European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1113

26.2.2026

Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest dwar il-ftuħ tal-ġabriet ta’ kapitoli ta’ negozjar għall-Ukrajna u għall-Moldova fi ħdan il-proċess ta’ negozjati tal-adeżjoni, kif adottata fit-30 ta’ Ottubru 2025

(C/2026/1113)

L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,

wara li kkunsidrat l-Att Kostituttiv tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta’ Mejju 2011 u d-dikjarazzjoni konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-15 ta’ Diċembru 2021;

wara li kkunsidrat l-Artikoli 9(2)(b) u 17(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Euronest,

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti 68/262 tas-27 ta’ Marzu 2014 dwar l-integrità territorjali tal-Ukrajna, ES-11/1 tat-2 ta’ Marzu 2022 dwar l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, ES-11/2 tal-24 ta’ Marzu 2022 dwar il-konsegwenzi umanitarji tal-aggressjoni kontra l-Ukrajna, ES-11/4 tat-12 ta’ Ottubru 2022 intitolata “L-integrità territorjali tal-Ukrajna: id-difiża tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”, ES-11/5 tal-14 ta’ Novembru 2022 dwar il-promozzjoni tal-mezzi ta’ riżarċiment u indennizz għall-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u ES-11/7 tal-24 ta’ Frar 2025 dwar il-progress lejn paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna,

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2025 dwar it-tkomplija tal-appoġġ sod tal-UE għall-Ukrajna, wara tliet snin ta’ gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja (1), u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukrajna u r-Russja, b’mod partikolari dawk adottati mill-annessjoni tal-peniżola tal-Krimea fid-19 ta’ Frar 2014 u mill-intensifikazzjoni tal-gwerrra tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022,

wara li kkunsidrat id-dikjarazzjonijiet tal-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna li jikkundannaw l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna li bdiet fl-2014 u l-invażjoni militari fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022,

A.

billi l-Ukrajna ilha minn Frar 2014 tirreżisti għall-gwerra ta’ aggressjoni, wara l-annessjoni illegali min-naħa tar-Russja tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol, u l-okkupazzjoni temporanja tar-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk;

B.

billi, mill-24 ta’ Frar 2022, il-Federazzjoni Russa qed tkompli l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u b’hekk turi d-diżinteress totali tagħha lejn il-proċess ta’ paċi kif ukoll rieda li tintensifika l-attakki, inklużi attakki terroristiċi bil-missili, bid-droni u bil-bombi kontra żoni residenzjali u infrastruttura kritika, bil-għan li ċċaħħad lill-Ukreni mill-enerġija, mit-tisħin u mill-ilma qabel ix-xitwa;

C.

billi l-vjolazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru ta’ Stati Ewropej oħra li għamlet dan l-aħħar ir-Russja jikkonfermaw li l-għanijiet aggressivi aħħarin tagħha jmorru ferm lil hinn mill-Ukrajna u dan jirrappreżenta theddida eżistenzjali għal Ewropa libera u demokratika;

D.

billi l-attakki tar-Russja fuq l-Ukrajna mhuma jaqtgħu xejn, inklużi kampanji kbar b’missili u bi droni, li fihom tiġi mmirata b’mod deliberat l-infrastruttura ċivili u jinkiser kemm-il darba d-dritt umanitarju internazzjonali;

E.

billi eluf ta’ ċivili, fosthom tfal, ġew assassinati, u bosta aktar kienu vittmi ta’ torturi, fastidju, aggressjonijiet sesswali, ħtif jew spostamenti furzati, b’detenzjonijiet arbitarji, għajbien, deportazzjonijiet furzati u trasferimenti illegali għaddejjin;

F.

billi l-politiki reviżjonisti tar-Russja u d-diżrispett lejn id-dritt internazzjonali, il-valuri fundamentali u n-normi globali jirrappreżentaw theddida kontinwa għas-sigurtà u għall-istabbiltà tal-Ewropa; billi s-sigurtà u l-prosperità ta’ Ukrajna libera u demokratika huma parti integrali tas-sigurtà u tal-prosperità tal-Unjoni Ewropea;

G.

billi, fl-14 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ in-negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna u mal-Moldova u stieden lill-Kunsill jadotta oqfsa ta’ negozjar rispettivi ladarba jittieħdu l-passi rilevanti fir-rapporti tal-pajjiżi tat-8 ta’ Novembru 2023 dwar l-Ukrajna (SWD(2023) 699) u l-Moldova (SWD(2023) 698) tal-Kummissjoni Ewropea;

H.

billi l-Ukrajna, minkejja l-isfidi fi żmien ta’ gwerra, lestiet l-eżami analitiku bilaterali tal-acquis (screening) tal-ġabriet ta’ kapitoli ta’ negozjar mal-Kummissjoni Ewropea, b’hekk laħqet tragward tekniku importanti fit-triq tagħha lejn l-adeżjoni mal-UE;

I.

billi l-Moldova wkoll lestiet l-eżami analitiku bilaterali tal-acquis tagħha mal-Kummissjoni Ewropea, u dan iwassalha għal fażi ġdida fit-triq tagħha lejn l-adeżjoni mal-UE; billi, fit-28 ta’ Settembru 2025, fil-Moldova saru l-elezzjonijiet parlamentari li fihom il-Partit ta’ Azzjoni u Solidarjetà (PAS), partit Ewropeista, irnexxielu jikseb maġġoranza ċara, b’hekk reġa’ afferma l-impenn tal-pajjiż favur it-triq Ewropea;

J.

billi minkejja l-progress tekniku, il-ftuħ tal-ġabriet formali ta’ kapitoli ta’ negozjar tal-Ukrajna jaf ikun ittardjat minħabba mblokki politiċi kkawżati mill-Ungerija bħala l-Istat Membru tal-UE;

K.

billi t-tisħiħ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tal-libertà tal-media, tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni, tar-reżiljenza għat-theddid ibridu, tal-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-koordinament reġjonali huma indispensabbli għall-integrazzjoni Ewropea sostenibbli taż-żewġ pajjiżi;

L.

billi l-perkorsi tal-integrazzjoni Ewropea tal-Ukrajna u tal-Moldova għandhom jibqgħu koordinati mill-qrib, u b’hekk isaħħu l-istabbiltà, is-solidarjetà, il-kredibbiltà u r-reżiljenza fi ħdan ir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant;

1.

Tikkundanna bil-qawwa l-invażjoni militari mhux provokata, inġustifikata u illegali fuq skala sħiħa tal-Ukrajna li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, li tirrappreżenta tkomplija u eskalazzjoni tal-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna mid-19 ta’ Frar 2014, fi ksur gravi tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, tad-dritt internazzjonali u tad-dritt umanitarju internazzjonali; tikkundanna bil-qawwa wkoll il-politika reviżjonista kostanti tal-Federazzjoni Russa li l-għan tagħha hu r-ridefinizzjoni tal-konfini, u dan jirrappreżenta theddida diretta lill-arkitettura tas-sigurtà Ewropea kollha kemm hi;

2.

Titlob li terġa’ tkun stabbilita paċi komprensiva, ġusta u dejjiema għall-Ukrajna abbażi tar-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, inklużi l-ilmijiet territorjali tagħha;

3.

Tesprimi d-disponibbiltà tagħha li żżid il-pressjoni fuq ir-Russja fil-forma ta’ sanzjonijiet fil-konfront kemm tal-pajjiż kif ukoll tal-alleati tiegħu, dazji ħorox u restrizzjonijiet oħra fuq il-kummerċ, bil-għan li l-magna tal-gwerra tar-Russja tiġi mċaħħda mir-riżorsi li għandha bżonn biex tmantni l-aggressjoni tagħha u biex tinżamm responsabbli għall-konsegwenzi ta’ azzjonijietha;

4.

Terġa’ tafferma l-impenn tagħha favur l-indiviżibbiltà tas-sigurtà tal-Ukrajna u tal-Ewropa, kif ukoll id-disponibbiltà tagħha li tieħu l-azzjonijiet xierqa kollha biex issaħħaħ id-difiża konġunta tagħna, li tinkludi t-tkomplija tal-forniment ta’ appoġġ militari lill-Ukrajna u l-espansjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-produzzjoni militari;

5.

Tisħaq fuq il-bżonn li lill-Ukrajna jingħataw garanziji ta’ sigurtà ġuridikament vinkolanti, li huma neċessarji biex iwaqqfu l-aggressjoni Russa issa u jipprevjenu aktar attakki fuq l-Ukrajna u l-Ewropa u, f’dan il-kuntest, tikkonferma li l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE hija parti importanti tal-arkitettura tas-sigurtà meħtieġa biex tissaħħaħ id-difiża konġunta tagħna;

6.

Tinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jżidu u jestendu l-assistenza internazzjonali tagħhom (assistenza politika, finanzjarja, diplomatika u militari) lill-Ukrajna kif ukoll jiżguraw li l-appoġġ militari tal-Punent jaqbeż iż-0,25 % tal-prodott domestiku gross fis-sena;

7.

Tissottolinja l-bżonn urġenti li jiġu żviluppati oqfsa ġuridiċi li jikkonvertu l-assi Russi ffriżati f’riżorsi ta’ finanzjament għar-rikostruzzjoni u għall-indennizzi tal-Ukrajna;

8.

Titlob li jissaħħu l-mekkaniżmi internazzjonali għar-responsabbiltà għad-delitti kommessi mir-Russja fil-konfront tal-Ukrajna (speċjalment id-delitt ta’ aggressjoni, id-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u, possibbilment, il-ġenoċidju), inkluż il-ħolqien ta’ tribunal speċjali għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni tad-delitt ta’ aggressjoni kommess fil-konfront tal-Ukrajna min-naħa tal-mexxejja tar-Russja u tal-alleati tagħhom, li jibqa’ prijorità assoluta;

9.

Tikkundanna bil-qawwa l-attakki sistematiċi u enormi bil-missili u bid-droni kontra l-infrastruttura kritika bħall-isptarijiet, l-iskejjel, il-bini residenzjali, il-mużewijiet, il-kindergartens, l-uffiċċji tal-posta, iċ-ċentri kummerċjali u l-istazzjonijiet tal-ferrovija u tal-metrò, li kkawżaw imwiet, korrimenti u qerda estensiva;

10.

Tikkundanna l-varji atti kommessi fil-konfront taċ-ċivili u tat-tfal Ukreni li jikkostitwixxu delitti skont id-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi t-trasferiment illegali, id-deportazzjoni, il-“passaportizzazzjoni” furzata u l-mobilizzazzjoni, fost oħrajn; titlob l-interruzzjoni immedjata u inkundizzjonata tat-trasferimenti furzati illegali u d-deportazzjonijiet tat-tfal Ukreni fil-Federazzjoni Russa u fil-Belarussja, jew fit-territorji Ukreni temporanjament okkupati; titlob ir-ritorn sikur, immedjat u bla ostakli tagħhom fl-Ukrajna u f’pajjiżi sikuri oħra;

11.

Titlob li jiġu imposti sanzjonijiet personali kontra individwi li jappoġġjaw l-attivitajiet militari u industrijali tar-Russja jew li jibbenefikaw minnhom, il-propagandisti pro-Kremlin, l-artisti u l-esponenti tal-media kompliċi fid-diżinformazzjoni, u l-persuni involuti fl-ispostament furzat jew fl-adozzjoni illegali tat-tfal Ukreni;

12.

Tilqa’ d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew maħsuba biex jiftħu n-negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna u mal-Moldova, u jistabbilixxu l-Faċilità għall-Ukrajna; tissottolinja l-fatt li l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE hija fundamentali mhux biss għall-futur tagħha iżda wkoll għall-istabbiltà u għas-sigurtà tal-Ewropa;

13.

Tilqa’ l-progress li għamlet l-Ukrajna fl-implimentazzjoni tar-riformi leġiżlattivi kruċjali bi qbil mal-Pakkett tat-Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea u t-tlestija b’suċċess tal-eżami analitiku tal-leġiżlazzjoni tagħha fil-ġabriet kollha f’Settembru 2025; tisħaq fuq l-importanza li jinżammu d-demokrazija, il-libertà tal-media, il-pluraliżmu politiku u s-superviżjoni parlamentari anki matul il-perjodi li fihom tkun fis-seħħ il-liġi marzjali u wara;

14.

Tilqa’ l-fatt li tlesta l-eżami analitiku tal-Moldova, li l-pajjiż naqqax fil-kostituzzjoni tiegħu l-ambizzjonijiet tal-adeżjoni mal-UE u li l-elezzjonijiet reġgħu affermaw l-impenn Ewropew tiegħu;

15.

Tħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri tal-UE jkompli jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Ukrajna u lill-Moldova biex in-negozjati ta’ adeżjoni jkunu jistgħu jagħmlu progress mingħajr dewmien; tisħaq fuq l-importanza ta’ miżuri urġenti biex jagħtu appoġġ lill-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati;

16.

Tesprimi tħassib għall-fatt li l-veto li bħalissa qiegħdet l-Ungerija rigward il-ftuħ tal-ġabriet ta’ kapitoli ta’ negozjar jista’ jostakola l-proċess meritokratiku ta’ tkabbir u tinsisti li l-ebda Stat Membru individwali tal-UE ma għandu jkun jista’ jimblokka għal żmien indefinit il-progress ġustifikat tal-pajjiżi kandidati;

17.

Tistieden lill-Gvern Ungeriż jastjeni milli juża t-tilwim bilaterali, il-politiki interni jew il-kwistjonijiet marbuta mal-minoranzi bħala pretesti biex jittardja l-progress fl-adeżjoni, jieqaf jimblokka l-ftuħ tal-ewwel ġabriet ta’ kapitoli ta’ negozjar u jippermetti lill-Ukrajna, kif ukoll lill-ġara tiegħu l-Moldova, ikomplu jimxu ’l quddiem fi triqithom lejn l-adeżjoni mal-UE;

18.

Tfakkar li l-proċess ta’ tkabbir ma jridx jiġi strumentalizzat bl-iskop li jiġi solvut tilwim bilaterali jew li jiddewwem approċċ meritokratiku, u li tali kwistjonijiet għandhom jiġu solvuti indipendentement mill-perkors ta’ adeżjoni u permezz ta’ djalogu kostruttiv u kooperazzjoni ta’ vera; tfakkar li d-dewmien eċċessiv fil-perkors lejn l-adeżjoni sħiħa mal-UE jirriskja li jikkomprometti kemm l-appoġġ pubbliku fi ħdan il-pajjiż kandidat kif ukoll il-kredibbiltà tal-UE bħala attur globali;

19.

Tistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri tal-UE jieħdu deċiżjonijiet b’urġenza li jippermettu l-ftuħ tal-ġabriet ta’ kapitoli ta’ negozjar rilevanti kollha għall-Ukrajna u għall-Moldova bil-għan li jiġi żgurat progress ta’ ininterrott fl-adeżjoni; tinkoraġġixxi kemm lill-Ukrajna kif ukoll lill-Moldova jkomplu bir-riformi tagħhom fl-oqsma tal-istat tad-dritt, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tal-libertà tal-media u tal-amministrazzjoni pubblika, inkwantu kundizzjonijiet preliminari essenzjali għal integrazzjoni Ewropea sostenibbli;

20.

Tenfasizza li l-proċess ta’ adeżjoni mal-UE tal-Ukrajna u tal-Moldova li ma jkunx fih ostakli se jikkontribwixxi għas-sigurtà fir-reġjun u fl-Ewropa kollha kemm hi.


(1)   ĠU C, C/2025/3150, 20.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3150/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1113/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)