|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/6701 |
19.12.2025 |
Gwida tal-Kummissjoni
dwar it-tfassil ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza
(C/2025/6701)
Werrej
|
I. |
Introduzzjoni | 2 |
|
II. |
X’inhuma l-kuntratti għad-differenza? | 3 |
|
a. |
Definizzjoni u prinċipji ewlenin | 3 |
|
b. |
Kategoriji ta’ kuntratti għad-differenza | 5 |
|
c. |
Kuntratti bidirezzjonali transfruntiera għad-differenza | 6 |
|
III. |
Benefiċċji ta’ kuntratti għad-differenza aktar intelliġenti | 6 |
|
a. |
Tnaqqis tal-kostijiet tal-investiment permezz ta’ żieda fiċ-ċertezza tal-prezzijiet | 7 |
|
b. |
Massimizzazzjoni tal-valur tal-investimenti billi jiġi żgurat li s-sistema tal-elettriku tiffunzjona b’mod effiċjenti | 7 |
|
c. |
Tnaqqis tat-tnaqqis fl-enerġija rinnovabbli b’inċentivi ta’ investiment adegwati | 7 |
|
d. |
Tnaqqis tal-kostijiet tal-enerġija bl-attirazzjoni ta’ ġenerazzjoni addizzjonali nadifa b’kostijiet baxxi lejn is-suq u s-sostituzzjoni tal-ġenerazzjoni b’kostijiet għoljin mill-fjuwils fossili | 8 |
|
IV. |
Qafas legali | 8 |
|
V. |
Disinn intelliġenti tat-2w-CfDs | 9 |
|
VI. |
Elementi individwali tad-disinn | 12 |
|
a. |
Prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-imġiba rigward l-offerti fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata, tal-ibbilanċjar u tas-servizzi anċillari | 12 |
|
b. |
Trawwim ta’ deċiżjonijiet ta’ manutenzjoni effiċjenti | 14 |
|
c. |
Inċentivi għall-parteċipazzjoni b’mod effiċjenti fis-suq forward tal-elettriku | 17 |
|
d. |
Massimizzazzjoni tal-valur tal-investimenti għas-sistema tal-elettriku u għall-konsumaturi tal-UE | 19 |
|
VII. |
Kombinament tal-kuntratti għad-differenza mal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija | 21 |
|
a. |
X’inhuma l-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija? | 21 |
|
b. |
Kombinament ta’ 2w-CfDs ma’ PPAs | 21 |
|
VIII. |
Konklużjoni | 24 |
|
Anness I: |
Sommarju tal-elementi individwali tad-disinn | 25 |
|
Anness II: |
Glossarju | 27 |
I. Introduzzjoni
Is-sistema Ewropea tal-elettriku għaddejja minn tranżizzjoni rapida. Is-sehem tal-assi tal-fjuwils fossili qed jonqos u l-ġenerazzjoni nadifa tal-enerġija qed tiġi varata fuq skala rapida biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika Ewropea dwar l-enerġija u l-klima f’termini tad-dekarbonizzazzjoni, tal-kompetittività u tar-reżiljenza. Din it-tranżizzjoni qiegħda tkun dejjem aktar ibbażata fuq l-investimenti privati f’sorsi ta’ enerġija nadifa mmotivati mis-sinjali tas-suq, iżda ddependiet ukoll b’mod sinifikanti fuq l-għajnuna mill-Istat. Filwaqt li huwa importanti li jiżdied is-sehem tal-investimenti mmotivati mis-suq, l-appoġġ mill-istat jista’ jibqa’ neċessarju fejn iseħħu l-fallimenti tas-suq, u fejn l-investimenti meħtieġa ma jkunux se jimmaterjalizzaw fin-nuqqas tal-appoġġ mill-istat.
Ir-riforma tat-tfassil tas-suq tal-elettriku (1) wasslet biex żdied l-Artikolu 19d mar-Regolament dwar l-Elettriku (2). Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-iskemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet għall-investimenti f’ċerti tipi ta’ faċilitajiet ġodda tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli (3) kif ukoll għall-faċilitajiet ġodda għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġija nukleari, jieħdu l-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew ta’ skemi ekwivalenti bl-istess effetti (2w-CfDs, two-way contracts for difference). Skont l-Artikolu 19d, dawn it-2w-CfDs iridu jiġu mfassla biex jevitaw id-distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ fis-suq intern. Il-kundizzjonijiet obbligatorji jikkomplementaw il-qafas eżistenti stabbilit fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED III, Renewable Energy Directive III) (4) u f’regoli ta’ għajnuna bħal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija (CEEAG, Climate, Energy and Environmental Aid Guidelines) u bħall-Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa (CISAF, Clean Industrial Deal State Aid Framework) (5).
Il-pjan ta’ azzjoni għall-enerġija affordabbli (6) rrikonoxxa ulterjorment ir-rwol ta’ kuntratti fit-tul bħal 2w-CfDs fit-tnaqqis tal-kostijiet tal-elettriku u d-diżakkoppjament tal-kontijiet tal-elettriku mill-volatilità tal-prezzijiet tal-fjuwils fossili u fl-appoġġ għal investiment addizzjonali fit-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni b’kostijiet marġinali baxxi.
Bit-trawwim tal-investimenti f’assi tal-enerġija nadifa permezz tal-baġit tal-Istat, it-2w-CfDs jistgħu jwasslu għal prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa aktar baxxi. Dan iseħħ billi ġenerazzjoni aktar nadifa u orħos tal-enerġija tieħu post fl-ordni tal-mertu tal-impjanti aktar għaljin li fil-parti l-kbira jaħdmu bil-fjuwils fossili (7). B’riżultat ta’ dan, il-kost marġinali tal-unità li tistabbilixxi l-prezz tas-suq se jkun aktar baxx, u b’hekk se jitnaqqsu l-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa. Barra minn hekk, permezz tal-appoġġ għall-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, it-2w-CfDs jistgħu jipprovdu wkoll diversi benefiċċji għall-konsumaturi tal-enerġija, pereżempju (a) jipprovdu kapaċità addizzjonali ta’ ġenerazzjoni nadifa tal-enerġija b’kostijiet kompetittivi u (b) inaqqsu l-volatilità tal-prezzijiet, filwaqt li jipprovdu wkoll lill-konsumaturi b’ħeġġ kontra perjodi ta’ prezzijiet għoljin tal-elettriku. B’mod partikolari, it-2w-CfDs jistabbilixxu remunerazzjoni massima għall-benefiċjarji tagħhom u għalhekk se jippermettu lill-Istati Membri jirkupraw id-dħul fiż-żminijiet meta l-prezzijiet tas-suq ikunu għoljin. Għaldaqstant, anke jekk il-volumi tal-ġenerazzjoni b’kostijiet baxxi ma humiex biżżejjed biex jieħdu post il-ġenerazzjoni aktar għalja fl-ordni tal-mertu, it-2w-CfDs iservu bħala ħeġġ għall-konsumaturi. Id-dħul ogħla minn dik ir-remunerazzjoni massima jista’ jiġi distribwit mill-ġdid lill-konsumaturi, u b’hekk jipproteġihom b’mod effettiv minn prezzijiet għoljin tal-enerġija. Fl-aħħar nett, it-2w-CfDs jipprovdu ċertezza kbira lill-investituri billi jiżguraw dħul stabbli minn investiment ġdid fil-ġenerazzjoni tal-elettriku li jsir inqas dipendenti fuq il-prezzijiet volatili tal-elettriku kkawżati mill-ġenerazzjoni bbażata fuq il-fjuwils fossili (li tipikament tistabbilixxi l-prezz fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem). Għalhekk, it-2w-CfDs jiffaċilitaw l-aċċess għall-kapital b’kost tal-finanzjament aktar baxx (eż. rati tal-imgħax tas-self u primjum tar-riskju aktar baxxi) għall-benefiċjarji tagħhom u b’hekk ibaxxu l-kostijiet tal-investimenti. Dan iwassal għal kont tal-elettriku orħos għall-konsumaturi meta mqabbel max-xenarju kontrofattwali. B’mod ġenerali, l-istrumenti jagħmlu l-varar ta’ enerġija nadifa u abbundanti orħos, filwaqt li jappoġġaw il-prevedibbiltà u l-affordabbiltà tal-enerġija fuq terminu twil.
Meta wieħed iqis is-sehem dejjem jikber tal-assi appoġġati minn 2w-CfDs u d-daqs tal-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-affordabbiltà, tad-dekarbonizzazzjoni u tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE (8), se jkun kritiku li jkun hemm disinn intelliġenti tat-2w-CfDs. It-2w-CfDs se jkollhom jiġu ddisinjati b’mod intelliġenti biex jiġi żgurat li s-suq Ewropew tal-elettriku jiffunzjona b’mod effiċjenti, li l-assi appoġġati jkunu integrati fis-suq filwaqt li l-kostijiet tas-sistema jinżammu taħt kontroll, u li titrawwem il-kompetizzjoni.
Billi huwa kruċjali li dawn il-kuntratti jiġu ddisinjati b’mod korrett biex jinkisbu l-benefiċċji kollha deskritti hawn fuq, dan id-dokument għandu l-għan li jipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom jiddisinjaw it-2w-CfDs b’mod li jappoġġa investimenti effiċjenti. Din il-gwida se tgħin lill-Istati Membri jfasslu l-iskemi ta’ sostenn tagħhom fid-dawl tal-qafas regolatorju eżistenti. Se tipprovdi wkoll eżempji ta’ kif jistgħu jiġu ssodisfati l-kriterji tad-disinn għat-2w-CfDs stabbiliti fir-Regolament dwar l-Elettriku u fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Din ma għandhiex l-għan li tipprovdi ħarsa eżawrjenti lejn il-konformità tal-karatteristiċi possibbli kollha tad-disinn ta’ skema ta’ 2w-CfD mal-leġiżlazzjoni tal-UE (9).
Filwaqt li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw kif xieraq il-prinċipji stabbiliti f’din il-gwida, dan id-dokument huwa maħsub purament għal skopijiet ta’ gwida. It-test tal-leġiżlazzjoni tal-UE nnifsu biss għandu saħħa legali. Kwalunkwe qari awtorevoli tal-liġi jrid ikun derivat mit-test tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u tar-Regolament dwar l-Elettriku, kif ukoll kwalunkwe parti rilevanti oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE u direttament mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.
II. X’inhuma l-kuntratti għad-differenza?
a. Definizzjoni u prinċipji ewlenin
Ir-Regolament dwar l-Elettriku jobbliga li l-appoġġ dirett fil-prezzijiet għat-tipi ta’ installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni nadifa tal-elettriku elenkati fir-Regolament jingħata fil-forma ta’ 2w-CfDs. Dawn huma ddefiniti bħala kuntratti bejn operatur ta’ installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u kontroparti, normalment entità pubblika, li jipprovdu kemm protezzjoni minima tar-remunerazzjoni kif ukoll limitu għar-remunerazzjoni eċċessiva (10). Il-perjodu kopert mit-2w-CfDs jista’ jvarja minn 10 snin sa 60 sena skont it-teknoloġija, il-perjodu tal-ammortizzament u r-riskji tad-dħul tas-suq (11). L-elettriku ġġenerat minn installazzjonijiet appoġġati minn 2w-CfDs normalment jiġi nnegozjat fis-swieq tal-elettriku (12).
L-investimenti fl-assi tal-enerġija nadifa permezz ta’ 2w-CfDs bejn l-iżviluppatur u l-Istat jipprovdu lill-iżviluppatur b’ċertezza tad-dħul. Dan għandu implikazzjoni diretta fit-tnaqqis tar-riskju tal-investitur u għalhekk ibaxxi l-kostijiet tal-kapital. Billi jattira assi addizzjonali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija b’kost marġinali baxx, dan jista’ jieħu post unitajiet ta’ ġenerazzjoni b’kost ogħla fl-ordni tal-mertu u jirriżulta fi prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa aktar baxxi.
Fid-definizzjoni mogħtija fir-Regolament dwar l-Elettriku, huma possibbli ħafna opzjonijiet tad-disinn u kien hemm żvilupp sostanzjali ta’ tali kuntratti (13). Huwa mistenni li dawn id-disinji differenti tat-2w-CfDs se jevolvu ulterjorment b’aktar riċerka, implimentazzjoni u hekk kif jevolvi t-tfassil tas-suq Ewropew tal-elettriku nnifsu. Għalhekk, din il-gwida ma għandhiex tinqara bħala li tipprevjeni lill-Istati Membri milli jagħżlu disinji oħra, dment li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE (inklużi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat).
Fil-prattika, il-flussi finanzjarji tat-2w-CfDs jiddependu minn prezz tal-eżerċitar (14), li normalment jiġi determinat fi proċess kompetittiv ta’ offerti (15), prezz tas-suq ta’ referenza, u volum ta’ referenza. Proċess kompetittiv ta’ offerti huwa l-aktar mekkaniżmu effiċjenti għall-identifikazzjoni tal-prezzijiet, li jirriżulta fit-tnaqqis tal-kost tal-investiment (16). Il-prezz ta’ referenza jiġi kkalkolat billi tinħadem il-medja tal-prezzijiet tas-suq tul perjodi ta’ referenza li jistgħu jvarjaw fit-tul abbażi tad-disinn tat-2w-CfD magħżul. Il-ġenerazzjoni tal-elettriku jew il-volumi ta’ referenza jiġu kkalkolati sabiex jiġu ddeterminati l-volumi li fuqhom se titħallas ir-remunerazzjoni tat-2w-CfD. Dan il-volum ta’ referenza jista’ jkun il-volum reali prodott mill-installazzjoni, volum indipendenti mill-volum reali prodott mill-installazzjoni, jew taħlita tat-tnejn (17).
Fil-biċċa l-kbira tad-disinji tat-2w-CfDs, il-ħlas jiġi ddeterminat mid-differenza bejn il-prezz tal-eżerċitar u l-prezz ta’ referenza, u mill-ġenerazzjoni tal-elettriku jew mill-volum ta’ referenza. Meta l-prezz ta’ referenza jkun aktar baxx mill-prezz tal-eżerċitar, id-dħul tas-suq tal-ġeneratur jiġi kkomplementat mill-kontroparti tat-2w-CfD biex jintlaħaq il-livell tal-prezz tal-eżerċitar. Meta l-prezz ta’ referenza jkun ogħla mill-prezz tal-eżerċitar, il-ġeneratur irid jittrasferixxi (18) l-parti tad-dħul tiegħu ogħla mill-prezz tal-eżerċitar. Għal illustrazzjoni, ara l-Illustrazzjoni 1 hawn taħt.
Illustrazzjoni 1: Ħlasijiet pożittivi u negattivi f’2w-CfD
|
Sors: |
Fabra (2022) |
b. Kategoriji ta’ kuntratti għad-differenza
F’dan l-istadju jistgħu jiġu definiti żewġ kategoriji ewlenin ta’ 2w-CfDs: 2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni u 2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni. Il-kuntratti tal-ewwel kategorija jiddeterminaw volum ta’ referenza u pagamenti kuntrattwali bbażati fuq il-volum prodott mill-benefiċjarju. It-tieni kategorija tiddiżakkoppja l-volum ta’ referenza, u għalhekk il-pagamenti kuntrattwali, mill-ġenerazzjoni reali u minflok tħares lejn metrika relatata mal-kapaċità tal-produzzjoni tal-installazzjoni jew mal-produzzjoni ta’ impjant ta’ referenza. Minbarra l-kuntratti “puri” bbażati fuq il-produzzjoni u indipendenti mill-produzzjoni, huma possibbli 2w-CfDs ta’ “fużjoni”, li jikkombinaw karatteristiċi taż-żewġ tipi ta’ 2w-CfDs (19). Pereżempju, it-2w-CfD jista’ jkun ibbażat fuq il-produzzjoni fiż-żminijiet meta l-iskema ma hijiex mistennija li twassal għal distorsjonijiet (20) iżda indipendenti mill-produzzjoni għall-bqija taż-żmien (eż. meta l-prezzijiet tas-suq tal-elettriku jkunu mistennija li jkunu taħt il-kost marġinali tal-produzzjoni tal-installazzjoni appoġġata).
It-2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni fl-aħħar 10 snin kienu l-aktar tip komuni ta’ 2w-CfDs implimentat mill-Istati Membri, u dan għadu l-każ illum. Fid-disinn l-aktar sempliċi tagħhom, dawk l-iskemi jistgħu joħolqu distorsjoni fl-inċentivi tal-benefiċjarji (21) billi jinċentivaw il-massimizzazzjoni tal-produzzjoni, indipendentement mill-valur assoċjat ta’ din il-produzzjoni għas-sistema tal-elettriku, rifless mid-dħul tas-suq. Pereżempju, il-produtturi jistgħu jiġu inċentivati i) biex jimmassimizzaw il-produzzjoni tagħhom minkejja l-ġenerazzjoni b’mod totali eċċessiva tal-elettriku u l-prezzijiet fis-swieq tal-istess ġurnata jew tal-ibbilanċjar, bil-prezzijiet tas-suq ikunu taħt il-kost marġinali tal-produzzjoni tal-installazzjoni jew ii) biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment li jimmassimizzaw il-volumi prodotti tal-installazzjoni iżda ma jimmassimizzaw il-valur tal-elettriku prodott għas-sistema tal-elettriku. Sakemm ma jkunx hemm bidla għal disinji aktar intelliġenti tat-2w-CfDs, dawn id-distorsjonijiet jistgħu jkunu mistennija li jiżdiedu. Eżempju ta’ disinn aktar intelliġenti bħal dan jinkludi l-kunsiderazzjoni li ma jiġux ipprovduti inċentivi għall-ġenerazzjoni f’perjodi fejn il-valur ta’ dik l-enerġija jkun negattiv. Dan normalment jista’ jiġi indirizzat billi ma tingħatax remunerazzjoni għall-produzzjoni matul sigħat bi prezzijiet negattivi. L-importanza tas-segment tas-suq tal-istess ġurnata hija mistennija li se tiżdied. Għalhekk, se jkun essenzjali li jiġi żgurat li s-sinjali tal-prezzijiet negattivi jitqiesu wkoll meta jiġu ddeterminati l-kriterji ta’ remunerazzjoni tat-2w-CfDs. Għalhekk, huma meħtieġa disinji aħjar tat-2w-CfDs biex jiġu minimizzati l-kostijiet ġenerali tat-tranżizzjoni tal-enerġija mġarrba mill-konsumaturi fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom.
It-2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni jsolvu l-maġġoranza ta’ dawn il-problemi. Peress li l-pagament lill-benefiċjarju huwa indipendenti mill-ġenerazzjoni reali, il-benefiċjarju huwa inċentivat biex jadatta l-produzzjoni u l-imġiba tiegħu fis-suq biex jimmassimizza d-dħul tiegħu tas-suq. Dan jinċentiva lill-benefiċjarji biex joperaw l-installazzjoni b’mod simili għal kif kieku kienet tiġi operata minn operatur mingħajr appoġġ. Fil-letteratura akkademika jeżistu tipi differenti ta’ 2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni. Dawn l-aktar li jvarjaw huwa fil-mod kif jiddefinixxu l-volum ta’ referenza, li jista’ pereżempju jkun ibbażat fuq il-kapaċità tal-assi li jipproduċi f’ċertu żmien jew ikun ibbażat fuq il-produzzjoni ta’ impjant tal-enerġija ta’ referenza (virtwali). L-isfidi ewlenin b’dan it-tip ta’ 2w-CfDs għandhom x’jaqsmu mal-istabbiliment tal-volumi ta’ referenza, li jistgħu jinvolvu kumplessità akbar, pereżempju, minħabba l-ħtieġa li jintużaw kapaċitajiet kumplessi ta’ mmudellar jew li jiġu evitati r-riskji potenzjali ta’ abbuż (22).
B’mod ġenerali, it-tneħħija tad-distorsjonijiet tas-suq maħluqa mit-2w-CfDs iġġib magħha xi kompromessi. Pereżempju, il-kapaċità mtejba tar-reazzjoni għas-suq se tnaqqas il-kostijiet totali tas-sistema, jiġifieri se tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi b’mod ġenerali, iżda tista’ wkoll iżżid ir-riskji tad-dħul individwali tal-benefiċjarji.
c. Kuntratti bidirezzjonali transfruntiera għad-differenza
Id-disinn tat-2w-CfDs transfruntiera – li sa issa rari ntużaw, iżda huma mistennija li jibdew jintużaw aktar għall-kooperazzjoni fi skambji transfruntiera – fil-prinċipju għandu jixbah lil dak ta’ 2w-CfDs oħra u għalhekk ikun konformi mal-qafas legali applikabbli u mal-prinċipji tad-disinn deskritti f’dan id-dokument. Madankollu, differenza mit-2w-CfDs li huma żviluppati tul din il-gwida hija li d-disinn tat-2w-CfDs transfruntiera jinvolvi l-Istat Membru ospitanti u Stat Membru wieħed jew aktar li jikkontribwixxu finanzjarjament.
L-Istati Membri involuti f’2w-CfD transfruntier jistgħu japplikaw livelli differenti ta’ kooperazzjoni fil-fond. Fl-aktar livell baxx tal-kooperazzjoni, l-Istat Membru ospitanti jista’ jiddisinja u jimplimenta l-iskema b’mod unilaterali u jirċievi kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istat(i) Membru/i li jikkooperaw.
F’livell medju ta’ kooperazzjoni, it-2w-CfD transfruntier jiġi ddisinjat b’mod konġunt mal-Istat(i) Membru/i kontribwenti, iżda l-implimentazzjoni titħalla f’idejn l-Istat Membru ospitanti. Dan id-disinn konġunt jista’ jkun speċifiku għall-proġett jew jista’ jkun disinn qafas għal grupp ta’ proġetti.
Fl-aħħar nett, it-2w-CfD transfruntier jista’ jiġi ddisinjat u implimentat b’mod konġunt mill-pajjiżi ospitanti u mill-Istat(i) Membru/i kontribwenti. Għal darba oħra, din il-kooperazzjoni tista’ tkun speċifika għall-proġett jew ftehim qafas għal firxa ta’ proġetti.
III. Benefiċċji ta’ kuntratti għad-differenza aktar intelliġenti
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet mira klimatika għall-2040 ta’ tnaqqis nett ta’ 90 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990 (23). L-elettrifikazzjoni b’sistema tal-enerġija kompletament dekarbonizzata sal-2040 hija l-ixprunatur ewlieni tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Is-sehem tal-elettriku fil-konsum finali tal-enerġija huwa mistenni li jiżdied minn madwar 30 % fl-2030 għal aktar minn 45 % sal-2040 (24). Sabiex jintlaħqu dawn il-livelli, jeħtieġ li jsiru investimenti kbar f’impjanti tal-enerġija ġodda matul is-snin li ġejjin, stmati għal madwar EUR 140 biljun fis-sena matul l-10 snin li jmiss biss (25). Sabiex jiġi mmassimizzat il-valur tal-investimenti f’installazzjonijiet ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija għall-konsumaturi Ewropej billi s-sistema tal-elettriku tkun magħmula aktar reżiljenti, jeħtieġ li dawn ikunu diversifikati biżżejjed. Barra minn hekk, l-installazzjonijiet jeħtieġ li jkollhom aċċess għal grilja elettrika robusta u li jkunu kkomplementati minn riżorsi ta’ flessibbiltà mhux ibbażati fuq il-fossili. Barra minn hekk, l-iżvilupp ulterjuri tas-sinjali ta’ lokalizzazzjoni se jagħmilha possibbli wkoll li din is-sistema tiffunzjona b’mod effiċjenti u se jippermetti li l-elettriku rħis prodott mill-assi tal-ġenerazzjoni nadifa tal-enerġija jiġi dirett lejn fejn u meta jkun l-aktar meħtieġ mill-konsumaturi.
F’dan l-isfond, il-kuntratti għad-differenza b’disinn aktar intelliġenti jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-kostijiet totali tas-sistema tal-elettriku b’diversi modi meta mqabbla ma’ xenarju kontrofattwali fejn il-kuntratti ma jkunux iddisinjati b’mod intelliġenti jew ma jkunux offruti.
a. Tnaqqis tal-kostijiet tal-investiment permezz ta’ żieda fiċ-ċertezza tal-prezzijiet
L-irkupru tal-kostijiet tal-investituri permezz tan-negozjar ta’ prodotti tas-suq tal-elettriku fuq terminu qasir jinvolvi riskji. Dan huwa partikolarment il-każ għas-sorsi rinnovabbli li jiddependu mit-temp u li l-produzzjoni tagħhom tista’ tkun korrelatata ħafna fi ħdan kull grupp ta’ teknoloġija. Il-kuntratti fit-tul, ma’ entitajiet privati (eż. PPAs bi prezz fiss) jew bħal 2w-CfDs appoġġati mill-Istat, b’hekk jistgħu jillimitaw ir-riskji tas-suq tal-investituri filwaqt li jipproteġu lill-konsumaturi tal-elettriku mill-impatti tal-volatilità tal-prezzijiet tas-suq. Il-kost tal-kapital huwa wieħed mill-akbar kostijiet għal investimenti ġodda fl-enerġija peress li l-assi huma kkaratterizzati minn nefqa kapitali (CAPEX, capital expenditure) għolja u minn nefqa operazzjonali (OPEX, operational expenditure) baxxa. Billi jiżguraw livell minimu ta’ protezzjoni tar-remunerazzjoni sostnut mill-garanzija tal-Istat, it-2w-CfDs jiffaċilitaw l-aċċess għal kapital orħos meta mqabbel mal-investimenti tan-negozjanti u b’hekk inaqqsu b’mod effiċjenti l-kostijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Pereżempju, l-appoġġ għal investimenti ġodda permezz ta’ 2w-CfDs għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta jista’ jnaqqas il-kostijiet kapitali bi 3,7 sa 5 punti perċentwali meta mqabbel ma’ proġett mingħajr appoġġ mill-Istat (26).
b. Massimizzazzjoni tal-valur tal-investimenti billi jiġi żgurat li s-sistema tal-elettriku tiffunzjona b’mod effiċjenti
Meta wieħed iqis ir-rwol dejjem akbar li t-2w-CfDs huma mistennija li se jkollhom fl-appoġġ tal-investimenti, id-disinn it-tajjeb ta’ dawk l-iskemi ta’ appoġġ għalhekk huwa kruċjali biex jiġi żgurat li s-sistema tal-elettriku tiffunzjona b’mod effiċjenti. Iż-żieda fil-kapaċità tar-reazzjoni għas-suq tal-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni soġġetti għal 2w-CfDs meta mqabbla ma’ skemi approvati preċedentement tista’ (i) tirrifletti aħjar il-benefiċċji tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni għall-kostijiet totali tas-sistema, (ii) iżżid l-effiċjenza tas-sistema, u (iii) fl-aħħar mill-aħħar tnaqqas il-kostijiet tas-sistema tal-enerġija. Pereżempju, matul dawn l-aħħar snin, il-prezzijiet negattivi splodew (minn 0 għal 465 tas-sigħat fis-suq Netherlandiż ta’ ġurnata bil-quddiem mill-2018 sal-2024 (27)), u b’hekk żiedu l-volatilità u l-inċertezza tal-prezzijiet, u wasslu għal żieda fid-domanda għall-appoġġ mill-Istat għall-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u għall-mekkaniżmi tal-ibbilanċjar. Għalhekk huwa importanti li l-iskemi ta’ sostenn jipprovdu l-inċentivi x-xierqa biex il-produzzjoni tal-ġenerazzjoni tiġi adattata għal-livelli tal-prezzijiet tas-suq u li jittieħdu deċiżjonijiet ottimali dwar il-post u t-teknoloġija biex jiġi massimizzat id-dħul tas-suq u biex jiġu evitati dawn l-episodji (28). Meta wieħed iqis iż-żieda fil-volumi nnegozjati fis-suq tal-istess ġurnata (+53 % fl-2024 meta mqabbla mal-2023) (29) u ż-żieda fil-kostijiet tal-ibbilanċjar (30), l-għoti ta’ inċentivi adegwati għall-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija biex jirreaġixxu għas-swieq tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-effiċjenza tas-sistema u biex jiġu mminimizzati l-kostijiet għas-soċjetà. Fi skemi ta’ sostenn li ġew approvati f’dawn l-aħħar snin, ir-reattività għas-sinjali tal-prezz ta’ ġurnata bil-quddiem kienet qed tiġi kkunsidrata dejjem aktar. Madankollu, ir-reattività għas-swieq tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar kienet baxxa ħafna, u dan wassal għal distorsjonijiet serji. Sinjal wieħed ta’ dan kien iż-żieda fis-sigħat bi prezz negattiv fis-swieq tal-istess ġurnata: fil-Ġermanja, fl-2024, 13 % tas-sigħat esperjenzaw prezzijiet negattivi fis-swieq tal-istess ġurnata filwaqt li l-prezzijiet ta’ ġurnata bil-quddiem kienu pożittivi (31).
c. Tnaqqis tat-tnaqqis fl-enerġija rinnovabbli b’inċentivi ta’ investiment adegwati
Benefiċċju ieħor ta’ CfD imfassal tajjeb huwa li jnaqqas it-tnaqqis fil-ġenerazzjoni minħabba r-restrizzjonijiet tal-grilja. Fis-sistema tal-lum, installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija tista’ titnaqqsilha l-kapaċità mill-operatur tas-sistema u ta’ dan tiġi kkumpensata permezz ta’ mekkaniżmu ta’ ridispaċċ. Ir-raġunijiet għal tali tnaqqis ġeneralment ikunu marbuta mal-konġestjoni tal-grilja.
Din is-sistema ta’ ridispaċċ ma tinċentivax lill-investituri fil-ġenerazzjoni tal-enerġija biex isibu installazzjonijiet f’żoni ta’ konġestjoni baxxa qrib id-domanda għall-elettriku, u fejn il-grilja hija lesta biex tospita dawn il-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni l-ġodda. Lanqas ma tħeġġiġhom jieħdu deċiżjonijiet teknoloġiċi li jistgħu jiżguraw l-integrazzjoni aħjar tal-assi l-ġodda fis-sistema tal-elettriku, pereżempju billi jillimitaw il-kontribut tal-benefiċjarji għall-konġestjoni. Għalhekk, l-inċentivi lokazzjonali għall-investimenti l-ġodda jridu jittejbu biex jiġi mmassimizzat il-benefiċċju tal-enerġija rinnovabbli għas-sistema tal-enerġija. Dan jista’ jikkompleta inċentivi lokazzjonali simili fit-tariffi tan-network.
Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni jistma li l-kostijiet tar-ridispaċċ tal-UE jistgħu jiġu mistennija li se jiżdiedu b’sa EUR 100 biljun fis-sena sal-2040 (32). Jekk is-sistema tal-elettriku ma ssirx aktar flessibbli u mingħajr domanda akbar għall-elettriku, mingħajr aktar inċentivi lokazzjonali u mingħajr il-bini ta’ assi ġodda tal-grilja, il-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli se titnaqqas dejjem aktar u se tkompli taggrava l-isfidi tal-konġestjoni.
d. Tnaqqis tal-kostijiet tal-enerġija bl-attirazzjoni ta’ ġenerazzjoni addizzjonali nadifa b’kostijiet baxxi lejn is-suq u s-sostituzzjoni tal-ġenerazzjoni b’kostijiet għoljin mill-fjuwils fossili
It-2w-CfDs x’aktarx li jattiraw investimenti addizzjonali f’installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni nadifa tal-enerġija b’kostijiet operatorji (OPEX, operating expenses) baxxi. Dawn l-investimenti addizzjonali se jagħmluha possibbli li jitnaqqsu l-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa billi jieħdu post l-assi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija aktar għaljin, l-aktar dawk li jaħdmu bil-fjuwils fossili, fl-ordni tal-mertu. Barra minn hekk, anke meta l-prezz tal-elettriku bl-ingrossa jiġi stabbilit minn installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija b’kostijiet għoljin, it-2w-CfDs jaġixxu bħala strument għad-diżakkoppjament tal-kontijiet tal-elettriku mill-kostijiet volatili tal-fjuwils fossili. Billi jistabbilixxu remunerazzjoni massima għall-installazzjonijiet appoġġati, it-2w-CfDs jippermettu lill-Istati Membri jirkupraw id-dħul fiż-żminijiet meta l-prezzijiet tas-suq ikunu għoljin. Id-dħul ogħla minn dik ir-remunerazzjoni massima jista’ jiġi ridistribwit lill-konsumaturi, li jipproteġihom b’mod effettiv minn prezzijiet għoljin tal-enerġija.
Fid-dawl taċ-ċifri u tal-elementi deskritti f’din it-Taqsima, jidher li huwa essenzjali li jiġu pprovduti inċentivi aħjar sabiex l-installazzjonijiet jitqiegħdu f’żoni ta’ konġestjoni baxxa u għalhekk f’żoni b’riskju baxx ta’ tnaqqis. Dan se jnaqqas il-kostijiet totali tas-sistema tal-elettriku u minn dan se jibbenefikaw il-konsumaturi u l-produtturi tal-UE.
IV. Qafas legali
Skont l-acquis tal-UE dwar l-enerġija, (33) id-disinn tat-2w-CfDs jeħtieġ li jsegwi kriterji speċifiċi. F’dak ir-rigward, il-qafas legali rilevanti huwa stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (id-Direttiva (UE) 2018/2001 – RED) (34) u fl-Artikoli 19d u 19a tar-Regolament dwar l-Elettriku (ir-Regolament (UE) 2019/943) (35).
L-Artikolu 19d(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku jirrikjedi li l-iskemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet għall-investiment f’faċilitajiet għal ġenerazzjoni ġdida tal-elettriku minn ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli (36) jew nukleari jieħdu l-forma ta’ 2w-CfDs mis-17 ta’ Lulju 2027 (jew mis-17 ta’ Lulju 2029 għal installazzjonijiet rinnovabbli lil hinn mill-kosta konnessi permezz ta’ interkonnetturi ibridi). Dan jistipula ulterjorment li l-parteċipazzjoni tal-parteċipanti fis-suq fi skemi bħal dawn għandha tkun volontarja.
L-Artikolu 4 tar-RED u l-Artikolu 19d tar-Regolament dwar l-Elettriku ma jobbligawx l-użu ta’ tip speċifiku wieħed ta’ 2w-CfD. Madankollu, dawn jirrikjedu l-konformità ma’ prinċipji speċifiċi tad-disinn.
L-Artikolu 4 tar-RED jistabbilixxi ċerti prinċipji tad-disinn għall-iskemi ta’ sostenn għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli. B’mod partikolari, jirrikjedi lil tali skemi jipprovdu inċentivi għall-integrazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fis-suq tal-elettriku b’mod ibbażat fuq is-suq u li jirreaġixxi għas-suq, filwaqt li jevitaw distorsjonijiet bla bżonn fis-swieq tal-elettriku u jqisu l-kostijiet possibbli tal-integrazzjoni tas-sistema u l-istabbiltà tal-grilja. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tar-RED jirrikjedi li dawn l-iskemi ta’ sostenn ikunu ddisinjati biex jimmassimizzaw l-integrazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fis-suq tal-elettriku u biex jiżguraw li l-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jkunu qed jirrispondu għas-sinjali tal-prezzijiet tas-suq u jimmassimizzaw id-dħul tagħhom tas-suq. Dan l-appoġġ irid jingħata b’mod miftuħ, trasparenti, kompetittiv, mhux diskriminatorju u kosteffettiv. L-Artikolu 19d tar-Regolament dwar l-elettriku jżid aktar dettall dwar l-elementi tad-disinn għat-2w-CfDs u jestendi dan il-qafas għall-ġenerazzjoni nukleari. L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda huwa li tittejjeb il-preservazzjoni tal-kapaċità tar-reazzjoni għas-suq tal-iskemi ta’ appoġġ li jieħdu l-forma ta’ 2w-CfDs.
L-Artikolu 19d(2)(a) u (b) tar-Regolament dwar l-Elettriku jiċċara li t-2w-CfDs jeħtieġ li jiżguraw li l-installazzjonijiet appoġġati jaġixxu b’mod li “jirreaġixxi għas-suq”, filwaqt li l-Artikolu 19d(2)(e) u (5) tar-Regolament dwar l-Elettriku jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dwar kif id-dħul li jirriżulta mill-mekkaniżmu ta’ rkupru għandu jintuża mill-Istat. Barra minn hekk, l-Artikolu 19a(5) u (6) tar-Regolament dwar l-elettriku jiċċara l-interazzjoni possibbli bejn it-2w-CfDs u l-PPAs. L-Artikolu 19d tar-Regolament dwar l-Elettriku fih ukoll dispożizzjonijiet dwar l-evitar ta’ distorsjonijiet bla bżonn għall-kompetizzjoni u għall-kummerċ fis-suq intern (l-Artikolu 19d(2)(d)), dwar il-livell ta’ protezzjoni tar-remunerazzjoni (l-Artikolu 19d(2)(c)), dwar il-klawżoli ta’ penali fil-każ ta’ terminazzjoni bikrija tal-kuntratt (l-Artikolu 19d(2)(f)) u dwar id-dritt tal-Istati Membri li jeżentaw lill-installazzjonijiet fuq skala żgħira mid-dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 19d(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku (l-Artikolu 19d(6).
L-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735 (37) jirrikjedi li jintużaw ċerti kriterji mhux tal-prezz fi 30 % tal-volum tal-irkant tal-enerġija rinnovabbli fis-sena għal kull Stat Membru (jew mill-inqas 6 GW fis-sena għal kull Stat Membru). Dawk il-kriterji mhux tal-prezz jinkludu (i) kriterji tal-prekwalifikazzjoni dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju, iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tad-data, u l-kapaċità tat-twettiq; (ii) kif ukoll kriterji tal-prekwalifikazzjoni u tal-aġġudikazzjoni dwar ir-reżiljenza tal-irkantijiet u dwar il-kontribuzzjoni għas-sostenibbiltà. Dawn huma speċifikati ulterjorment fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1176 (38). Meta Stat Membru jagħżel li 2w-CfD ikun parti mit-30 % tal-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli koperti, jeħtieġ li jiġu inkorporati l-kriterji mhux tal-prezz ta’ hawn fuq.
L-approvazzjoni ta’ dawn l-iskemi għandha ssir f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fil-każ ta’ installazzjonijiet rinnovabbli, dawn jiġu ttrattati l-aktar bl-użu tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija (CEEAG) u tal-Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa (CISAF) approvat reċentement. Fil-każ ta’ installazzjonijiet nukleari, l-analiżi titwettaq direttament skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE.
Fil-prattika, l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-kapaċità tar-reazzjoni għas-suq u l-kombinazzjoni ta’ 2w-CfDs mal-PPAs b’mod partikolari qajmu mistoqsijiet prattiċi. Għaldaqstant, dan id-dokument jipprovdi gwida dwar id-disinn tat-2w-CfDs li jikkonformaw mar-rekwiżiti u dwar il-kombinament potenzjali tagħhom mal-PPAs. Dan jipprovdi aktar ċarezza dwar ir-rekwiżiti li t-2w-CfDs għandhom jissodisfaw biex jikkonformaw mad-dritt tal-UE.
V. Disinn intelliġenti tat-2w-CfDs
Fid-dawl tat-terminu twil tat-2w-CfDs u f’kuntest ta’ investimenti kbar meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi għall-2030, għall-2040 u għall-2050, id-disinn tat-2w-CfDs jeħtieġ li jiżblokka l-investimenti meħtieġa u jeħtieġ li jiżgura li l-appoġġ mogħti ma jirriżultax f’distorsjonijiet għall-funzjonament tas-swieq tal-elettriku u jeħtieġ li jiżgura wkoll li l-installazzjonijiet jiġu integrati b’mod effiċjenti fis-sistema tal-elettriku.
L-ewwel nett, l-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-enerġija appoġġati mit-2w-CfDs iridu jkunu jistgħu joperaw u jipparteċipaw b’mod effiċjenti fis-swieq tal-elettriku. L-inċentivi biex tiġi żgurata l-kapaċità tar-reazzjoni għas-suq tal-installazzjonijiet appoġġati wrew li huma element ewlieni tad-disinn tat-2w-CfDs. Għalhekk huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-iskemi futuri kollha tat-2w-CfDs iqiegħdu dan l-element tad-disinn fil-qalba tagħhom, f’konformità mal-qafas legali.
It-tieni, aspett kruċjali ieħor mhux biss għall-iskemi ta’ sostenn għall-enerġija rinnovabbli iżda wkoll għall-politika dwar l-enerġija nukleari fl-10 snin li ġejjin huwa li jkomplu jippromwovu l-varar ta’ dawn l-iskemi bl-inqas kost possibbli għas-soċjetà. Dan jeħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni jiġi limitat għall-kannibalizzazzjoni (39) tad-dħul jew li jittaffew il-kostijiet totali tas-sistema (eż. in-nefqa fuq il-grilja, il-kostijiet tal-flessibbiltà, il-kostijiet tas-sigurtà tal-provvista, jew il-kostijiet tar-ridispaċċ). Dan jista’ jinkiseb bil-promozzjoni ta’ tipi ta’ installazzjonijiet, inklużi installazzjonijiet ibridi li jikkombinaw bosta teknoloġiji (eż. ir-RES u l-ħżin) ta’ valur għoli tas-sistema, u bil-prijoritizzazzjoni tal-iżvilupp tagħhom f’postijiet li jimmassimizzaw il-kontribut tagħhom għas-sistema tal-elettriku.
Sabiex jintlaħqu ż-żewġ objettivi, huwa kruċjali li t-2w-CfDs jiġu ddisinjati b’mod li jiżgura r-reazzjoni għas-suq tal-assi appoġġati. Dan jimplika li, minbarra li tinżamm il-konformità mal-qafas legali, jinstab bilanċ bejn it-tnaqqis tar-riskju totali għall-benefiċjarju għal livell sostenibbli u t-trasferiment ta’ wħud mir-riskji tal-investiment lill-Istat. Jista’ jkun li jkun aktar adattat li wħud mir-riskji jiġu mmaniġġati mill-benefiċjarji tat-2w-CfD (eż. deċiżjonijiet dwar meta għandha ssir il-manutenzjoni ta’ installazzjoni). Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, l-aktar karatteristiċi tad-disinn xierqa jistgħu jiddependu fuq bosta fatturi, pereżempju: (i) it-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni appoġġati; (ii) il-likwidità tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa rilevanti; (iii) il-livell ta’ konġestjonijiet tal-grilja fiż-żona/i tal-offerti tal-Istati Membri; u (iv) ix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum taż-żoni tal-offerti. Sabiex inaqqsu r-riskju għad-dħul tal-benefiċjarju, l-Istati Membri jistgħu jiddisinjaw it-2w-CfDs tagħhom b’modi li jillimitaw ir-riskju tal-prezz (40) u/jew ir-riskju tal-volum (41) . Il-limitazzjoni kemm tar-riskji tal-prezzijiet kif ukoll tar-riskji tal-volum hija tabilħaqq essenzjali biex jiġu limitati l-kostijiet tal-finanzjament (u għalhekk il-kostijiet kapitali) imġarrba mill-benefiċjarji. Għalhekk, huwa essenzjali li jintlaħaq approċċ ibbilanċjat dwar dawn il-kompromessi sabiex jiġu limitati l-kostijiet diretti u indiretti relatati mat-2w-CfD, sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tagħhom kemm għall-konsumaturi tal-elettriku kif ukoll għall-kontribwenti.
F’konformità mal-Artikolu 19d(2)(a) u (b) tar-Regolament dwar l-Elettriku, 2w-CfDs għandhom iżommu l-inċentivi ta’ ġeneraturi mhux appoġġati komparabbli, jew fejn rilevanti ta’ partijiet terzi, biex jikkontribwixxu b’mod kumulattiv għall-objettivi deskritti hawn taħt.
1. Ġenerazzjoni tal-elettriku biex jappoġġaw il-ħtiġijiet tas-sistema
Imġiba bbażata fuq is-suq b’reazzjoni għas-sinjali tal-prezzijiet twassal għal użu effiċjenti tar-riżorsi u tirrifletti l-ħtiġijiet tas-sistema. Pereżempju, f’mumenti ta’ abbundanza tal-elettriku disponibbli, indikati minn prezzijiet tas-suq żero jew negattivi, il-volumi addizzjonali ġġenerati jpoġġu pressjoni addizzjonali fuq is-sistema, u dan iwassal għal żieda fil-kostijiet tas-sistema. Sabiex tassorbi dawn il-volumi addizzjonali, is-sistema tal-elettriku jeħtieġ li ssir aktar flessibbli, b’mod partikolari billi tiżviluppa l-kapaċità tal-ħżin u tar-reazzjoni għad-domanda, li se żżid l-istabbiltà tal-prezzijiet. Bl-istess mod bħalma jsir għall-installazzjonijiet li joperaw taħt il-kundizzjonijiet tas-suq, l-assi ta’ ġenerazzjoni appoġġati taħt it-2w-CfD għalhekk għandhom iżommu l-inċentivi tagħhom li jirreaġixxu għas-sinjali tal-prezzijiet, filwaqt li jiżguraw li l-elettriku ġġenerat iġib valur għas-sistema tal-elettriku. Bl-istess mod, fi żminijiet ta’ skarsezza, il-benefiċjarji għandhom jingħataw inċentivi biex jimmassimizzaw il-produzzjoni tagħhom billi jiżguraw li jkunu jistgħu jiġġeneraw profitti addizzjonali.
2. Teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment ottimali biex irawmu l-integrazzjoni effiċjenti tas-sistema
Il-benefiċjarji possibbli tat-2w-CfDs se jkollhom jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment biex ivaraw installazzjonijiet ġodda. Id-deċiżjonijiet jistgħu jikkonċernaw, pereżempju, il-post tal-installazzjoni, in-numru ta’ assi f’installazzjoni jew il-klassifikazzjoni tal-enerġija tagħhom (eż. minħabba deċiżjonijiet ta’ installazzjoni ta’ impjanti żejda), l-orjentazzjoni tagħhom, iż-żieda potenzjali fl-investimenti ta’ flessibbiltà u għażliet teknoloġiċi oħra. L-impatt ta’ tali deċiżjonijiet fuq is-sistema tal-elettriku jista’ jkun sinifikanti u, meta jitqiesu t-terminu tat-2w-CfDs kif ukoll it-tul tal-ħajja mistenni tal-installazzjonijiet appoġġati, dawn ikollhom effetti fit-tul. Għalhekk, il-benefiċjarji tat-2w-CfDs għandhom jingħataw inċentivi biex jieħdu d-deċiżjonijiet skont l-aħjar previżjonijiet tal-ħtiġijiet tas-sistema. Pereżempju, il-pannelli fotovoltajċi għandhom ikunu orjentati b’mod li jimmassimizza l-valur tagħhom għas-sistema.
B’mod parallel, is-soluzzjonijiet tal-flessibbiltà jeħtieġ li jiġu żviluppati b’mod effiċjenti biex jiġi żgurat li l-elettriku ġġenerat ikun jista’ jiġi assorbit mis-sistema tal-elettriku. Bl-istess mod, dan jista’ jiġi rifless billi jiġu pprovduti inċentivi biex il-benefiċjarju, fost affarijiet oħra, jiddisinja u jinvesti f’tagħmir li jwassal għal-livell ekonomikament effiċjenti ta’ flessibbiltà għas-sistema tal-elettriku, pereżempju billi jiżgura li l-impjanti tal-enerġija nukleari jkunu jistgħu jaġġustaw l-output tal-enerġija tagħhom (42). Il-benefiċjarji jistgħu jiġu inċentivati biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ installazzjoni ta’ impjanti żejda, biex jikkonkludu kuntratti ta’ konnessjoni mal-grilja għal livell ta’ enerġija taħt il-kapaċità installata jew biex jikkonċentraw it-turbini tar-riħ f’post partikolari minkejja li r-rendiment jitnaqqas minħabba l-effett tar-radda.
3. Offerti ta’ servizzi anċillari u ta’ ġestjoni tal-konġestjoni (43)
Ir-Regolament dwar l-Elettriku jagħti preferenza lill-forniment ta’ servizzi bbażat fuq is-suq, kif stabbilit fl-Artikolu 3. Għaldaqstant, it-2w-CfDs għandhom iżommu l-inċentivi finanzjarji tal-benefiċjarju li juża l-installazzjoni biex jipprovdi servizzi anċillari u ta’ ġestjoni tal-konġestjoni, skont il-kapaċitajiet tekniċi tal-installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.
4. Twettiq tal-manutenzjoni fi żminijiet xierqa, fid-dawl tal-ħtiġijiet tas-sistema tal-elettriku
Il-manutenzjoni għandha tiġi skedata f’konformità mal-ħtiġijiet tas-sistema. Dan ifisser, fost l-oħrajn, li jinżammu l-inċentivi tal-benefiċjarju biex jippjana l-manutenzjoni tiegħu fid-dawl tal-kostijiet tal-manutenzjoni u tad-dħul mitluf tas-suq. Dan huwa neċessarju biex jiġi żgurat li l-ġenerazzjoni b’kostijiet baxxi tkun disponibbli meta tkun l-aktar meħtieġa biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa, pereżempju, fi żminijiet ta’ skarsezza.
5. Offerta tal-output tagħhom bil-kost marġinali tagħhom u b’kunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet tekniċi tagħhom
Peress li f’ċirkostanzi kompetittivi l-benefiċjarji huma mistennija joffru l-produzzjoni tagħhom bil-kost marġinali, 2w-CfD ma għandux jinċentivahom biex joffru l-produzzjoni tagħhom taħt il-kost marġinali tagħhom. B’mod partikolari, il-benefiċjarji ma għandhom jirċievu l-ebda għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku waqt perjodi meta l-valur tas-suq ta’ dik il-produzzjoni jkun negattiv (44).
Għall-finijiet ta’ dan id-dokument, il-kost marġinali tal-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija solari u mill-enerġija eolika huwa preżunt li huwa żero (45). Konsegwentement, huwa kruċjali li dawn it-teknoloġiji ma jirċevux appoġġ meta l-valur tas-suq tal-elettriku prodott ikun negattiv. B’kuntrast, ċerti teknoloġiji – bħall-impjanti tal-enerġija nukleari – għandhom kostijiet marġinali tal-produzzjoni. Għal dawn l-assi, is-sempliċi żamma tal-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku matul perjodi ta’ prezzijiet tas-suq negattivi ma hijiex biżżejjed biex jiġi żgurat li joffru l-produzzjoni tagħhom b’kost marġinali. Għalhekk, għal assi bħal dawn b’kapaċitajiet ta’ dispaċċ ’il fuq u ’l isfel, ma għandux jiġi pprovdut appoġġ għall-produzzjoni waqt sigħat meta l-valur tas-suq tal-elettriku prodott ikun taħt il-kost marġinali tal-produzzjoni. Dan jinkludi kemm il-kostijiet diretti tal-produzzjoni kif ukoll il-kost tar-restrizzjonijiet tekniċi bħall-kostijiet tal-kalar jew il-kost tal-opportunità tal-parteċipazzjoni f’segmenti tas-suq jew f’perjodi ta’ żmien oħrajn.
6. Żgurar li l-benefiċjarji jipparteċipaw b’mod effiċjenti f’segmenti differenti tas-suq tal-elettriku, filwaqt li jsegwu strateġija ta’ massimizzazzjoni tal-profitt
Il-parteċipanti fis-suq għandhom l-għan li jimmassimizzaw il-profitti tagħhom fil-perjodi ta’ żmien differenti tas-suq bħall-perjodi ta’ żmien ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar. Peress li l-karatteristiċi tad-disinn tat-2w-CfDs (bħad-definizzjoni tal-prezz ta’ referenza) jistgħu jinċentivaw lill-parteċipanti fis-suq biex jinnegozjaw biss f’segmenti speċifiċi tas-suq, it-2w-CfDs għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li jiġu ppreservati inċentivi ekonomiċi adegwati biex il-faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija topera u tipparteċipa b’mod effiċjenti fil-perjodi ta’ żmien kollha tas-swieq tal-elettriku.
7. Żgurar li l-impatt fuq il-likwidità tas-swieq forward tal-elettriku ikun minimu (46)
Skont it-teknoloġija kkonċernata, is-swieq forward jista’ jkollhom rwol importanti għall-parteċipanti fis-suq biex jiħħeġġjaw ruħhom kontra l-volatilità tal-prezzijiet. Peress li t-2w-CfDs ukoll għandhom funzjoni ta’ ħħeġġjar, l-użu tagħhom jista’ jirriskja li jnaqqas il-likwidità fis-swieq forward. Din il-likwidità hija kritika biex il-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jiħħeġġjaw l-iskopertura tagħhom għar-riskji tal-prezzijiet (47). Għalhekk, fejn applikabbli, it-2w-CfDs għandhom jiżguraw li l-installazzjonijiet appoġġati jibqa’ jkollhom inċentivi biex jipparteċipaw b’mod effiċjenti fis-suq forward tal-elettriku.
8. Appoġġ għal distribuzzjoni ġusta u mingħajr distorsjoni tad-dħul ta’ 2w-CfD
F’konformità mal-Artikolu 19(d)(5) tar-Regolament dwar l-Elettriku, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jqassmu d-dħul irkuprat lura lill-klijenti finali, meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu ogħla mill-prezz tal-eżerċitar tat-2w-CfD, dment li:
|
i. |
jiġu evitati “distorsjonijiet għall-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern li jirriżultaw mid-distribuzzjoni tad-dħul lill-impriżi”; u |
|
ii. |
“id-distribuzzjoni tad-dħul lill-klijenti finali għandha tkun imfassla b’tali mod li jinżammu l-inċentivi biex inaqqsu l-konsum tagħhom jew iċaqilquh għal perjodi meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu baxxi u ma jfixklux il-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-elettriku.” |
Bħala alternattiva, ir-rikavat mit-2w-CfD jista’ jintuża wkoll biex jiffinanzja l-kostijiet tal-iskemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet jew tal-investiment biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-elettriku għall-klijenti finali, bħal skemi ta’ RES jew skemi ta’ sostenn mhux għall-fossili, diment li jiġu osservati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
Fl-aħħar nett, l-allokazzjoni tat-2w-CfDs permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti, li jkun miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju, ibaxxi l-kostijiet għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni, u jiżgura li l-prezzijiet tal-eżerċitar tat-2w-CfDs jirriflettu l-valur fit-tul tal-elettriku ġġenerat għas-sistema tal-elettriku. L-allokazzjoni tat-2w-CfDs permezz ta’ proċessi kompetittivi ta’ offerti normalment tkun obbligatorja skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u skont il-leġiżlazzjoni settorjali.
VI. Elementi individwali tad-disinn
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hemm ħafna għażliet possibbli fid-disinn. L-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddisinjaw it-2w-CfDs fi ħdan il-qafas legali applikabbli. Madankollu, fid-dawl tal-benefiċċji potenzjali li jistgħu jipprovdu t-2w-CfDs iddisinjati tajjeb (kif deskritt fit-Taqsima III) u tal-isfidi involuti (deskritti fit-Taqsima IV), il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li tipprovdi gwida dwar kif jiġu identifikati l-elementi tad-disinn tat-2w-CfDs li jikkonformaw mar-regoli tal-UE. Għalkemm it-2w-CfDs jipprovdu grad għoli ta’ ċertezza lill-investituri b’mod inerenti u għalhekk ikollhom kostijiet tal-investiment aktar baxxi meta mqabbla mal-iskemi bbażati fuq in-negozjanti, il-benefiċċji l-oħra enfasizzati fit-Taqsima III jirrikjedu li t-2w-CfDs ikunu ddisinjati b’mod intelliġenti. B’mod partikolari, il-prinċipji tad-disinn stabbiliti fis-subtaqsimiet a. sa c. se jkunu kruċjali biex tiġi żgurata sistema tal-elettriku li tiffunzjona b’mod effiċjenti filwaqt li l-prinċipju tad-disinn stabbilit fis-subtaqsima d. se jappoġġa tnaqqis fit-tnaqqis fl-enerġija rinnovabbli. L-implimentazzjoni korretta ta’ dawn il-prinċipji tad-disinn se tbaxxi l-kostijiet totali għall-konsumaturi biex jiksbu t-tranżizzjoni lejn sistema tal-elettriku nadifa. Biex jiġu indirizzati l-isfidi deskritti fit-Taqsima V, f’din it-Taqsima jiġu żviluppati erba’ elementi ewlenin tad-disinn. Bħala parti mill-proċess ta’ approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-iskemi ta’ sostenn fil-forma ta’ 2w-CfDs, il-Kummissjoni se tivvaluta kull waħda mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fis-subtaqsimiet li ġejjin. Għalhekk, id-disinn ta’ 2w-CfD b’mod li jibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet żviluppati f’kull waħda minn dawn is-subtaqsimiet se jiffaċilita u se jaċċellera l-valutazzjoni ta’ dawn l-iskemi ta’ sostenn.
a. Prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-imġiba rigward l-offerti fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata, tal-ibbilanċjar u tas-servizzi anċillari
It-2w-CfDs jeħtieġ li jkunu ddisinjati b’mod li ma jikkawżax distorsjoni fl-imġiba tal-benefiċjarji rigward l-offerti. Dan għaliex il-prezzijiet tas-swieq tal-elettriku jipprovdu sinjali importanti dwar l-istat tas-sistema tal-elettriku. Fihom informazzjoni lokazzjonali (normalment skont iż-żona tal-offerti) u element temporali (għal kull unità tal-ħin tas-suq, li tista’ tkun qasira anke 15-il minuta għas-swieq spot jew annwali għall-prodotti forward). Il-prezzijiet negattivi jirriflettu sitwazzjoni ta’ ġenerazzjoni eċċessiva fid-dawl tad-domanda eżistenti f’żona tal-offerti fi żmien partikolari. Meta jkun hemm prezzijiet negattivi, il-ġeneraturi jiġu inċentivati biex inaqqsu jew iwaqqfu l-produzzjoni tagħhom, li, fis-sitwazzjoni speċifika, tappoġġa s-sistema minħabba li l-prezzijiet negattivi huma sinjal ta’ ġenerazzjoni eċċessiva li s-sistema ma tistax tassorbiha. Għalhekk huwa kritiku li t-2w-CfDs ma jeliminawx dawk l-inċentivi billi jbiddlu l-imġiba rigward l-offerti tal-benefiċjarji tat-2w-CfDs u b’hekk joħolqu distorsjoni fil-funzjonament tas-sistema tal-elettriku, u jżidu l-kostijiet imġarrba mill-konsumaturi.
L-Istati Membri mhux biss għandhom jevitaw li jipprovdu kwalunkwe inċentiv lill-benefiċjarji biex jipproduċu l-elettriku meta l-prezzijiet ikunu negattivi, għandhom ukoll jipprovdu inċentivi lill-benefiċjarji biex jagħmlu offerti bil-kost marġinali tal-produzzjoni tagħhom (48). Għaldaqstant, matul perjodi meta l-prezzijiet tas-suq ikunu taħt il-kost marġinali tal-produzzjoni jew negattivi, it-2w-CfD ma għandux jirremunera lill-benefiċjarju għall-produzzjoni tal-elettriku tiegħu. Madankollu, xorta tista’ tiġi pprovduta remunerazzjoni li tkun indipendenti mill-produzzjoni reali, peress li din ir-remunerazzjoni tingħata irrispettivament minn jekk l-impjanti tal-enerġija tal-benefiċjarju ġġenerawx l-elettriku jew le. Tali remunerazzjoni għandha tiżgura li l-iskopertura għad-dħul tas-suq jew għall-kostijiet f’każ ta’ prezzijiet negattivi tkompli tipprovdi inċentivi ta’ offerti adegwati. Għalhekk, huwa importanti li, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fl-offerti, din ir-remunerazzjoni ma għandhiex tiddependi fuq id-deċiżjoni tal-benefiċjarju li jipproduċi jew li ma jipproduċix. Din ir-remunerazzjoni tista’ titħallas għall-unitajiet tal-ħin tas-suq speċifiċi li huma problematiċi (eż. bi prezzijiet negattivi) jew tista’ tiġi aġġustata biex jiżdied id-dħul riċevut għall-unitajiet tal-ħin tas-suq mhux problematiċi (eż. dawk li għalihom il-prezzijiet huma pożittivi u ogħla mill-kost marġinali tal-produzzjoni tal-installazzjonijiet rilevanti).
Huma meħtieġa wkoll inċentivi biex tiġi massimizzata l-produzzjoni fi żminijiet ta’ prezzijiet għoljin, speċjalment fil-każ ta’ assi ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija konsenjabbli (49), inklużi impjanti tal-enerġija nukleari jew installazzjonijiet ibridi tal-ġenerazzjoni u tal-ħżin tal-enerġija rinnovabbli. Dan għaliex dawk l-impjanti tal-enerġija u l-installazzjonijiet ibridi jistgħu jipproduċu “fuq talba”, u jappoġġaw is-sistema fi żminijiet ta’ skarsezza (li tkun riflessa minn prezzijiet għoljin) jew jieħdu post assi ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija inqas effiċjenti.
Teoretikament, it-2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni jipprovdu inċentivi ottimali għar-reazzjoni għall-prezzijiet ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata jew tal-ibbilanċjar. Madankollu, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet indipendenti rilevanti li jiddisinjaw l-iskema għandhom jiżguraw li d-disinn tal-volum ta’ referenza ta’ dawn it-2w-CfDs ma jipprovdix l-inċentivi l-ħżiena u ma jiffaċilitax il-possibbiltajiet ta’ abbuż (50). Għat-2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni, jew għat-2w-CfDs ta’ fużjoni, jistgħu jintużaw indiċijiet biex jiġu kkalkolati kemm il-prezzijiet tal-istess ġurnata (b’kunsiderazzjoni tal-irkantijiet tal-istess ġurnata kif ukoll tan-negozjar kontinwu sal-ħin tal-għeluq tan-negozju) kif ukoll il-prezz tal-ibbilanċjar, biex jiġi ddeterminat meta l-prezzijiet jaqgħu taħt il-kostijiet żero jew marġinali. Għalhekk, l-appoġġ ma għandux jitħallas abbażi tal-elettriku prodott.
|
Kaxxa tal-illustrazzjoni 1 Fit-2w-CfDs ta’ fużjoni, fil-parti l-kbira tal-perjodi, il-pagamenti huma bbażati fuq il-produzzjoni reali tal-installazzjoni. Madankollu, il-pagamenti huma dekorrelatati minn mal-produzzjoni effettiva, u minflok jistgħu jkunu indipendenti mill-produzzjoni f’xi perjodi, pereżempju biex jitnaqqas ir-riskju tal-volum għall-benefiċjarji. Sabiex il-benefiċjarji appoġġati minn 2w-CfD jiġu inċentivati b’mod adegwat biex jipparteċipaw fis-swieq tal-ibbilanċjar u biex jirreaġixxu għas-sinjali tal-prezzijiet tal-istess ġurnata, il-karatteristiċi tad-disinn li ġejjin jiżguraw li t-2w-CfDs ta’ fużjoni jżommu l-inċentivi t-tajbin biex jillimitaw id-distorsjonijiet tas-suq. Dawn it-2w-CfDs jistgħu jitqiesu li huma indipendenti mill-produzzjoni taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
Fi kwalunkwe każ, il-produttur għandu dejjem jibqa’ finanzjarjament responsabbli għall-iżbilanċi li joħloq, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Elettriku. Għalhekk, l-ebda ħlas tat-2w-CfDs ma għandu jkun ibbażat fuq il-prezzijiet tal-iżbilanċ. Madankollu, jistgħu jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi biex jiżguraw li l-benefiċjarji jkollhom il-possibbiltà li jiġu remunerati permezz tat-2w-CfD meta jipprovdu servizzi anċillari u ta’ ġestjoni tal-konġestjoni, dment li tali disinji ma joħolqux distorsjoni fl-istrateġija adottata mill-benefiċjarji meta jagħmlu offerti għal dawn is-servizzi anċillari.
|
Kaxxa sommarja 1 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija appoġġati jżommu l-inċentivi kollha biex jagħmlu offerti fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata, tal-ibbilanċjar u tas-servizzi anċillari. Huma possibbli diversi opzjonijiet f’dan ir-rigward u dawn jistgħu jiġu kkombinati biex jinkisbu l-aħjar riżultati. L-opzjonijiet kollha jeħtieġu kunsiderazzjoni bir-reqqa biex jiġi ddisinjat disinn li jevita d-distorsjonijiet fl-offerti (55) . Sal-lum, l-opzjonijiet tad-disinn ewlenin huma (i) 2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni b’attenzjoni speċjali mogħtija lil kif jiġi mfassal il-volum ta’ referenza; (ii) skemi dipendenti fuq il-produzzjoni b’mekkaniżmi speċifiċi biex jikkoreġu d-distorsjonijiet fl-offerti, bħal billi jiġu identifikati perjodi meta ma għandhomx isiru pagamenti għall-produzzjoni tal-elettriku; u (iii) skemi ta’ fużjoni bbażati fuq 2w-CfDs dipendenti fuq il-produzzjoni b’pagamenti li kultant ikunu dekorrelatati minn mal-produzzjoni effettiva biex jiġu evitati distorsjonijiet fis-sistema. |
b. Trawwim ta’ deċiżjonijiet ta’ manutenzjoni effiċjenti
L-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku jeħtieġ li ssirilhom manutenzjoni fuq bażi regolari. Filwaqt li l-frekwenza tal-ħtieġa għal tali manutenzjoni tiddependi fuq it-tip ta’ installazzjoni u fuq fatturi oħra, il-manutenzjoni għandha ssir fi żminijiet meta s-sistema ma tkunx daqshekk fil-bżonn tal-produzzjoni tal-installazzjonijiet (eż. f’mumenti b’domanda baxxa jew b’ġenerazzjoni eċċessiva). Inkella, il-benefiċjarji jistgħu jwettqu l-manutenzjoni b’mod ineffiċjenti, u jitfu l-kapaċità tal-produzzjoni fi żminijiet ta’ ħtiġijiet għoljin tas-sistema, li tista’ żżid mhux biss il-prezzijiet iżda wkoll ir-riskji għas-sigurtà tal-provvista. Sabiex tkun effiċjenti, dik il-manutenzjoni jeħtieġ li titwettaq meta x-xenarju tal-kostijiet u l-benefiċċji jkun l-aktar favorevoli, jiġifieri meta l-kostijiet tat-twettiq ta’ tali manutenzjoni (eż. inġiniera, metodi tat-trasport, eċċ.) ikunu l-aktar baxxi meta mqabbla mad-dħul tal-qbid mistenni (ikkalkolat bħala l-volum iġġenerat immultiplikat bil-prezzijiet tas-suq (prezzijiet tal-qbid)).
Sabiex irawmu deċiżjonijiet ta’ manutenzjoni effiċjenti, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu 2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni. Dawn il-kuntratti jistgħu jipprovdu inċentivi ottimali jekk il-pagamenti kuntrattwali jkomplu jseħħu matul il-perjodi ta’ manutenzjoni. Meta jintgħażlu t-2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni jew ta’ fużjoni, l-inċentivi għat-twettiq ta’ manutenzjoni effiċjenti jistgħu jiġu pprovduti billi jiġi kkalkolat prezz ta’ referenza stabbilit fuq perjodu li jkun twil biżżejjed. It-tul ta’ dan il-perjodu jkun jiddependi fuq it-teknoloġija u fuq iċ-ċikli ta’ manutenzjoni tagħha. Il-benefiċjarju għandu jiġi inċentivat biex iwettaq il-manutenzjoni tal-installazzjoni tiegħu fil-perjodu li jimminimizza l-kostijiet tiegħu. Il-kostijiet ta’ tali manutenzjoni l-ewwel jiġu kkawżati mit-twettiq tal-manutenzjoni stess u għalhekk jistgħu jiddependu ħafna fuq il-kundizzjonijiet tat-temp. Minbarra dan, il-benefiċjarju għandu jqis ukoll id-dħul mitluf tas-suq li seta’ jakkumula matul il-perjodu ta’ manutenzjoni.
|
Kaxxa tal-illustrazzjoni 2 Għat-2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni u għat-2w-CfDs ta’ fużjoni, l-iżgurar li l-pagamenti japplikaw ukoll matul il-perjodi ta’ manutenzjoni ppjanati jipprovdi inċentivi adegwati biex il-manutenzjonijiet jitwettqu b’mod effiċjenti. Il-manutenzjoni effiċjenti titwettaq b’modi li jimminimizzaw il-kostijiet tas-sistema, pereżempju billi l-manutenzjoni ssir meta s-sistema tkun inqas meħtieġa għall-ġenerazzjoni addizzjonali tal-elettriku. F’dan l-eżempju, benefiċjarju jiddeċiedi li jippjana l-manutenzjoni tiegħu matul perjodu A jew perjodu B. Fiż-żewġ perjodi, l-għajnuna mħallsa lill-benefiċjarji matul il-perjodi tibqa’ l-istess indipendentement minn jekk il-benefiċjarju jippjanax li jwettaq il-manutenzjoni tiegħu matul il-perjodu A jew matul il-perjodu B. Għalhekk, meta jiġi biex jiddeċiedi dwar meta tkun se ssir il-manutenzjoni tiegħu, il-benefiċjarju ma jikkunsidrax il-pagament tal-għajnuna.
Meta jitqabblu l-benefiċċji (jew it-telf) mistennija bejn iż-żewġ xenarji (jiġifieri t-twettiq tal-manutenzjoni matul il-perjodu A jew B), il-benefiċjarji se jqabblu d-differenzi bejn (i) id-dħul mistenni mis-suq matul perjodu wieħed u (ii) il-kostijiet tal-manutenzjoni mistennija matul il-perjodu l-ieħor. Fl-illustrazzjoni ta’ hawn fuq, l-operatur jitlef inqas profitti mistennija (jiġifieri l-profitti mistennija = id-dħul mistenni tas-suq flimkien mad-dħul mistenni mill-għajnuna neqsin il-kostijiet tal-manutenzjoni mistennija) (56) billi jwettaq il-manutenzjoni matul il-perjodu B. Għalhekk jiġi inċentivat jipproduċi matul il-perjodu A, għaliex it-twettiq tal-manutenzjoni matul dan il-perjodu jirriżulta f’telf ogħla tal-profitt mistenni meta mqabbel ma’ jekk il-manutenzjoni ssir matul il-perjodu B. Il-perjodu A x’aktarx li se jikkoinċidi ma’ perjodu bi prezz għoli fejn dawn il-volumi żejda prodotti mill-installazzjoni se jappoġġaw it-tnaqqis tal-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa. Din id-deċiżjoni tittieħed minkejja li l-kostijiet tal-manutenzjoni matul il-perjodu B huma mistennija li jkunu ogħla. Kollox ma’ kollox, karatteristika tad-disinn bħal din tinċentiva lill-benefiċjarju jimmassimizza l-benefiċċji mistennija tiegħu daqslikieku ma kienx appoġġat mit-2w-CfD u tbaxxi l-prezzijiet bl-ingrossa billi tagħmel l-assi disponibbli meta jkunu l-aktar meħtieġa għas-sistema tal-elettriku (57). |
Għat-2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni u dawk ta’ fużjoni, l-applikazzjoni ta’ perjodu ta’ referenza trimestrali jew annwali, skont it-teknoloġija tal-ġenerazzjoni, tipprovdi biżżejjed inċentivi biex il-manutenzjoni titwettaq b’mod kosteffiċjenti. Dan il-perjodu ta’ referenza jista’ jitnaqqas għal xahar għal teknoloġiji b’perjodi iqsar ta’ manutenzjoni, diment li l-perjodu ta’ referenza jibqa’ ferm itwal mill-perjodu ta’ manutenzjoni. Il-kalkolu ta’ prezz ta’ referenza fuq perjodi itwal iħalli l-possibbiltà li l-benefiċjarji jottimizzaw l-imġiba tagħhom fuq perjodu itwal, pereżempju permezz ta’ arbitraġġ f’segmenti differenti tas-suq jew billi jippjanaw il-manutenzjoni f’ħinijiet speċifiċi. Madankollu, l-introduzzjoni ta’ perjodi ta’ referenza itwal jista’ jkun li tkun teħtieġ li tkun akkumpanjata minn adattament speċifiku għall-irkupru, bħal irkupri dinamiċi (58), biex jiġi żgurat li l-inċentivi tar-reazzjoni għas-suq jibqgħu kostanti tul it-terminu tal-kalkolu tal-prezz ta’ referenza.
|
Kaxxa sommarja 2 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija appoġġati jżommu l-inċentivi kollha għat-twettiq ta’ manutenzjoni effiċjenti. Dan jista’ jinkiseb billi t-2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni jiġu ddisinjati u jirremuneraw lill-installazzjonijiet matul il-perjodi ta’ manutenzjoni jew billi l-prezz ta’ referenza tat-2w-CfD jiġi kkalkolat fuq perjodi trimestrali jew annwali għat-2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni. Jistgħu jkunu meħtieġa rkupri dinamiċi biex jiġi żgurat li l-inċentivi tar-reazzjoni għas-suq jibqgħu kostanti tul it-terminu tal-kalkolu tal-prezz ta’ referenza. |
c. Inċentivi għall-parteċipazzjoni b’mod effiċjenti fis-suq forward tal-elettriku
Is-swieq forward tal-elettriku huma kruċjali biex jippermettu lill-parteċipanti fis-suq jiħħeġġjaw u jipproteġu ruħhom kontra l-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet. Il-parteċipanti fis-suq, kemm il-produtturi kif ukoll il-konsumaturi, naturalment jiħħeġġjaw biex inaqqsu r-riskji tagħhom. It-2w-CfDs, billi jiffissaw prezz tal-eżerċitar fuq perjodu ta’ żmien twil, jipprovdu ħeġġ fit-tul għall-benefiċjarji. It-2w-CfDs jipprovdu ħeġġ ħafna iktar fit-tul meta mqabbla mal-prodotti l-aktar innegozjati fis-swieq forward, li bħalissa joffru prodotti likwidi ta’ sena, u f’xi swieq sa 3 snin minn qabel. Madankollu, it-2w-CfDs ma jippermettux ħeġġ dirett mill-konsumaturi, li huwa possibbli permezz ta’ strumenti nnegozjati fil-borża bħal prodotti tas-suq forward, u permezz ta’ strumenti barra l-borża bħall-PPAs (59). Minflok, it-2w-CfDs jipprovdu ħeġġ indirett permezz tal-Istat Membru li skont dan l-istrument tipikament jakkwista l-elettriku għal 15-20 sena bi prezz fiss.
It-2w-CfDs jistgħu jnaqqsu l-inċentivi għall-iħħeġġjar u b’hekk għall-parteċipazzjoni fis-suq forward tal-elettriku. Dan ikun partikolarment il-każ meta l-prezz ta’ referenza fit-2w-CfD jiġi kkalkolat fuq perjodi qosra (eż. kull siegħa). Madankollu, dawn jistgħu jżommu l-inċentivi għan-negozjar fis-suq forward, pereżempju meta jintużaw medji fuq perjodi ta’ żmien itwal bħala perjodi ta’ referenza (eż. annwali) (60).
Il-biċċa l-kbira tas-swieq forward tal-elettriku ibatu minn likwidità baxxa, u dan iwassal għal kostijiet ogħla għall-iħħeġġjar u għal aċċess inugwali għas-suq (61) madwar l-UE għad-detriment tal-konsumaturi tal-elettriku li jeħtieġu l-prevedibbiltà fuq il-kostijiet tal-elettriku. Dan għandu konsegwenzi diretti għall-konsumaturi li jistgħu jħallsu prezzijiet eċċessivi jew saħansitra ma jkollhomx aċċess għal kuntratti bi prezz fiss tal-elettriku. Id-diżinċentivi għall-iħħeġġjar maħluqa minn skemi ta’ sostenn ġew identifikati mill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER, Agency for the Cooperation of Energy Regulators) bħala problema ewlenija tas-swieq forward tal-UE (62).
Meta jitqies li l-prodotti tas-suq forward bħalissa jinħarġu l-aktar fil-forma ta’ prodotti ta’ karga bażika (profil kostanti għal xahar, trimestru jew sena sħiħa), il-parteċipazzjoni fis-swieq forward hija partikolarment rilevanti bi profil ta’ produzzjoni relattivament kostanti bħall-installazzjonijiet nukleari. Fil-każ ta’ installazzjonijiet intermittenti individwali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, dan huwa inqas evidenti bil-prodotti tas-suq eżistenti.
Għal tali installazzjonijiet, għandhom jiġu introdotti elementi speċifiċi tad-disinn fl-iskemi ta’ sostenn, pereżempju permezz ta’ perjodi ta’ referenza itwal jew, skont id-definizzjoni, tal-prezz ta’ referenza jew tal-perjodu ta’ referenza, biex jiġu ppreservati l-inċentivi biex joperaw u jipparteċipaw b’mod effiċjenti fis-swieq forward. Fil-każ ta’ installazzjonijiet nukleari, il-prezz ta’ referenza fit-2w-CfD jista’ jiġi stabbilit b’mod li jqis diversi segmenti tas-suq (eż. is-suq forward u s-suq ta’ ġurnata bil-quddiem). Madankollu, l-iffissar tal-prezz ta’ referenza ma huwiex sempliċi. Dan għaliex jista’ jkun hemm prodotti forward differenti disponibbli f’kull Stat Membru u l-kunsiderazzjoni tal-prezzijiet tas-suq forward fil-prezz ta’ referenza tat-2w-CfDs jeħtieġ li tkun ibbilanċjata mal-ħtieġa li jinżammu inċentivi adegwati għar-reazzjoni għas-sinjali tal-prezzijiet fuq terminu ta’ żmien qasir u għal riskji adegwati għall-investituri. Sabiex jinżammu dawn l-inċentivi, il-prezz ta’ referenza tat-2w-CfDs jista’ jiġi kkalkolat ex post, abbażi tal-volumi nnegozjati fir-realtà f’segmenti differenti tas-suq u l-prezzijiet medji ta’ dawk is-swieq fuq perjodu speċifiku.
|
Kaxxa tal-illustrazzjoni 3 L-użu ta’ prezz ta’ referenza li sempliċiment jiġi kkalkolat f’segment wieħed tas-suq (eż. ta’ jum bil-quddiem) iwassal biex l-impjant tal-enerġija jkollu riskju addizzjonali jekk ibigħ f’suq differenti minn dak li fih jiġu kkalkolati l-pagamenti tad-differenza. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari. Sabiex din il-problema tiġi evitata, soluzzjoni possibbli hija li l-prezz ta’ referenza jiġi kkalkolat bħala l-medja ta’ kull prezz tas-suq għas-swieq li l-benefiċjarju se jbigħ fihom (eż. forward, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata), ponderat skont il-volum tal-bejgħ reali tal-benefiċjarju f’kull wieħed minn dawn is-swieq, u prezz tas-suq definit (eż. il-prezz medju tal-prodotti tas-suq forward sena bil-quddiem), ponderat skont il-kapaċità ta’ riżerva. L-użu tal-prezzijiet tas-suq (minflok il-prezzijiet realizzati) biex jissawwar il-prezz ta’ referenza jinċentiva lill-benefiċjarji biex “jirbħu lis-suq”. Ta’ min jinnota li l-ponderazzjoni bil-bejgħ reali timplika li l-kompożizzjoni tal-prezz ta’ referenza ma hijiex definita b’mod eżoġenu, u dan jista’ jippreġudika b’mod artifiċjali l-istrateġija ta’ negozjar tal-benefiċjarju, iżda b’mod endoġeniku abbażi tal-istrateġija ta’ negozjar reali tal-benefiċjarju. Il-prezz ta’ referenza medju ponderat użat f’din l-illustrazzjoni jippermetti li l-impjant tal-enerġija jiġi ħħeġġjat f’kull suq (forward, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata) li jkun attiv fih, u għalhekk jippermetti lill-impjant tal-enerġija jbigħ b’mod attiv f’kull wieħed minn dawn is-swieq. Sabiex jiġu limitati r-riskji ta’ abbuż matul il-perjodi ta’ referenza bi produzzjoni baxxa, jiġi definit segment tas-suq ta’ referenza għall-kalkolu tal-prezz ta’ referenza (63). Sabiex jitrawmu deċiżjonijiet ta’ dispaċċ effiċjenti, l-impjant tal-enerġija madankollu għandu jiġi inċentivat biex jirreaġixxi għall-inċentivi tal-prezzijiet fuq terminu ta’ żmien iqsar, anke meta l-elettriku nbigħ f’suq fiżiku fuq perjodu itwal. Soluzzjoni sabiex jiġi żgurat li dan ikun il-każ hija li l-impjant ikollu l-kapaċità li jixtri lura l-elettriku fis-suq biex jissodisfa l-obbligi tal-bejgħ tiegħu waqt li jaġġusta l-produzzjoni tiegħu b’mod parallel (64). |
Inkella, l-Istat jista’ jagħti mandat lil parteċipant fis-suq wieħed jew lil aktar minn wieħed li jkun indipendenti mill-operatur tal-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u li jintgħażel permezz ta’ proċess kompetittiv biex iwettaq l-iħħeġġjar tas-suq forward f’isem l-Istat. Dan l-iħħeġġjar jista’ jitwettaq għall-volumi ġġenerati minn riżerva ta’ installazzjonijiet appoġġati. Dan jgħin inaqqas ir-riskju għall-Istat, li inkella jkun espost għal obbligi ta’ ħlas fit-tul u għall-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet spot, jappoġġa l-likwidità tas-suq bil-quddiem u jagħmel disponibbli l-volumi tal-elettriku appoġġat lill-konsumaturi. Il-vantaġġ ta’ dan l-approċċ huwa li l-parteċipant fis-suq mogħti l-mandat mill-Istat jista’ jadatta l-imġiba tan-negozjar tiegħu għax-xejriet tas-suq.
Bl-istess mod, dan il-parteċipant fis-suq mogħti l-mandat mill-Istat jista’ joffri partijiet mill-volumi akkwistati fil-forma ta’ PPAs, li jipprovdu ħeġġijiet aktar fit-tul (65). Dan jippermetti wkoll lill-Istat jiħħeġġja l-iskopertura tiegħu għall-prezzijiet fuq perjodu ta’ żmien qasir li ggwadanja mill-iffirmar tat-2w-CfDs. Il-benefiċċju ta’ dan l-approċċ huwa li jirriżulta fi prodotti tal-PPA aktar standardizzati li jistgħu jkunu disponibbli għall-bejjiegħa bl-imnut u għal għadd akbar ta’ klijenti, inklużi klijenti fi Stati Membri oħra. Jekk Stat Membru jkun ikkuntratta diversi 2w-CfDs, dawn jistgħu jinġabru flimkien fil-PPAs jew fl-offerti tas-suq forward offruti lis-suq. B’dan il-mod, il-profili ta’ installazzjonijiet tal-produzzjoni intermittenti differenti jistgħu jinġabru flimkien biex jippreżentaw profil ta’ ħħeġġjar aktar uniformi, li jirrappreżenta aħjar il-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Dan in-negozjar kollu għandu jseħħ fuq bażi tas-suq biex jiġu evitati d-distorsjonijiet.
|
Kaxxa sommarja 3 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija appoġġati jżommu inċentivi simili bħal dawk tal-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mhux appoġġati biex jipparteċipaw b’mod effiċjenti fis-swieq tal-elettriku, inklużi s-swieq forward. L-iżgurar li t-2w-CfDs ma jiddevjawx b’mod sistematiku l-volumi lil hinn mis-swieq forward huwa partikolarment rilevanti għall-installazzjonijiet nukleari u għal teknoloġiji oħra tal-ġenerazzjoni tal-enerġija bi profil ta’ ġenerazzjoni aktar kostanti. |
d. Massimizzazzjoni tal-valur tal-investimenti għas-sistema tal-elettriku u għall-konsumaturi tal-UE
Meta jinvestu f’installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija ġodda, l-investituri jridu jieħdu ċertu għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment. Filwaqt li wħud minn dawk id-deċiżjonijiet b’mod ġenerali huma stabbiliti mill-kundizzjonijiet tas-sejħiet għall-offerti għat-2w-CfDs (eż. dwar it-tip ta’ installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija), għadd ta’ deċiżjonijiet jibqgħu f’idejn l-investitur. L-eżempji ta’ tali deċiżjonijiet fejn id-deċiżjoni t-tajba tista’ tgħin timmassimizza l-kontribuzzjoni tal-investiment għall-benesseri jistgħu jikkonċernaw (i) il-post tal-installazzjoni (fil-każ tal-enerġija solari jew tal-enerġija eolika fuq l-art); (ii) l-orjentazzjoni tal-installazzjoni (fil-każ tal-enerġija solari); (iii) l-għażliet teknoloġiċi tal-parks eoliċi (66); (vi) iż-żieda ta’ investimenti ta’ flessibbiltà; (v) il-kapaċità installata meta mqabbla mal-kapaċità massima ta’ injezzjoni fil-grilja; (vi) iż-żieda ta’ investimenti ta’ flessibbiltà (67); jew (vii) il-mudell speċifiku tal-installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Dawk id-deċiżjonijiet jista’ jkollhom effetti sinifikanti u fit-tul fuq is-sistema tal-elettriku. Għalhekk fid-disinn tal-iskema ta’ sostenn, jeħtieġ li jiġu inklużi inċentivi xierqa biex jittieħdu deċiżjonijiet ottimali dwar l-investiment, li jimmassimizzaw il-valur tal-investiment għas-sistema ġenerali tal-elettriku (68). Dawn id-deċiżjonijiet ottimali dwar l-investiment huma ta’ benefiċċju għall-konsumaturi peress li jinċentivaw, pereżempju, li l-elettriku jiġi magħmul disponibbli f’sigħat b’domanda ogħla, u b’hekk inaqqas il-prezz tas-suq għal kulħadd.
Sabiex jiġi żgurat li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment adegwati, huwa essenzjali li l-benefiċjarji jibqa’ jkollhom skopertura għas-sinjali tal-prezzijiet kif deskritt f’din il-gwida. Fejn il-formazzjoni tal-prezzijiet tas-suq tirrifletti b’mod sħiħ u adegwat il-ħtiġijiet tas-sistema u l-ispeċifiċitajiet lokali, l-iskopertura tal-investituri għal dawn il-prezzijiet tgħin tiggwida lid-deċiżjonijiet ta’ investiment fir-rigward tal-post, tal-orjentazzjoni, tal-kombinament tagħhom mal-flessibbiltà u tal-għażla tal-installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.
It-2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni jistgħu, teoretikament, jipprovdu l-inċentivi ottimali għall-investiment, jekk ikunu mfassla b’mod adegwat. L-Istati Membri jew l-awtoritajiet indipendenti rilevanti li jiddisinjaw l-iskema għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lit-tfassil tal-volum ta’ referenza ta’ tali 2w-CfDs, peress li dan huwa mistenni li jkollu influwenza konsiderevoli fuq is-saħħa tal-inċentivi biex jiġi mmassimizzat il-valur tal-investimenti għas-sistema tal-elettriku.
Barra minn hekk, l-awtorità tal-għoti għandha tinforma lill-benefiċjarji potenzjali dwar il-metodoloġija li tistabbilixxi l-prezz u l-volum ta’ referenza ferm qabel il-proċess kompetittiv ta’ offerti. Dan se jippermettilhom iqisuha bl-aħjar mod fl-offerta tagħhom u fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom.
|
Kaxxa tal-illustrazzjoni 4 L-iżvilupp ta’ installazzjonijiet ibridi (ta’ assi ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija kkombinat ma’ ieħor, pereżempju, batterija) qed jiżdied b’mod rapidu. Dan huwa mod kif isir użu effiċjenti minn konnessjonijiet skarsi tal-grilja u kif il-proġetti jiġu żviluppati aktar malajr. Billi tikkombina l-assi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija ma’ soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà, l-installazzjoni ssir konsenjabbli. Għalhekk, id-disinn ta’ skema ta’ sostenn għal dawn l-assi jirrikjedi li l-installazzjoni jibqa’ jkollha l-inċentivi għad-dispaċċ skont is-sinjali tas-suq. Prattika tajba, speċjalment għall-iżvilupp ta’ installazzjonijiet ibridi, hija li l-benefiċjarji ta’ installazzjoni appoġġata li tiġġenera l-enerġija jitħallew jinvestu f’soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà ta’ wara l-miter, bħall-batteriji, u b’hekk tippermetti lill-benefiċjarju jiffranka t-tariffi tal-konnessjoni mal-grilja għall-assi wara l-miter u potenzjalment jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-konġestjoni tal-grilja. Investimenti bħal dawn jistgħu jsiru flimkien mal-investimenti fl-installazzjoni tal-produzzjoni jew aktar tard fil-ħajja tal-installazzjoni tal-produzzjoni appoġġata mit-2w-CfD. F’każijiet bħal dawn, huwa importanti li l-għajnuna tiġi pprovduta biss biex tappoġġa l-installazzjoni tal-produzzjoni li inizjalment kienet koperta mill-iskema ta’ sostenn, pereżempju permezz ta’ punt ta’ kejl separat iddedikat u ċċertifikat. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippjanaw li jintroduċu 2w-CfD indipendenti mill-produzzjoni, biex jikkonformaw mar-regoli tar-Regolament dwar l-Elettriku deskritti f’din il-gwida. Dawn l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaġġustaw il-volum ta’ referenza li abbażi tiegħu, il-benefiċjarju jkun inċentivat jadotta mġiba li tkun tiffavorixxi aktar is-sistema. Fil-prattika, dan jista’ jwassal biex il-benefiċjarju jinvesti f’soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà fuq bażi ta’ negozjant, mingħajr appoġġ mill-Istat. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu kawti meta jaġġustaw il-volum ta’ referenza biex jillimitaw ir-riskju għad-dħul għall-benefiċjarji għal livell li:
|
Madankollu, il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa jista’ jkun li ma tirriflettix dejjem u bis-sħiħ il-konġestjonijiet possibbli tal-grilja u l-ispeċifiċitajiet tas-suq lokali. Anki fejn il-prezzijiet tas-suq ivarjaw abbażi tal-post, dawn id-differenzi jistgħu ma jkunux kbar biżżejjed biex jiggwidaw l-investimenti lejn fejn huma l-aktar meħtieġa. Għalhekk, jista’ jkun meħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu, minbarra l-karatteristiċi msemmija hawn fuq, miżuri korrettivi speċifiċi biex jipprovdu inċentivi lokazzjonali aktar b’saħħithom. Dan jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet totali tas-sistema billi l-investimenti jiġu diretti lejn żoni b’konġestjoni baxxa u billi tiġi mminimizzata l-ħtieġa ta’ azzjonijiet korrettivi għaljin. Tali miżuri jistgħu, pereżempju, jieħdu l-forma ta’ fatturi ta’ korrezzjoni fil-kriterji mhux tal-prezz tar-remunerazzjoni tal-iskema ta’ sostenn jew tas-sistema tal-enerġija użati għall-klassifikazzjoni tal-offerti, dment li dawn il-kriterji jiġu stabbiliti b’mod oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju. Dawn il-kriterji jridu jammontaw għal mhux aktar minn 30 % tal-ponderazzjoni tal-kriterji kollha tal-għażla u l-Istat Membru jrid jipprovdi r-raġunijiet għall-approċċ propost u jiżgura li jkun xieraq għall-objettivi segwiti. Ta’ min jinnota li meta jintużaw kriterji mhux tal-prezz addizzjonali, l-Istat Membru jkollu juri li dawn ma jaffettwawx il-kompetittività tal-irkantijiet biex jintgħażlu l-benefiċjarji, fost rekwiżiti oħra skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (69).
B’mod parallel, sabiex jiġi żgurat li l-kuntratti jibqgħu validi fil-futur fid-dawl ta’ bidliet fit-tfassil tas-suq li huma ta’ benefiċċju għas-sistema tal-elettriku, l-arranġamenti kuntrattwali tat-2w-CfDs għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jispjegaw kif il-pagamenti jiġu aġġustati fil-każ ta’ bidliet potenzjali bħal dawn, bħal rikonfigurazzjoni taż-żona tal-offerti jew bidla fil-granularità tal-unità tal-ħin tas-suq.
Fl-aħħar nett, sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-investimenti għall-pubbliku, kull meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu għoljin, id-dħul jiġi rkuprat u jrid jitqassam lill-klijenti finali f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19d(5) tar-Regolament dwar l-Elettriku. Id-dħul li jiġi rkuprat jista’ jintuża wkoll biex jiffinanzja t-2w-CfD stess jew jista’ jintuża biex jiffinanzja l-kostijiet ta’ skemi ta’ sostenn dirett imsemmija fl-Artikolu 19d tar-Regolament dwar l-Elettriku, bħal 2w-CfDs oħra biex jiġu promossi l-investimenti fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Jekk kwalunkwe rikavat li jifdal mit-2w-CfD jitqassam b’mod selettiv lill-impriżi, l-Istati Membri jkollhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, u, jekk ikun meħtieġ, jinnotifikaw tali miżura skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
|
Kaxxa sommarja 4 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija appoġġati jżommu skopertura suffiċjenti għall-prezzijiet tas-suq biex jiżguraw li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment ottimali. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ 2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni bi proġetti ta’ referenza li ma jimitawx il-kapaċità tal-produzzjoni tal-installazzjoni tal-benefiċjarju jew permezz ta’ 2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni jew ta’ fużjoni b’perjodi twal ta’ referenza. Madankollu, jistgħu jiġu introdotti karatteristiċi speċifiċi addizzjonali, bħal inċentivi lokazzjonali, meta jkunu meħtieġa biex jindirizzaw il-konġestjonijiet tal-grilja u jimminimizzaw il-ħtieġa ta’ azzjonijiet korrettivi għaljin. |
VII. Kombinament tal-kuntratti għad-differenza mal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija
a. X’inhuma l-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija?
Fl-Artikolu 2(77) tar-Regolament dwar l-Elettriku, ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija (PPA, power purchase agreement) huwa ddefinit bħala “kuntratt li taħtu persuna fiżika jew ġuridika taqbel li tixtri l-elettriku mingħand produttur tal-elettriku fuq bażi tas-suq.” Dawn il-kuntratti tipikament jiġu ffirmati għal perjodi ta’ bejn 5 u 10 snin jew għal perjodi itwal (sa 20 sena) fil-prattika kurrenti. Dawn jistgħu jinvolvu prezz fiss jew varjabbli. Fost affarijiet oħra, il-PPAs bi prezz fiss għandhom l-għan li jipprovdu prevedibbiltà lill-prezzijiet. Il-prevedibbiltà fit-tul tal-kuntratt tappoġġa lill-promoturi tal-proġetti fil-finanzjament ta’ proġetti ġodda, inklużi proġetti tal-enerġija rinnovabbli jew potenzjalment tal-enerġija nukleari fil-futur. Għall-akkwirenti, oriġinarjament kienu jirrappreżentaw mezz biex jaċċessaw l-elettriku nadif direttament. Il-volatilità tal-prezzijiet esperjenzata matul il-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija tal-2021-2022 enfasizzat ukoll kif il-PPAs jistgħu jintużaw mill-konsumaturi bħala parti minn strateġija ta’ ħħeġġjar immirata lejn il-protezzjoni tal-attività tagħhom minn fluttwazzjonijiet futuri fil-prezzijiet. Jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-finanzjament ta’ proġetti tal-elettrifikazzjoni.
Fil-prattika kurrenti, jeżistu tipi differenti ta’ PPAs, li jallokaw ir-riskji differenti fost il-kontropartijiet kuntrattwali. Pereżempju, il-PPAs jistgħu jew isegwu mudell ta’ ħlas mal-produzzjoni, fejn l-akkwirent jirċievi l-elettriku abbażi tal-ġenerazzjoni ta’ ċerti installazzjonijiet, jew japplikaw mudell ta’ karga bażika, li jalloka r-riskju tal-adattament tal-provvista tal-elettriku għall-profil tal-karga bażika tal-klijent lill-ġeneratur (70). Il-firmatarji jistgħu jaqblu wkoll dwar arranġamenti li jaqgħu bejn il-mudell tal-ħlas mal-produzzjoni u l-mudell tal-karga bażika. Il-prezz tal-PPA mhux neċessarjament ikun fiss għall-perjodu kollu tal-kuntratt. Jista’ jinbidel fuq terminu ta’ xhur, ta’ staġuni jew ta’ snin, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
Tista’ ssir distinzjoni oħra bejn il-PPAs fiżiċi u finanzjarji. F’PPA fiżiku, l-akkwirent ikun parti responsabbli għall-ibbilanċjar u l-produttur tal-elettriku jittrasferixxi l-elettriku prodott lill-portafoll tal-akkwirent, mingħajr ma jkollu għalfejn jinnegozja fis-swieq tal-elettriku u kultant, iżda mhux neċessarjament, jagħmel dan permezz ta’ konnessjoni diretta. Dan jissarraf f’kejl tal-qari tal-arloġġ tad-dawl fil-punti ta’ konnessjoni tal-grilja rispettivi u jinvolvi pagamenti diretti mill-akkwirent lill-ġeneratur tal-elettriku skambjat. F’PPA finanzjarju, kemm il-ġeneratur kif ukoll l-akkwirent jiddependu fuq is-swieq tal-elettriku għad-dispaċċ fiżiku tagħhom billi jbigħu l-elettriku lil atturi oħrajn tas-suq u jixtruh mingħandhom rispettivament bil-prezzijiet stabbiliti mis-suq. Iż-żewġ naħat imbagħad jipproċedu għal saldu finanzjarju dirett abbażi tad-differenza bejn il-prezz tal-elettriku fis-suq u l-prezz definit fil-kuntratt.
b. Kombinament ta’ 2w-CfDs ma’ PPAs
L-Artikolu 19a tar-Regolament dwar l-Elettriku jistabbilixxi l-prinċipju li l-iskemi ta’ sostenn għall-enerġija rinnovabbli jridu “jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ proġetti li jirriżervaw parti mill-elettriku għall-bejgħ permezz ta’ PPA rinnovabbli jew arranġamenti oħra bbażati fuq is-suq” (71). Dan għandu jkun permess permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew għandu jissemma’ b’mod espliċitu fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, jew it-tnejn li huma.
Din id-dispożizzjoni tiċċara li l-użu ta’ żewġ kuntratti, it-2w-CfDs u l-PPAs, jista’ jiġi kkombinat għal installazzjoni waħda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Hemm modi differenti kif dan il-kombinament jitħaddem fil-prattika, iżda tal-anqas għandhom jiġu permessi żewġ aspetti taħt l-iskemi kollha tat-2w-CfDs:
|
— |
il-kandidati tat-2w-CfDs għandhom jitħallew jipparteċipaw fil-proċess tal-offerti tat-2w-CfDs bi porzjon biss tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija installata tagħhom (72). L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw metodoloġiji ta’ kalkolu trasparenti u/jew jippermettu l-kejl separat biex ikun jista’ jiġi implimentat fil-prattika, filwaqt li jevitaw ir-riskji ta’ aġir antikompetittiv (eż. li l-iżviluppaturi maż-żmien ikunu jistgħu jinfluwenzaw liema volumi ta’ kapaċità jew ta’ produzzjoni jitqiesu taħt it-2w-CfD jew il-PPA skont kif jaqblilhom). Barra minn hekk, l-Istati Membri li huma lesti li jinċentivaw ulterjorment l-iżvilupp ta’ swieq likwidi tal-PPAs jistgħu jillimitaw is-sehem massimu tal-output tal-produzzjoni kopert mit-2w-CfD. Dan jista’ jinċentiva lill-benefiċjarji biex jikkonkludu PPA bbażat fuq is-suq biex jiżguraw dħul prevedibbli għas-sehem tal-produzzjoni tagħhom li ma huwiex soġġett għat-2w-CfD. |
|
— |
L-għoti ta’ 2w-CfDs ma għandux jiġi kkundizzjonat mill-bejgħ tal-elettriku f’ċerti segmenti tas-suq. Il-benefiċjarji għandhom jibqgħu liberi li jiddeċiedu kif ibigħu l-elettriku ġġenerat mill-installazzjonijiet tagħhom (u jistgħu fi kwalunkwe każ jagħżlu li jbigħu volumi koperti minn 2w-CfDs taħt il-PPAs dment li tali parteċipazzjoni ma taffettwax b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq). |
Madankollu, l-iżviluppatur irid ikun jista’ jonora l-impenji magħmula permezz tal-kuntratti differenti.
i. Riskji u miżuri ta’ mitigazzjoni
Hemm tliet riskji ewlenin fil-kombinament tal-appoġġ pubbliku u l-akkwist privat fi proġett wieħed:
|
— |
L-ewwel nett, ir-riskju tal-estensjoni tal-appoġġ pubbliku għall-akkwirent (sussidjar reċiproku), li għandu jiġi vvalutat kif xieraq skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Peress li l-appoġġ pubbliku jippermetti l-finanzjament u l-eżekuzzjoni tal-proġett mill-iżviluppatur, l-akkwirent privat jista’ jibbenefika minn kundizzjonijiet aħjar milli kieku jkun il-każ mingħajr dak l-appoġġ. Għalhekk, il-prezz ta’ referenza tat-2w-CfD ma għandux jiġi kkalkolat b’mod li jista’ jħeġġeġ lill-benefiċjarji jiffirmaw PPAs bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz tas-suq. |
|
— |
It-tieni, ir-riskju ta’ distorsjonijiet fis-suq tal-PPAs wara l-kombinament tat-2w-CfDs mal-PPAs billi jinbidlu t-termini u l-prezz tagħhom meta mqabbla ma’ prodotti konklużi fuq bażi tas-suq (73). |
|
— |
Fl-aħħar nett, il-kombinament tat-2w-CfDs ma’ PPAs fiżiċi, li jista’ jneħħi l-inċentivi għall-partijiet biex jinnegozjaw fi swieq organizzati tal-elettriku bl-ingrossa, joħloq ir-riskju li titnaqqas il-likwidità fi swieq oħra tal-elettriku. |
Miżura ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqas ir-riskju li l-appoġġ pubbliku jiġi estiż għall-akkwirent privat tkun li l-benefiċjarju jiġi obbligat jagħżel l-akkwirent tal-PPA permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju. Dan jippermetti l-identifikazzjoni tal-prezzijiet li l-intrapriżi huma lesti li jħallsu biex jaċċessaw dik il-ġenerazzjoni tal-enerġija. Sabiex jiġi żgurat li tali eżiti jirriflettu l-valur intrinsiku ta’ dawn il-kuntratti, dan il-bejgħ għandu jiġi mfassal bl-għan li jippermetti lill-ogħla sehem ta’ partijiet interessati jipparteċipaw. Eżempji ta’ prattika tajba huma: i) li l-volum minimu tax-xiri jiġi stabbilit f’livell baxx (eż. 1 MW); ii) li t-tul tal-kuntratt jiġi stabbilit b’mod li ma jiddiskriminax kontra l-konsumaturi żgħar, eż. madwar 5 snin; iii) li l-konsumaturi kollha tal-elettriku, inklużi l-fornituri bl-imnut, jitħallew jipparteċipaw f’tali rkantijiet; u iv) li l-partijiet ikkonċernati transfruntiera jitħallew jipparteċipaw f’tali rkantijiet. Dan ma għandux jaffettwa b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq, b’mod partikolari meta ż-żewġ partijiet involuti f’dak il-PPA jkunu kkontrollati mill-istess entità. Benefiċċju ieħor ta’ din l-għażla huwa li timmassimizza d-dħul għall-iżviluppaturi, u b’hekk iżżomm l-appoġġ meħtieġ mill-Istat għall-varar tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija f’minimu.
Effett sekondarju tal-proċess tal-irkant huwa li dan neċessarjament iwassal biex dawk li jagħmlu l-ogħla offerti jirbħu l-kuntratti tal-PPA, li jista’ jċaħħad l-aċċess għas-swieq tal-PPAs għal dawk il-klijenti potenzjali li jiffaċċjaw ostakli għad-dħul (74). Sabiex jiġi żgurat li dan it-tip ta’ arranġament ma jwassalx għaż-żieda fis-saħħa fis-suq ta’ ċerti akkwirenti, l-ammont ta’ kapaċità li tista’ tiġi kuntrattata mill-akkwirenti, inklużi s-sussidjarji tagħhom, jista’ jiġi limitat, bi grad sinifikanti ta’ saħħa fis-suq, jew jistgħu jiġu stabbiliti pakketti differenti fl-irkant għal akkwirenti speċifiċi. Il-mitigazzjoni tar-riskju tas-sussidjar reċiproku tal-akkwirenti tal-PPAs se tindirizza wkoll il-ħtieġa li jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet potenzjali fis-suq tal-PPAs. F’dan ir-rigward, il-PPA għandu jiġi stabbilit skont it-termini tas-suq, kif preskritt ukoll mir-Regolament dwar l-Elettriku. Filwaqt li l-PPAs għandhom jiġu stabbiliti skont it-termini tas-suq, pereżempju permezz ta’ proċess ta’ rkant kompetittiv, il-benefiċjarji tat-2w-CfDs għandhom jibqgħu liberi li jiddeċiedu jbigħux l-elettriku tagħhom permezz ta’ PPA. Jekk l-Istat ikun jixtieq isegwi objettivi ta’ politika oħrajn, bħal appoġġ immirat għal ċerti industriji, jeżistu possibbiltajiet oħra ta’ għajnuna mill-Istat (75). Limitazzjoni tar-riżerva potenzjali tal-akkwirenti għall-PPAs neċessarjament toħloq tali distorsjonijiet, għad-detriment ta’ akkwirenti potenzjali oħrajn fis-suq u potenzjalment tmur kontra r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ rtirar tal-likwidità fi swieq tal-elettriku oħrajn, huwa rrakkomandat li l-użu tal-PPAs jiġi limitat għall-PPAs finanzjarji, li jżommu l-inċentivi għall-firmatarji tagħhom biex jinnegozjaw fi swieq tal-elettriku organizzati.
ii. Opzjonijiet li jikkombinaw it-2w-CfDs u l-PPAs
Skont id-dispożizzjoni fl-Artikolu 19a tar-Regolament dwar l-Elettriku, l-Istat huwa obbligat li jippermetti lill-offerenti jirriżervaw biss parti mill-ġenerazzjoni tal-enerġija għall-PPAs jew għal arranġamenti oħrajn ibbażati fuq is-suq. Dan, fil-prinċipju, ma jirrikjedix karatteristiċi speċifiċi tad-disinn fid-disinn tal-irkant jew fid-disinn tat-2w-CfD iżda jista’ jinkludi l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju msemmija hawn fuq.
L-iżviluppaturi se jiddeċiedu dwar il-kombinament possibbli mal-PPAs abbażi tal-attraenza tal-offerta ta’ appoġġ pubbliku meta mqabbla mal-għażla esterna tal-iffirmar ta’ PPA jew tal-użu ta’ arranġamenti oħra tas-suq.
Mod wieħed kif jinkiseb dan il-kombinament tat-2w-CfDs u l-PPAs huwa li l-iskema ta’ sostenn tillimita l-kapaċità jew il-ġenerazzjoni tal-enerġija li tista’ tiġi koperta mit-2w-CfD għal sehem mill-kapaċità jew mill-ġenerazzjoni totali. F’dan il-każ, l-iżviluppatur ikollu jsib flussi alternattivi ta’ dħul għall-kapaċità jew għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mhux appoġġata li jifdal, potenzjalment inkluż permezz tal-PPAs. Konsegwentement, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju ssir partikolarment importanti f’dawn il-każijiet biex jiġi żgurat li dawn l-arranġamenti ma jirriżultawx f’sussidjar reċiproku.
Din l-opzjoni tidher li hija partikolarment adatta għall-installazzjonijiet eoliċi lil hinn mill-kosta, fejn qiegħ il-baħar jinkera mill-Istat lill-iżviluppaturi. Imbagħad, l-Istat jista’ jillimita l-appoġġ pubbliku għal ammont ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija li ma jikkorrispondix għat-total stmat li jista’ jinbena fiż-żona partikolari u jippermetti lill-iżviluppaturi jibnu aktar mill-kapaċità appoġġata mill-iskema (“installazzjoni ta’ impjanti żejda”). Għalhekk, il-benefiċjarji jiġu mġiegħla jsibu sorsi oħra ta’ finanzjament biex jiżguraw il-bini sħiħ u jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ skala (76).
Min-naħa l-oħra, għall-installazzjonijiet fuq l-art, l-Istat tipikament ma jkunx konxju mid-daqs taż-żona li għandha tintuża u ma jistax jiddeċiedi fuq l-ammont ta’ ġenerazzjoni jew kapaċità li għandu jiġi appoġġat fuq dik il-bażi. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-Istat jista’ jiffissa perċentwal massimu tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-installazzjoni li jista’ jibbenefika mill-appoġġ pubbliku (77). Ta’ min jinnota li, peress li l-perċentwal tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mhux kopert mill-appoġġ pubbliku jista’ jkun żgħir, il-benefiċjarji jistgħu jagħżlu wkoll skopertura sħiħa għan-negozjanti, peress li jistgħu ma jeħtiġux kuntratt fit-tul komplementari biex jiffinanzjaw l-installazzjoni. Aktar ma jkun baxx is-sehem kopert mill-appoġġ pubbliku, aktar ikun kbir l-inċentiv li jiġi ffirmat kuntratt ieħor fit-tul fil-forma ta’ PPA, minflok arranġamenti oħra tas-suq bħan-negozjar fi swieq organizzati.
L-Istat, bħala kontroparti tat-2w-CfD, jista’ jbigħ ukoll parti minn dak l-elettriku fil-forma ta’ PPAs għal żmien iqsar (78). Dan jipprovdi ħeġġ kemm għall-iżviluppaturi li jeħtieġu impenji ta’ investiment aktar fit-tul kif ukoll għall-klijenti li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jiffirmaw kuntratti fit-tul u jkunu jeħtieġu kuntratti iqsar. Dawk il-PPAs għandhom jinħarġu għal maturitajiet ta’ madwar 5 snin u jingħataw permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti miftuħ għall-fornituri u għall-konsumaturi, inkluż lil hinn mill-fruntieri. Peress li l-Istat jaġixxi bħala intermedjarju, għandha tingħata attenzjoni lill-eżistenza ta’ garanziji mill-Istat. Meta jkun hemm garanzija appoġġata mill-Istat, din għandha tinkludi dispożizzjonijiet biex jiġi evitat li titnaqqas il-likwidità fis-swieq tal-elettriku, bħal bl-użu ta’ PPAs finanzjarji, u ma għandhiex tipprovdi appoġġ għax-xiri tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-fjuwils fossili.
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 19a jirreferi wkoll għall-użu ta’ kriterji mhux tal-prezz (jew bħala prekwalifikazzjoni jew bħala kriterji għall-għoti) biex jiġi mħeġġeġ il-kombinament tat-2w-CfDs u tal-PPAs iżda biss għall-finijiet ta’ “ffaċilitar tal-aċċess tal-klijenti li jiffaċċjaw ostakli għad-dħul fis-suq tal-PPAs”. Ir-Regolament ma jiddefinix din il-kategorija ta’ klijenti, iżda l-Istat Membru li jagħżel din l-għażla jkollu jiġġustifika kif xieraq li l-gruppi ta’ klijenti magħżula jaqgħu b’mod ċar f’dik il-kategorija: L-SMEs jew il-komunitajiet tal-enerġija huma eżempji tipiċi. Ta’ min jinnota li meta jintużaw kriterji addizzjonali, l-Istat Membru jkollu juri li dawn ma jaffettwawx il-kompetittività tal-irkant biex jintgħażlu l-benefiċjarji u ma jissarrfux f’għajnuna mill-Istat mhux ġustifikata għall-akkwirenti tal-PPA, fost rekwiżiti oħra skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
|
Kaxxa sommarja 5 Meta jikkunsidraw il-kombinament tat-2w-CfDs u tal-PPAs f’irkant, l-Istati Membri għandhom iqisu r-riskji ta’ sussidjar reċiproku, ta’ distorsjonijiet fis-suq tal-PPAs u tat-tnaqqis tal-likwidità ta’ segmenti oħra tas-suq tal-elettriku u għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa. |
VIII. Konklużjoni
It-tranżizzjoni lejn sistema tal-elettriku nadif teħtieġ investimenti rapidi fl-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni. L-investimenti jistgħu jiġu appoġġati mill-Istati Membri fil-forma ta’ 2w-CfDs kif mandati mir-riforma riċenti tat-tfassil tas-suq tal-elettriku. Ir-riforma rriżultat fl-istabbiliment ta’ regoli fl-Artikoli 19a u 19d tar-Regolament dwar l-Elettriku li l-Istati Membri għandhom iqisu meta jiddisinjaw it-2w-CfDs għat-teknoloġiji kkonċernati, biex jiksbu l-benefiċċji tal-kuntratti.
Fid-dawl tad-daqs ta’ tali investimenti u tal-potenzjal li għandhom l-iskemi ta’ sostenn li joħolqu distorsjoni tas-suq kif ukoll tal-integrazzjoni tas-sistema, l-għażla ta’ disinji xierqa għat-2w-CfDs hija kritika. L-iskemi ta’ sostenn ġeneralment jappoġġaw l-installazzjonijiet għal perjodi twal ħafna u kwalunkwe distorsjoni jkollha impatt sinifikanti u imprevedibbli fuq il-funzjonament futur tas-suq. Barra minn hekk, it-2w-CfDs jirrappreżentaw ħeġġ kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-Istat. Iż-żewġ partijiet jistgħu joffru l-benefiċċju ta’ dan il-ħeġġ lill-konsumaturi tal-elettriku, sal-punt li dan ma jwassalx għal distorsjonijiet.
Sabiex tiġi appoġġata tranżizzjoni kosteffiċjenti lejn sistema tal-elettriku dekarbonizzata filwaqt li jiġu appoġġati s-sigurtà tal-provvista u l-affordabbiltà għall-konsumaturi, it-2w-CfDs għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li:
|
— |
jevitaw distorsjonijiet tal-offerti fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata, tal-ibbilanċjar u tas-servizzi anċillari billi (i) jinċentivaw il-produzzjoni fi żminijiet ta’ valur għoli għas-sistema tal-elettriku, (ii) jiżguraw li l-produttur jibqa’ finanzjarjament responsabbli għall-iżbilanċi tiegħu f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Elettriku; |
|
— |
jippreservaw l-inċentivi għal deċiżjonijiet ta’ manutenzjoni effiċjenti billi jiżguraw li r-remunerazzjoni tinċentiva l-manutenzjoni fi żminijiet ta’ ħtieġa aktar baxxa tas-sistema għall-ġenerazzjoni; |
|
— |
iżommu inċentivi simili, komparabbli ma’ dawk għall-installazzjonijiet mhux appoġġati, biex joperaw u jipparteċipaw b’mod effiċjenti fis-swieq forward tal-elettriku; u |
|
— |
jżommu l-inċentivi biex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment ottimali billi jiżguraw li l-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija appoġġati jżommu skopertura suffiċjenti għall-prezzijiet tas-suq. |
Il-kombinament tat-2w-CfDs mal-PPAs għandu jkun iddisinjat b’tali mod li:
|
— |
jevita r-riskju ta’ sussidjar reċiproku lill-akkwirent tal-PPA; |
|
— |
jevita l-ħolqien ta’ distorsjonijiet fis-swieq tal-PPAs; u |
|
— |
jnaqqas ir-riskju li titnaqqas il-likwidità fi swieq oħra tal-elettriku. |
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 fir-rigward tat-titjib tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni, ĠU L, 2024/1747, 26.6.2024, li jemenda r-Regolament (UE) 2019/943.
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (riformulazzjoni), ĠU L 158, 14.6.2019, pp. 54–124.
(3) L-obbligu li l-iskemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet jieħdu l-forma ta’ 2w-CfDs japplika għat-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli li ġejjin: tal-enerġija eolika, tal-enerġija solari, tal-enerġija ġeotermali u tal-enerġija idroelettrika mingħajr riżerva.
(4) Id-Direttiva (UE) 2024/1711 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 2024/1711, 26.6.2024.
(5) C/2025/3602.
(6) Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli COM(2025) 79 final.
(7) Il-formazzjoni tal-prezzijiet tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa bħalissa tinvolvi ottimizzazzjoni tal-provvista tal-elettriku, tad-domanda għall-elettriku u tal-kapaċità transfruntiera disponibbli għall-kummerċ. Il-prezz tal-elettriku f’żona jiġi ddeterminat mill-kost marġinali tal-produzzjoni tal-orħos mezz tal-provvista tal-elettriku disponibbli li huwa meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-konsum. Sabiex jiġu identifikati l-orħos mezzi tal-provvista disponibbli biex jissodisfaw id-domanda, l-assi tal-provvista kollha disponibbli jiġu kklassifikati skont il-livell tal-offerti tagħhom, li huma bbażati fuq il-kostijiet marġinali tal-produzzjoni tagħhom f’hekk imsejħa ordni tal-mertu. Il-livell tal-prezz li fih jikkonverġu l-orħos offerta ta’ domanda u l-aktar offerta ta’ provvista għalja jiddefinixxi l-prezz tal-elettriku bl-ingrossa. Iż-żieda ta’ installazzjonijiet tal-produzzjoni b’kost marġinali baxx bħas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli tista’ twassal biex unitajiet b’kost marġinali aktar baxx jiffissaw il-prezz bl-ingrossa u għalhekk twassal għal prezz tas-suq bl-ingrossa aktar baxx. Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li hemm bosta fatturi li jinfluwenzaw il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, bħal, pereżempju, l-ammont ta’ flessibbiltà disponibbli fis-sistema tal-elettriku.
(8) Kif ġie indikat fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja l-komunikazzjoni “Niżguraw il-futur tagħna: Il-mira klimatika Ewropea għall-2040”.
(9) Pereżempju, din il-gwida ma hijiex se tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu inkorporati l-kriterji mhux tal-prezz fl-irkantijiet. Dan huwa ddettat (i) mill-Artikolu 26 tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (NZIA, Net-Zero Industry Act) (ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024), (ii) mir-Regolament (UE) 2025/1176 tat-23 ta’ Mejju 2025 li jispeċifika l-kriterji tal-prekwalifikazzjoni u tal-aġġudikazzjoni għall-irkantijiet għall-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u (iii) mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2024 dwar id-disinn tal-irkant għall-enerġija rinnovabbli, ĠU L, 2025/1176 (“Att dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 26 tal-NZIA”). Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet li taħthom tapplika l-leġiżlazzjoni finanzjarja għat-2w-CfDs ma humiex deskritti ulterjorment f’din il-gwida.
(10) L-Artikolu 2(76) tar-Regolament 2019/943 kif emendat bir-Regolament (UE) 2024/1747.
(11) Meta tittieħed deċiżjoni dwar it-terminu eżatt, it-tul tal-kuntratt irid ikun proporzjonat mal-livell ta’ investiment meħtieġ u ma għandux jaqbeż il-ħajja operazzjonali mistennija.
(12) Dawn is-swieq tal-elettriku jinkludu kuntratti bilaterali bħall-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (PPAs, power purchase agreements).
(13) Ara, pereżempju, Kitzing et al (2024): Contracts-for-Difference to support renewable energy technologies: Considerations for design and implementation, Rapport ta’ Riċerka, RSC/FSR, iċ-Ċentru Robert Schuman, Florence School of Regulation, l-Istitut Universitarju Ewropew; Newbery, D. (2023a). Efficient Renewable Electricity Support: Designing an Incentive compatible Support Scheme. The Energy Journal, 44(3); Newbery, D. (2023b). Efficient Renewable Electricity Support: Designing an Incentive compatible Support Scheme. The Energy Journal, 44(3), 1–22; Schlecht, I., Maurer, C., & Hirth, L. (2024). Financial contracts for differences: The problems with conventional CfDs in electricity markets and how forward contracts can help solve them. Energy Policy, 186, 113981; Fabra, N., (2023) “ Reforming European Electricity Markets: Lessons from the Energy Crisis ”, Energy Economics. 126; Elia Group. (2022): Sustainable 2-sided Contract for Difference design and models for combination with Power Purchasing Agreements - Two-part explanatory note. Mhux ippubbikat; jew Kröger, Neuhoff, Richstein (2022) Contracts for Difference Support the Expansion of Renewable Energy Sources while Reducing Electricity Price Risks, Rapport ta’ DIW Berlin.
(14) Wieħed mill-mudelli tat-2w-CfDs diskussi fil-letteratura jipprevedi l-użu ta’ kuritur tal-prezzijiet delimitat minn żewġ prezzijiet tal-eżerċitar, prezz minimu bħala l-limitu inferjuri u prezz massimu bħala l-limitu superjuri, li fi ħdanu l-operatur ikun espost għall-prezzijiet tas-suq.
(15) L-Artikolu 19(d)(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku jistabbilixxi l-obbligu li r-remunerazzjoni assoċjata mat-2w-CfD tiġi ddeterminata permezz ta’ “proċess kompetittiv ta’ offerti li jkun miftuħ, ċar, trasparenti u mhux diskriminatorju” . Madankollu, jirrikonoxxi wkoll li “fejn ma jkunx jista’ jitwettaq tali proċess kompetittiv ta’ offerti, il-kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti, u l-prezzijiet tal-eżerċitar applikabbli, għandhom jitfasslu biex jiżguraw li d-distribuzzjoni tad-dħul lill-impriżi ma toħloqx distorsjonijiet bla bżonn għall-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern” .
(16) Ara, pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija (2022), Chema Zabala, Alfa Diallo: “Study on the performance of support for electricity from renewable sources granted by means of tendering procedures in the Union 2022” u r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni tas-sostenn għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli mogħti permezz ta’ proċeduri tal-offerti fl-Unjoni, COM(2022) 638 final.
(17) Eżempji ta’ tali volumi indipendenti mill-produzzjoni jistgħu jkunu volum limitat iddeterminat ex ante mill-awtorità tal-irkant jew, fil-każ ta’ 2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni, mill-potenzjal tal-produzzjoni tal-installazzjoni, profil ta’ referenza li jirrifletti l-produzzjoni ta’ proġett ta’ referenza medju, fost possibbiltajiet oħra.
(18) Minbarra l-irkupru li jirriżulta mit-2w-CfD, jistgħu jkunu meħtieġa tipi oħra ta’ rkupru biex jiġi evitat il-kumpens żejjed, kif indikat mil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat. L-irkupru li jirriżulta mit-2w-CfD jista’ jinżamm tul il-ħajja operazzjonali tal-assi appoġġat.
(19) Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.115179 (2024/N) – L-FER X TCTF tal-Italja Appoġġ tranżizzjonali Taljan għall-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti ta’ RES qrib il-parità mas-suq. Ġew diskussi disinji oħra fil-letteratura, li jinkludu disinji differenti għall-prezz ta’ referenza, għall-volum ta’ referenza jew għall-prezz(ijiet) tal-eżerċitar. Ara, pereżempju, Kitzing et al. (2024) għal ħarsa ġenerali kbira lejn l-għażliet possibbli tad-disinn. Disinji oħra jistgħu jinkludu bonus għall-flessibbiltà jew penali. Ara, pereżempju, Fabra (2023).
(20) Ir-referenzi għal “distorsjonijiet” fil-kuntest ta’ din il-gwida għandhom jinftiehmu bħala effetti tat-2w-CfDs li jipprovdu inċentivi lill-benefiċjarju biex jaġixxi b’mod differenti minn ġeneratur “mhux appoġġat”. Pereżempju, it-2w-CfDs ikollhom effetti ta’ distorsjoni jekk jinċentivaw lill-benefiċjarju biex jipproduċi fi żminijiet meta l-prezz tas-suq ikun taħt il-kost marġinali tal-produzzjoni tal-benefiċjarju jew jekk il-benefiċjarju ma jipproduċix minkejja li l-prezzijiet tas-suq ikunu ogħla mill-kost marġinali tal-produzzjoni tiegħu. Dawn l-eżempji ta’ distorsjonijiet ma humiex eżawrjenti.
(21) Dan jassumi li l-kost marġinali tal-produzzjoni huwa inqas mill-prezz tal-eżerċitar.
(22) Dan jista’ jimplika l-kalkolu tal-volum ta’ referenza biex jiġi imitat il-profil tal-produzzjoni ta’ installazzjonijiet speċifiċi ta’ assi rinnovabbli. Dan jimplika l-użu ta’ sensuri meteoroloġiċi effettivi u ta’ mmudellar sofistikat tal-produzzjoni tal-elettriku biex tiġi stabbilita l-kurva tal-produzzjoni ta’ referenza jew l-assoċjazzjoni ta’ “potenza ta’ referenza” ma’ proġett appoġġat b’mod li bih jiġu evitati r-riskji ta’ abbuż u jitneħħew il-kostijiet tal-implimentazzjoni u l-piż amministrattiv.
(23) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1119 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika COM (2025)524 final.
(24) Il-Kummissjoni Ewropea, Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2040 (SWD(2024) 63 final).
(25) Il-Kummissjoni Ewropea, Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2040 (SWD(2024) 63 final).
(26) The Impact of Two-Sided Contracts for Difference on Debt Sizing for Offshore Wind Farms - Mak Đukan, Dogan Keles, Lena Kitzing, 2025.
(27) https://www.creg.be/sites/default/files/assets/Publications/Studies/F2590EN.pdf.
(28) https://www.creg.be/sites/default/files/assets/Publications/Studies/F2590EN.pdf.
(29) CACM Annual report 2024 - https://www.nemo-committee.eu/assets/files/cacm-annual-report-2024.pdf.
(30) L-aħjar data disponibbli tissuġġerixxi li l-kostijiet totali tal-ibbilanċjar fil-livell tal-UE fl-2024 huma mill-inqas 2-3 darbiet ogħla milli fl-2018, iżda ma hemm l-ebda serje konsolidata ppubblikata uffiċjalment li tappoġġa ċifra perċentwali eżatta, skont ir-rapporti tas-suq u tal-ibbilanċjar tan-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E, European Network of Transmission System Operators for Electricity) għall-2020-2025.
(31) Madankollu, huwa rilevanti li jiġi nnotat li d-differenza fis-sinjal bejn il-perjodu ta’ żmien ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata tista’ tkun dovuta għal bidliet fil-previżjonijiet tal-ġenerazzjoni u tal-konsum wara s-suq ta’ ġurnata bil-quddiem, pereżempju minħabba bidliet fit-temp.
(33) Din il-gwida tiffoka fuq ir-regoli applikabbli rilevanti fl-acquis tal-UE dwar l-enerġija u ma għandhiex l-intenzjoni li tkopri r-regoli kollha li possibbilment japplikaw għat-2w-CfDs skont id-dritt tal-UE, bħar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jew il-leġiżlazzjoni finanzjarja.
(34) Ara l-Artikoli 4 u 6 tar-RED.
(35) Lil hinn mil-liġi dwar l-enerġija, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom rwol importanti fit-tfassil ta’ 2w-CfDs konformi mar-regoli tal-UE. F’dan ir-rigward, issir referenza, b’mod partikolari, għal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija - 2022/C 80/01 (CEEAG).
(36) Għall-finijiet ta’ din il-gwida, it-terminu “rinnovabbli” jirreferi għal faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ġodda mill-enerġija eolika, mill-enerġija solari, mill-enerġija ġeotermali u mill-idroelettriku mingħajr riżerva.
(37) Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724, ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj.
(38) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1176 tat-23 ta’ Mejju 2025 li jispeċifika l-kriterji tal-prekwalifikazzjoni u tal-aġġudikazzjoni għall-irkantijiet għall-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L, 2025/1176, 18.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1176/oj.
(39) Il-kannibalizzazzjoni sseħħ meta d-dħul u l-valur ta’ teknoloġija speċifika tal-enerġija jonqsu minħabba penetrazzjoni akbar ta’ dik it-teknoloġija. Għalhekk, il-kannibalizzazzjoni hija parametru li, jekk ikun preżenti, jista’ jaffettwa kemm il-profittabbiltà kif ukoll ir-riskju għall-investituri, b’mod partikolari fl-assi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli.
(40) Dan huwa pereżempju l-każ għat-2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni b’perjodu ta’ referenza li jikkorrispondi għall-unità tal-ħin tas-suq. Produttur li jinvesti fi proġett li kapaċi jipproduċi l-elettriku fl-istess mudell tal-produzzjoni bħall-profil ta’ produzzjoni ta’ referenza se jkun garantit li jitħallas bil-prezz tal-eżerċitar għal kull MWh li seta’ pproduċa. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-benefiċċju tat-tfassil ta’ profil tal-produzzjoni ta’ referenza b’tali mod li jkun ta’ benefiċċju għall-ħtiġijiet tas-sistema.
(41) Dan huwa pereżempju l-każ għat-2w-CfDs fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jappoġġaw installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fi żminijiet fejn din l-installazzjoni ma tkunx qed tipproduċi, bħal matul is-sigħat bi prezzijiet negattivi fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata (jiġifieri t-2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni jew ta’ fużjoni). Għalhekk, ir-remunerazzjoni totali tal-benefiċjarju ma tiddependix fuq il-frekwenza tal-okkorrenza ta’ sigħat bi prezzijiet negattivi, u l-volum tal-produzzjoni appoġġat mit-2w-CfD (f’MWh/sena) jista’ jiġi previst aħjar mill-benefiċjarju, pereżempju abbażi ta’ produzzjoni medja storika. Ta’ min jinnota li dan inaqqas ir-riskji tal-benefiċjarji u għalhekk inaqqas il-prezz tal-eżerċitar li jirriżulta minn proċess kompetittiv ta’ offerti. Min-naħa l-oħra, dan jittrasferixxi riskju lill-Istat, li se jkollu jikkumpensa lill-benefiċjarju matul għadd akbar ta’ perjodi bi prezzijiet negattivi, għalhekk jibqa’ kruċjali li t-2w-CfD ikun iddisinjat biex jipprovdi inċentivi adegwati tar-reazzjoni tas-suq pereżempju billi jinkludi perjodi ta’ referenza itwal.
(42) Il-verżjoni kurrenti tar-Rekwiżiti Ewropej dwar l-Utilitajiet tippreskrivi li l-impjanti tal-enerġija nukleari jridu jkunu jifilħu operazzjoni ta’ ċiklaġġ tat-tagħbija kuljum f’ċerti konfini. Għal aktar dettalji, ara SWD/2025/160 final, it-taqsima 2.2.2.
(43) L-Artikolu 2(48) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (riformulazzjoni) (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125) jiddefinixxi “servizzi anċillari” bħala servizzi meħtieġa għat-tħaddim ta’ sistema tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni inklużi servizzi anċillari ta’ bilanċjar u mhux tal-frekwenza, iżda li ma jinkludux il-ġestjoni tal-konġestjoni.
(44) Ara l-paragrafu 123 tas-CEEAG. Ta’ min jinnota li f’ċerti ċirkostanzi, il-kostijiet tat-tħaddim tal-unità jinkludu wkoll il-kostijiet ta’ kalar ’il fuq u ’l isfel, pereżempju għall-installazzjonijiet nukleari.
(45) Il-kost marġinali tal-produzzjoni tal-assi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija solari jew tal-enerġija eolika (jiġifieri l-kost tal-produzzjoni ta’ MWh addizzjonali waħda) huwa meqjus li hu baxx ħafna, qrib EUR 0 MWh. Fid-dawl tal-fatt li ma hemm l-ebda ċifra preċiża dwar dawn il-kostijiet eżatti, għall-fini ta’ din il-gwida, huwa preżunt li din hija EUR 0/MWh.
(46) Għall-finijiet ta’ din in-nota, is-“swieq forward” jirreferu għall-prodotti għall-konsenja minn jumejn qabel il-konsum u l-produzzjoni tal-elettriku f’ħin reali, u jinkludu prodotti nnegozjati fil-borża bħal futuri.
(47) Dan huwa partikolarment rilevanti għall-fornituri li jeħtieġ li jikkonformaw ma’ prattiki speċifiċi tal-ġestjoni tar-riskji skont l-Artikolu 18a tad-Direttiva (UE) 2019/944.
(48) Kif indikat fil-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022 (CEEAG), il-paragrafu 123.
(49) Dawn l-assi tipikament ma jipproduċux l-elettriku fil-kapaċità massima tal-produzzjoni tagħhom iżda pjuttost f’valur programmat li jimminimizza l-kost marġinali tal-produzzjoni. F’każ li jkunu mistennija prezzijiet għoljin, l-assi jistgħu jżidu l-produzzjoni tagħhom.
(50) Pereżempju, it-tfassil tal-volum ta’ referenza jista’ jinċentiva lill-benefiċjarji potenzjali biex jimmassimizzaw il-kapaċità nominali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija tal-installazzjoni tagħhom iżda mhux biex jibnu l-installazzjonijiet meħtieġa b’tali mod li tinkiseb din il-kapaċità nominali. Pereżempju, fil-każ tat-turbini eoliċi, it-turbini jistgħu jiġu ddisinjati madwar kapaċità ta’ 10 MW biex jiksbu aċċess għal profil ta’ referenza għal kapaċità ta’ 10 MW filwaqt li d-daqs tal-pali jista’ jkun iddisinjat b’mod li jista’ jikseb biss 6 MW ta’ ġenerazzjoni. Dan jimminimizza l-kostijiet tal-investiment filwaqt li jiżgura dħul għoli jekk il-prezz tal-eżerċitar ikun ogħla mill-prezz ta’ referenza.
(51) Fuq dan il-punt speċifiku, ara l-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.115179 (2024/N), il-premessa 55(b).
(52) Fuq dan il-punt speċifiku, ara l-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.115179 (2024/N), il-premessa 55(a).
(53) Fuq dan il-punt speċifiku, ara d-Deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat SA.115764 (2025/N), il-premessa 12 għal tliet parks eoliċi lil hinn mill-kosta fi Franza, li tipprevedi l-ibbażar fuq l-indiċijiet tal-prezzijiet tas-suq tal-istess ġurnata biex jiġu identifikati prezzijiet negattivi.
(54) Pereżempju, il-fattur ta’ bejgħ sfurzat jista’ jitkejjel bħala s-sehem tal-elettriku nnegozjat fl-irkant diviż bl-elettriku totali kkonsmat fil-livell nazzjonali.
(55) Sal-lum, il-letteratura akkademika u l-każistika identifikaw għadd ta’ distorsjonijiet possibbli. Madankollu, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li prattika u riċerka ulterjuri se jidentifikaw distorsjonijiet addizzjonali u aġġustamenti neċessarji biex jiġu indirizzati.
(56) Għall-finijiet tal-eżempju, huwa preżunt li l-kost mistenni minbarra l-kostijiet tal-manutenzjoni mistennija se jibqa’ kostanti matul il-perjodu kollu tal-produzzjoni jew li se jkun ugwali għal żero. Madankollu, dan ikollu jitqies fl-analiżi mistennija tal-kostijiet u l-benefiċċji.
(57) Ta’ min jinnota li d-deċiżjoni dwar il-manteniment tittieħed abbażi tal-profitti mistennija qabel il-perjodu ta’ manutenzjoni reali. Ladarba din il-manutenzjoni tiġi stabbilita, x’aktarx li jkun diffiċli li jinbidel il-perjodu stabbilit għall-manutenzjoni. Il-kost u l-benefiċċji reali jistgħu jkunu differenti milli mistennija. Madankollu, l-operaturi kollha fis-suq, kemm jekk jibbenefikaw mill-appoġġ pubbliku kif ukoll jekk le, jieħdu d-deċiżjoni abbażi tal-aspettattivi.
(58) Għat-2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni b’perjodu twil li matulu jiġi kkalkolat il-prezz ta’ referenza medju, il-ħlas/l-irkupru tal-primjum għal kull perjodu ta’ referenza jiddependi inqas fuq jekk il-benefiċjarju jipproduċix fi żmien partikolari u l-varjazzjonijiet fuq terminu ta’ żmien qasir fid-dħul ibbażat fuq is-suq jiġu mgħoddija lill-produttur. F’sitwazzjonijiet fejn, fi tmiem il-perjodu, il-benefiċjarju jkun jista’ jistma li l-prezz medju ta’ referenza se jirriżulta f’irkupru, jekk iqis il-prezzijiet spot mistennija fiż-żmien li jifdal fil-perjodu li fuqu tiġi kkalkolata l-medja, il-produttur jista’ jiġi inċentivat b’mod żbaljat biex inaqqas il-produzzjoni anke jekk il-prezzijiet spot ikunu għadhom pożittivi u jekk ikun fl-interess tas-sistema li dik il-produzzjoni ssir. Dan għaliex inkella, il-benefiċjarju jkollu jħallas l-irkupru fuq il-volum addizzjonali prodott mingħajr ma jkun irċieva d-dħul ekwivalenti tas-suq spot għal dak il-volum. F’sitwazzjoni ta’ distorsjoni ta’ dan it-tip, it-2w-CfD jista’ jinkludi rkupru dinamiku, fejn l-irkupru jitnaqqas biss għall-volumi prodotti f’sigħat bi prezzijiet spot baxxi u jkun limitat għat-tmiem tal-perjodu ta’ referenza u biss fi żminijiet meta l-benefiċjarji jkunu jistgħu jiddeterminaw li dawn se jiġu rkuprati biex jinżamm l-inċentiv għall-produtturi tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli li jikkontribwixxu għall-elettriku feed-in fi żminijiet ta’ prezzijiet pożittivi (baxxi). F’sitwazzjonijiet ta’ distorsjoni ta’ din ix-xorta, l-iskema tista’ taġġusta l-irkupru biex ikun ugwali għall-minimu tal-irkupru medju jew tal-prezz spot. F’dawk il-każijiet li fihom l-irkupru jkun ogħla mill-prezz spot, fil-prinċipju l-iżviluppatur ikun inċentivat biex iwaqqaf il-produzzjoni. Madankollu, jekk l-irkupru għal dak il-mument partikolari jinbidel biex ikun ugwali għall-prezz spot, l-iżviluppatur ikun indifferenti u jipproduċi xorta meta jkun ta’ benefiċċju għas-sistema. Għal aktar dettalji dwar l-irkupru dinamiku, ara Kitzing et al (2024).
(59) Il-PPAs huma diskussi fit-Taqsima VII.
(60) Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ meta l-benefiċjarji tat-2w-CfD jippruvaw “jirbħu lis-suq” u jaqbdu dħul tas-suq ogħla permezz ta’ deċiżjonijiet kummerċjali profittabbli fis-suq forward, filwaqt li jillimitaw ir-riskji. B’mod partikolari, meta l-prezz ta’ referenza fit-2w-CfD ikun twil (eż. annwali), l-iżviluppatur jista’ jkollu l-inċentiv li jinnegozja bil-quddiem biex jiħħeġġja r-riskju tiegħu.
(61) Il-likwidità tas-swieq forward tal-elettriku differenti hija baxxa ħafna fil-maġġoranza taż-żoni tal-offerti, u huma biss ftit żoni tal-offerti li għandhom likwidità suffiċjenti. Ara d-dokument imsemmi fin-nota 62 f’qiegħ il-paġna għal aktar informazzjoni.
(62) Id-Dokument ta’ Politika tal-ACER dwar l-Iżvilupp Ulterjuri tas-suq forward tal-elettriku tal-UE https://www.acer.europa.eu/sites/default/files/documents/Position%20Papers/Electricity_Forward_Market_PolicyPaper.pdf.
(63) Mingħajr dan il-mekkaniżmu, f’każ ta’ perjodu ta’ referenza bi produzzjoni baxxa, l-impjant tal-enerġija jista’ jimmodifika bis-saħħa l-prezz ta’ referenza (li japplika għall-volum ta’ referenza sħiħ), billi sempliċiment jaqleb il-bejgħ minn suq għal ieħor.
(64) Pereżempju, jekk l-impjant ikun impenja ruħu li jbigħ fis-suq forward, u l-prezz ta’ ġurnata bil-quddiem jew tal-istess ġurnata jkun taħt il-kostijiet marġinali tal-impjant tal-enerġija, l-impjant tal-enerġija għandu jkun jista’ jixtri lura l-elettriku diġà mibjugħ fis-swieq forward sabiex jaġġusta l-output tal-produzzjoni tiegħu.
(65) Soġġett għall-kompatibbiltà mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (ara t-Taqsima VII.b. hawn taħt).
(66) Bħall-proporzjon bejn it-tul tal-pala u d-daqs tat-turbina jew il-konċentrazzjoni tal-art tat-turbini eoliċi.
(67) Għall-enerġija rinnovabbli, l-investimenti ta’ flessibbiltà addizzjonali jistgħu jirreferu għal sistemi ta’ ħżin tal-batteriji b’kolokazzjoni. Għall-enerġija nukleari, jistgħu jirreferu għall-installazzjoni ta’ tagħmir jew għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-għażliet tad-disinn li jkomplu jtejbu l-kapaċità tal-impjant li jsegwi t-tagħbija.
(68) L-iżgurar li l-investiment jevita d-distorsjonijiet bla bżonn għall-kompetizzjoni u għall-kummerċ fis-suq intern u li jikkontribwixxi għall-valur tas-sistema jista’ jinkludi elementi tad-disinn tat-2w-CfDs li jinċentivaw il-kostruzzjoni effiċjenti. Tali elementi tad-disinn jistgħu jirriflettu l-ilħuq ta’ ċerti stadji importanti tal-kostruzzjoni skont l-iskeda u f’konformità mal-baġit ippjanat. Xi Stati Membri introduċew penali f’każ li proġett ma jitlestiex jew ma jilħaqx il-prestazzjoni mistennija.
(69) Dan it-tip ta’ kriterju huwa kopert mill-Artikolu 26 tal-NZIA, speċifikat ulterjorment mill-Att ta’ Implimentazzjoni dwar l-Artikolu 26 tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (NZIA, Net-Zero Industry Act).
(70) Dan ifisser, fil-prattika, li l-iżviluppatur irid jiżgura li jikseb l-elettriku għall-akkwirent meta l-installazzjoni li magħha jkun marbut il-kuntratt ma tkunx qiegħda tiġġenera; din id-diskrepanza spiss tissejjaħ il-“kostijiet tal-adattament”. L-allokazzjoni tar-riskju fil-PPAs ukoll tinbidel maż-żmien: filwaqt li fil-passat, l-akkwirent spiss kien ikopri l-kost tar-riskji relatati mat-tnaqqis jew mal-prezzijiet negattivi, hekk kif dawn l-avvenimenti qegħdin isiru aktar frekwenti, l-iżviluppaturi spiss ikunu sfurzati jkopru dak il-kost parzjalment jew kompletament.
(71) Arranġamenti oħrajn tas-suq jinkludu l-bejgħ dirett tal-elettriku fis-swieq tal-elettriku organizzati mingħajr l-eżistenza ta’ arranġament fit-tul. Din l-għażla ma hijiex se tiġi diskussa f’din il-gwida.
(72) Pereżempju, proġett ta’ park eoliku ta’ 50 MW għandu jitħalla japplika għal 2w-CfD għal 30 MW ta’ kapaċità. Il-kapaċità li jifdal imbagħad tista’ pereżempju, tinbiegħ taħt PPA.
(73) Għal dan l-għan, ara d-definizzjoni ta’ PPA mogħtija skont ir-Regolament dwar l-Elettriku, li l-Artikolu 2(77) tiegħu jirreferi għax-xiri tal-elettriku fuq bażi tas-suq.
(74) Inkella, teoretikament jistgħu jinkisbu riżultati simili billi l-PPAs jiġu offruti fi pjattaformi tas-suq likwidi. Madankollu, l-esperjenza bil-pjattaformi tal-PPAs hija limitata fl-UE.
(75) Ara, pereżempju, l-istrumenti l-ġodda inklużi fit-taqsima 4.5 tas-CISAF.
(76) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Każ SA.114440 (2024/N) – L-Estonja TCTF: Skema ta’ appoġġ għall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta.
(77) Għajnuna mill-Istat SA.115179 (2024/N) – L-FER X TCTF tal-Italja Appoġġ tranżizzjonali Taljan għall-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti ta’ RES qrib il-parità mas-suq.
(78) 1.c Ara wkoll it-Taqsima VI.c fejn jiġi diskuss mekkaniżmu simili għan-negozjar fis-suq forward. Id-durata ta’ tali PPAs għandha tiġi stabbilita b’mod li jiżgura li l-PPAs offruti ma jaffettwawx il-likwidità tas-swieq forward. Fil-prattika, dan ifisser li dawn il-PPAs għandhom jinħarġu għal perjodi itwal mit-terminu ta’ prodotti tas-suq forward suffiċjentement likwidi, pereżempju għal madwar 5 snin.
Anness I
Sommarju tal-elementi individwali tad-disinn
Il-prattiki tajbin stabbiliti f’din it-tabella ma humiex lista eżawrjenti għall-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-Elettriku. It-tabella tipprovdi eżempji ta’ karatteristiċi tad-disinn li jappoġġaw il-kapaċità tar-reazzjoni għas-suq tat-2w-CfDs li ma jistgħux jitqiesu bħala sodi fid-dawl ta’ riċerka u esperjenza ulterjuri. Għalkemm il-konformità mal-karatteristiċi tad-disinn tista’ tkun speċifika għall-kuntest, l-allinjament mal-karatteristiċi tad-disinn ta’ hawn taħt jista’ jaċċellera l-valutazzjoni u l-proċess tal-approvazzjoni.
|
Element tad-disinn |
Eżempju ta’ prattiki tajbin |
|
Prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-imġiba rigward l-offerti fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata, tal-ibbilanċjar u tas-servizzi anċillari |
Għat-2w-CfDs dipendenti fuq il-produzzjoni: L-ebda remunerazzjoni waqt l-unitajiet tal-ħin tas-suq bil-prezz tas-suq taħt il-kostijiet marġinali tal-produzzjoni (eż. waqt prezzijiet negattivi għall-enerġija eolika u għall-enerġija solari) kemm fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem kif ukoll fis-suq tal-istess ġurnata (1). Għat-2w-CfDs ta’ fużjoni: Il-pagament tal-għajnuna għandu jkun indipendenti mill-produzzjoni reali waqt l-unitajiet tal-ħin tas-suq bi prezzijiet tas-suq taħt il-kostijiet (eż. waqt prezzijiet negattivi għall-enerġija eolika u għall-enerġija solari) kemm fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem kif ukoll fis-suq tal-istess ġurnata, filwaqt li jiġu ppreservati l-inċentivi għall-parteċipazzjoni fis-swieq tas-servizzi anċillari u tal-ibbilanċjar. Għat-2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni: Dment li l-għajnuna mħallsa tkun indipendenti mid-deċiżjoni operazzjonali tal-produzzjoni (jew tan-nuqqas ta’ produzzjoni), jista’ jiġi preżunt li l-benefiċjarju ma huwiex inċentivat jipproduċi l-elettriku f’ħinijiet bi prezzijiet negattivi kemm fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem kif ukoll fis-suq tal-istess ġurnata. Għall-impjanti tal-enerġija konsenjabbli bħall-impjanti tal-enerġija nukleari, il-produzzjoni tat-2w-CfDs indipendenti biss titqies bħala prattika tajba. Għat-tipi kollha ta’ 2w-CfDs: L-ebda ħlas ta’ 2w-CfDs ma għandu jkun ibbażat fuq il-prezzijiet tal-iżbilanċ (jiġifieri s-suq tal-ibbilanċjar ma jistax jitqies bħala suq ta’ referenza rilevanti). |
|
Trawwim ta’ deċiżjoni ta’ manutenzjoni effiċjenti |
Għat-2w-CfDs dipendenti fuq il-produzzjoni: Perjodu ta’ referenza (2) ta’ 3 xhur ġeneralment ikun biżżejjed biex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ manutenzjoni effiċjenti għall-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija eolika u tal-enerġija solari. Għat-2w-CfDs ta’ fużjoni: Jekk ma jkun hemm l-ebda pagament ta’ 2w-CfD ippjanat matul il-manutenzjoni, perjodu ta’ referenza ta’ 3 xhur jgħin biex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ manutenzjoni effiċjenti għall-ġenerazzjonijiet tal-enerġija eolika u solari mill-installazzjonijiet. Jekk matul il-perjodi ta’ manutenzjoni (b’mod partikolari l-manutenzjoni ppjanata) l-għajnuna titħallas taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-pagamenti tal-għajnuna f’perjodi għajr il-perjodi ta’ manutenzjoni, jista’ jiġi preżunt li d-deċiżjoni ta’ manutenzjoni tkun reattiva għas-suq. Għat-2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni: Jekk matul il-perjodi ta’ manutenzjoni (b’mod partikolari l-manutenzjoni ppjanata) l-għajnuna titħallas taħt l-istess kundizzjonijiet bħal f’perjodi għajr il-perjodi ta’ manutenzjoni, jista’ jiġi preżunt li d-deċiżjoni dwar il-manutenzjoni hija bbażata fuq id-dħul tas-suq u għalhekk ittieħdet b’mod effiċjenti. |
|
Inċentivar tal-parteċipazzjoni effiċjenti fis-suq forward tal-elettriku |
Għat-tipi kollha ta’ 2w-CfDs: Il-perjodu ta’ referenza jeħtieġ li jkun twil biżżejjed biex jiżgura li l-benefiċjarji jiġu inċentivati biex jiħħeġġjaw b’mod effiċjenti kontra l-fluttwazzjonijiet futuri fil-prezzijiet. Għall-installazzjonijiet bi profil ta’ produzzjoni relattivament kostanti, bħall-installazzjonijiet nukleari, il-prezz ta’ referenza jista’ jiġi definit bħala l-medja tal-prezzijiet tas-suq għal kull suq li l-benefiċjarju se jbigħ fih (eż. forward, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata), ponderat bil-volum tal-bejgħ reali tal-impjant tal-enerġija f’kull wieħed minn dawn is-swieq. L-użu tal-prezzijiet tas-suq medji (minflok il-prezzijiet tas-suq realizzati) biex jissawwar il-prezz ta’ referenza jinċentiva lill-benefiċjarji biex “jirbħu lis-suq”. Ta’ min jinnota li l-ponderazzjoni bil-bejgħ reali timplika li l-kompożizzjoni tal-prezz ta’ referenza ma tiġix stabbilitia b’mod eżoġenu, u dan jista’ jippreġudika b’mod artifiċjali l-istrateġija ta’ negozjar tal-benefiċjarju, iżda hija stabbilita b’mod endoġenu abbażi tal-istrateġija ta’ negozjar reali tal-benefiċjarju. Prattika tajba alternattiva hija li l-Istat jagħti mandat lil parteċipant fis-suq jew aktar minn wieħed, li jkun indipendenti mill-operatur tal-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u li jintgħażel permezz ta’ proċess kompetittiv, biex iwettaq l-iħħeġġjar tas-suq forward f’isem l-Istat. |
|
Massimizzazzjoni tal-valur tal-investimenti għas-sistema tal-elettriku u għall-konsumaturi tal-UE |
Għat-2w-CfDs dipendenti fuq il-produzzjoni: Il-perjodu ta’ referenza jeħtieġ li jkun twil biżżejjed, pereżempju 3 xhur, biex jiżgura li l-benefiċjarji jkollhom inċentiv biex jinvestu f’installazzjoni li timmassimizza l-valur tas-suq. Għat-2w-CfDs ta’ fużjoni: Meta t-2w-CfD ikun ibbażat fuq il-produzzjoni, il-perjodu ta’ referenza jeħtieġ li jkun twil biżżejjed, pereżempju 3 xhur, biex jiżgura li l-benefiċjarji jkollhom inċentiv biex jinvestu f’installazzjoni li timmassimizza l-valur tas-suq. Dan huwa speċjalment rilevanti peress li l-inċentivi biex l-investiment jiġi lokalizzat/ottimizzat biex tiġi evitata l-produzzjoni waqt ħinijiet bi prezzijiet negattivi jew bi prezzijiet taħt il-prezz tal-kost jiddgħajfu, peress li l-benefiċjarji jirċievu appoġġ matul dawk il-ħinijiet b’mod mhux ibbażat fuq il-produzzjoni. Għat-2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni: Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tfassil tal-volum ta’ referenza ta’ tali 2w-CfDs, peress li dan huwa mistenni li jkollu influwenza konsiderevoli fuq is-saħħa tal-inċentivi biex jiġi mmassimizzat il-valur tal-investimenti għas-sistema tal-elettriku. Barra minn hekk, il-benefiċjarji potenzjali għandhom jiġu infurmati dwar il-metodoloġija għall-iffissar tal-prezz ta’ referenza u tal-volum ferm qabel il-proċess kompetittiv tal-offerti. Dan se jippermettilhom iqisuha bl-aħjar mod fl-offerta tagħhom u fid-deċiżjonijiet ta’ investiment. Għat-tipi kollha ta’ 2w-CfDs: Meta jkun meħtieġ, jistgħu jiġu introdotti inċentivi lokazzjonali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ konġestjoni tal-grilja, jiġi mmassimizzat il-valur tal-investiment għas-sistema u tiġi mminimizzata l-ħtieġa ta’ miżuri korrettivi għaljin. Dawn l-inċentivi jistgħu jinkludu fatturi ta’ korrezzjoni fil-kriterji tar-remunerazzjoni jew tas-sistema tal-enerġija mhux tal-prezzijiet tal-iskema ta’ sostenn użati biex jiġu kklassifikati l-offerti. Kwalunkwe miżura trid tiġi mfassla f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u tkun iġġustifikata kif xieraq. Sabiex jiġi żgurat li l-kuntratti jkunu robusti kontra l-bidliet fit-tfassil tas-suq, l-arranġamenti kuntrattwali tat-2w-CfDs għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jispjegaw kif jiġu aġġustati l-pagamenti b’reazzjoni għal tali bidliet. Dan jista’ jinvolvi bidliet bħall-konfigurazzjoni mill-ġdid taż-żona tal-offerti jew bidla fil-granularità tal-unità tal-ħin tas-suq. |
(1) Pereżempju, il-prezz tas-suq tal-istess ġurnata jista’ jiġi kkalkolat permezz ta’ indiċijiet li jqisu l-prezz ponderat tal-volumi nnegozjati fl-aħħar sigħat qabel il-ħin tal-għeluq tan-negozju u b’kunsiderazzjoni tas-segmenti tas-suq rilevanti jekk ikunu likwidi biżżejjed biss. Dan jillimita r-riskji ta’ aġir strateġiku mill-benefiċjarji.
(2) Il-prezz ta’ referenza jista’ jkun medja aritmetika jew medja ponderata tal-prezz ta’ referenza tul il-perjodu ta’ referenza, dment li l-output tal-benefiċjarju ma jaffettwax il-piżijiet applikati għall-medja.
Anness II
Glossarju
2w-CfDs ta’ fużjoni: 2w-CfDs ta’ fużjoni tirreferi għal kuntratti li fihom, f’ċerti perjodi ta’ żmien, il-volumi ta’ referenza li abbażi tagħhom jiġu kkalkolati l-pagamenti kuntrattwali huma l-volumi tal-elettriku prodotti fir-realtà. F’perjodi ta’ żmien oħrajn, il-volumi ta’ referenza jiġu kkalkolati abbażi ta’ referenzi oħra, bħall-kapaċità tal-produzzjoni tal-installazzjoni.
Ħlasijiet minn 2w-CfDs: Il-ħlasijiet mit-2w-CfDs huma definiti bħala l-flussi finanzjarji bejn il-benefiċjarju u l-entità li tikkuntratta t-2w-CfDs. Il-flussi finanzjarji jistgħu jkunu diretti mill-kuntrattur tat-2w-CfD lejn il-benefiċjarju meta l-prezz tas-suq ta’ referenza jkun aktar baxx mill-prezz tal-eżerċitar u jistgħu jkunu diretti mill-benefiċjarju lejn il-kuntrattur meta l-prezz tas-suq ta’ referenza jkun ogħla mill-prezz tal-eżerċitar.
2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni: 2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni tirreferi għal kuntratti li fihom il-volumi ta’ referenza li abbażi tagħhom jiġu kkalkolati l-pagamenti kuntrattwali huma l-volumi tal-elettriku prodotti fir-realtà mill-benefiċjarju.
2w-CfD indipendenti mill-produzzjoni: 2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni tirreferi għal kuntratti li fihom il-volumi ta’ referenza, li abbażi tagħhom jiġu kkalkolati l-pagamenti kuntrattwali, huma bbażati fuq il-kapaċità tal-produzzjoni tal-installazzjoni jew fuq il-produzzjoni ta’ impjant ta’ referenza. Għall-kuntrarju tat-2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni, il-volumi ta’ referenza ma jiġux ikkalkolati abbażi tal-produzzjoni reali tal-installazzjoni.
Installazzjoni ta’ impjanti żejda: L-installazzjoni ta’ impjanti żejda tirreferi għal sitwazzjoni fejn benefiċjarju jibni kapaċità installata li hija ogħla mill-kapaċità appoġġata mit-2w-CfD.
Prezz tas-suq ta’ referenza: Il-prezz tas-suq ta’ referenza huwa l-prezz tal-elettriku li jitqabbel mal-prezz tal-eżerċitar meta jiġu kkalkolati l-pagamenti kuntrattwali tat-2w-CfDs. Meta l-prezz tas-suq ta’ referenza jiġi kkalkolat fuq perjodi ta’ referenza li huma itwal mill-unità tal-ħin tas-suq, il-prezz tas-suq ta’ referenza jiġi kkalkolat bħala medja tal-prezz tas-suq tul l-unitajiet tas-suq kollha tal-perjodu ta’ referenza. Dan il-kalkolu tal-medja jista’ jkun aritmetiku jew ponderat mill-produzzjoni tal-elettriku ġġenerat mit-teknoloġija tal-installazzjoni appoġġata (eż. il-produzzjoni totali tal-enerġija eolika f’żona tal-offerti), iżda mhux mill-produzzjoni tal-assi appoġġat innifsu (inkella l-kalkolu jkun ekwivalenti għal perjodu ta’ referenza li jikkorrispondi għall-unità tas-suq).
Perjodu ta’ referenza: Il-perjodu ta’ referenza huwa l-perjodu li matulu jiġi kkalkolat il-prezz tas-suq ta’ referenza.
Volum ta’ referenza: Il-volum ta’ referenza huwa l-volum li abbażi tiegħu jiġi kkalkolat il-pagamenti kuntrattwali tat-2w-CfD. Dan jista’ jiġi kkalkolat abbażi tal-output imkejjel tal-installazzjoni appoġġata fil-każ ta’ 2w-CfDs ibbażati fuq il-produzzjoni jew ikun indipendenti mill-output imkejjel għat-2w-CfDs indipendenti mill-produzzjoni.
Mekkaniżmu ta’ rkupru: Il-mekkaniżmu ta’ rkupru huwa r-regola li tirrikjedi li benefiċjarju jħallas lura d-dħul meta l-prezz tas-suq jogħla ’l fuq mill-prezz tal-eżerċitar miftiehem.
Kost tal-opportunità: Kost tal-opportunità tirreferi għall-profitt mitluf li ġeneratur, konsumatur, jew fornitur tal-flessibbiltà jġarrab meta jagħżel azzjoni waħda (eż. il-produzzjoni, il-konsum, jew il-provvista ta’ riżervi) minflok alternattiva oħra. Pereżempju, il-kost tal-opportunità ta’ impjant tal-enerġija li joffri l-kapaċità fis-suq tal-ibbilanċjar huwa d-dħul li jċedi billi ma jbigħx dak l-elettriku fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6701/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)