European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/580

24.2.2026

P10_TA(2025)0095

L-arrest u r-riskju ta’ eżekuzzjoni ta’ Tundu Lissu, President ta’ Chadema, il-partit ewlieni tal-oppożizzjoni fit-Tanzanija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Mejju 2025 dwar l-arrest u r-riskju ta’ eżekuzzjoni ta’ Tundu Lissu, President ta’ Chadema, il-partit ewlieni tal-oppożizzjoni fit-Tanzanija (2025/2690(RSP))

(C/2026/580)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 150(5) u l-Artikolu 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi Tundu Lissu, mexxej ta’ Chadema, il-partit ewlieni tal-oppożizzjoni tat-Tanzanija, ġie arrestat fid-9 ta’ April 2025 fi Mbinga, wara dimostrazzjoni paċifika favur riformi elettorali;

B.

billi Lissu fl-2017 ħelisha ħafif minn attentat ta’ qtil u ġie mġiegħel jeżilja ruħu, biex imbagħad iffaċċja persekuzzjoni mill-ġdid malli reġa’ lura t-Tanzanija;

C.

billi fl-10 ta’ April 2025, Lissu ġie akkużat bi tradiment, u kif ukoll tliet reati ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni falza skont il-liġijiet dwar iċ-ċiberkriminalità; billi t-tradiment fit-Tanzanija jġorr piena tal-mewt potenzjali; billi l-UE topponi b’mod inekwivoku l-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha;

D.

billi ftit wara l-arrest ta’ Lissu, Chadema ġie skwalifikat mill-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ta’ Ottubru 2025, abbażi tar-rifjut tal-partit li jiffirma kodiċi ta’ kondotta elettorali;

E.

billi qabel l-elezzjonijiet lokali ta’ Novembru 2024, il-Gvern tat-Tanzanija impedixxa l-laqgħat tal-oppożizzjoni, arresta arbitrarjament mijiet ta’ partitarji tal-oppożizzjoni, impona restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-media soċjali u pprojbixxa l-media indipendenti; billi eluf ta’ kandidati tal-oppożizzjoni ġew skwalifikati milli jipparteċipaw; billi mill-inqas erba’ kritiċi tal-Gvern għebu bil-forza u uffiċjal ta’ Chadema nħataf u nqatel brutalment;

F.

billi l-klassifikazzjoni tat-Tanzanija fir-rapport dwar il-libertà ta’ Freedom House fl-2025 niżlet għal “mhux ħielsa”;

1.

Jikkundanna l-arrest ta’ Lissu u jesprimi tħassib serju dwar l-akkużi kontrih, li jidhru li huma politikament motivati u jġorru r-riskju tal-piena kapitali; jistieden lill-Gvern tat-Tanzanija jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, filwaqt li jiżgura s-sikurezza tiegħu u d-dritt tiegħu għal proċess ġust u rappreżentanza legali;

2.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-Tanzanija jtemmu l-eskalazzjoni fir-repressjoni, l-arresti arbitrarji, il-vjolenza, l-attakki u l-fastidju kontra l-membri tal-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-popli indiġeni, l-attivisti LGBTIQ+, il-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jinvestigaw b’mod indipendenti l-abbużi tal-pulizija u l-għajbien furzat, jirrispettaw l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, l-istampa, il-media u l-assoċjazzjoni, u l-indipendenza ġudizzjarja, iġibu ċ-ċiberkriminalità u l-liġijiet tal-media tat-Tanzanija f’konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jirrispettaw id-drittijiet tal-partiti politiċi u jiżguraw elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

3.

Jistieden lill-awtoritajiet tat-Tanzanija jerġgħu jistabbilixxu l-parteċipazzjoni sħiħa ta’ Chadema fl-elezzjonijiet ta’ Ottubru 2025 u jimpenjaw ruħhom mal-partiti politiċi kollha fi djalogu trasparenti u inklużiv dwar ir-riforma elettorali, b’konsultazzjoni mal-gruppi tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra;

4.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom b’mod kritiku mal-awtoritajiet Tanzanin rigward il-każ ta’ Lissu u jimmonitorjaw mill-qrib il-proċess; iħeġġiġhom jikkunsidraw miżuri xierqa jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tkompli tiddeterjora; iħeġġeġ lit-Tanzanija tabolixxi l-piena tal-mewt u tibdel is-sentenzi tal-mewt kollha;

5.

Itenni l-ħtieġa li l-UE tiżgura li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha mat-Tanzanija, inkluża l-inizjattiva Global Gateway, tkun konsistenti mal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u l-istandards ta’ proċess ġust;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tat-Tanzanija, lill-Unjoni Afrikana u lill-VP/RGħ.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/580/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)