European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1063

2.3.2026

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Constanța (ir-Rumanija) fis-17 ta’ Novembru 2025 Rompetrol Energy SA u Rompetrol Quality Control SRL vs Agenția Națională de Administrare Fiscală, Ministerul Finanțelor – Direcția Generală de Soluționare a Contestațiilor, Administrația Județeană a Finanțelor Publice Constanța și Direcția Regională Antifraudă Fiscală 2 Constanța

(Kawża C-731/25, Rompetrol Energy u Rompetrol Quality Control)

(C/2026/1063)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Constanța

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Rompetrol Energy SA u Rompetrol Quality Control SRL

Konvenuti: Agenția Națională de Administrare Fiscală, Ministerul Finanțelor – Direcția Generală de Soluționare a Contestațiilor, Administrația Județeană a Finanțelor Publice Constanța și Direcția Regională Antifraudă Fiscală 2 Constanța

Domandi preliminari

1)

L-ewwel nett, l-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (1) huma invalidi minħabba l-adozzjoni tagħhom bi ksur:

tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(1) TUE, u/jew

tal-proċedura leġiżlattiva prevista fl-Artikolu 194(3) TFUE, u/jew

tal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività, u/jew

tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE, u/jew

tal-Artikoli 16, 17, 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2022/1854, l-Artikolu 15 tar-Regolament 2022/1854, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ trasparenza fl-użu tar-rikavati mit-taxxa, previsti mir-Regolament 2022/1854, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita mill-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 186/2022 din 28 decembrie 2022 privind unele măsuri de punere în aplicare a Regulamentului (UE) 2022/1854 al Consiliului din 6 octombrie 2022 privind o intervenție de urgență pentru abordarea problemei prețurilor ridicate la energie (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 186/2022 tat-28 ta’ Diċembru 2022 dwar Ċerti Miżuri għall-Implimentazzjoni tar-[Regolament 2022/1854], iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 186/2022”), li timponi kontribuzzjoni (i) billi testendi l-kamp tal-persuni responsabbli wkoll għall-persuni marbuta mal-kumpanniji attivi fl-industriji taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji u (ii) b’rata eċċessiva mingħajr ma titwettaq evalwazzjoni tal-impatt, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ miżuri nazzjonali ekwivalenti u mingħajr ma jiġi ċċarat il-mod kif ser jitqassmu l-ammonti miġbura?

Irrispettivament mir-risposta għall-ewwel domanda:

3)

L-għanijiet Ewropej intiżi sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 u sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza enerġetika tal-Unjoni, stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u (2), fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (2) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (3), jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik stabbilita mill-OUG Nru 186/2022 li, billi timponi kontribuzzjoni b’rata eċċessiva, ma tippermettix li l-profitti tal-kumpanniji kkonċernati jiġu investiti fil-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni?


(1)   ĠU 2022, L 261, p. 1.

(2)   ĠU 2021, L 243, p. 1.

(3)   ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, fil-ĠU 2022, L 41, p. 37 u fil-ĠU L, 2025/90854.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1063/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)