|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/6534 |
4.12.2025 |
GWIDA TAL-KUMMISSJONI
L-Avviż tal-Kummissjoni: linji gwida dwar kif għandhom jiġu applikati fil-prattika d-definizzjonijiet għas-siti, il-faċilitajiet u l-installazzjonijiet, stabbiliti fl-Artikolu 13(h) tar-Regolament dwar il-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali (ir-Regolament (UE) 2024/1244)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(C/2025/6534)
Dan l-Avviż tal-Kummissjoni huwa maħsub biex jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali japplikaw ir-Regolament (UE) 2024/1244. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss hija kompetenti biex tinterpreta b’mod awtorevoli d-dritt tal-Unjoni.
Il-gwida ġiet żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bl-appoġġ taċ-Ċentru Tematiku Ewropew tagħha dwar is-Saħħa tal-Bniedem u l-Ambjent. Il-Kummissjoni tixtieq tirrikonoxxi l-kontributi siewja tal-membri u l-osservaturi tal-Grupp ta’ Esperti tar-Regolament dwar il-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali, li kienu involuti b’mod attiv u taw kontribut imprezzabbli matul il-proġett, inkluż f’workshops u konsultazzjonijiet bil-miktub.
WERREJ
| Sommarju | 4 |
|
1. |
Introduzzjoni | 4 |
|
2. |
Il-ġerarkija ġeografika | 5 |
|
3. |
Definizzjonijiet | 7 |
|
3.1. |
Sit | 7 |
|
3.2. |
Faċilità | 8 |
|
3.3. |
Installazzjoni | 9 |
|
3.4. |
Parti ta’ installazzjoni | 10 |
|
4. |
Kif tikklassifika l-unitajiet ta’ rapportar tal-IEPR | 10 |
|
4.1. |
Kif tidentifika sit industrijali għar-rapportar tal-IEPR | 11 |
|
4.2. |
Kif tidentifika faċilità għar-rapportar tal-IEPR | 12 |
|
4.3. |
Kif tidentifika installazzjoni għar-rapportar tal-IEPR | 12 |
|
4.3.1. |
Unità teknika stazzjonarja | 13 |
|
4.3.2. |
Attivitajiet direttament assoċjati | 15 |
|
5. |
Eżempji tas-settur | 16 |
|
5.1. |
Settur tal-enerġija | 16 |
|
5.2. |
Settur tal-iskart | 18 |
|
5.3. |
Raffinerija u sit petrokimiku | 19 |
|
5.4. |
Sit farmaċewtiku | 20 |
|
5.5. |
Skariki tal-ilma minn installazzjonijiet multipli fl-istess sit | 22 |
|
5.6. |
Installazzjonijiet għat-trobbija intensiva tal-pollam jew tal-ħnieżer u biċċeriji | 24 |
|
5.7. |
Setturi u attivitajiet mhux tal-IED | 25 |
|
5.7.1. |
Impjanti medji tal-kombustjoni | 25 |
|
5.7.2. |
Tħaffir taħt l-art u operazzjonijiet relatati, inkluża l-estrazzjoni taż-żejt grezz jew tal-gass kemm fuq l-art kif ukoll lil hinn mill-kosta (fejn mhux kopert mill-Anness I tal-IED) | 25 |
|
5.7.3. |
Tħaffir fil-miftuħ u x-xogħol fil-barrieri (fejn ma humiex koperti mill-Anness I tal-IED u fejn erja tas-superfiċe effettiva li qiegħda titħaffer hija ta’ 25 ettaru) | 25 |
|
5.7.4. |
Impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban (b’kapaċità ta’ 100 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni jew aktar) | 28 |
|
5.7.5. |
Akkwakultura bbażata fuq l-għalf li taqbeż kapaċità ta’ produzzjoni annwali ta’ 500 tunnellata | 28 |
|
5.7.6. |
Installazzjonijiet għall-bini u/jew iż-żarmar ta’ bastimenti, u għaż-żbigħ jew it-tneħħija taż-żebgħa minn bastimenti li għandhom kapaċità li jakkomodaw bastimenti b’tul ta’ 100 m jew aktar | 30 |
|
5.7.7. |
Elettroliżi tal-ilma għall-produzzjoni tal-idroġenu fuq skala industrijali – installazzjonijiet li ma humiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tal-IED | 30 |
|
6. |
Konklużjoni | 30 |
Lista ta’ abbrevjazzjonijiet
|
Abbrevjazzjoni |
Isem |
|
CID |
Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni |
|
CCGT |
Turbina tal-gass b’ċiklu kkombinat |
|
DAA |
Attività direttament assoċjata |
|
EEA |
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent |
|
PRTR Ewropew |
Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti |
|
IED |
Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u mit-Trobbija tal-Bhejjem |
|
IEPR |
Regolament dwar il-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali |
|
INSPIRE |
Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Ewropa |
|
LCP |
Impjant kbir tal-kombustjoni |
|
MCP |
Impjant medju tal-kombustjoni |
|
MCPD |
Direttiva dwar l-Impjant Medju tal-Kombustjoni |
|
UNECE |
Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti |
|
WI |
(Ko)inċinerazzjoni tal-iskart |
|
WWTP |
Impjant tat-trattament tal-ilma mormi |
SOMMARJU
L-Artikolu 13(h) tar-Regolament (UE) 2024/1244 (ir-“Regolament dwar il-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali” jew l-“IEPR”, (Industrial Emissions Portal Regulation)) jirrikjedi li l-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, tfassal u taġġorna regolarment gwida li tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Regolament. Il-gwida tistabbilixxi kif għandhom jiġu applikati fil-prattika d-definizzjonijiet ta’ siti, faċilitajiet u installazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament.
Dan id-dokument ta’ gwida jipprovdi qafas għal rapportar akkurat u konsistenti tad-data ambjentali mis-siti industrijali fl-UE. Dan għandu l-għan li jgħin biex jiċċara: (i) id-definizzjonijiet ta’ “sit”, “faċilità” u “installazzjoni” stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 (1) (Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Ewropa (ir-Regolament INSPIRE)) billi jallinjahom ma’ dawk fl-IEPR; u (ii) id-definizzjoni ta’ installazzjoni fid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED, Industrial Emissions Directive) 2010/75/UE, emendata bid-Direttiva (UE) 2024/1785 (2). Id-dokument jispjega kif dawn id-definizzjonijiet jidħlu fl-istruttura ġerarkika ta’ rapportar meħtieġa mill-qafas tar-Regolament INSPIRE għall-kondiviżjoni tad-data spazjali.
It-taqsimiet ewlenin jinkludu gwida dwar: (i) l-identifikazzjoni ta’ siti, faċilitajiet u installazzjonijiet; (ii) id-deskrizzjoni tal-konnessjonijiet tekniċi u operazzjonali bejn l-unitajiet industrijali; u (iii) id-determinazzjoni ta’ meta installazzjonijiet multipli għandhom jitqiesu bħala faċilità waħda. Id-dokument jiddiskuti wkoll “attivitajiet direttament assoċjati”, li għandhom jitqiesu meta jiġu rrapportati l-emissjonijiet minn installazzjoni.
Din il-gwida tipprovdi diversi eżempji biex tappoġġa r-rapportar skont l-IEPR. Madankollu, ma hijiex eżawrjenti u ma tkoprix kull każ possibbli. Hija r-responsabbiltà tal-awtorità tar-rapportar kompetenti f’kull Stat Membru li tapplika l-gwida, filwaqt li tqis il-kuntest nazzjonali tagħha.
1. INTRODUZZJONI
Ir-Regolament dwar il-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IEPR) (3) ġie adottat fl-24 ta’ April 2024 u jissostitwixxi r-Regolament dwar ir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (E-PRTR, European Pollutant Release and Transfer Register) (4). Dan jistabbilixxi reġistru integrat dwar ir-rilaxx u t-trasferiment ta’ inkwinanti fil-livell tal-UE u għalhekk jimplimenta l-Protokoll tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE, United Nations Economic Commission for Europe) dwar ir-Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (5), komunement imsejjaħ il-Protokoll PRTR jew il-Protokoll ta’ Kiev. L-ewwel rapportar skont ir-regolament rivedut se jsir fl-2028 meta l-Istati Membri se jirrapportaw data lill-Kummissjoni dwar ir-rilaxxi u t-trasferimenti, l-użu tar-riżorsi u informazzjoni kuntestwali oħra minn installazzjonijiet industrijali fl-ambitu għas-sena ta’ rapportar 2027.
L-IEPR iġib bidla fil-livell ta’ rapportar għar-rilaxxi meta mqabbel mal-E-PRTR, billi jgħaddi mil-livell tal-faċilità (li jista’ jinkludi installazzjoni waħda jew aktar) għal-livell tal-installazzjoni. Dan se jippermetti allinjament u konsistenza aħjar mad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) 2010/75/UE, kif emendata mid-Direttiva (UE) 2024/1785 (6) (id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u mit-Trobbija tal-Bhejjem (IED, Industrial and Livestock Rearing Emissions Directive)), li tirregola l-emissjonijiet industrijali permezz tal-awtorizzazzjoni tal-installazzjonijiet. Għalhekk, l-IEPR jista’ jappoġġa aħjar l-objettivi u l-implimentazzjoni tal-IED u jippermetti evalwazzjoni tal-effettività tal-IED. Il-kompilazzjoni tat-Tweġibiet Mogħtija mid-DĠ Ambjent dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali – il-Kapitolu 1, datata t-18 ta’ Jannar 2019 (7), tqieset fit-tħejjija ta’ din il-gwida.
Il-bidla għar-rapportar fil-livell tal-installazzjoni hija mistennija li jkollha impatt limitat fuq ir-rapportar ta’ rilaxxi mill-biċċa l-kbira tal-attivitajiet industrijali fejn faċilità waħda tinkludi installazzjoni waħda. F’sitwazzjonijiet oħra aktar diversi u kumplessi, se jkunu meħtieġa gwida u rakkomandazzjonijiet dwar ir-rispons għall-bidla fl-istruttura tar-rapportar u dwar kif għandhom jiġu applikati fil-prattika d-definizzjonijiet tas-siti, tal-faċilitajiet u tal-installazzjonijiet stabbiliti fl-IEPR. L-iżvilupp ta’ tali gwida mill-Kummissjoni, assistita mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA, European Environment Agency) u f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, ġie awtorizzat mill-Artikolu 13(h) tal-IEPR.
Dan id-dokument ta’ gwida għandu l-għan li jissodisfa dak ir-rekwiżit billi: (i) jipprovdi eżempji ta’ x’inhuma sit, faċilità u installazzjoni; (ii) jagħti eżempji speċifiċi għas-settur ta’ relazzjonijiet bejn il-faċilitajiet u l-installazzjonijiet; u (iii) jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu applikati u ttrattati għar-rapportar tal-emissjonijiet industrijali. Għan ewlieni ta’ dan id-dokument huwa li jistabbilixxi fehim komuni tat-termini “faċilità” u “installazzjoni” fil-kuntest tar-rapportar tal-IEPR fost l-operaturi industrijali u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-ilħuq ta’ dan l-għan se jiżgura konsistenza u akkuratezza akbar fid-data rapportata.
Dan id-dokument ta’ gwida jipprovdi diversi eżempji biex jappoġġa r-rapportar skont l-IEPR. Madankollu, ma huwiex eżawrjenti u ma jkoprix kull każ possibbli. Hija r-responsabbiltà tal-awtorità tar-rapportar kompetenti rilevanti f’kull Stat Membru li tapplikah, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħha.
Dan id-dokument ta’ gwida għandu l-istruttura li ġejja:
|
— |
It-Taqsima 2 tiddeskrivi l-livelli ġerarkiċi ta’ rapportar fi ħdan is-siti ta’ produzzjoni industrijali; |
|
— |
It-Taqsima 3 tiddefinixxi kull wieħed mil-livelli ġerarkiċi; |
|
— |
It-Taqsima 4 tispjega kif għandhom jiġu identifikati s-siti, il-faċilitajiet u l-installazzjonijiet għar-rapportar tal-IEPR u tipprovdi dettalji tal-unitajiet tekniċi u l-konnessjonijiet tekniċi; |
|
— |
It-Taqsima 5 tippreżenta diversi eżempji ta’ relazzjonijiet bejn faċilità u installazzjoni; |
|
— |
It-Taqsima 6 fiha kummenti konklużivi u telenka r-riżorsi għal aktar pariri. |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) (UE) 2018/1135 (8) stabbiliet ir-Reġistru tal-UE dwar Siti Industrijali, u din il-gwida hija maħsuba biex tikkomplementa l-Manwal għal Min Jirrapporta għar-Reġistru tal-UE dwar Siti Industrijali (9) u kwalunkwe aġġornament sussegwenti. Il-manwal fih l-informazzjoni essenzjali kollha għad-deskrizzjoni ta’ kif l-operaturi industrijali għandhom jirrapportaw il-flussi tad-data rilevanti stabbiliti fl-IEPR u fid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u mit-Trobbija tal-Bhejjem (IED). Filwaqt li din il-gwida tista’ tintuża bħala dokument awtonomu, huwa rrakkomandat li tintuża flimkien mal-Manwal għal Min Jirrapporta għar-Reġistru tal-UE dwar Siti Industrijali.
Dan id-dokument ta’ gwida mhux se jkopri r-regoli ta’ aggregazzjoni applikabbli għat-trobbija tal-pollam u tal-ħnieżer kif stabbilit fl-Artikolu 70(b) tal-IED riveduta. Kif innotat fl-Artikolu 70(b)(2) tal-IED, il-Kummissjoni se tippubblika linji gwida speċifiċi, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, “dwar il-kriterji biex l-installazzjonijiet differenti jitqiesu bħala unità waħda” f’dan is-settur skont l-Artikolu 70(b)(1) tal-IED.
2. IL-ĠERARKIJA ĠEOGRAFIKA
Ir-rapportar ġerarkiku tas-siti ta’ produzzjoni industrijali meħtieġ skont l-IEPR u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) (UE) 2018/1135 huwa bbażat fuq ir-Regolament INSPIRE (Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Ewropa) (10) u jinvolvi l-organizzazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-attivitajiet industrijali b’mod strutturat. Ir-Regolament INSPIRE għandu l-għan li joħloq qafas armonizzat għall-kondiviżjoni tad-data spazjali madwar l-Ewropa, inkluża data dwar aspetti ambjentali u industrijali. Is-siti ta’ produzzjoni industrijali huma kkategorizzati abbażi tat-tipi, l-attivitajiet u l-impatti ambjentali tagħhom. L-istruttura ġerarkika tipikament tinkludi diversi livelli li jippermettu r-rapportar ta’ tipi differenti ta’ informazzjoni, bħall-post tas-sit, il-proċessi tal-produzzjoni u d-data dwar l-emissjonijiet. Dan l-approċċ jiffaċilita l-integrazzjoni konsistenti tad-data minn sorsi multipli, u jippermetti analiżi spazjali komprensiva, tqabbil transfruntier u teħid ta’ deċiżjonijiet informat dwar politiki ambjentali u regolamentazzjoni industrijali.
L-istruttura tad-data tar-Regolament INSPIRE tiddefinixxi s-saffi ġerarkiċi fi ħdan siti ta’ produzzjoni industrijali abbażi tar-relazzjonijiet ġeografiċi tagħhom:
|
— |
siti tal-produzzjoni; |
|
— |
faċilitajiet tal-produzzjoni; |
|
— |
installazzjonijiet tal-produzzjoni; |
|
— |
partijiet ta’ installazzjoni tal-produzzjoni. |
L-Figure 2.1 turi l-ġerarkija, kif ukoll ix-xenarju fejn hemm konnessjoni teknika bejn l-impjant tal-enerġija fil-Faċilità 1 u r-raffinerija u l-impjant kimiku fil-Faċilità 2. Minkejja l-konnessjoni teknika (jiġifieri l-provvista tal-enerġija, kif indikat mill-vleġeġ), il-faċilitajiet huma operati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi differenti, u, b’riżultat ta’ dan, il-faċilitajiet huma distinti – separati mill-operatur (kif meħtieġ mid-definizzjoni ta’ “faċilità” fl-IEPR, ara t-Taqsima 3.2). Id-diversi kombinazzjonijiet ta’ faċilità, installazzjoni u konnessjoni teknika huma diskussi fid-dettall fit-Taqsima 4.
Illustrazzjoni 2.1
Dijagramma skematika sempliċi ta’ sit industrijali
Il-Protokoll PRTR jirrikjedi r-rapportar ta’ attivitajiet industrijali fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu fil-livell tal-faċilità u jiddefinixxi faċilità f’konformità mar-Regolament INSPIRE. L-IEPR jirrikjedi li l-operatur jirrapporta fil-livell tal-installazzjoni, li jista’ jiġi segwit fil-livell tal-faċilità; it-tkomplija tal-identifikazzjoni tal-faċilità prinċipali tal-installazzjonijiet se tipprovdi kontinwità b’serje kronoloġika storika (irrapportata skont l-E-PRTR) li fiha informazzjoni dwar l-emissjonijiet u t-trasferimenti fil-livell tal-faċilità. L-IEPR jirrikjedi wkoll ir-rapportar tas-sit prinċipali li fih il-faċilità u l-installazzjoni(jiet). Għalhekk, filwaqt li l-IEPR issa jiffoka fuq ir-rapportar ta’ informazzjoni ambjentali dwar l-installazzjonijiet, għad hemm rekwiżit importanti biex tkun tista’ tiġi ppreżentata d-data fil-livell tal-faċilità u tas-sit.
L-Figure 2.2 turi l-flussi tad-data ġodda proposti għar-rapportar ta’ informazzjoni amministrattiva, ġeografika u tematika skont l-IEPR. Il-biċċa l-kbira tal-faċilitajiet li rrapportaw lir-Reġistru tal-UE dwar Siti Industrijali fl-2022 għandhom relazzjoni ta’ wieħed ma’ wieħed ma’ installazzjoni tal-IED (eż. il-Faċilità 1 fiha l-Installazzjoni 1), u hemm faċilitajiet li għandhom aktar minn installazzjoni waħda. Għandu jiġi nnotat li l-installazzjoni tal-IED jista’ jkun fiha wkoll parti ta’ installazzjoni.
Illustrazzjoni 2.2
Flussi tad-data dwar l-emissjonijiet industrijali
3. DEFINIZZJONIJIET
Id-definizzjonijiet ta’ sit, faċilità, installazzjoni u parti ta’ installazzjoni stabbiliti fl-IEPR huma spjegati f’din it-taqsima.
3.1. Sit
L-Anness IV, it-taqsima 8.2.4 tar-Regolament INSPIRE jiddefinixxi sit ta’ produzzjoni bħala “L-art kollha f’lokalità ġeografika distinta fejn kienet lokalizzata, hija lokalizzata jew huwa maħsub li tiġi lokalizzata l-faċilità ta’ produzzjoni. Din tinkludi l-infrastruttura, it-tagħmir u l-materjali kollha.” L-IEPR jiddikjara li “sit tfisser il-post ġeografiku fejn tinsab l-installazzjoni u l-faċilità” (ara l-Figure 2.1).
Il-Manwal għal Min Jirrapporta għar-Reġistru tal-UE dwar Siti Industrijali (11), maħruġ mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u li jappoġġa lill-pajjiżi rapportaturi fis-sottomissjoni tad-data, jiċċara li sit jinkludi żona industrijali waħda jew aktar fejn l-attivitajiet jitwettqu minn operaturi differenti ta’ faċilitajiet u installazzjonijiet relatati. Sabiex jiġi identifikat sit, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:
|
— |
Prossimità ġeografika: Il-faċilitajiet u l-installazzjonijiet tagħhom jeħtieġ li jkunu fiżikament fl-istess post. Madankollu, il-fatt li sit huwa maqsum minn barriera fiżika, bħal triq, ferrovija jew xmara, ma jagħmlux awtomatikament żewġ siti separati. |
|
— |
Attivitajiet relatati: Jekk għandhom jiġu inklużi aktar minn faċilità waħda jew installazzjoni waħda fl-istess sit, dawn kollha jeħtiġilhom jew jingħaqdu b’konnessjoni teknika jew jikkooperaw għal skop komuni (eż. faċilità li timmunta l-karozzi u l-faċilitajiet assoċjati fil-katina tal-provvista tal-manifattura tal-karozzi fl-istess sit). |
|
— |
Nuqqas ta’ rispett għas-sjieda: Is-sjieda, fiha nnifisha, ma għandhiex rwol fid-definizzjoni ta’ sit, jiġifieri sit jista’ jinkludi faċilitajiet multipli (b’sidien/operaturi differenti) jekk ikunu relatati kif definit fil-kriterju ta’ hawn fuq. |
|
— |
Nuqqas ta’ rispett għall-ippjanar urban: Siti multipli jistgħu jkunu jinsabu f’lott koerenti uniku allokat għall-attività industrijali skont l-ippjanar urban. Meta jkun neċessarju, is-siti jeħtiġilhom jiġu distinti bl-użu tal-kriterju fit-tieni punt ta’ hawn fuq. |
L-Figure 3.1 turi s-sitwazzjoni fejn tliet faċilitajiet kontigwi jiffurmaw żewġ siti minħabba li ma hemm l-ebda attività relatata kondiviża bejn iż-żewġ siti. Is-Sit 1 fih faċilità ta’ produzzjoni tal-ikel u x-xorb, operata minn kumpanija indipendenti tal-produzzjoni tal-birra; Is-Sit 2 fih żewġ faċilitajiet li għandhom operaturi differenti iżda li għandhom attivitajiet relatati.
Illustrazzjoni 3.1
Dijagramma skematika sempliċi ta’ żewġ siti industrijali
3.2. Faċilità
L-Anness IV, it-taqsima 8.2.1 tar-Regolament INSPIRE jirreferi għal faċilità ta’ produzzjoni bħala “installazzjoni waħda jew iktar fl-istess sit operata mill-istess persuna fiżika jew ġuridika, maħsuba, mibnija jew installata sabiex taqdi skopijiet speċifiċi ta’ produzzjoni jew industrijali, li tinkludi l-infrastruttura, it-tagħmir u l-materjali kollha”.
Faċilità kif definita fl-Artikolu 3, il-punt 2 tal-IEPR tfisser “installazzjoni waħda jew aktar, jew partijiet tagħha jew tagħhom, li jkunu fl-istess sit u li huma operati mill-istess persuna fiżika jew ġuridika”. Għadu importanti li jinżamm u jintuża l-kunċett ta’ faċilità, anke meta r-rapportar ta’ data tematika jsir fil-livell tal-installazzjoni. Ir-raġunijiet ewlenin għal dan huma:
|
— |
il-konformità mal-Protokoll PRTR; |
|
— |
il-konformità mal-Artikolu 5(1)(a) tal-IEPR, li jirrikjedi li mill-2028, il-Portal Ewropew dwar l-Emissjonijiet Industrijali jrid jippermetti lill-utenti jfittxu u jniżżlu d-data skont il-faċilità; |
|
— |
il-konformità mar-Regolament INSPIRE; |
|
— |
il-konsistenza mas-serje kronoloġika storika ta’ data rrapportata qabel skont l-E-PRTR. |
Kull faċilità trid tiġi rrapportata separatament skont l-IEPR, inkluża informazzjoni dwar l-operatur, il-koordinati ġeografiċi, l-isem u l-funzjoni, irrispettivament minn jekk is-sit fihx: (i) faċilità waħda b’installazzjoni waħda; (ii) faċilità waħda b’installazzjonijiet multipli (eż. impjant kimiku u unità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija bl-istess operatur); jew (iii) faċilitajiet multipli (b’operaturi differenti) b’installazzjoni waħda jew aktar (eż. tliet impjanti kimiċi b’operaturi differenti, impjant tat-trattament tal-ilma mormi operat b’mod indipendenti (WWTP, Waste Water Treatment Plant) u impjant tal-enerġija li jservi s-sit kollu). Fil-każijiet kollha, kull faċilità trid tiġi rrapportata separatament, bid-data speċifika tagħha stess u bl-istess identifikatur tas-sit prinċipali.
Skont l-IEPR, faċilità hija definita abbażi tal-attivitajiet li għalihom operatur huwa responsabbli f’sit. Id-definizzjoni legali ta’ “operatur”, kif stabbilit fl-Artikolu 3, il-punt 15 tal-IED u msemmija fl-Artikolu 3, il-punt 8 tal-IEPR, tfisser “kull persuna fiżika jew ġuridika li topera jew tikkontrolla l-installazzjoni jew impjant ta’ kombustjoni, impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart kollha jew parti minnhom jew, fejn dan hu previst fid-dritt nazzjonali, li għaliha jkun ġie delegat poter ekonomiku deċiżiv fuq il-funzjonament tekniku tal-installazzjoni jew l-impjant”. L-operatur huwa responsabbli għall-attivitajiet kollha tal-IEPR u tal-IED fil-faċilità. Is-sid tal-art huwa irrilevanti jekk ma jkunx involut fl-operat tal-faċilità.
L-operatur (li jista’ jagħti l-faċilità b’lokazzjoni minn sid jew ikun is-sid) spiss ikun l-entità legali elenkata fil-permess rilevanti (ara l-Kaxxa 3.1). Għal installazzjoni tal-IED li għandha operaturi multipli koperti minn permess wieħed (xi drabi msejjaħ permess ta’ “qafas”), għandhom jiġu identifikati faċilitajiet multipli u installazzjonijiet skont l-IEPR, f’konformità mar-responsabbiltajiet tal-operaturi differenti. Sabiex tiġi ffaċilitata l-analiżi tal-pressjonijiet ambjentali minn dawn il-faċilitajiet, dawn għandhom jiġu rrapportati skont l-istess sit prinċipali. Innota li ma huwa meħtieġ l-ebda qsim reali ta’ permess; dan il-“qsim virtwali” huwa għall-finijiet ta’ rapportar tal-IEPR biss. Aktar dettalji huma pprovduti fit-Taqsima 4.2.
3.3. Installazzjoni
Fl-Anness IV, it-taqsima 8.2.2, ir-Regolament INSPIRE jirreferi għall-unitajiet tekniċi, bħal makkinarju, apparat, strumenti jew tagħmir imqiegħed fil-pożizzjoni jew imqabbad għall-użu, bħala installazzjonijiet individwali jew linji ta’ produzzjoni f’faċilità industrijali fejn jitwettqu proċessi jew attivitajiet speċifiċi. Dawn l-unitajiet huma tipikament parti minn sit industrijali akbar u huma kkaratterizzati mill-funzjonijiet, il-proċessi u l-emissjonijiet tagħhom. L-installazzjonijiet jistgħu jikkonsistu f’unità teknika waħda jew aktar (eż. reatturi, fran jew magni) li jaħdmu flimkien biex iwettqu funzjoni partikolari.
Id-definizzjonijiet tal-IEPR u tal-IED ta’ installazzjoni issa huma kważi identiċi. L-unika differenza hija li l-IED fl-Artikolu 3, il-punt 3 tirreferi għall-Annessi I, Ia u VII tal-IED, filwaqt li l-IEPR fl-Artikolu 3, il-punt 1 jirreferi għall-Anness I tal-IEPR, li min-naħa tiegħu jirreferi għall-Annessi I u Ia tal-IED. Għalhekk, id-definizzjoni ta’ installazzjoni, kif użata f’din il-gwida, hija d-definizzjoni tal-IEPR, li tinkludi d-definizzjoni tal-IED, ħlief għall-attivitajiet elenkati fil-Parti 1 tal-Anness VII tal-IED (installazzjonijiet u attivitajiet li jużaw solventi organiċi, peress li ma humiex neċessarjament parti mill-Anness I jew 1a tal-IED).
Kaxxa 3.1: Id-definizzjoni ta’ installazzjoni użata hija dan id-dokument ta’ gwida
|
Id-definizzjoni ta’ installazzjoni użata f’dan id-dokument ta’ gwida taqbel mad-definizzjoni tal-IEPR, li tkopri l-istess kamp ta’ applikazzjoni bħad-definizzjoni tal-IED iżda teskludi l-attivitajiet elenkati fil-Parti 1 tal-Anness VII tal-IED. Id-definizzjoni tal-IEPR ta’ installazzjoni ma hijiex maħsuba biex tispeċifika kif l-installazzjonijiet jiġu ddeterminati skont l-IED jew kif għandhom jiġu applikati l-Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT, Best Available Techniques). L-IEPR iservi primarjament bħala mekkaniżmu ta’ rapportar, filwaqt li l-IED tipprovdi l-qafas regolatorju għad-determinazzjoni tal-installazzjonijiet għal finijiet ta’ għoti tal-permessi u għall-applikazzjoni tal-Konklużjonijiet tal-BAT. Barra minn hekk, l-IEPR jintroduċi l-kunċett ta’ “faċilità”, li ma huwiex preżenti fl-IED. Dan iwassal għal sitwazzjonijiet fejn operaturi multipli jiġġestixxu partijiet tal-istess installazzjoni (eż. f’permessi qafas, kif diskussi fit-Taqsima 3.2) li jiġu rrapportati bħala faċilitajiet multipli, kull waħda fiha installazzjoni waħda jew aktar. |
Għalkemm l-attivitajiet kollha fl-Anness I u Ia tal-IED issa huma inklużi fl-IEPR, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-IEPR jinkludi l-attivitajiet addizzjonali li ġejjin:
|
— |
impjanti medji ta’ kombustjoni (MCPs, Medium Combustion Plants) (12) (fejn ma humiex koperti mill-Anness I tal-IED bħala unità teknika jew attività direttament assoċjata (DAA (Directly Associated Activity) – ara l-kapitolu 4.3.2)) b’input termiku nominali ta’ mill-anqas 20 MW u anqas minn 50 MW; |
|
— |
tħaffir taħt l-art u operazzjonijiet relatati, inkluża l-estrazzjoni ta’ żejt grezz jew ta’ gass kemm fuq l-art kif ukoll lil hinn mill-kosta (fejn mhux koperti mill-Anness I tal-IED; |
|
— |
tħaffir fil-miftuħ u x-xogħol fil-barrieri (fejn ma humiex koperti mill-Anness I tal-IED, b’erja tas-superfiċe effettiva li qiegħda titħaffer ta’ 25 ettaru jew aktar; |
|
— |
impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban b’kapaċità ta’ 100 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni jew aktar; |
|
— |
akkwakultura bbażata fuq l-għalf b’kapaċità ta’ produzzjoni annwali ta’ aktar minn 500 tunnellata; |
|
— |
installazzjonijiet għall-bini u/jew iż-żarmar ta’ bastimenti, u għaż-żbigħ jew it-tneħħija taż-żebgħa minn bastimenti li għandhom kapaċità li jakkomodaw bastimenti b’tul ta’ 100 metru jew aktar; |
|
— |
elettroliżi tal-ilma għall-produzzjoni fuq skala industrijali tal-idroġenu b’kapaċità ta’ anqas minn 50 tunnellata kuljum (13). |
It-Taqsima 5 dwar l-eżempji tas-settur għandha sottotaqsima dedikata għall-attivitajiet mhux tal-IED fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-IEPR.
3.4. Parti ta’ installazzjoni
Skont il-qafas tal-INSPIRE, l-attivitajiet industrijali jistgħu jiġu rrapportati f’livelli multipli, inklużi l-livelli tas-sit, tal-faċilità u tal-installazzjoni. L-aktar livell dettaljat ta’ rapportar li huwa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-IEPR huwa l-parti ta’ installazzjoni, li tippermetti traċċar dettaljat tal-emissjonijiet jew data oħra, bħall-użu tal-enerġija jew il-kapaċità ta’ inċinerazzjoni minn unitajiet speċifiċi fi ħdan installazzjoni. Skont l-ispeċifikazzjonijiet tad-data tal-INSPIRE, installazzjoni tista’ tinkludi diversi partijiet li jaqdu skopijiet tekniċi distinti; madankollu, huma ttrattati kollettivament bħala installazzjoni waħda jekk ikunu legalment jew teknikament konnessi u operati bħala unità teknika waħda.
Filwaqt li t-terminu “parti ta’ installazzjoni” ma huwiex definit b’mod espliċitu fl-IED jew fl-IEPR, tipikament jirreferi għal komponenti jew għal taqsimiet ta’ installazzjoni, inklużi impjanti kbar tal-kombustjoni (LCPs, Large Combustion Plants) u impjanti tal-(ko)inċinerazzjoni tal-iskart (WI, Waste (Co-)incineration). Dawn il-partijiet ta’ installazzjoni huma kritiċi għall-operat ġenerali ta’ installazzjoni u huma soġġetti għal rekwiżiti regolatorji speċifiċi skont il-Kapitolu III u IV tal-IED kif ukoll għal rekwiżiti ta’ rapportar dettaljati skont l-Artikolu 72 tal-IED u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1135 li tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li għandhom jagħmlu disponibbli l-Istati Membri għall-finijiet tar-rapportar dwar l-implimentazzjoni tal-IED.
Skont ir-Reġistru tal-UE dwar Siti Industrijali, “parti ta’ installazzjoni” lanqas ma hija definita iżda hija mifhuma bħala subunità funzjonali fi ħdan installazzjoni. Dawn is-subunitajiet iwettqu kompiti jew proċessi distinti li jikkontribwixxu għall-emissjonijiet globali jew għall-impatt ambjentali tal-installazzjoni li huma parti minnha. Pereżempju, l-LCPs u l-impjanti tad-WI jaqgħu taħt il-Kapitoli III u IV tal-IED, iżda l-emissjonijiet mil-LCPs biss, skont l-Artikolu 72(3) tal-IED, huma integrati fil-mekkaniżmu ta’ rapportar tal-IEPR skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1135. L-impjanti tad-WI ma għandhomx rekwiżiti ekwivalenti ta’ rapportar tal-emissjonijiet skont l-IED jew l-IEPR, iżda għandhom rekwiżiti oħra bħar-rapportar tal-kapaċità ta’ inċinerazzjoni nominali u permessa. Kemm l-LCPs kif ukoll l-impjanti tad-WI huma rrapportati bħala “partijiet ta’ installazzjoni” fir-Reġistru tal-UE dwar Siti Industrijali.
Barra minn hekk, l-MCPs b’input termiku nominali ta’ bejn 20 MW u 50 MW huma kklassifikati wkoll bħala partijiet ta’ installazzjoni għall-finijiet ta’ rapportar tal-IEPR, sakemm ma jkunux diġà koperti mill-Anness I tal-IED.
4. KIF TIKKLASSIFIKA L-UNITAJIET TA’ RAPPORTAR TAL-IEPR
Din it-taqsima tgħin lill-pajjiżi rapportaturi jidentifikaw il-karatteristiċi ġeografiċi differenti għas-siti industrijali, il-faċilitajiet u l-installazzjonijiet. Kull livell tal-ġerarkija tal-INSPIRE huwa ppreżentat u analizzat (ara t-Table 4.1). Sitwazzjonijiet kumplessi jew partikolari ħafna jirrikjedu kunsiderazzjoni każ b’każ u jistgħu jirrikjedu konsultazzjoni mal-kittieba tal-permessi fl-awtorità kompetenti mal-EEA jew mal-Kummissjoni. Il-Helpdesk tal-Industrija tal-EEA jista’ jiġi kkuntattjat fuq industry.helpdesk@eea.europa.eu.
Tabella 4.1
Karatteristiċi ġeografiċi tal-entitajiet industrijali
|
Livell ta’ ġerarkija |
Deskrizzjoni |
|
Sit |
Iż-żona ġenerali tal-art li tinkludi faċilità waħda jew aktar b’assoċjazzjoni funzjonali, kemm operazzjonali, ekonomika jew teknika. |
|
Faċilità |
Ġabra ta’ installazzjonijiet jew unitajiet tekniċi li joperaw skont il-ġestjoni komuni ta’ operatur. |
|
Installazzjoni |
Unità teknika stazzjonarja speċifika, jew grupp ta’ unitajiet teknikament konnessi, f’faċilità fejn iseħħu attivitajiet industrijali. |
|
Parti ta’ installazzjoni |
Is-subkomponenti ta’ installazzjoni, bħal LCP, (ko)inċineratur tal-iskart f’linja, MCP (li ma huwiex kopert bħala parti ta’ installazzjoni tal-IED), li jikkontribwixxu għall-operazzjonijiet ġenerali ta’ installazzjoni. |
4.1. Kif tidentifika sit industrijali għar-rapportar tal-IEPR
Il-punti li ġejjin għandhom jitqiesu li jgħinu fir-rapportar ta’ sit industrijali li jkun fih faċilità u installazzjoni waħda jew aktar.
|
— |
Enfasi fuq il-post: Is-sit jirreferi għall-post fiżiku, mhux neċessarjament faċilità jew installazzjoni waħda. |
|
— |
L-importanza tal-konnessjoni: L-attivitajiet f’żoni separati jistgħu jitqiesu bħala parti mill-istess sit jekk ikollhom assoċjazzjoni diretta ma’ konnessjoni operazzjonali, ekonomika jew teknika. Dawn il-kunċetti jistgħu jiġu deskritti kif stabbilit hawn taħt.
L-importanza tal-konnessjoni tinsab fl-għoti ta’ perspettiva aktar integrata tal-attivitajiet industrijali, filwaqt li jiġi żgurat li d-data dwar dawn l-attivitajiet tirrifletti b’mod akkurat in-natura interkonnessa tal-operazzjonijiet f’oqsma differenti. Dan jgħin biex wieħed jifhem l-iskala, l-effiċjenza u l-ambitu tal-produzzjoni industrijali b’mod aktar effettiv. |
|
— |
Sjieda: Is-sjieda tal-art hija irrilevanti għad-determinazzjoni tas-sit. |
|
— |
Operaturi: Faċilitajiet multipli (b’operaturi differenti) jistgħu jitqiesu li huma fl-istess sit jekk ikun hemm assoċjazzjoni funzjonali diretta bejn l-operazzjonijiet tagħhom (operazzjonali, ekonomiċi jew tekniċi). |
|
— |
Konfini tas-sit: Iċ-ċnut ma humiex indikatur affidabbli biex jiġu ddeterminati l-konfini ta’ sit. |
|
— |
Separazzjoni fiżika fil-qosor: Triq jew passaġġ bi dritt ta’ aċċess għall-post ma jiddeterminax konfini tas-sit jekk iż-żoni jkunu raġonevolment qrib. |
Eżempju ta’ importanza tal-konnessjoni u l-post: It-tankijiet tal-ħażna konnessi permezz ta’ pipelines ma’ impjant kimiku huma parti mill-istess sit.
Madankollu, it-tankijiet tal-ħażna f’port imbiegħed jirrikjedu ġudizzju espert biex jiġi ddeterminat jekk jappartjenux għall-istess sit bħall-faċilità ewlenija. Għandu jitqies il-livell ta’ konnessjoni teknika (eż. pipelines, metodi ta’ trasport) u l-impatt ġenerali fuq l-ambjent.
4.2. Kif tidentifika faċilità għar-rapportar tal-IEPR
Sabiex jiġu ddeterminati l-konfini ta’ faċilità, għandhom jitqiesu l-passi li ġejjin.
|
— |
Sjieda/operatur: Operatur huwa responsabbli għall-attivitajiet li jiddeterminaw il-konfini ta’ faċilità. Jista’ jkun persuna ġuridika jew fiżika li jagħti b’lokazzjoni l-faċilità jew l-art minn sid jew jista’ jkun is-sid reali. L-operatur huwa speċifikat fil-permess rilevanti. Għal installazzjoni tal-IED b’operaturi multipli taħt permess ta’ “qafas” wieħed, id-definizzjoni tal-operatur virtwalment taqsam l-installazzjoni permessa f’diversi faċilitajiet (b’installazzjoni waħda jew aktar), kull waħda marbuta ma’ attivitajiet speċifiċi ġestiti minn operaturi differenti. Għalkemm teknikament dawn huma “partijiet tal-installazzjoni” b’operaturi separati, dan l-approċċ jippermetti r-rapportar fi ħdan l-istruttura tal-IEPR tal-faċilitajiet u tal-installazzjonijiet. Ma huwa meħtieġ l-ebda qsim reali ta’ permess; l-għan waħdieni ta’ dan il-qsim virtwali huwa l-allinjament tar-rapportar mad-definizzjoni tal-IEPR ta’ faċilità. |
|
— |
Installazzjonijiet multipli: Faċilità waħda jista’ jkollha installazzjonijiet multipli jekk dawn ikunu operati mill-istess kumpanija jew persuna, konnessi funzjonalment u fi prossimità raġonevoli. |
|
— |
Konnessjoni funzjonali: Dan jirreferi għal attività waħda jew aktar f’faċilità li tkun qiegħda tintuża mill-operatur. Dawn l-attivitajiet ma għandhomx għalfejn ikunu teknikament konnessi u jistgħu jinkludu kemm l-attivitajiet tal-IED kif ukoll dawk mhux tal-IED, pereżempju WWTP industrijali li jittratta l-lissija jew il-ħama tad-dranaġġ (l-Attività 5.3(a) jew 5.3(b) tal-IED) u WWTP urban li jittratta d-dranaġġ domestiku (l-Attività 6 tal-IEPR), operati mill-istess kumpanija, bi gradi differenti ta’ dipendenza. Eżempju huwa WWTP urban li għandu wkoll attività ta’ maniġġ tal-iskart operata mill-istess kumpanija maġenb xulxin fl-istess post. Iż-żewġ installazzjonijiet ma għandhom l-ebda konnessjoni teknika, iżda għandhom konnessjoni funzjonali minħabba li l-kumpanija hija responsabbli għall-operat taż-żewġ attivitajiet. |
4.3. Kif tidentifika installazzjoni għar-rapportar tal-IEPR
Fit-18 ta’ Jannar 2019, id-DĠ Ambjent ipproduċa kompilazzjoni ta’ Tweġibiet Mogħtija mid-DĠ Ambjent dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali – il-Kapitolu 1 (14). Dawn il-mistoqsijiet u t-tweġibiet ikopru d-definizzjonijiet ta’ installazzjoni, operatur, konnessjoni teknika, eċċ., u tqiesu f’din it-taqsima għall-konsistenza mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-IED u fl-IEPR u l-interpretazzjonijiet tagħhom.
Sabiex jiġu ddeterminati l-konfini ta’ installazzjoni, għandhom jitqiesu u jiġu vvalutati l-punti ta’ hawn taħt.
|
— |
Installazzjonijiet multipli: Faċilità waħda tal-IEPR jista’ jkollha installazzjoni waħda jew aktar jekk tkun operata mill-istess kumpanija jew persuna (ara t-Taqsima 4.2). |
|
— |
Kopertura tal-permess:
|
|
— |
Identifika l-attività (jew l-attivitajiet) elenkati fl-Anness I tal-IEPR. |
|
— |
Identifika l-unitajiet tekniċi stazzjonarji li fihom qegħdin isiru l-attivitajiet u jekk dawn humiex teknikament konnessi. Jekk ikunu teknikament konnessi, evalwa jekk il-konnessjonijiet humiex b’saħħithom jew dgħajfa. Konnessjoni teknika b’saħħitha tindika li l-unitajiet tekniċi għandhom jitqiesu bħala installazzjoni waħda. Madankollu, jekk il-konnessjoni tkun dgħajfa, tindika l-preżenza ta’ aktar minn installazzjoni waħda. |
|
— |
Għall-attivitajiet tal-IEPR li huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-IED, wettaq l-istess evalwazzjoni tal-konnessjonijiet tekniċi li jistgħu jinfluwenzaw l-emissjonijiet u t-tniġġis. Din l-evalwazzjoni għandha tidentifika jekk xi waħda minn dawk l-attivitajiet (eż. attivitajiet direttament assoċjati, DAAs) għandhiex tiġi inkluża fl-installazzjoni rilevanti. |
Kaxxa 4.1: L-importanza tal-operatur skont l-IEPR
|
Permess ta’ “qafas” li jinkludi operaturi multipli spiss jintuża għal finijiet regolatorji tal-IED għal siti industrijali kumplessi. Dan it-tip ta’ permess normalment jikkonforma mal-kunċett tas-sit kif definit fl-IEPR u deskritt f’dan id-dokument ta’ gwida. Madankollu, il-permess ta’ qafas ma jiddeterminax l-entità relatriċi skont l-IEPR u s-CID tal-IED peress li jippermetti li installazzjoni waħda permessa jkollha aktar minn operatur wieħed. Għalhekk, id-definizzjoni tal-IEPR ta’ faċilità, li hija bbażata fuq l-operatur, tirrikjedi li installazzjoni permessa b’operaturi multipli tinqasam virtwalment f’faċilitajiet separati skont ir-responsabbiltajiet ta’ kull operatur. Dan il-qsim virtwali huwa biss għall-finijiet ta’ rapportar tal-IEPR u ma jirrikjedix qsim reali tal-permess. |
4.3.1. Unità teknika stazzjonarja
It-terminu “unità teknika stazzjonarja” ma huwiex definit b’mod espliċitu fir-Regolament INSPIRE, fl-IEPR jew fl-IED. Madankollu, abbażi tal-kunċett ta’ “unità teknika” u r-rekwiżit li l-installazzjonijiet ikunu stazzjonarji, għandha titqies id-definizzjoni li ġejja għar-rapportar tal-IEPR.
|
— |
Unità teknika stazzjonarja, fil-kuntest tal-IEPR, tirreferi għal subunità teknika integrata waħda jew aktar li hija maħsuba u mgħammra speċifikament biex twettaq attivitajiet relatati ma’ installazzjoni (jew DAA) u li tinsab b’mod permanenti f’sit ġeografiku fiss. |
Kaxxa 4.2: L-importanza tal-unitajiet tekniċi
|
Il-linji gwida li ġejjin għandhom l-għan li jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti u lir-rapportaturi tal-IEPR jiddeterminaw jekk unità teknika hijiex stazzjonarja.
Unità teknika titqies bħala “stazzjonarja” jekk ma tkunx maħsuba biex tiċċaqlaq minn post għal ieħor. Dan ma jipprevjenix l-użu ta’ tagħmir mobbli (unitajiet tekniċi), bħal kraxers, forklifts u makkinarju ieħor fi ħdan l-installazzjoni, iżda dawn għandhom jiġu esklużi mir-rekwiżiti ta’ rapportar li japplikaw għall-unitajiet tekniċi stazzjonarji. Id-determinazzjoni tal-istatus stazzjonarju tal-unitajiet tekniċi hija fl-aħħar mill-aħħar f’idejn l-awtorità kompetenti. Għall-finijiet ta’ dan id-dokument, “unità teknika” tirreferi biss għal unitajiet tekniċi stazzjonarji.
L-unitajiet “mobbli” maħsuba għar-rilokazzjoni, bħall-produzzjoni tat-tarmak jew l-inċineraturi għal ħamrija kkontaminata, jistgħu jitqiesu bħala stazzjonarji jekk joperaw f’sit speċifiku għal ammont sinifikanti ta’ żmien. L-awtoritajiet kompetenti se jivvalutaw kull każ abbażi ta’ fatturi bħal:
|
— |
l-impatt ambjentali potenzjali tal-attivitajiet; |
|
— |
id-durata mistennija u reali tal-operazzjoni fil-post; |
|
— |
id-diffikultà u r-riżorsi meħtieġa biex l-unità tiġi mċaqalqa u kkonfigurata: pereżempju, unità li tasal fuq ir-roti tagħha stess hija aktar faċli li tiġi rilokata minn waħda li tirrikjedi kostruzzjoni sinifikanti f’kull sit. |
Xi aspetti ewlenin ta’ unità teknika jinkludu:
|
— |
Entità integrata: Unità teknika ma hijiex biċċa tagħmir waħda iżda pjuttost diversi elementi li jaħdmu flimkien bħala installazzjoni. Din tista’ tinkludi wieħed jew aktar mill-elementi li ġejjin:
|
|
— |
Maħsuba u mgħammra speċifikament: L-elementi f’unità jew f’unitajiet tekniċi f’installazzjoni jintgħażlu biex iwettqu attivitajiet speċifiċi elenkati fl-IEPR jew f’DAA. Dan jeskludi attivitajiet bħall-inċinerazzjoni fil-beraħ, li ma għandha l-ebda tagħmir dedikat. |
|
— |
Operazzjonijiet integrati: Dawn l-elementi jiffunzjonaw flimkien b’mod koordinat biex jiksbu eżitu partikolari fl-installazzjoni tal-IEPR jew fid-DAA. |
|
— |
Linja ta’ produzzjoni kimika f’fabbrika, li tikkonsisti f’reatturi interkonnessi, kolonni tad-distillazzjoni u pajpijiet għall-ipproċessar tal-materja prima. |
|
— |
Impjant dedikat tat-trattament tal-ilma mormi li jinsab b’mod permanenti fuq il-post biex jittratta l-ilma mormi minn installazzjoni. |
|
— |
Faċilità tal-ħżin b’tankijiet u b’pipelines għall-materja prima jew għall-prodotti finali, li tinsab b’mod permanenti fl-installazzjoni ewlenija u integrata fiha. |
|
— |
Ma tirreferix għal biċċa tagħmir waħda. |
|
— |
Ma timplikax neċessarjament livell għoli ta’ kumplessità teknoloġika. |
|
— |
Ma tirrikjedix li l-elementi kollha jkunu konnessi fiżikament jew li jkunu fl-istess binja. |
|
— |
Konnessjoni teknika bejn l-unitajiet tekniċi. |
Unità teknika waħda jew aktar li jwettqu attività waħda jew aktar jistgħu jitqiesu bħala teknikament konnessi jekk ikun hemm rabta fiżika jew dipendenza operazzjonali bejniethom. Is-saħħa u d-dipendenza tal-konnessjoni jgħinu biex jiġi ddeterminat jekk l-unitajiet għandhomx jitqiesu bħala installazzjoni waħda jew bħala installazzjonijiet separati skont ir-rapportar tal-IEPR.
L-aspetti ewlenin ta’ konnessjoni teknika jistgħu jinqasmu bħala:
|
— |
Rabta fiżika: Din tirreferi għal konnessjoni fiżika diretta bejn l-unitajiet tekniċi. Fost l-eżempji nsibu:
|
|
— |
Dipendenza operazzjonali: Din tirreferi għal kemm hija essenzjali l-unità teknika għall-operazzjoni ewlenija tal-installazzjoni l-oħra. Fost l-eżempji nsibu:
|
Is-saħħa tal-konnessjoni teknika hija fattur kruċjali biex jiġi ddeterminat jekk żewġ unitajiet tekniċi jew aktar humiex meqjusa parti mill-istess installazzjoni. Konnessjoni teknika b’saħħitha tissuġġerixxi unità teknika waħda tappoġġa direttament l-attivitajiet ewlenin u tinfluwenza l-impatt ambjentali ta’ unità teknika oħra. Eżempji ta’ konnessjonijiet tekniċi:
|
— |
Konnessjoni teknika b’saħħitha: tankijiet tal-ħażna konnessi permezz ta’ pipelines direttament ma’ impjant kimiku għall-alimentazzjoni ta’ materja prima. Din ir-rabta fiżika ċara tindika konnessjoni teknika qawwija, għalkemm jibqa’ kruċjali li titwettaq valutazzjoni rigoruża biex jiġi żgurat li l-unità teknika tkun meħtieġa għall-operat tal-attività. Madankollu, jekk iż-żewġ unitajiet kellhom operaturi differenti, f’dak il-każ ikunu jiffurmaw installazzjonijiet differenti fuq faċilitajiet differenti. |
|
— |
Konnessjoni teknika aktar dgħajfa: maħżen separat li jaħżen prodotti finali minn impjant kimiku, anke jekk ikun jinsab fl-istess sit. Mingħajr rabta fiżika diretta jew dipendenza operazzjonali, il-konnessjoni teknika tista’ tkun aktar dgħajfa. |
F’każijiet dubjużi, huwa kruċjali li jiġu kkunsidrati d-dettalji speċifiċi u l-istruttura operazzjonali sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix konnessjoni teknika. Din il-valutazzjoni titwettaq mill-awtorità kompetenti rilevanti u għalhekk id-deċiżjoni dwar jekk aktar minn unità teknika waħda tikkwalifikax bħala installazzjoni għall-finijiet ta’ rapportar skont l-IEPR hija f’idejn l-awtorità kompetenti.
Il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq konfigurazzjonijiet relattivament stabbli ta’ installazzjonijiet, minbarra arranġamenti temporanji jew mhux tas-soltu. Pereżempju, konfigurazzjoni li tkun fis-seħħ biss matul rinnovazzjoni jew deċiżjoni bbażata fuq ċirkostanzi eċċezzjonali – bħal installazzjoni waħda li tipprovdi materja prima lil oħra okkażjonalment biss meta sorsi oħra ma jkunux disponibbli – ma għandhiex tintuża biex tiddefinixxi l-installazzjoni. Filwaqt li l-installazzjonijiet jistgħu jinbidlu maż-żmien minħabba fatturi bħal fużjonijiet jew akkwiżizzjonijiet, l-għan huwa li l-istruttura tas-sit-faċilità-installazzjoni tinżamm stabbli u konsistenti kemm jista’ jkun, li tirrifletti l-operazzjonijiet tipiċi tas-sit.
4.3.2. Attivitajiet direttament assoċjati
Fil-kuntest tal-IEPR u tal-IED, “attivitajiet direttament assoċjati” (DAAs) jirreferu għal attivitajiet li ma humiex elenkati fl-annessi tal-IEPR u tal-IED (jiġifieri ma jkunux jirrikjedu permess separat tal-IED). Madankollu, id-DAAs huma:
|
— |
konnessi b’mod funzjonali u tekniku ma’ installazzjoni fl-istess sit; dan ifisser li huma jappoġġaw jew jikkomplementaw l-attivitajiet ewlenin tal-installazzjoni; |
|
— |
x’aktarx li jaffettwaw l-impatt ambjentali ġenerali tal-installazzjoni. |
L-aspetti ewlenin tad-DAAs jinkludu:
|
— |
Rwol ta’ appoġġ jew komplementari: Id-DAAs tipikament jipprovdu servizzi jew jimmaniġġaw materjali li huma essenzjali għall-operat tal-installazzjoni tal-IED. |
|
— |
Impatt ambjentali: Id-DAAs, iżda mhux l-attivitajiet tal-IED infushom, jistgħu jinfluwenzaw l-emissjonijiet jew l-impatt ambjentali tal-installazzjoni ewlenija. Meta tivvaluta l-impatt, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra mhux biss il-potenzjal għal żieda fl-emissjonijiet jew l-impatt ambjentali matul it-tħaddim ta’ kuljum tal-installazzjoni iżda wkoll ir-riskju ta’ aċċidenti ta’ tixrid. |
|
— |
Sabiex attività tkun DAA, ma hemmx bżonn li jkun hemm konnessjoni fiżika fissa (kif innotat fil-kompilazzjoni tat-Tweġibiet Mogħtija mid-DĠ Ambjent dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali – il-Kapitolu 1, datata t-18 ta’ Jannar 2019 (5)). |
Eżempji ta’ DAAs:
|
— |
il-ħżin ta’ materja prima jew ta’ prodotti finali direttament konnessi ma’ installazzjoni, bħal tankijiet jew silos b’pipelines li jalimentaw il-proċess; |
|
— |
impjanti tat-trattament tal-ilma mormi maħsuba speċifikament biex jittrattaw l-ilma mormi minn installazzjoni; |
|
— |
ġenerazzjoni fuq il-post tal-enerġija jew tas-sħana użata mill-installazzjoni. |
Jekk l-attività mhux tal-IEPR ma tkunx teknikament konnessa (eż. uffiċċji amministrattivi f’sit industrijali), ma għandhiex titqies bħala DAA fil-kuntest tal-IEPR.
Id-distinzjoni ewlenija bejn DAA u installazzjoni separata tinsab fis-saħħa tal-konnessjoni teknika mal-attività tal-IEPR. Xi fatturi li għandhom jitqiesu huma:
|
— |
Konnessjoni fiżika: L-attivitajiet huma marbuta fiżikament permezz ta’ pipelines, conveyors jew infrastruttura simili? |
|
— |
Dipendenza operazzjonali: L-installazzjoni tibbaża fuq id-DAA għall-operazzjonijiet ewlenin tagħha? |
|
— |
Impatt ambjentali: Id-DAA taffettwa b’mod sinifikanti l-emissjonijiet globali jew l-impronta ambjentali tal-installazzjoni? |
Fl-aħħar mill-aħħar, bħal fil-każ tal-installazzjonijiet, id-determinazzjoni ta’ jekk attività tikkwalifikax bħala DAA hija f’idejn l-awtorità kompetenti rilevanti. Hija għandha tikkunsidra l-fatturi msemmija hawn fuq biex tiddetermina jekk l-attività għandhiex tiġi rrapportata flimkien mal-installazzjoni tal-IEPR.
Jekk installazzjoni twettaq kemm attivitajiet tal-Anness I kif ukoll dawk mhux tal-Anness I, ir-rilaxxi u t-trasferimenti barra mis-sit mill-attivitajiet mhux tal-Anness I għandhom jiġu esklużi mid-data rrapportata skont l-IEPR (sakemm ma tkunx DAA). Jista’ ma jkunx possibbli li jiġu sseparati u kkwantifikati l-kontributi tal-attivitajiet mhux tal-Anness I, pereżempju fejn ma jkun jeżisti l-ebda punt ta’ kampjunar għall-attività mhux tal-Anness I (fil-każ ta’ sistemi tad-dranaġġ interkonnessi ħafna). F’dan il-każ, jista’ jkun prattiku u kosteffettiv li jiġu rrapportati r-rilaxxi minn attivitajiet mhux tal-Anness I flimkien ma’ dawk mill-attivitajiet tal-Anness I.
5. EŻEMPJI TAS-SETTUR
Din it-taqsima tippreżenta diversi eżempji ta’ setturi differenti b’livelli differenti ta’ kumplessità li juru l-kunċetti deskritti hawn fuq. Sitwazzjonijiet kumplessi jew ikkumplikati jirrikjedu kunsiderazzjoni każ b’każ u jistgħu jirrikjedu konsultazzjoni mal-kittieba tal-permessi fl-awtorità kompetenti, mal-EEA jew mal-Kummissjoni. Il-Helpdesk tal-Industrija tal-EEA jista’ jiġi kkuntattjat fuq industry.helpdesk@eea.europa.eu.
5.1. Settur tal-enerġija
L-eżempju fil-Figure 5.1 juri post għall-ġenerazzjoni tal-elettriku b’żewġ impjanti kbar tal-kombustjoni (LCPs). Fih: (i) żewġ turbini tal-gass b’ċiklu kkombinat (CCGTs, Combined-Cycle Gas Turbine) ta’ 100 MW, kull waħda b’kapaċità ta’ aktar minn 50 MW u ċ-ċumnija tagħha stess; (ii) bojler tal-kombustjoni b’kapaċità ta’ 45 MW; u (iii) ġeneratur tad-diżil ta’ emerġenza b’kapaċità ta’ 10 MW. L-unika attività rilevanti tal-IEPR f’dan l-eżempju hija l-Attività 1.1 Kombustjoni ta’ fjuwils f’installazzjonijiet b’input termiku nominali totali ta’ 50 MW jew aktar. Filwaqt li hemm unitajiet tekniċi multipli, dawn kollha jitqiesu bħala parti ta’ installazzjoni waħda, li min-naħa tagħha tkun parti minn faċilità waħda u sit wieħed. Fit-Taqsima 2.2.3 tal-Manwal għal Min Jirrapporta għar-Rapportar Integrat tad-Data tal-E-PRTR u l-LCP hija pprovduta gwida dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju taċ-ċumnija komuni (l-Artikolu 29 tal-IED). It-Taqsima 2.2.3 tispjega kif għandu jiġi ddeterminat jekk l-unitajiet differenti jistgħux jitqiesu bħala LCP skont il-Kapitolu III tal-IED. Jekk jitqiesu bħala LCP, l-unitajiet għandhom jiġu rrapportati bħala parti ta’ installazzjoni bid-data kollha meħtieġa, bħall-input termiku nominali, l-input tal-enerġija, is-sigħat ta’ tħaddim jew l-emissjonijiet.
Il-ġeneratur ta’ emerġenza f’dan l-eżempju huwa DAA. Għandu konnessjoni teknika ċara mal-attività tal-IEPR peress li l-uniku skop tiegħu huwa li jipprovdi enerġija ta’ emerġenza. Il-ġeneratur ta’ emerġenza u l-bojler ta’ 45MW, li jkunu permessi separatament bħala MCP, għandhom jiġu rrapportati flimkien mal-emissjonijiet għall-installazzjoni, iżda mhux bħala parti mil-LCPs. Kif innotat fl-Anness I tal-IEPR, l-MCPs ma għandhomx għalfejn jiġu rrapportati individwalment jekk ikunu parti ta’ installazzjoni tal-IED.
Fit-tieni eżempju tas-settur tal-enerġija fl-Illustrazzjoni 5.2, is-CCGTs għandhom operatur differenti mill-unitajiet iżgħar ta’ kombustjoni. Għalhekk, f’dan l-eżempju, hemm żewġ faċilitajiet b’installazzjoni waħda kull waħda. Jekk l-installazzjoni nħarġilha permess ta’ qafas li jkopri l-unitajiet ta’ kombustjoni kollha, allura l-installazzjoni jkollha virtwalment tinqasam fi tnejn (kif muri fit-tieni dijagramma) iżda biss għal finijiet ta’ rapportar tal-IEPR. Kif deskritt fil-Manwal għal Min Jirrapporta, il-Faċilità 2 ikollha installazzjoni li twettaq l-Attività 1.1, peress li l-kapaċità totali ta’ 45 MW + 10 MW taqbeż il-limitu ta’ 50 MW. Madankollu, għall-Faċilità 2, l-ebda LCP ma jiġi rrapportat bħala parti ta’ installazzjoni minħabba r-regoli ta’ aggregazzjoni fil-Kapitolu III, li japplikaw biss għal unitajiet b’kapaċità ta’ 15 MW jew aktar.
Min-naħa l-oħra, il-Faċilità 1 ikollha installazzjoni li twettaq l-Attività 1.1 u jew żewġ partijiet ta’ installazzjoni ta’ 100 MW kull waħda jew parti waħda ta’ installazzjoni ta’ 200 MW. Dan tal-aħħar ikun il-każ jekk iż-żewġ unitajiet ikollhom ċumnija komuni jew jekk ikunu installati b’tali mod li, filwaqt li jitqiesu l-fatturi tekniċi u ekonomiċi, l-awtorità kompetenti tiġġudika li l-gassijiet ta’ skart tagħhom jistgħu jkunu skarikati permezz ta’ ċumnija komuni (l-Artikolu 29 tal-IED).
Illustrazzjoni 5.1
Eżempju ta’ sit ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku b’operatur wieħed
Illustrazzjoni 5.2
Eżempju ta’ sit ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku b’żewġ operaturi
5.2. Settur tal-iskart
Dan l-eżempju jikkonsisti f’faċilità għall-immaniġġjar tal-iskart bi tliet unitajiet tekniċi: (i) landfill; (ii) unità tat-trattament tal-iskart; u (iii) impjant tal-bijogass. Fl-Illustrazzjoni 5.3, il-landfill fil-qrib (l-Installazzjoni 1) tirċievi skart mhux rekuperabbli mill-faċilità tat-trattament. Ma hijiex teknikament konnessa mal-impjant tal-bijogass jew mal-faċilità tat-trattament tal-iskart, anke jekk tirċievi skart minnhom, peress li titqies bħala sit tar-rimi finali. Barra minn hekk, peress li l-iskop primarju tal-landfill huwa r-rimi, li huwa differenti mill-attivitajiet iffokati fuq l-irkupru tal-unitajiet l-oħra, din hija kklassifikata bħala installazzjoni separata (l-Attività 5.4 tal-IED).
L-Installazzjoni 2 hija faċilità tat-trattament tal-iskart li tħejji l-iskart kemm għal-landfill kif ukoll għall-impjant tal-bijogass, u tittrasferixxi wkoll skart ieħor lejn postijiet esterni. Għalkemm tipprovdi materja prima lill-impjant tal-bijogass, l-operazzjonijiet tagħha huma mekkaniċi, u l-impjant tal-bijogass jista’ jakkwista l-iskart minn postijiet oħra. Minħabba li tinvolvi tip differenti ta’ impatt ambjentali u ma hijiex komponent kritiku tal-proċess tal-produzzjoni tal-bijogass, titqies bħala installazzjoni separata.
F’xenarju alternattiv fl-Illustrazzjoni 5.4, l-operatur iddeċieda li l-iskop tal-faċilità tat-trattament tal-iskart – bl-użu ta’ unitajiet ta’ diġestjoni preliminari maħsuba biss biex itejbu t-tkissir tal-materjal u jsaħħnu s-sottostrat – huwa li jservi bħala unità ta’ pretrattament għall-impjant tal-bijogass. Dan il-pretrattament huwa essenzjali għall-funzjonament xieraq tal-proċess tad-diġestjoni u jinvolvi proċess bijoloġiku li jsegwi l-ipproċessar mekkaniku inizjali. Għalhekk, f’dan ix-xenarju, il-faċilità tat-trattament tal-iskart u l-impjant tal-bijogass (l-Attività 5.3(a)(i) jew 5.3(b)(i) tal-IED) huma teknikament konnessi – jiffurmaw installazzjoni waħda.
Iż-żewġ installazzjonijiet jistgħu jew ma jistgħux ikunu faċilità waħda; dan jiddependi minn jekk għandhomx operaturi separati. Dawn l-entitajiet kollha jistgħu jitqiesu bħala parti minn sit wieħed.
Ara t-Taqsima 5.5 għal eżempji ta’ trasferimenti tal-ilma mormi, li xi wħud minnhom jistgħu jiġu rrapportati bħala tunnellaġġ ta’ skart, f’sit industrijali kumpless b’impjant tat-trattament tal-ilma mormi.
Illustrazzjoni 5.3
Eżempju ta’ sit għall-immaniġġjar tal-iskart bi tliet installazzjonijiet
Illustrazzjoni 5.4
Eżempju ta’ sit għall-immaniġġjar tal-iskart b’żewġ installazzjonijiet
5.3. Raffinerija u sit petrokimiku
L-eżempju fil-Figure 5.5 juri raffinerija li tinsab ħdejn impjant petrokimiku. Il-komponenti tar-raffinerija jinkludu unità tad-distillazzjoni li tforni prodott għar-riformatur u għall-ikkrekkjar katalitiku fluwidu, li min-naħa tiegħu jforni prodott lill-impjant tal-alkilazzjoni. Fl-eżempju, dawn l-unitajiet tekniċi kollha jitqiesu mill-awtorità kompetenti bħala teknikament konnessi b’mod saħħtu u għalhekk jiffurmaw installazzjoni waħda. Impjant tal-enerġija fi ħdan ir-raffinerija jipprovdi l-enerġija lil kull waħda mill-unitajiet tekniċi tar-raffinar. Għalkemm l-enerġija addizzjonali tiġi esportata barra mir-raffinerija lejn il-grilja, il-maġġoranza tal-enerġija meħtieġa hija neċessarja għall-operat tar-raffinerija. Bħala tali, teżisti konnessjoni teknika b’saħħitha, u l-impjant tal-enerġija jitqies ukoll bħala parti mill-istess installazzjoni.
Waħda mill-attivitajiet tar-raffinerija hija l-provvista tan-nafta lill-impjant petrokimiku. Kemm ir-raffinerija kif ukoll l-impjant għandhom l-istess operatur iżda proċessi differenti. L-impjant petrokimiku se jkompli jipproċessa n-nafta f’sett ta’ derivattivi li jintużaw downstream għall-produzzjoni tal-lasktu, il-plastik, il-fibri, ir-reżina eċċ. In-nafta prodotta mir-raffinerija tintbagħat ukoll lejn postijiet u klijenti oħra, u l-impjant petrokimiku jista’ potenzjalment juża n-nafta prodotta xi mkien ieħor. B’riżultat ta’ dan, il-konnessjoni teknika tista’ titqies dgħajfa mill-awtorità kompetenti li tagħmel il-valutazzjoni. Għalhekk, ir-raffinerija u l-impjant petrokimiku għandhom jitqiesu bħala installazzjonijiet separati. Madankollu, fl-eżempju, dawn l-installazzjonijiet għandhom l-istess operatur u għalhekk huma parti minn faċilità waħda. Mingħajr ebda faċilità oħra assoċjata, din l-unika faċilità tifforma s-sit.
Illustrazzjoni 5.5
Eżempju ta’ raffinerija u ta’ sit petrokimiku
5.4. Sit farmaċewtiku
L-eżempju fl-Figure 5.6 huwa intenzjonalment kumpless biex ikunu jistgħu jintwerew kunċetti multipli.
Il-Faċilità 1 twettaq proċess ta’ kombustjoni biex tiġġenera s-sħana u l-elettriku. Is-sħana hija pprovduta lir-reatturi fil-Faċilità 2. Il-Faċilità 1 kollha hija proprjetà ta’ “Energy Ltd”. Tinkludi tliet unitajiet ta’ kombustjoni (l-Unitajiet 1, 2 u 3) u, peress li kull waħda minnhom hija bojler indipendenti bi ċmieni indipendenti, jitqiesu bħala unitajiet tekniċi separati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 29(2) tal-IED. Dawn l-unitajiet kollha għandhom konnessjoni teknika u għalhekk jiffurmaw installazzjoni waħda, l-Installazzjoni 1. L-iskop ewlieni ta’ din l-installazzjoni huwa li tipprovdi l-enerġija lill-installazzjonijiet l-oħra fis-sit, u l-enerġija żejda tiġi pprovduta lill-grilja pubblika.
Il-Faċilità 2 hija faċilità farmaċewtika proprjetà ta’ “Pharma Ltd”. Din il-faċilità fiha erba’ subunitajiet differenti. L-Unità 4 u l-Unità 5 huma r-reatturi li jipproduċu l-prodott farmaċewtiku. L-Unità 6 hija impjant tat-trattament tal-ilma mormi li huwa funzjonalment konness mar-reatturi, u l-Unità 7 taħżen il-materja prima. Dawn l-unitajiet huma kollha teknikament konnessi u huma essenzjali għall-funzjonament tal-faċilità kollha. Għalhekk, kollha jikkostitwixxu installazzjoni waħda, l-Installazzjoni 2.
Il-Faċilità 3, proprjetà ta’ “Supply Ltd”, twettaq attività kimika li tipproduċi solventi bijokimiċi u organiċi. Dawn jintużaw fil-Faċilità 2 iżda wkoll minn kumpaniji oħra barra mis-sit. Din il-faċilità għandha żewġ installazzjonijiet indipendenti li ma għandhomx konnessjoni teknika u li jużaw proċessi kimiċi kompletament differenti. L-Installazzjoni 3 hija reattur bijokimiku li jipproduċi solvent bijokimiku; unità waħda, l-Unità 8, tappartjeni għal din l-installazzjoni. L-Installazzjoni 4 hija reattur kimiku (l-Unità 9) li jirfina solvent organiku.
It-tliet faċilitajiet operati minn Energy Ltd, Pharma Ltd u Supply Ltd jikkostitwixxu sit wieħed peress li dawn it-tliet kumpaniji qegħdin iwettqu attivitajiet bi skop komuni u huma relatati fin-natura tagħhom, f’dan il-każ il-produzzjoni tal-farmaċewtiċi.
Għalkemm l-Installazzjoni 1 u l-Installazzjoni 2 għandhom konnessjoni teknika, dawn huma operati minn żewġ entitajiet legali differenti (Energy Ltd u Pharma Ltd). Dan ifisser li, għalkemm jistgħu jitqiesu bħala installazzjoni waħda, dawn iridu jiġu rrapportati skont l-IEPR bħala installazzjonijiet separati f’faċilitajiet separati. Prinċipji simili japplikaw għal impjanti kimiċi aktar kumplessi li jwettqu diversi attivitajiet tal-IED.
Illustrazzjoni 5.6
Eżempju ta’ sit farmaċewtiku
L-Figure 5.7 turi s-sitwazzjoni deskritta fl-Figure 5.6 iżda wara li Pharma Ltd xtrat u ħadet f’idejha l-Unitajiet 8 u 9 mingħand Supply Ltd, u għaqdet il-Faċilitajiet 2 u 3 f’faċilità waħda fis-sit.
Illustrazzjoni 5.7
Eżempju ta’ sit farmaċewtiku wara bidla fl-operatur
5.5. Skariki tal-ilma minn installazzjonijiet multipli fl-istess sit
Jekk WWTP industrijali operat b’mod indipendenti jservi diversi faċilitajiet oħra f’sit industrijali, id-WWTP għandu jiġi sseparat u rrapportat bħala faċilità u installazzjoni oħra. Dan huwa pereżempju l-każ tal-Attività 6.11 tal-IED, definita bħala “Trattament operat b’mod indipendenti tal-ilma mormi mhux kopert bid-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE u skarikat minn installazzjoni koperta mill-Kapitolu II”. L-Figure 5.8 turi dan ix-xenarju; id-WWTP għandu operatur differenti mill-Installazzjonijiet 1, 3 u 4 u għalhekk jifforma faċilità waħda b’installazzjoni waħda. Għalhekk, ir-rilaxxi tal-inkwinanti għandhom jiġu rrapportati għad-WWTP jekk jinqabżu l-limiti tal-inkwinanti speċifikati fl-Anness II tal-IEPR. Trasferimenti ta’ inkwinanti għandhom jiġu rrapportati għall-installazzjonijiet l-oħra jekk dawn jaqbżu l-limiti speċifikati fl-Anness II.
Jekk id-WWTP indipendenti f’dan is-sit industrijali, f’xenarju improbabbli, ikun ikkombinat ma’ WWTP urban ta’ aktar minn 100 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni (jiġifieri l-Attività 6 tal-IEPR), huwa rakkomandat li jiġi rrapportat bħala installazzjoni separata peress li jista’ jopera b’mod indipendenti. F’dan il-każ, kwalunkwe trasferiment ta’ ilma mormi mill-Installazzjonijiet 1, 3 u 4 għad-WWTP urban għandu jiġi rrapportat bħala trasferimenti ta’ inkwinanti, sakemm dawn jaqbżu l-limiti speċifikati fl-Anness II tal-IEPR.
Illustrazzjoni 5.8
Eżempju ta’ skariki tal-ilma minn installazzjonijiet multipli fl-istess sit ittrattati minn WWTP operat b’mod indipendenti
L-Figure 5.9 turi l-każ fejn id-WWTP ma jkunx indipendenti peress li għandu l-istess operatur bħal unitajiet tekniċi oħra. Għal dan l-eżempju, is-saħħa tal-konnessjoni teknika bejn iż-żewġ unitajiet tekniċi fuq l-Installazzjoni 2 titqies b’saħħitha biżżejjed (mill-awtorità kompetenti) biex tifforma installazzjoni waħda. Madankollu, il-konnessjoni teknika ma titqiesx b’saħħitha biżżejjed bejn ir-reattur kimiku, ir-reattur bijokimiku u d-WWTP biex tagħmilhom kollha installazzjoni waħda. It-trasferimenti tal-ilma mormi mir-reattur kimiku fl-Installazzjoni 2 ma għandhomx jiġu rrapportati peress li jitqiesu trasferimenti fuq il-post, dment li d-WWTP jaqa’ fl-ambitu tal-Attività 5.3(a) tal-IED.
Din kienet ukoll prattika komuni meta tiġi rrapportata l-Attività 5(c) fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-predeċessur tal-IEPR (ir-reġistru Ewropew dwar ir-rilaxx u t-trasferiment ta’ inkwinanti (E-PRTR), implimentat bir-Regolament (KE) Nru 166/2006) meta t-tip ta’ skart ikun kif definit fl-Anness I tad-Direttiva 2008/98/KE skont l-intestaturi D8 u D9. Min-naħa l-oħra, jekk id-WWTP ma jaqax fl-ambitu tal-Attività 5.3(a) tal-IED jew ma jaqax fl-ambitu ta’ D8 u D9, it-trasferimenti tal-ilma mormi mill-Installazzjoni 1 u 3 għandhom jiġu rrapportati bħala trasferimenti ta’ inkwinanti. Fi kwalunkwe każ, l-Installazzjoni 2 għandha tirrapporta r-rilaxxi ta’ inkwinanti jekk dawn jaqbżu l-limiti speċifikati fl-Anness II tal-IEPR.
Illustrazzjoni 5.9
Eżempju ta’ WWTP teknikament konness ma’ unità fl-istess installazzjoni
L-Figure 5.10 tippreżenta x-xenarju fejn WWTP urban, li jservi inqas minn 100 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni, huwa parti mis-sit (peress li huwa funzjonalment konness ma’ unitajiet oħra fis-sit), iżda jwettaq attività mhux tal-IED u mhux tal-IEPR. L-Installazzjonijiet 1, 2 u 3 jirrapportaw l-ilma mormi tagħhom bħala trasferimenti ta’ inkwinanti. Madankollu, l-iskariku ta’ inkwinanti fl-ilma mid-WWTP ma għandux jiġi rrapportat skont l-IEPR peress li dak id-WWTP ma huwiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
Illustrazzjoni 5.10
Eżempju ta’ skariki tal-ilma minn żewġ installazzjonijiet lejn WWTP mhux tal-IED/mhux tal-IEPR operat minn operatur indipendenti
5.6. Installazzjonijiet għat-trobbija intensiva tal-pollam jew tal-ħnieżer u biċċeriji
Il-biċċeriji spiss ikunu jinsabu qrib operazzjonijiet agrikoli intensivi. L-Figure 5.11 turi dan ix-xenarju, fejn il-biċċerija hija mmexxija minn “Abattoir Ltd” u l-farm tal-pollam minn “Poultry Ltd”. Anke jekk dawn l-unitajiet tekniċi huma marbuta mill-qrib, xorta waħda jitqiesu bħala żewġ faċilitajiet separati (il-Faċilità 1 u 2) għar-rapportar tal-IEPR peress li għandhom operaturi differenti.
Illustrazzjoni 5.11
Eżempju sempliċi ta’ operazzjoni ta’ trobbija intensiva tal-pollam u biċċerija fil-qrib
Madankollu, jekk “Abattoir Ltd” kellha tistabbilixxi u topera unità ta’ trobbija intensiva tal-ħnieżer u unità tal-majjali nisa maġenb il-biċċerija, dawn l-unitajiet jitqiesu bħala faċilità waħda, kif muri fl-Figure 5.12. F’din is-sitwazzjoni, l-unitajiet tal-ħnieżer u tal-majjali nisa u l-biċċerija jistgħu jiffurmaw installazzjonijiet individwali fi ħdan l-istess faċilità skont is-saħħa tal-konnessjoni teknika kif determinata mill-awtorità kompetenti.
Illustrazzjoni 5.12
Eżempju aktar kumpless ta’ sit industrijali għat-trobbija u l-ipproċessar tal-bhejjem b’operaturi differenti
5.7. Setturi u attivitajiet mhux tal-IED
5.7.1. Impjanti medji tal-kombustjoni
L-IEPR, l-IED u d-Direttiva (UE) 2015/2193 (MCPD, Medium Combustion Plant Directive) għandhom rekwiżiti ta’ rapportar differenti. Ir-rekwiżiti tal-IEPR japplikaw speċifikament għal MCPs akbar b’input termiku ta’ bejn 20 MW u 50 MW meta ma jkunux koperti mill-Anness I tal-IED. Dawn l-impjanti, kif ukoll MCPs iżgħar, huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar regolari skont l-MCPD, li jinkludu d-data dwar l-emissjonijiet reali, it-tipi ta’ fjuwil u l-kwantitajiet użati, u l-kapaċità, kollha f’livell aggregat.
Skont ir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-IEPR, l-MCPs akbar (20-50 MW) li jiffurmaw installazzjoni waħda tal-MCP għandhom jiġu rrapportati separatament biss meta ma jkunux parti minn installazzjoni tal-IED. F’sit b’installazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-IEPR iżda mhux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-IED, l-MCPs fis-sit b’input termiku nominali ta’ 20-50 MW għandhom jiġu rrapportati bħala installazzjoni separata. Ara l-eżempju fit-Taqsima 5.7.3 fejn minjiera miftuħa li ma hijiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tal-IED għandha MCP bħala s-sors tal-enerġija tagħha.
L-unitajiet tekniċi tal-MCP individwali kollha għandhom jiġu rrapportati bħala partijiet ta’ installazzjoni fl-installazzjoni tal-MCP. L-emissjonijiet għandhom jiġu rrapportati fil-livell tal-installazzjoni. L-għadd ta’ installazzjonijiet li għandhom jiġu rrapportati f’faċilità tal-MCP tal-IEPR se jiddependi mill-konnessjonijiet tekniċi diskussi fit-Taqsima 4.3.2. Diversi MCPs li flimkien jiffurmaw installazzjoni b’input termiku nominali ta’ aktar minn 50 MW jaqgħu taħt l-Attività 1.1 tal-IED u għandhom jiġu rrapportati bħala installazzjoni u mhux bħala MCPs.
Meta jirrapportaw lir-Reġistru tal-UE dwar Siti Industrijali, l-MCPs li jikkondividu ċumnija komuni jitqiesu bħala parti ta’ installazzjoni. Skont l-MCPD, l-impjanti ta’ kombustjoni għandhom jiġu aggregati jekk ikunu konnessi ma’ ċumnija komuni jew “meta jitqiesu l-fatturi tekniċi u ekonomiċi, il-gassijiet residwi ta’ dawn l-impjanti tal-kombustjoni medji jkunu jistgħu, fil-fehma tal-awtorità kompetenti, jiġu skarikati minn ċumnija komuni” kif innotat fl-Artikolu 4 tal-MCPD. Dan l-approċċ jallinja kemxejn mad-definizzjoni u r-rapportar tal-partijiet ta’ installazzjoni tal-LCP, iżda għandhom jiġu nnotati l-limiti ta’ kapaċità differenti li jiddefinixxu kull attività (jiġifieri input termiku ta’ 20-50 MW jew aktar minn 50 MW). Ma hemm l-ebda definizzjoni ta’ “installazzjoni” fl-MCPD; madankollu, id-definizzjoni ta’ operatur hija l-istess bħal fl-IEPR. Għalhekk, ir-responsabbiltajiet tal-operatur, kif użati f’dan id-dokument biex jiddeterminaw l-ambitu ta’ faċilità, għandhom jintużaw biex jiddefinixxu l-faċilitajiet u għalhekk se jiddefinixxu l-installazzjonijiet fil-faċilitajiet.
Tipikament, ikun hemm relazzjoni ta’ wieħed ma’ wieħed bejn il-faċilità u l-installazzjoni għall-MCPs għar-rapportar tal-IEPR. Madankollu, MCP jista’ jkollu partijiet ta’ installazzjoni multipli għar-rapportar lir-Reġistru tal-UE dwar Siti Industrijali.
5.7.2. Tħaffir taħt l-art u operazzjonijiet relatati, inkluża l-estrazzjoni taż-żejt grezz jew tal-gass kemm fuq l-art kif ukoll lil hinn mill-kosta (fejn mhux kopert mill-Anness I tal-IED)
Dan il-kapitolu tal-gwida huwa għall-installazzjonijiet li ma humiex koperti mill-Attività 3.6 tal-IED.
Tipikament, ikun hemm relazzjoni wieħed ma’ wieħed bejn il-faċilità u l-installazzjoni għat-tħaffirtaħt l-art u operazzjonijiet relatati, skont l-operatur. Eċċezzjoni possibbli tkun jekk ikun hemm aktar minn minjiera waħda, pereżempju għal materjali differenti, fil-qrib, u dawn il-minjieri jkunu operati mill-istess kumpanija. Peress li ma hemm l-ebda konnessjoni teknika bejn iż-żewġ minjieri, din is-sitwazzjoni tista’ titqies bħala faċilità waħda li tkopri żewġ installazzjonijiet.
Għall-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass, normalment ikun hemm relazzjoni ta’ wieħed ma’ wieħed bejn il-faċilità u l-installazzjoni. Sit wieħed għall-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass b’ħafna bjar jew pjattaformi operati mill-istess kumpanija għandu jiġi kklassifikat bħala installazzjoni waħda. Dan qiegħed jassumi li teżisti konnessjoni teknika fejn il-bjar: (i) jikkondividu l-infrastruttura (eż. pipelines, faċilitajiet tal-ipproċessar, tankijiet tal-ħażna, sistemi ta’ vvampjar); (ii) joperaw bħala unità waħda taħt l-istess operatur; u (iii) funzjonalment jiddependu minn xulxin (jiġifieri l-operazzjoni ta’ bir wieħed taffettwa l-profil tal-emissjonijiet ta’ ieħor). Jekk ikun hemm operaturi multipli, is-sit wieħed definit mis-sit tat-tħaffir għaż-żejt u mill-faċilità tal-gass jitqies li għandu faċilitajiet multipli. Madankollu, jekk ma jkun hemm l-ebda konnessjoni teknika bejn bjar differenti, dawn jistgħu jitqiesu bħala installazzjonijiet differenti. Bħal dejjem, huwa f’idejn l-awtorità kompetenti li tiddetermina l-eżistenza ta’ konnessjoni teknika.
5.7.3. Tħaffir fil-miftuħ u x-xogħol fil-barrieri (fejn ma humiex koperti mill-Anness I tal-IED u fejn erja tas-superfiċe effettiva li qiegħda titħaffer hija ta’ 25 ettaru)
Din il-gwida hija għall-installazzjonijiet li ma humiex koperti mill-Attività 3.6 tal-IED.
Tipikament, ikun hemm relazzjoni ta’ wieħed ma’ wieħed bejn il-faċilità u l-installazzjoni għat-tħaffir u operazzjonijiet oħra. Eċċezzjoni tkun meta faċilità jkollha aktar minn wiċċ wieħed li jestratta tipi differenti ta’ materjal jew meta faċilità oriġinarjament kienet tkopri żona waħda ta’ sfruttament għal minerali partikolari (eż. barriera) u żona oħra ta’ sfruttament għal minerali ieħor. Innota li l-Attività 3.6 tal-IED il-ġdida hija definita bħala “L-estrazzjoni inklużi operazzjonijiet ta’ trattament fuq il-post, bħat-tifrik, il-kontroll tad-daqs, il-benefiċjazzjoni u t-titjib, tal-minerali fuq skala industrijali li ġejjin: il-boksajt, il-kromu, il-kobalt, ir-ram, id-deheb, il-ħadid, iċ-ċomb, il-litju, il-manganiż, in-nikil, il-palladju, il-platinu, il-landa, it-tungstenu u ż-żingu”. Jekk l-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw sett ta’ kriterji biex jiddeterminaw l-ambitu u l-konfini tal-installazzjoni għall-Attività 3.6 tal-IED li jistgħu jkunu applikabbli għat-tħaffir taħt l-art u għat-tħaffir fil-miftuħ li ma humiex parti mill-Anness I, dawn il-kriterji jistgħu jiġu applikati wkoll għall-minjieri mhux tal-IED għall-konsistenza.
F’operazzjoni tipika ta’ barriera, l-attivitajiet jinkludu l-illaxkar tal-blat permezz tat-tħaffir u l-ibblastjar. Il-barriera hija installazzjoni tal-IEPR, u l-attività primarja tagħha hija t-tħaffir fil-miftuħ u x-xogħol fil-barrieri (fejn ma humiex koperti mill-Anness I tad-Direttiva dwar l-IED), jiġifieri hija koperta mill-Attività 5 tal-IEPR. Fuq il-post, ta’ spiss ikun hemm impjant tat-tgħaffiġ, li jista’ jkun stazzjonarju jew mobbli. Impjant tat-tgħaffiġ stazzjonarju jitqies bħala parti mill-installazzjoni, u l-emissjonijiet tiegħu jkollhom jiġu rrapportati (ara l-Figure 5.13).
Barra minn hekk, is-sit jista’ jkollu sors ta’ enerġija, bħal unità ta’ kombustjoni, li tipprovdi enerġija għal diversi attivitajiet fil-faċilità. Jekk dan l-impjant tal-kombustjoni jikkwalifika bħala attività tal-IEPR (eż. MCP), dan jiġi ttrattat bħala installazzjoni separata tal-IEPR (15) (kif muri fl-Figure 5.14).
Ovvjament, jekk l-impjant tal-enerġija kien operat minn operatur differenti, dan jifforma t-tieni faċilità b’installazzjoni waħda. Jekk l-impjant tal-enerġija kien akbar minn 50 MW, allura jiġi kklassifikat bħala Attività 1.1 (Kombustjoni ta’ karburanti f’installazzjonijiet b’kapaċità termali totali ta’ 50 MW jew aktar). Inkella, jekk l-impjant tal-enerġija kien anqas minn 20 MW, dan jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-IEPR.
Illustrazzjoni 5.13
Dijagramma skematika ta’ operazzjoni tipika ta’ barriera
|
* |
L-ikona fl-Figure 5.13 hija maħsuba biss għal skopijiet illustrattivi. |
Is-sit jista’ jinkludi wkoll unità tal-ħażna ta’ skart mhux perikoluż għall-ġbir ta’ skart mid-diversi attivitajiet tas-sit (ara l-Illustrazzjoni 5.14), iżda din ma hijiex attività tal-IEPR u għalhekk ma hijiex ikkunsidrata bħala installazzjoni separata. Madankollu, jekk l-unità tal-iskart kienet għall-ġbir ta’ materjali ta’ skart perikoluż, pereżempju żjut skartat, u kellha kapaċità ta’ 50 tunnellata jew aktar, kienet taqa’ taħt l-Attività 5.5 tal-IED u tifforma installazzjoni separata għall-finijiet ta’ rapportar skont l-IEPR, sakemm ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/21/KE dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni.
Illustrazzjoni 5.14
Dijagramma skematika ta’ barriera tipika b’impjant tal-enerġija u b’unità tal-ħażna mhux perikoluża
L-Figure 5.15 turi operazzjoni kumplessa ta’ tħaffir fil-miftuħ fejn hemm erba’ operaturi differenti u għalhekk erba’ faċilitajiet. Il-Faċilità 1 tikkonsisti f’żewġ unitajiet tekniċi li jiffurmaw installazzjoni waħda, operati mill-“Kumpanija A”. Il-Faċilità 2 tinkludi erba’ unitajiet li huma teknikament konnessi, operati mill-“Kumpanija B”. Il-Faċilità 3 għandha unità teknika waħda operata b’mod indipendenti, ġestita mill-“Kumpanija C”. Il-Faċilità 4 għandha tliet installazzjonijiet (mingħajr ebda konnessjoni teknika bejn l-unitajiet), operati mill-“Kumpanija D”.
Barra minn hekk, jista’ jintuża tagħmir mobbli differenti fis-sit kollu, li jopera f’faċilitajiet differenti f’ħinijiet differenti. Madankollu, peress li dawn huma unitajiet mobbli, l-emissjonijiet tagħhom ma għandhomx jiġu inklużi fir-rapportar għal xi installazzjoni speċifika.
Illustrazzjoni 5.15
Eżempju ta’ operazzjoni kumplessa ta’ tħaffir fil-miftuħ
5.7.4. Impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban (b’kapaċità ta’ 100 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni jew aktar)
Tipikament, ikun hemm relazzjoni ta’ wieħed ma’ wieħed bejn il-faċilità u l-installazzjoni għad-WWTPs urbani. Madankollu, operazzjoni ta’ skart separata iżda relatata li tirċievi u tittratta l-ħama jew il-lissija tal-landfill tista’ tkun operata mill-istess kumpanija u tkun tinsab fl-istess faċilità. F’dan il-każ, ikun hemm żewġ installazzjonijiet jew aktar fil-faċilità.
Meta operatur ta’ installazzjoni industrijali jkollu impjant tal-ilma mormi urban (jew jekk l-impjant tal-ilma mormi tiegħu kien qiegħed jaġixxi wkoll bħala l-impjant muniċipali tal-ilma mormi urban), ikun rakkomandat li dan jiġi rrapportat bħala żewġ installazzjonijiet differenti. L-installazzjoni industrijali mbagħad għandha tirrapporta rilaxx indirett (trasferiment ta’ inkwinanti) lill-impjant tal-ilma mormi urban (sakemm it-trasferiment ikun jaqbeż il-limiti stabbiliti fl-Anness II tal-IEPR).
5.7.5. Akkwakultura bbażata fuq l-għalf li taqbeż kapaċità ta’ produzzjoni annwali ta’ 500 tunnellata
Għad-definizzjoni ta’ faċilitajiet, japplika l-istess prinċipju li ntuża skont ir-rapportar tar-Regolament E-PRTR (ara t-Taqsima 4.2). L-installazzjonijiet tal-akkwakultura normalment ikollhom diversi pjumi, raceways jew tankijiet ġestiti mill-istess operatur. Hija mistennija ċerta prossimità ġeografika bejn l-installazzjonijiet, biex jitqiesu bħala l-istess faċilità. Pereżempju, jista’ jkun hemm diversi gaġeġ li jinsabu f’bajja ’l barra mill-istess gżira jekk ikunu jappartjenu għall-istess operatur. Il-gaġeġ f’diversi postijiet separati tul il-kosta ta’ diversi gżejjer żgħar ta’ arċipelagu li jikkonverġu f’post wieħed jitqiesu wkoll bħala l-istess faċilità jekk ikollhom l-istess operatur.
Meta tiġi ddefinita din l-attività, il-limitu tal-kapaċità japplika għal-livell tal-installazzjoni. Għalhekk, għandha tingħata attenzjoni meta jiġi ddeterminat l-għadd ta’ installazzjonijiet f’faċilità waħda biex jiġi evitat li l-installazzjoni taqa’ b’mod mhux intenzjonat taħt il-limitu tal-kapaċità stabbilit fl-Anness I tal-IEPR. Għalhekk, id-definizzjoni ta’ “konnessjoni teknika” hija importanti (ara t-Taqsima 4.1). Konnessjoni teknika f’faċilità tal-akkwakultura tal-baħar tfisser li gaġeġ, pjumi, jew unitajiet multipli huma fiżikament jew funzjonalment konnessi permezz ta’ pereżempju infrastruttura kondiviża (għalf, sistemi tal-ilma, monitoraġġ) jew loġistika (pereżempju punt ċentrali għall-ħażna tal-għalf, l-immaniġġar tas-sustanzi kimiċi, il-ħsad, u t-tneħħija tal-iskart) u huma ġestiti bħala operazzjoni ta’ produzzjoni waħda.
Għalkemm speċijiet akkwatiċi differenti jistgħu joħolqu tħassib ambjentali differenti, il-preżenza tagħhom waħedha ma hijiex raġuni valida biex l-istess faċilità tinqasam f’installazzjonijiet multipli, peress li d-deskrizzjoni ta’ din l-attività ma hijiex relatata mal-ispeċijiet. Fi ħdan l-attività tal-akkwakultura jista’ jkun hemm każijiet fejn kumpanija waħda jkollha sett ta’ pjumi, iżda xi pjumi huma (temporanjament) kondiviżi ma’ kumpanija/operatur ieħor. F’dan il-każ, is-sett ta’ pjumi għandu jitqies bħala faċilità waħda, abbażi tas-sjieda tal-pjumi. Is-sid ikun responsabbli għar-rapportar tal-emissjonijiet kollha mill-operaturi kollha bl-użu tal-pjuma/pjumi tiegħu. Jekk jogħġbok innota li l-użu tat-terminu “sid” f’dan il-kuntest huwa eċċezzjoni għall-użu ġenerali tat-terminu “operatur” tul dan id-dokument ta’ gwida. F’sitwazzjoni, meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tikkwantifika r-rilaxxi f’isem l-operatur, skont l-Artikolu 6(9) tal-IEPR, l-operaturi mhux se jkollhom għalfejn jagħmlu dan waħedhom u jirrapportawhom lill-awtoritajiet tagħhom.
L-Figure 5.16 tippreżenta xenarju fejn żewġ operaturi jiġġestixxu farm kull wieħed b’għadd differenti ta’ pjumi tal-ħut individwali. Dawn il-pjumi tipikament jintrabtu flimkien, u joħolqu konnessjoni teknika li tifforma dik li fl-industrija tal-akkwakultura tissejjaħ farm. B’kuntrast ma’ dan, l-Figure 5.17 turi xenarju kemxejn differenti fejn l-Installazzjoni 1 u l-Installazzjoni 2 huma proprjetà tal-istess kumpanija iżda jistgħu jżommu ħut li jappartjeni għal kumpaniji oħra. Kif spjegat hawn fuq, dawn l-installazzjonijiet jappartjenu għal faċilità waħda (il-Faċilità 1) abbażi tas-sjieda. Barra minn hekk, il-Figure 5.17 tinkludi tank kbir tal-ħut operat minn kumpanija differenti, li jikkostitwixxi faċilità separata.
Illustrazzjoni 5.16
Eżempju ta’ farm tal-ħut tal-baħar b’żewġ operaturi
Illustrazzjoni 5.17
Eżempju ta’ farm tal-ħut tal-baħar b’aktar minn operatur wieħed
5.7.6. Installazzjonijiet għall-bini u/jew iż-żarmar ta’ bastimenti, u għaż-żbigħ jew it-tneħħija taż-żebgħa minn bastimenti li għandhom kapaċità li jakkomodaw bastimenti b’tul ta’ 100 m jew aktar
Din l-attività (l-Attività 8 tal-IEPR) tkopri proċessi differenti ħafna (jiġifieri l-bini, iż-żarmar, iż-żbigħ jew it-tneħħija taż-żebgħa). Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, installazzjoni se twettaq biss wieħed minn dawn il-proċessi. Dan tipikament jirriżulta f’relazzjoni ta’ wieħed ma’ wieħed bejn il-faċilità u l-installazzjoni għal din l-attività. Madankollu, kumpless kbir ħafna li jkun proprjetà tal-istess operatur jista’ jkollu taqsimiet differenti dedikati għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet (pereżempju, taqsima waħda għall-bini tal-bastimenti u oħra għaż-żbigħ tagħhom; iż-żewġ taqsimiet għall-bastimenti b’tul ta’ 100 m jew aktar). F’dan il-każ, għandhom jiġu rrapportati żewġ installazzjonijiet fil-faċilità peress li l-impatti ambjentali huma differenti u l-proċessi ma humiex relatati.
5.7.7. Elettroliżi tal-ilma għall-produzzjoni tal-idroġenu fuq skala industrijali – installazzjonijiet li ma humiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tal-IED
Din l-attività tkopri installazzjonijiet li jwettqu l-elettroliżi tal-ilma li ma taqax taħt l-Attività 6.6 tal-IED (definita bħala “L-elettroliżi tal-ilma għall-produzzjoni tal-idroġenu meta l-kapaċità tal-produzzjoni taqbeż il-50 tunnellata kuljum”). L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw l-istess kriterji biex jiddefinixxu l-installazzjonijiet bħal dawk fl-ambitu tal-attività 6.6. Dan għaliex l-attività hija l-istess iżda b’limiti ta’ kapaċità differenti.
6. KONKLUŻJONI
Dan id-dokument ta’ gwida jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kif ir-rapportaturi tad-data għandhom jidentifikaw u jirrapportaw is-siti, il-faċilitajiet u l-installazzjonijiet skont l-IEPR. Id-dokument jenfasizza l-istruttura ġerarkika ta’ rapportar meħtieġa skont l-IEPR u l-IED, abbażi tar-Regolament INSPIRE, li għandu l-għan li jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ data spazjali u ambjentali għat-tfassil tal-politika.
Il-gwida tispjega d-differenzi u r-relazzjonijiet bejn is-siti, il-faċilitajiet u l-installazzjonijiet, inklużi l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-unitajiet tekniċi, l-installazzjonijiet stazzjonarji u l-attivitajiet direttament assoċjati. Din tindirizza wkoll il-kumplessitajiet fid-determinazzjoni ta’ meta installazzjonijiet multipli għandhom jitqiesu bħala parti minn faċilità waħda, abbażi ta’ konnessjonijiet tekniċi u dipendenzi operazzjonali.
Analiżi tas-settijiet ta’ data tar-Reġistru tal-UE dwar Siti Industrijali tal-2022 turi li l-biċċa l-kbira tal-faċilitajiet għandhom relazzjoni ta’ wieħed ma’ wieħed mal-installazzjonijiet, b’xi differenzi bejn l-Istati Membri.
Sitwazzjonijiet kumplessi se jirrikjedu kunsiderazzjoni każ b’każ u jistgħu jirrikjedu konsultazzjoni mal-kittieba tal-permessi fl-awtorità kompetenti, mal-EEA jew mal-Kummissjoni. Il-Helpdesk tal-Industrija tal-EEA jista’ jiġi kkuntattjat fuq industry.helpdesk@eea.europa.eu.
(1) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A02010R1089-20231119.
(2) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A02010L0075-20240804.
(3) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32024R1244&qid=1716560231787.
(4) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32006R0166.
(5) https://unece.org/DAM/env/pp/prtr/Protocol%20texts/PRTR_Protocol_e.pdf.
(6) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A02010L0075-20240804.
(7) https://circabc.europa.eu/ui/group/06f33a94-9829-4eee-b187-21bb783a0fbf/library/cbcfa4fc-cb8e-4cd7-bf7a-cbba10c28fb4?p=1&n=10&sort=modified_DESC.
(8) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32018D1135&from=EN.
(9) L-aħħar verżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2024: https://cdr.eionet.europa.eu/help/euregistry/Documents/EU%20Registry_Manual%20for%20Reporters_v1.12.pdf.
(10) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A02010R1089-20231119, l-Anness IV, it-Taqsima 8.2.
(11) https://cdr.eionet.europa.eu/help/eprtr_lcp/Documents/E-PRTR-LCP%20Manual%20for%20reporters%20v1.6.pdf.
(12) Impjanti ta’ kombustjoni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2015/2193.
(13) Filwaqt li l-attività tal-IEPR tirreferi biss għall-“produzzjoni fuq skala industrijali”, huwa mifhum li jekk l-attività jkollha kapaċità ta’ produzzjoni ta’ aktar minn 50 tunnellata kuljum, dan ikun fl-ambitu tal-Attività 6.6 tal-IED. Għalhekk, huwa impliċitu li l-Attività 9 fl-Anness I tal-IEPR tirreferi għal installazzjonijiet b’kapaċità taħt dak il-limitu.
(14) https://environment.ec.europa.eu/topics/industrial-emissions-and-safety/industrial-and-livestock-rearing-emissions-directive-ied-20_mt, skont il-punt “Guidance and implementing rules” fit-taqsima bl-isem “Implementation”.
(15) L-impjanti medji tal-kombustjoni li jirrapportaw skont l-IEPR huma definiti bħala “Attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2015/2193 (fejn mhumiex koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2010/75/UE). […] b’input termali kklassifikat ta’ mill-inqas 20 MW u inqas minn 50 MW”. L-MCPs ma jiġux soġġetti għar-rapportar jekk ikunu parti mill-Anness I tal-IED. Madankollu, jekk ikunu sors ta’ enerġija ta’ attività mhux tal-IED (kif inhu l-każ fit-Taqsima 5.7.3), dawn għandhom jiġu rrapportati bħala tali, sakemm ikollhom input termiku nominali ta’ 20-50 MW.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6534/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)