European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1123

20.2.2026

CEDEFOP

SEJĦA MIFTUĦA GĦAL PROPOSTI — GP/DVQ/ReferNet_FPA/001/26

ReferNet — In-Network Ewropew ta’ Referenza u ta’ Għarfien Espert għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET, Vocational Education and Training) tas-Cedefop

(C/2026/1123)

1.   Objettivi u deskrizzjoni

Bl-objettiv li tappoġġa l-operat tan-network Ewropew ta’ għarfien espert għall-VET — ReferNet — din is-sejħa għandha l-għan li tagħżel applikant wieħed mill-pajjiż eliġibbli li ġej: Franza, li magħha s-Cedefop se jikkonkludi ftehim qafas ta’ sħubija ta’ 20 xahar, u mal-konklużjoni mal-applikant magħżul, ftehim ta’ għotja speċifika għal pjan ta’ ħidma ta’ 8 xhur li għandu jitwettaq fl-2026.

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (is-Cedefop), imwaqqaf fl-1975 u bbażat fil-Greċja sa mill-1995, huwa aġenzija tal-Unjoni Ewropea (UE). Rikonoxxut bħala sors awtorevoli ta’ informazzjoni u għarfien espert dwar il-VET, il-ħiliet u l-kwalifiki, il-missjoni tiegħu huwa li jappoġġa l-iżvilupp ta’ politika Ewropea dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħha.

ReferNet huwa n-network Ewropew ta’ Cedefop għal informazzjoni dwar il-VET. Mill-2008, il-kooperazzjoni tas-Cedefop ma’ ReferNet ilha sseħħ permezz ta’ Ftehimiet Qafas ta’ Sħubija (FPAs, Framework Partnership Agreement) ta’ erba’ snin. Skont l-FPA l-ġdid (2024–2027) ReferNet se jkun is-sors prinċipali ta’ informazzjoni dwar is-sistemi nazzjonali tal-VET u l-iżviluppi li jikkontribwixxu kull sena għall-monitoraġġ mis-Cedefop tal-iżviluppi ta’ politika f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE fil-VET, fil-ħiliet u fil-kwalifiki. Ir-rwol tiegħu ġie msaħħaħ fl-approċċ integrat għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta’ politika tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-VET u d-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück kif maqbul mill-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali (ACVT, Advisory Committee on Vocational Training) fil-laqgħa tiegħu tat-8–9 ta’ Ġunju 2021, li tappella għal kooperazzjoni mill-qrib ta’ ReferNet mad-Diretturi Ġenerali tat-Taħriġ Vokazzjonali fl-Istati Membri tal-UE.

Il-ftehimiet qafas ta’ sħubija jiġu implimentati permezz ta’ ftehimiet ta’ għotja speċifika annwali. Għaldaqstant, l-applikanti mhux biss għandhom jissottomettu proposta għall-qafas ta’ sħubija ta’ 20 xahar (li, jekk tintgħażel, se twassal għall-firma ta’ Ftehim Qafas ta’ Sħubija għas-snin 2026 u 2027) iżda wkoll l-applikazzjoni għal għotja għall-azzjoni tal-2026 (li tista’ twassal għall-firma ta’ Ftehim ta’ Għotja Speċifika għal 8 xhur fl-2026). L-applikant irid juri l-kapaċità tiegħu li jwettaq l-attivitajiet kollha previsti matul il-perjodu ta’ 20 xahar u jiżgura kofinanzjament xieraq għall-implimentazzjoni tal-kompiti mitluba.

2.   Baġit u tul tal-proġett

Il-baġit stmat disponibbli għall-perjodu ta’ 20 xahar tal-ftehimiet qafas ta’ sħubija jammonta għal ammont massimu ta’ EUR 87 240, skont id-deċiżjonijiet annwali tal-Awtorità Baġitarja.

Il-baġit totali disponibbli għall-pjan ta’ ħidma annwali tal-2026 (tul tal-proġett: 8 xhur) se jkun b’valur massimu ta’ EUR 43 620 għas-sieħeb imsemmi hawn fuq.

L-għotja tal-Unjoni hija kontribuzzjoni finanzjarja għall-kostijiet tal-benefiċjarju (u/jew tal-kobenefiċjarji) li jridu jiġu ssupplimentati bil-kontribuzzjoni finanzjarja proprja u/jew b’kontribuzzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew privati. Il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni ma għandhiex taqbeż is-70 % tal-kostijiet eliġibbli.

Is-Cedefop jirriżerva d-dritt li ma jagħtix il-baġit totali disponibbli u/jew li ma jitlobx l-eżekuzzjoni tal-attivitajiet kollha inklużi fil-pjan ta’ ħidma ta’ ReferNet għall-2026 iżda għadd minnhom biss.

L-ammont allokat ma jista’ taħt l-ebda ċirkostanza jaqbeż l-ammonti indikati f’din is-sejħa.

3.   Kriterji għall-eliġibbiltà

Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu organizzazzjoni pubblika jew privata, bi status legali u b’personalità ġuridika (persuni fiżiċi, jiġifieri individwi, mhumiex eliġibbli);

(b)

ikollhom is-sede tagħhom irreġistrata fil-pajjiż fejn tiġi applikata l-għotja, jiġifieri fi Franza.

4.   Skadenza

L-applikazzjonijiet għall-ftehim qafas ta’ sħubija u għall-Ftehim Speċifiku għall-azzjoni ReferNet 2026 iridu jiġu sottomessi mhux aktar tard mis-26 ta’ Marzu 2026.

5.   Aktar informazzjoni

L-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tas-sejħa għal proposti, il-formola ta’ applikazzjoni u l-annessi tagħha se jkunu disponibbli fuq is-sit web tas-Cedefop mill- 20 ta’ Frar 2026 fl-indirizz li ġej:

http://www.cedefop.europa.eu/about-cedefop/public-procurement

L-applikazzjonijiet iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fit-test sħiħ tas-sejħa u għandhom jiġu sottomessi fuq il-formoli uffiċjali pprovduti.

L-evalwazzjoni tal-proposti se tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali.

L-applikazzjonijiet kollha sottomessi se jkunu evalwati minn kumitat ta’ esperti fuq il-kriterji tal-eliġibbiltà, l-esklużjoni, l-għażla u l-għoti stabbiliti fil-verżjoni tat-test komplet tas-sejħa.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1123/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)