoni tar-riskji, il-pjan għall-kontinwità tal-operat, il-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ugwaljanza u d-diversità, eċċ.

UNITÀ TAL-BAĠIT

Tikkoordina u tipprovdi appoġġ lill-utenti tal-FMS u tal-WebContract; tagħti pariri u tassisti lis-servizzi operattivi fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-baġit. Tiżgura l-monitoraġġ baġitarju, is-segwitu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti, il-bidu tal-atti baġitarji (impenji, pagamenti, ordnijiet ta’ rkupru u ta’ rimborż) u kuntrattwali, it-tħejjija tal-formoli tal-ordnijiet u tal-kuntratti speċifiċi u l-ġestjoni tad-dħul assenjat;

Tistabbilixxi l-programmazzjoni annwali tal-akkwist u tiżgura li jiġi mmonitorjat b’mod proattiv. Tassisti u tagħti pariri lill-unitajiet operattivi fit-tfassil tad-dokumenti tal-akkwisti, it-tnedija tal-proċeduri, l-evalwazzjoni u l-aġġudikazzjoni, sal-iffirmar tal-kuntratti. Tagħti pariri u takkumpanja lis-servizzi operattivi kollha fl-ipproċessar tal-kwistjonijiet ġuridiċi marbuta mal-eżekuzzjoni tal-kuntratti (emendi, riżoluzzjoni tat-tilwim, penali, eċċ.);

Tiżgura l-monitoraġġ ex ante tal-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni ta’ kuntratti u tal-atti kollha ta’ implimentazzjoni baġitarja (impenji finanzjarji u ġuridiċi), iż-żamma tajba tal-inventarju finanzjarju kif ukoll il-konservazzjoni tal-atti baġitarji, tad-dokumenti ġustifikattivi u tad-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni ta’ kuntratti;

Tabbozza r-rapporti perjodiċi u tikkontribwixxi għar-rapporti annwali tal-attività kif ukoll għall-programm ta’ ħidma; tipparteċipa fl-abbozzar ta’ tweġibiet għar-riżoluzzjonijiet baġitarji, għall-mistoqsijiet tas-servizzi tal-Parlament Ewropew (pereżempju l-Kumitati BUDG u CONT), tal-Membri kif ukoll għall-mistoqsijiet tal-korpi ta’ awditjar (awditur intern, Qorti tal-Awdituri);

Jimmonitorja l-istandards minimi ta’ kontroll intern u tevalwa l-livell tal-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ azzjonijiet ad hoc (pereżempju sondaġġi perjodiċi tal-persunal);

Tirrappreżenta lid-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni fi ħdan id-diversi entitajiet u s-sottogruppi tagħhom, b’mod partikolari l-Grupp ta’ Tmexxija Inter-DĠ dwar il-Finanzi, il-Forum tal-Akkwisti Pubbliċi, il-Grupp għall-Politika Immobiljari, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kontroll Intern u fil-laqgħat tal-utenti ewlenin tal-FMS;

UNITÀ TAL-POLITIKA INFORMATIKA

Tiġġestixxi l-infrastrutturi, ir-riżorsi informatiċi u l-aċċessi: tippjana u tissorvelja l-infrastruttura informatika, inklużi l-hardware, is-software, il-komponenti tan-network, kif ukoll tiżgura l-proviżjonament u l-manutenzjoni tagħhom, u l-ġestjoni tal-aċċessi tal-utenti, bil-għan li tiggarantixxi d-disponibbiltà, l-affidabbiltà u s-sigurtà tar-riżorsi informatiċi;

Tipprovdi appoġġ lill-utenti finali: tiżgura l-assistenza lill-utenti, issolvi l-inċidenti tekniċi marbuta mas-sistemi informatiċi, issewwi l-problemi tal-hardware u tas-software u tagħti pariri adattati;

Tiġġestixxi l-applikazzjonijiet waqt li jkunu qed jintużaw: tiżgura l-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-applikazzjonijiet tas-software personalizzati jew speċjalizzati, inklużi l-manutenzjoni evoluttiva, it-taħriġ u l-appoġġ, kif ukoll it-twettiq ta’ testijiet immirati li jiggarantixxu l-funzjonalità u s-sigurtà tagħhom;

Tiġġestixxi s-sigurtà informatika u tal-informazzjoni: tiddefinixxi u timplimenta approċċi u miżuri maħsuba biex jipproteġu s-sistemi informatiċi, id-data u r-riżorsi tal-IT tal-organizzazzjoni kontra t-theddid u l-vulnerabbiltajiet; tiddisinja arkitetturi informatiċi siguri, tidentifika l-vulnerabbiltajiet, twettaq testijiet ta’ sigurtà u tippromwovi s-sensibilizzazzjoni għall-prattiki t-tajba fil-qasam taċ-ċibersigurtà, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni xierqa;

Tiġġestixxi l-proġetti informatiċi: tippjana, twettaq u tissorvelja l-proġetti biex jintlaħqu l-objettivi speċifiċi fil-limiti tar-restrizzjonijiet iddefiniti ta’ portata, skadenzi, baġit u kwalità; tiżgura l-ippjanar, l-implimentazzjoni, l-allokazzjoni tar-riżorsi, il-ġestjoni tar-riskji u l-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati;

Tissorvelja u tikkoordina l-analiżi operattiva: tifhem il-bżonnijiet u l-objettivi operattivi u ssarrafhom f’soluzzjonijiet informatiċi adattati; tiżgura l-ġbir u l-analiżi tal-bżonnijiet, tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati u tifformula rakkomandazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi effikaċi.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1130/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)