|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/545 |
23.1.2026 |
Avviż sommarju dwar il-bidu ta’ investigazzjoni fil-fond fil-każ FS.100068 – NUCTECH skont l-Artikolu 10(3)(d) tar-Regolament (UE) 2022/2560
(C/2026/545)
Fil-11 ta’ Diċembru 2025, f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (l-“FSR”), il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda investigazzjoni fil-fond fil-każ imsemmi hawn fuq wara li sabet, abbażi ta’ rieżami preliminari, biżżejjed indikazzjonijiet li Nuctech ingħatat sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern. Il-bidu tal-investigazzjoni fil-fond huwa mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali f’dan il-każ.
1. Proċedura ex officio
Fis-16 ta’ April 2024, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 14 tal-FSR li tirrikjedi lil Tongfang Co., Ltd. (“Tsinghua Tongfang”), flimkien mal-impriżi kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha, inklużi Tongfang Nuctech Technology Co., Ltd (“Nuctech Technology”), Nuctech Warsaw Company Limited Sp. z o.o. (“Nuctech Warsaw”) u Instech Netherlands BV (2) (“Nuctech Netherlands”, u flimkien ma’ Nuctech Warsaw l-“entitajiet ta’ Nuctech EU”), jissottomettu ruħhom għall-ispezzjonijiet.
Bejn it-23 ta’ April 2024 u s-26 ta’ April 2024, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini ta’ Nuctech Warsaw u Nuctech Netherlands. Il-Kummissjoni wettqet ukoll żewġ spezzjonijiet kontinwi fil-bini tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fi Brussell bejn it-30 ta’ Mejju u l-5 ta’ Ġunju 2024 u bejn it-3 ta’ April u d-9 ta’ April 2025.
L-attivitajiet kummerċjali tal-impriża taħt investigazzjoni huma kif ġej:
|
— |
Tsinghua Tongfang hija rreġistrata fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”). Hija attiva fil-qasam tal-applikazzjonijiet tat-teknoloġija nukleari, l-industrija tal-informazzjoni u l-konservazzjoni tal-enerġija u l-protezzjoni ambjentali. Tsinghua Tongfang hija kkontrollata miċ-China National Nuclear Corporation, li min-naħa tagħha hija kkontrollata mill-Kummissjoni għas-Superviżjoni u l-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Istat (State-owned Assets Supervision and Administration Commission, “SASAC”) tar-RPĊ. Is-sid aħħari tas-SASAC huwa l-Gvern tar-RPĊ. |
|
— |
Nuctech Technology hija rreġistrata fir-RPĊ u hija kkontrollata minn Tsinghua Tongfang. Nuctech Technology tikkontrolla indirettament lil Nuctech Warsaw, irreġistrata fil-Polonja, u lil Nuctech Netherlands, irreġistrata fin-Netherlands. Nuctech Technology u s-sussidjarji tagħha huma attivi madwar id-dinja fil-manifattura u l-bejgħ ta’ sistemi ta’ detezzjoni tat-theddid (threat detection systems, “TDS”), inklużi prodotti ta’ spezzjoni ta’ sigurtà għall-ajruporti, il-portijiet, il-ferroviji u t-toroq, il-fruntieri u l-infrastruttura kritika. Nuctech Technology u s-sussidjarji tagħha huma kollettivament imsejħa “Nuctech” f’dan l-avviż. |
2. Indikazzjonijiet tal-preżenza ta’ sussidji barranin
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li Nuctech, wara t-12 ta’ Lulju 2018, rċeviet is-sussidji barranin li ġejjin skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-FSR:
|
i. |
Għotjiet, mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi ċentrali jew lokali fir-RPĊ. Il-Kummissjoni tqis b’mod preliminari li dawn il-miżuri: (i) taw benefiċċju lil Nuctech peress li jikkonsistu fit-trasferiment dirett ta’ fondi li ma kinux ikunu disponibbli għal Nuctech f’kundizzjonijiet normali tas-suq; u (ii) huma limitati għal impriżi li joperaw f’setturi speċifiċi jew li jwettqu attivitajiet li kienu appoġġati speċifikament mir-RPĊ permezz ta’ skemi ddedikati. |
|
ii. |
Miżuri fiskali, fil-forma ta’ miżuri ta’ taxxa preferenzjali, bħal rati mnaqqsa tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu, tnaqqis kbir qabel it-taxxa għall-kostijiet tar-R&Ż, rifużjonijiet tal-VAT fuq is-software u rifużjonijiet oħra tat-taxxa, mogħtija mir-RPĊ. Il-Kummissjoni tqis b’mod preliminari li dawn il-miżuri: (i) jikkonsistu fi dħul mitluf mill-awtoritajiet tat-taxxa fir-RPĊ; (ii) jagħtu lil Nuctech benefiċċju li jirriżulta mid-differenza bejn it-taxxa li normalment kienet tkun dovuta u t-taxxa li fil-fatt ħallset; u (iii) huma speċifiċi, b’mod partikolari, peress li huma limitati għal kumpaniji rikonoxxuti bħala “intrapriżi ta’ teknoloġija avvanzata” jew kumpaniji ta’ ċertu daqs jew industrija. Kontribwenti oħrajn ma jistgħux jibbenefikaw mill-istess miżuri. |
|
iii. |
Finanzjament preferenzjali mogħti lil Nuctech, fil-forma ta’ self mogħti minn banek li l-Kummissjoni tqis li l-azzjonijiet tagħhom f’dan l-istadju huma attribwibbli għar-RPĊ. Il-Kummissjoni tqis li, abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, hemm biżżejjed indikazzjonijiet – skont it-tifsira tal-Artikolu 10(3) tal-FSR – li Nuctech ingħatat tali self b’termini preferenzjali, u li dawk it-termini x’aktarx kienu influwenzati minn politiki favorevoli tal-awtoritajiet pubbliċi ċentrali jew lokali fir-RPĊ għall-kumpaniji fis-settur tagħha. Is-self kien indirizzat speċifikament lil Nuctech u għalhekk limitat għal impriża waħda. |
|
iv. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tinvestiga kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin oħra li jistgħu jikkwalifikaw bħala sussidji barranin lil Nuctech, b’mod partikolari relatati mal-iżvilupp tat-teknoloġija u l-appoġġ ta’ likwidità. Il-Kummissjoni tista’ tinvestiga wkoll kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja barranija oħra riċevuta minn Nuctech, jekk tinġieb għall-attenzjoni tagħha matul l-investigazzjoni fil-fond. |
3. Indikazzjonijiet ta’ distorsjoni fis-suq intern
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li s-sussidji identifikati b’mod preliminari jistgħu jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva ta’ Nuctech fis-suq intern, u b’hekk effettivament jew potenzjalment jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-FSR.
Abbażi tas-sjieda ta’ Nuctech Technology tal-entitajiet ta’ Nuctech EU, l-eżistenza ta’ rabtiet funzjonali, ekonomiċi u organiċi mill-qrib ħafna bejn Nuctech Technology u l-entitajiet ta’ Nuctech EU, l-ammont ta’ sussidji, l-importanza tal-prezz bħala mutur kompetittiv fis-suq intern kif ukoll in-nuqqas ta’ kwalunkwe fattur legali jew ekonomiku kredibbli li jipprevjeni jew li jirrendi improbabbli t-trasferiment ta’ riżorsi bejn Nuctech Technology u l-entitajiet ta’ Nuctech EU, il-Kummissjoni tqis li hemm indikazzjonijiet li Nuctech għandha l-kapaċità u l-inċentivi li tittrasferixxi parti mill-benefiċċju mis-sussidji barranin għall-attivitajiet tagħha fis-suq intern.
Il-Kummissjoni sabet ukoll indikazzjonijiet li l-pożizzjoni kompetittiva mtejba ta’ Nuctech tista’ fil-fatt jew potenzjalment taffettwa b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern billi tippermetti lil Nuctech toffri lill-klijenti prezzijiet aktar baxxi jew kundizzjonijiet kummerċjali aħjar mill-kompetituri. Dan seta’, min-naħa tiegħu, ippermetta lil Nuctech tirbaħ aktar offerti għad-detriment tal-kompetituri, u konsegwentement saħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq intern. Barra minn hekk, dawn il-kundizzjonijiet aħjar setgħu naqqsu jew eliminaw il-kompetizzjoni f’ċerti offerti, u b’hekk jipprevjenu jew jiskoraġġixxu lill-kompetituri milli jipparteċipaw. Fl-aħħar nett, is-sussidji barranin setgħu kkontribwew għall-kapaċità ta’ Nuctech li tippreżenta privattivi f’teknoloġiji relatati mat-TSD b’pass għoli ħafna, li seta’ kkontribwixxa għall-penetrazzjoni tagħha fis-suq.
4. Konklużjoni
Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li Nuctech ingħatat sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, kif deskritt fit-Taqsima 2 u 3 biex tinbeda investigazzjoni fil-fond f’konformità mal-Artikolu 10(3) tal-FSR.
5. Stedina għal kummenti
F’konformità mal-Artikoli 10(3)(d) u 40(1) tal-FSR u l-Artikolu 8(1) ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1441 (3) (l-“FSIR”) il-Kummissjoni tistieden lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, lil kull Stat Membru, kif ukoll lill-pajjiż terz li ta s-sussidji barranin potenzjali identifikati fit-Taqsima 2 biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 8(3) tal-FSIR, meta l-kummenti bil-miktub sottomessi jkunu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali, il-persuna li tissottomettihom għandha tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni kunfidenzjali.
F’każijiet debitament ġustifikati, il-fornituri tal-kummenti jistgħu jitolbu li l-identità tagħhom ma tiġix divulgata. L-anonimità tingħata abbażi ta’ raġuni valida u espliċita murija fit-talba.
Sabiex jitqiesu bis-sħiħ fil-proċedura, il-kummenti jenħtieġ li jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar kalendarju wieħed wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bl-email lil COMP-FSR-REGISTRY@ec.europa.eu, bir-referenza FS.100068.
(1) Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 330, 23.12.2022, p. 1).
(2) Minn Lulju 2024, Nuctech Netherlands biddlet isimha għal InsTech Netherlands BV.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1441 tal-10 ta’ Lulju 2023 dwar arranġamenti dettaljati għat-twettiq ta’ proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 177, 12.7.2023, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/545/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)