European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/117

5.1.2026

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ottubru 2025 – NJ vs Il-Parlament

(Kawża T-737/25)

(C/2026/117)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: NJ (rappreżentanti: C. Däuble u T. Herbrich, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna lill-konvenut jikkumpensa d-dannu morali b’ammont totali ta’ EUR 4.700.00 flimkien mal-interessi b’rata ta’ żewġ punti perċentwali ogħla mir-rata ta’ interessi rispettiva stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza, liema dannu ġie mġarrab mir-rikorrent minħabba ksur tar-Regolament 2018/1725 (1);

tordna lill-konvenut jikkumpensa d-dannu morali fil-forma ta’ spejjeż legali għall-proċedura legali prekontenzjuża b’ammont totali ta’ EUR 16.031.68 flimkien mal-interessi b’rata ta’ żewġ punti perċentwali ogħla mir-rata ta’ interessi rispettiva stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza, liema dannu ġie mġarrab mir-rikorrent minħabba ksur tar-Regolament 2018/1725;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 33(1) u tal-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament (UE) 2018/1725

L-aċċess mhux awtorizzat ta’ terzi għad-data tar-rikorrent maħżuna fil-“PEOPLE-App” fil-bidu tas-sena 2024 kien attribwibbli lin-nuqqas tal-konvenut, bħala l-kontrollur tad-data, li jimplimenta l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, sabiex jiġi żgurat livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju. Konformement mal-Artikolu 4(1)(f) flimkien mal-Artikolu 33(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kontrollur għandu jiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar tad-data personali, inkluż il-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf aċċidentali, u b’mod partikolari jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ din id-data.

Minħabba l-ksur tal-protezzjoni tad-data u l-konsegwenti aċċess ta’ terzi għad-data personali u sensittiva ħafna tar-rikorrent, huwa ġarrab telf ta’ kontroll profond. Minbarra t-telf ta’ kontroll imġarrab, ir-rikorrent ibati minn ansjetà severa u minn biża’ ta’ użu abbużiv tad-data personali tiegħu.

2.

It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 17(1)(a) u tal-Artikolu 14(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/1725

Billi rrisponda għat-talba għal informazzjoni tar-rikorrent, minn naħa, b’mod inkorrett jew inkomplet u, min-naħa l-oħra, biss ħames ġimgħat wara t-talba tagħha u mingħajr ma informaha la dwar il-proroga tat-terminu u lanqas dwar ir-raġunijiet għad-dewmien, il-konvenut kiser l-obbligu ta’ informazzjoni fi żmien xieraq skont l-Artikolu 17(1)(a) u l-Artikolu 14(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u kiser id-dritt ta’ aċċess tar-rikorrent stabbilit mid-dritt primarju fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjon Ewropea.

Skont il-premessi 45 u 55 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-limitazzjoni tad-drittijiet għandha tiġi kklassifikata bħala dannu morali awtonomu. Id-dannu morali tar-rikorrent huwa aggravat bl-indikazzjoni manifestament impreċiża tal-għanijiet tal-ipproċessar u tal-konsegwenti provvista inkompleta ta’ informazzjoni.

3.

It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 4(1)(c) u (e) tar-Regolament (UE) 2018/1725 (obbligu ta’ minimizzazzjoni tad-data u ta’ limitazzjoni taż-żamma tad-data)

Filwaqt li l-ġbir tad-data personali tar-rikorrent mill-konvenut jista’ jkun għadu, fil-prinċipju, neċessarju għar-reklutaġġ, iż-żamma kontinwa tad-data fil-“PEOPLE-App” għal perijodu ta’ 10 snin ma hijiex iktar neċessarja jew meħtieġa għall-finijiet tal-ipproċessar ta’ “reklutaġġ”, lanqas fis-sens l-iktar wiesa’ tat-terminu.

It-tul ta’ żamma inġustifikat ta’ għaxar snin għandu l-konsegwenza li r-rikorrent ikollu telf addizzjonali ta’ kontroll fuq id-data tiegħu u jsaħħaħ id-dwejjaq, il-frustrazzjoni kif ukoll l-inkomprensjoni tiegħu. Dawn is-sentimenti negattivi kkawżati mill-ksur tad-dritt jikkostitwixxu, skont il-ġurisprudenza ċara tal-Qorti tal-Ġustizzja, dannu morali awtonomu.


(1)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/117/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)