European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/196

5.1.2026

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

li temenda l-Linji gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l-2021

(C/2026/196)

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Fil-21 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l-2021 (1) (il-“Linji Gwida”) li hija applikabbli għal matul ir-raba’ perjodu ta’ skambju tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (EU emissions trading system, ETS), mill-2021 sal-2030.

(2)

Wara l-Komunikazzjoni dwar Boxxla għall-Kompetittività (2), il-Komunikazzjoni dwar il-Patt għal Industrija Nadifa (3) tispjega t-triq ’il quddiem fit-trasformazzjoni strutturali lejn l-elettrifikazzjoni u aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE, li eventwalment se tnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija fit-tul, filwaqt li tħares ukoll il-kompetittività tal-industriji tal-UE.

(3)

Madankollu, iż-żieda sostnuta fil-prezzijiet tal-elettriku mill-2020 ħalliet impatt profond fuq ċerti setturi u sottosetturi intensivi fl-enerġija. Fl-istadju ta’ bħalissa, f’dak li jikkonċerna s-setturi u s-sottosetturi intensivi fl-enerġija l-aktar esposti fl-UE, l-effett ikkombinat tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u ż-żieda fil-kostijiet tal-emissjonijiet żied ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, jiġifieri r-riskju li l-kumpaniji jirrilokaw l-attivitajiet ta’ produzzjoni tagħhom lejn ġuriżdizzjonijiet oħra b’restrizzjonijiet tal-emissjonijiet aktar dgħajfa jew li ma jkollhom l-ebda restrizzjoni, jew li l-prodotti tal-UE jiġu sostitwiti b’importazzjonijiet aktar intensivi fil-karbonju. Din iż-żieda tiġġustifika żieda fl-intensità massima tal-għajnuna b’ħames punti perċentwali għas-setturi diġà meqjusa li huma esposti għal riskju ġenwin ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-kostijiet indiretti tal-emissjonijiet mill-2020.

(4)

Il-metodoloġija li tikkalkola l-għajnuna pagabbli għal kull installazzjoni skont il-Linji Gwida timplika li l-għajnuna għall-kostijiet indiretti tal-emissjonijiet hija allinjata mal-prezz tal-kwoti tal-EU ETS. Madankollu, iż-żieda sostnuta fil-kostijiet tal-emissjonijiet minn mindu ġew adottati l-Linji Gwida żiedet b’mod sinifikanti r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju lejn setturi esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali u b’intensità ta’ emissjonijiet indiretti relattivament għolja iżda li ma tqisux f’riskju ġenwin abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-kostijiet tal-emissjonijiet prevalenti fl-2020.

(5)

F’dan l-isfond u f’konformità mal-metodoloġija li tirfed il-Linji Gwida, il-lista ta’ setturi eliġibbli fl-Anness I tal-Linji gwida qed tiġi estiża biex tqis li r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f’ċertu setturi żdied ġenwinament. Fid-dawl tal-intensità tal-emissjonijiet indiretta differenzjata fir-rigward tas-setturi eliġibbli mill-2020, intensità tal-għajnuna ta’ 75 % għas-setturi eliġibbli ġodda titqies proporzjonata.

(6)

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jikkumpensaw lis-setturi eliġibbli ġodda għall-kostijiet indiretti tal-emissjonijiet u diġà jistgħu jagħmlu dan fir-rigward tal-kostijiet indiretti tal-emissjonijiet imġarrba mill-2025.

(7)

L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jinnotifikaw setturi jew sottosetturi li ma humiex inklużi fl-Anness I, abbażi ta’ evidenza robusta u rappreżentattiva li turi li, fil-livell tal-UE, dawk is-setturi jew sottosetturi jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà skont il-punt (18), biex jitqiesu eliġibbli għal kumpens tal-kostijiet indiretti tal-emissjonijiet.

(8)

Il-manifattura tal-fertilizzanti u tal-komposti tan-nitroġenu (NACE 20.15) u s-setturi tal-estrazzjoni tal-minerali tal-ħadid (NACE 07.10) jikkostitwixxu setturi li jistgħu jingħataw kumpens tal-kostijiet indiretti tal-emissjonijiet skont il-Linji Gwida. B’rabta ma’ ċerti prodotti f’dawn is-setturi, partikolarment fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu jew il-prodott ta’ input tagħhom, se jkun hemm ukoll obbligu li ċ-ċertifikati skont il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera (carbon border adjustment mechanism, “CBAM”) tal-UE, stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għall-emissjonijiet indiretti (5), jiġu ċeduti. Skont il-Linji Gwida dawn is-setturi huma totalment eliġibbli għall-kostijiet tal-emissjonijiet indiretti mġarrba fl-2025. Madankollu, fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-2026, iċ-ċertifikati CBAM se jkollhom jiġu ċeduti għall-ewwel darba fl-2027. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni speċifika fl-2026 bil-ħsieb li l-eliġibbiltà tal-fertilizzanti (u l-estrazzjoni tal-mineral tal-ħadid) tinżamm skont il-Linji Gwida filwaqt li tindirizza t-trikkib bejn iż-żewġ strumenti biex tindirizza r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju billi taġġusta il-kalkolu tal-ammont massimu ta’ għajnuna kif xieraq skont il-Linji Gwida fir-rigward tal-prodotti kkonċernati f’dawn iż-żewġ setturi.

(9)

Il-fatturi tal-emissjonijiet tas-CO2 u ż-żoni ġeografiċi stabbiliti fl-Anness III tal-Linji Gwida ġew aġġornati bl-aktar data reċenti disponibbli għall-2026–2030. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tinnota li l-kumpens għall-kostijiet imġarrba fl-2025 għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-valuri speċifikati għall-2021–2025.

(10)

Fir-rigward tal-benefiċjarji f’xi Stati Membri, it-tnaqqis tal-fatturi tal-emissjonijiet tas-CO2 aġġornati meta jitqabblu ma’ dawk speċifikati għall-2021–2025 huwa partikolarment evidenti. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li tranżizzjoni gradwali hija ġġustifikata fil-każi fejn il-fattur tal-emissjonijiet tas-CO2 stabbilit fl-Anness III emendat jonqos b’mod sinifikanti wara din l-emenda.

(11)

Il-Kummissjoni għandha tapplika l-emendi msemmija fil-punti (9) u (10) għall-kostijiet imġarrba mill-1 ta’ Jannar 2026.

(12)

Fl-2026, il-Kummissjoni beħsiebha temenda l-Anness II biex tispeċifika l-parametri referenzjarji tal-effiċjenza tal-konsum tal-elettriku għas-setturi eliġibbli ġodda. L-informazzjoni disponibbli ma tindika l-ebda bidla fundamentali fil-proċessi tal-produzzjoni, u fuq il-parametri referenzjarji eżistenti tal-effiċjenza tal-konsum tal-elettriku jiġi applikat fattur ta’ digressività. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, fil-prinċipju, ma huwa meħtieġ l-ebda aġġornament tal-parametri referenzjarji eżistenti tal-effiċjenza tal-konsum tal-elettriku.

(13)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/873 (6) aġġusta l-approċċ għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti abbażi tal-parametri referenzjarji tal-prodotti b’kapaċità ta’ skambju tal-fjuwil u tal-elettriku, f’konformità mal-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87/KE (7). Għalhekk, mill-1 ta’ Jannar 2026, il-Linji gwida għandhom jiġu aġġustati għall-prodotti kkonċernati biex jiġi żgurat li l-produtturi ma jirċevux kumpens doppju għall-istess emissjonijiet kemm minn allokazzjoni bla ħlas kif ukoll minn kumpens għall-kostijiet tal-emissjonijiet indiretti. Fil-prinċipju, dan għandu jiġi żgurat billi l-valur tal-kwoti bla ħlas li jistgħu jiġu allokati għall-emissjonijiet indiretti jitnaqqas mill-ammont ta’ kumpens għall-kostijiet tal-emissjonijiet indiretti skont il-Linji Gwida. Madankollu, peress li l-adozzjoni tal-valuri aġġornati tal-parametri referenzjarji tal-prodott għall-2026–2030 u d-determinazzjoni tal-fattur medju tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE għal dan il-perjodu għadhom pendenti, l-emendi se jiġu introdotti aktar tard fl-2026.

(14)

Fir-rigward tar-rekwiżiti fit-Taqsima 5 tal-Linji Gwida dwar l-awditi tal-enerġija u s-sistemi ta’ ġestjoni, il-Kummissjoni tfakkar li l-punt 55 tal-Linji gwida jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi. Fid-dawl tal-benefiċċji fuq terminu medju sa twil li huma mistennija minn investimenti bħal dawn f’dawk li huma dekarbonizzazzjoni, it-tisħiħ tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-appoġġ għall-kompetittività tal-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa jmorru lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti. Għandu jkun possibbli wkoll li l-Istati Membri jinkludu rekwiżit għall-benefiċjarji li jinvestu f’assi ġodda jew modernizzati li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-kostijiet tas-sistema tal-elettriku, bħala alternattiva għall-għażliet eżistenti.

(15)

Bħala parti mir-rieżami tagħha tad-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolament (UE) 2023/956, il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura miżuri adegwati (linji gwida jew forma oħra) għall-kumpens indirett tal-kostijiet tal-ETS għall-perjodu ta’ wara l-2030.

2.   EMENDI TAL-LINJI GWIDA

(16)

Il-Linji gwida huma emendati kif ġej:

(17)

il-punt (15)(10) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“fattur tal-emissjonijiet tas-CO2”, f’tCO2/MWh, tfisser il-medja ponderata tal-intensità tas-CO2 ta’ elettriku prodott minn fjuwils fossili f’żoni ġeografiċi differenti. Il-piż jirrifletti t-taħlita fil-produzzjoni tal-fjuwils fossili fiż-żona ġeografika kkonċernata. Il-fattur tas-CO2 huwa r-riżultat tad-data dwar l-emissjonijiet tal-ekwivalenti tas-CO2 tal-industrija tal-enerġija diviż bil-ġenerazzjoni elettrika grossa bbażata fuq il-fjuwils fossili f’TWh. Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida (*1), iż-żoni huma definiti bħala żoni ġeografiċi (a) li jikkonsistu f’sottoswieq akkoppjati permezz ta’ skambji tal-enerġija; jew (b) li fihom ma tkun teżisti l-ebda konġestjoni ddikjarata u, fiż-żewġ każi, il-prezzijiet tal-iskambju tal-enerġija kull siegħa skont is-suq ta’ jum bil-quddiem fiż-żoni li jkunu juru diverġenzi fil-prezzijiet f’EUR (permezz ta’ rati tal-kambju ta’ kuljum tal-BĊE) ta’ massimu ta’ 1 % f’għadd sinifikanti tas-sigħat kollha f’sena. Din il-varjazzjoni reġjonali tirrifletti l-importanza tal-impjanti tal-fjuwils fossili għall-prezz finali stabbilit fis-suq tal-operaturi u r-rwol tagħhom bħala impjanti marġinali skont il-mertu. Biss il-fatt li jsir negozju tal-enerġija elettrika bejn żewġ Stati Membri ma jfissirx awtomatikament li dawn jikkostitwixxu reġjun supranazzjonali. Minħabba n-nuqqas ta’ data relevanti fil-livell subnazzjonali, fiż-żoni ġeografiċi jinkludu t-territorju sħiħ ta’ Stat Membru wieħed jew aktar. Abbażi ta’ dan, iż-żoni ġeografiċi li ġejjin jistgħu jiġu identifikati: Spanja u l-Portugall; il-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja; il-Ġermanja u l-Lussemburgu; il-Bulgarija u r-Rumanija; u l-Istati Membri l-oħra kollha separatament. Il-fatturi tas-CO2 korrispondenti reġjonali li japplikaw bħala valuri massimi meta l-Istat Membru notifikanti ma jkunx stabbilixxa valutazzjoni tal-fattur CO2 abbażi tas-suq skont il-punt (11) hawn taħt, huma elenkati fl-Anness III. Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni tikkalkula l-fattur ta’ emissjonijiet tas-CO2 abbażi tad-data disponibbli fl-2026 u tista’ tinnotifika l-fattur tal-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżulta bħala emenda għall-iskema. Il-fattur ta’ emissjonijiet tas-CO2 aġġornat jista’ japplika għall-kostijiet imġarrba mill-2026. Il-fattur tal-emissjonijiet tas-CO2 aġġornata ma għandu l-ebda effett fuq il-fattur tal-emissjonijiet tas-CO2 ta’ Stati Membri oħrajn kif inhu elenkat fl-Anness III. Sabiex is-sorsi tal-elettriku jitqiesu l-istess, u tiġi evitata l-possibilità ta’ abbużi, is-sorsi kollha ta’ provvista tal-elettriku (l-awtoġenerazzjoni, il-kuntratti għall-provvista tal-elettriku jew il-provvista tal-grilja) u l-benefiċjarji kollha tal-għajnuna fl-Istat Membru kkonċernat japplika għalihom l-istess fattur ta’ emissjonijiet tas-CO2. Jekk il-fattur ta’ emissjonijiet tas-CO2 reġjonali massimi imniżżel fl-Anness III ikun, minn tal-anqas, 15 % anqas mill-fattur ta’ emissjonijiet tas-CO2 reġjonali massimu li tniżżel qabel f’dak l-Anness jew il-fattur ibbażat fuq is-suq approvat qabel l-1 ta’ Jannar 2026, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinnotifika perjodu tranżitorju biex, mill-2026, jiċċaqlaq mill-fattur ta’ emissjonijiet tas-CO2 reġjonali massimu applikabbli qabel lejn fattur ta’ emissjonijiet tas-CO2 reġjonali massimu aġġornat ta’ dawn il-Linji gwida għas-sena t, fi stadji ta’ tnaqqis ugwali kull sena. Il-fattur ta’ emissjonijiet tas-CO2 reġjonali massimu aġġornat imniżżel fl-Anness III għandu japplika għal mhux aktar tard mis-sena t = 2030;

(*1)  Dawn il-Linji gwida ma jikkwalifikawx bħala strumenti leġiżlattivi u għalhekk il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE ma għandux għalfejn jinkorporahom fil-Ftehim ŻEE. L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA hija responsabbli biex tistabbilixxi r-regoli rilevanti applikabbli għall-Istati tal-EFTA, inkluża l-metodoloġija għall-istabbiliment tal-fatturi tas-CO2.” "

(18)

Il-punt (21) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, l-għajnuna trid tiġi limitata għal setturi li huma esposti għal riskju ġenwin ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba kostijiet indiretti sinifikanti li jiġġarrbu effettivament b’konsegwenza tal-kostijiet tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jingħaddew fil-prezzijiet tal-elettriku. Għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida, jitqies li jeżisti riskju ġenwin ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jekk il-benefiċjarju jkun attiv f’settur elenkat fl-Anness I. Settur jew sottosettur li ma jkunx imniżżel fl-Anness I li madankollu jkun jissodisfa l-kriterji li se jiġu inklużi fl-Anness (*2), jista’ jitqies eliġibbli wkoll dment li l-Istati Membri jagħtu prova ta’ dan b’data rapreżentattiva tas-settur jew sottosettur fil-livell tal-Unjoni, ivverifikata minn espert indipendenti abbażi ta’ perjodu ta’ żmien ta’ mill-inqas l-aktar tliet snin riċenti ta’ minn meta jkun hemm data disponibbli. Jekk l-Istati Membri jkun biħsiebhom jestendu l-iskemi rispettivi tagħhom biex jinkludu kwalunkwe settur jew sottosettur ġdid, huma jridu jinnotifikaw kwalunkwe emenda bħal din lill-Kummissjoni. Fl-iskemi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu impenn li fil-futur jinkludu s-setturi jew is-sottosetturi addizzjonali kollha li l-eliġibbiltà tagħhom tkun intweriet minn Stat Membru ieħor u tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni, u li jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe inklużjoni bħal din.

(*2)  Dawn il-kriterji ta’ intensità tal-kummerċ ogħla minn 20 % u intensità tal-emissjonijiet indiretta ogħla minn 0,32 kg CO2/EUR, jirriżultaw f’indikatur ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju indiretta ogħla minn 0,064. Il-metodoloġija hija deskritta f’aktar dettall fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SWD (2020) 190 final.” "

(19)

Il-punt (27) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-għajnuna tkun proporzjonata u jkollha effett negattiv limitat biżżejjed fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ jekk ma taqbiżx it-80 % tal-kostijiet indiretti tal-emissjonijiet imġarrba għas-setturi elenkati fit-Tabella 1 tal-Anness I u l75 % fir-rigward tas-setturi elenkati fit-Tabella 2 tal-Anness I jew kwalunkwe settur ieħor meqjus eliġibbli skont il-proċedura stabbilita fil-punt (21). Il-parametru referenzjarju tal-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku jiżgura li l-appoġġ għall-proċessi ta’ produzzjoni ineffiċjenti jibqa’ limitat u jżomm l-inċentiv għat-tixrid tal-aktar teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija.”

(20)

Il-punt (31) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Billi għal xi setturi l-intensità tal-għajnuna hija ta’ 80 % għas-setturi elenkati fit-Tabella 1 tal-Anness I u 75 % għas-setturi elenkati fit-Tabella 2 tal-Anness I jew kwalunkwe setturi oħrajn li jitqiesu eleġibbli skont il-proċedura stabbilita fil-punt (21) ma huwiex se jkun biżżejjed li tiġi aċċertata protezzjoni xierqa kontra r-riskju tar-riallokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, meta jkollhom bżonn, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-ammont tal-kostijiet indiretti li jkunu jridu jitħallsu fil-livell tal-intrapriżi għal 1,5 % tal-valur miżjud gross tal-intrapriża kkonċernata fis-sena t. Il-valur miżjud gross tal-intrapriża jrid jiġi kkalkolat bħala fatturat, biż-żieda miegħu tal-produzzjoni kapitalizzata, kif ukoll ta’ introjtu operazzjonali ieħor, biż-żieda jew bit-tnaqqis tat-tibdil fl-istokks, biż-żieda tal-akkwisti ta’ oġġetti u servizzi (li ma għandhomx jinkludu l-kostijiet tal-persunal), bit-tnaqqis ta’ taxxi oħra fuq il-prodotti li jkunu marbuta mal-fatturat li iżda ma jkunux jistgħu jitnaqqsu, mingħajr id-dazji u t-taxxi marbuta mal-produzzjoni. Inkella, dan jista’ jiġi kkalkulat mis-surplus operattiv gross billi jiżdiedu l-kostijiet tal-persunal. L-introjtu u n-nefqa fil-kontijiet tal-kumpanija li jiġi kklassifikat bħala finanzjarju jew straordinarju huwa eskluż mill-valur miżjud. Il-valur miżjud skont l-kost tal-fattur jiġi kkalkulat fil-livell gross, minħabba li l-aġġustamenti fil-valur (bħad-deprezzament) ma jitnaqqsux (*3).

(*3)  Il-kodiċi 12 15 0 fil-qafas legali stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar statistika strutturali kummerċjali (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 13).” "

(21)

il-punt (55)(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jimplimentaw rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-awditjar, sal-punt li ż-żmien tal-ħlas lura għall-investimenti rilevanti ma jaqbiżx t-3 snin jew iż-żmien tal-ħlas lura msemmi fl-Artikolu 10a(1), it-3 subparagrafu tad-Direttiva 2003/87/KE, skont liema jkun l-itwal, u li l-kostijiet tal-investimenti tagħhom ikunu proporzjonati; jew alternattivament”

(22)

Il-punt (55)(c) huwa sostitwit b’li gej:

“(c)

jinvestu sehem sinifikanti ta’ mill-inqas 50 % tal-ammont ta’ għajnuna fi proġetti li jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-installazzjoni u ħafna anqas mill-parametru referenzjarju applikabbli użat għall-allokazzjoni bla ħlas fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet; jew alternattivament”

(23)

Fil-punt (55) jiżdied subpunt (d) ġdid wara s-subpunt (c):

“(d)

jinvestu mill-inqas 50 % tal-ammont tal-għajnuna f’assi ġodda jew modernizzati li jista’ jintwera b’mod miżurabbli li jagħtu kontribut addizzjonali għat-tnaqqis tal-kostijiet tas-sistema tal-elettriku, li jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq u tas-sistema f’dak l-Istat Membru, mingħajr ma jirriżultaw f’żieda fil-konsum tal-fjuwils fossili. L-attivitajiet ta’ investiment eliġibbli jistgħu jinkludu, pereżempju, l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, soluzzjonijiet għall-ħżin tal-enerġija, miżuri biex tiżdied il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda, titjib fl-effiċjenza enerġetika li jkollu impatt fuq id-domanda għall-elettriku, u l-iżvilupp ta’ elettrolizzaturi għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-investimenti mmirati lejn l-elettrifikazzjoni huma eliġibbli wkoll. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu lista aktar limitata ta’ investimenti eliġibbli, iżda l-investimenti biex tiżdied il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda jridu jkunu eliġibbli.”

(24)

Il-punt (67) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2030, se jiġu applikati fatturi ta’ emissjonijiet tas-CO2 u żoni ġeografiċi aġġornati. Fl-2026, il-Kummissjoni se tissupplimenta dawn il-Linji Gwida b’parametri referenzjarji tal-effiċjenza tal-konsum tal-elettriku li jkopru s-setturi li jiżdiedu mal-lista ta’ eliġibbiltà tas-settur emendata fl-Anness I u l-aġġustament li jindirizza d-duplikazzjonijiet tal-manifattura tal-fertilizzanti u tal-komposti tan-nitroġenu u għall-estrazzjoni minerarja tas-setturi tal-minerali tal-ħadid bejn l-għajnuna skont dawn il-Linji Gwida u l-obbligu li ċ-ċertifikati jiġu ċeduti skont ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) għall-emissjonijiet indiretti (*5). Konsegwentement, l-Istati Membri jridu jemendaw, fejn meħtieġ, l-iskemi rispettivi tagħhom sabiex iġibuhom konformi ma’ dawn il-Linji Gwida kif emendati.

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/956/oj)."

(*5)  Dan ikun l-każ meta prodotti bħal dawn ikunu elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, iżda mhux fl-Anness II ta’ dak l-istess Regolament.” "

(25)

Jiżdied punt (69) ġdid:

“Il-Kummissjoni tipproponi l-miżuri xierqa li ġejjin lill-Istati Membri skont l-Artikolu 108(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

(a)

l-Istati Membri jemendaw, fejn meħtieġ, l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti sabiex iġibuhom konformi ma’ dawn il-Linji Gwida kif emendati mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2026;

(b)

L-Istati Membri jagħtu l-approvazzjoni espliċita u bla kundizzjoni tagħhom għall-miżuri xierqa proposti fil-punt (a) aktar ’il fuq fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-emendar ta’ dawn il-Linji gwida f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, il-Kummissjoni se tassumi li l-Istat Membru inkwistjoni ma jaqbilx mal-miżuri proposti.”

(26)

L-Anness I huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

Setturi meqjusa li huma esposti għal riskju ġenwin ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba kostijiet tal-emissjonijiet indiretti

Tabella 1

 

Kodiċi NACE (*6)

Deskrizzjoni

1.

14.11

Manifattura ta’ ħwejjeġ tal-ġilda

2.

24.42

Produzzjoni tal-aluminju

3.

20.13

Manifattura ta’ prodotti kimiċi bażiċi inorganiċi oħra

4.

24.43

Produzzjoni taċ-ċomb, iż-żingu u l-landa

5.

17.11

Manifattura ta’ polpa

6.

17.12

Manifattura tal-karta u l-kartun

7.

24.10

Manifattura tal-ħadid u l-azzar bażiċi u tal-ligi tal-ħadid

8.

19.20

Manifattura ta’ prodotti tal-petroleum raffinat

9.

24.44

Produzzjoni tar-ram

10.

24.45

Produzzjoni ta’ metalli mhux ferrużi oħra

11.

 

Is-sottosetturi li ġejjin fis-settur tal-plastik (20.16):

 

20.16.40.15

Gliċoli tal-polietilen u alkoħoli polieteri oħrajn, f’forom primarji

12.

 

Il-kategoriji kollha tal-prodotti fis-settur tal-ħadid fondut (24.51)

13.

 

Is-subsetturi li ġejjin fi ħdan is-settur tal-fibra tal-ħġieġ (23.14):

 

23.14.12.10

23.14.12.30

Twapet tal-fibra tal-ħġieġ

Voiles tal-fibra tal-ħġieġ

14.

 

Is-sottosetturi li ġejjin fis-settur tal-gassijiet industrijali (20.11):

 

20.11.11.50

20.11.12.90

Idroġenu

Komposti inorganiċi tal-ossiġnu ta’ non-metalli


Tabella 2

 

Kodiċi NACE (*7)

Deskrizzjoni

1.

07.29

Estrazzjoni ta’ minerali tal-metall mhux ferrużi oħra mill-minjieri

2.

07.10

Estrazzjoni tal-minerali tal-ħadid mill-minjieri

3.

20.17

Manifattura tal-lastku sintetiku f’forom primarji

4.

20.60

Manifattura tal-fibri magħmulin mill-bniedem

5.

20.16

Manifattura tal-plastik f’forom primarji (**)

6.

13.10

Preparazzjoni u għażil tal-fibri tat-tessuti

7.

23.31

Manifattura tal-madum taċ-ċeramika u ċ-ċangaturi

8.

20.12

Manifattura tal-kuluranti u l-pigmenti

9.

13.95

Manifattura ta’ oġġetti mhux minsuġa u oġġetti oħra magħmula minn oġġetti mhux minsuġa, għajr ilbies

10.

23.14

Manifattura ta’ fibri tal-ħġieġ (*8)

11.

27.20

Manifattura tal-batteriji u l-akkumulaturi

12.

20.14

Manifattura ta’ kimiċi bażiċi organiċi oħra

13.

20.15

Manifattura tal-fertilizzanti u l-komposti tan-nitroġenu

14.

10.41

Manifattura taż-żjut u x-xaħmijiet

15.

11.06

Manifattura ta’ xgħir

16.

16.21

Manifattura tal-injam folettat u l-pannelli tal-injam

17.

23.11

Manifattura tal-ħġieġ ċatt

18.

23.13

Manifattura tal-ħġieġ vojt

19.

24.31

Ġbid bil-kiesaħ tal-vireg

20.

24.34

Ġbid bil-kiesaħ tal-wajer

21.

 

Is-sottosettur li ġej fi ħdan is-settur tal-prodotti kimiċi l-oħrajn m.k.b. (20.59):

 

20.59.56.70

Alkilbenżini mħallta, alkilnaftalini mħallta għajr HS 2707 jew 2902

22.

 

Is-sottosettur li ġej fil-prodotti minerali m.k.b. mhux mettaliċi oħra (23.99):

 

23.99.19.10

Suf tal-gagazza, suf tal-blat u suf minerali simili (eskluż suf tal-ħġieġ) u taħlit tiegħu sfuż, f’folji jew rollijiet

(27)

L-Anness III huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS III

Fatturi tal-emissjonijiet massimi reġjonali tas-CO2 f’żoni ġeografiċi differenti (tCO2/MWh)

Żona ġeografika

Fattur applikabbli tal-emissjoni tas-CO2

Spanja, il-Portugall

0,47

il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja

0,76

il-Ġermanja, il-Lussemburgu

0,73

il-Bulgarija, ir-Rumanija

0,91

il-Belġju

0,37

iċ-Ċekja

0,89

id-Danimarka

0,54

l-Irlanda

0,44

il-Greċja

0,58

Franza

0,43

il-Kroazja

0,51

l-Italja

0,44

Ċipru

0,72

l-Ungerija

0,50

Malta

0,40

in-Netherlands

0,44

l-Awstrija

0,33

il-Polonja

0,78

is-Slovenja

0,75

is-Slovakkja

0,58

il-Finlandja

0,62

l-Iżvezja

0,60

(28)

Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni mit-22 ta’ Diċembru 2025. Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti fil-punti (17) u (27) mill-1 ta’ Jannar 2026. L-Istati Membri jistgħu jirreferu għall-Anness I u l-punti (27) u (31) kif emendat fir-rigward tal-kostijiet imġarrba mill-1 ta’ Jannar 2025.

(1)   ĠU C 317, 25.9.2020, p. 5, kif issupplimentat bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24.11.2021 (ĠU C 528, 30.12.2021, p. 1).

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2025) 30 final, 29.1.2025.

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2025) 85 final, 26.2.2025.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/956/oj).

(5)  Dan ikun il-każ meta prodotti bħal dawn ikunu mniżżla fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, iżda mhux fl-Anness II ta’ dak l-istess Regolament.

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/873 tat-30 ta’ Jannar 2024 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/331 fir-rigward ta’ regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet (ĠU L, 2024/873, 4.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/873/oj).

(7)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).

(*6)  Sa fejn il-klassifikazzjoni statistika ta’ attività ekonomika speċifika f’kodiċi tan-NACE tiġi affettwata mill-aktar aġġornament reċenti tan-NACE (ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/137 tal-10 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2, ĠU L 19, 20.1.2023, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/137/oj), l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jew jużaw il-klassifikazzjoni emendata jew jiddependu fuq il-klassifikazzjoni fis-seħħ fi żmien l-adozzjoni tal-Linji Gwida.

(*7)  Sa fejn il-klassifikazzjoni statistika ta’ attività ekonomika speċifika f’kodiċi tan-NACE tiġi affettwata mill-aktar aġġornament reċenti tan-NACE (ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/137 tal-10 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2, ĠU L 19, 20.1.2023, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/137/oj), l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jew jużaw il-klassifikazzjoni emendata jew jiddependu fuq il-klassifikazzjoni fis-seħħ fi żmien l-adozzjoni tal-Linji Gwida.

(*8)  Dan japplika għas-settur ħlief għal kwalunkwe sottosettur diġà elenkat fit-Tabella 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/196/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)