European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/639

9.2.2026

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2025 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-841/25)

(C/2026/639)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Pernas Castrillo u J. Szczodrowski, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

tikkonstata li, fis-16 ta’ Frar 2025, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 51 u 52 tar-Regolament (UE) 2022/2065; u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (1) jistabbilixxi regoli li skonthom l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tagħhom is-setgħat meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dak ir-regolament u jistabbilixxu regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għal kwalunkwe ksur ta’ dan ir-regolament.

L-Istati Membri għandhom rwol kritiku x’jaqdu fl-implimentazzjoni u fis-superviżjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065. B’mod partikolari, l-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment prinċipali tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji għandu kompetenza esklużiva sabiex jissorvelja u jinforza l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2022/2065 fir-rigward ta’ dan il-fornitur, ħlief għall-kompetenzi esklużivi tal-Kummissjoni li tissorvelja u tinforza t-Taqsima 5 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament fir-rigward ta’ fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, kif ukoll għall-kompetenzi tal-Kummissjoni li, sa fejn tkun bdiet proċedura għall-istess ksur, tissorvelja u tinforza l-obbligi l-oħra li jirriżultaw minn dan ir-regolament (jiġifieri dawk li ma jinsabux fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III fir-rigward tal-imsemmija fornituri kbar ħafna.

Konformement mal-Artikolu 51(1) sa (3) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta’ investigazzjoni, ta’ infurzar u ta’ adozzjoni tal-miżuri elenkati f’din id-dispożizzjoni sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom skont l-imsemmi regolament. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 51(6) tar-Regolament (UE) 2022/2065, l-Istati Membri għandhom, fost l-oħrajn, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet speċifiċi għall-eżerċizzju tal-kompetenzi elenkati fl-Artikolu 51(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament.

Skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2022/2065, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-Regolament imwettaq mill-fornituri tas-servizzi intermedjarji suġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom u għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dan jiġi implimentat f’konformità mal-Artikolu 51 tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni kemm ir-regoli stabbiliti u l-miżuri adottati, kif ukoll kull emenda sussegwenti għalihom. Barra minn hekk, l-Artikolu 52(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 jispeċifika l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti mir-regoli dwar is-sanzjonijiet.

Fil-25 ta’ Lulju 2024 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja. Fis-16 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja. Madankollu, sal-lum, ir-Renju ta’ Spanja għadu ma adottax il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 51 u 52 tar-Regolament (UE) 2022/2065, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-awtoritajiet Spanjoli. Skont l-Artikolu 258 TFUE, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja ma kkonformax ruħu mal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 51 u 52 tar-Regolament (UE) 2022/2065 u tikkundannah għall-ispejjeż.


(1)   ĠU 2022, L 277, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/639/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)