European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6352

24.11.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Novembru 2025

li taħtar erba' rappreżentanti tal-Istati Membri bħala membri tal-Bord ta' Ġestjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

(C/2025/6352)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra n-nominazzjonijiet ippreżentati mill-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja u l-Iżvezja lill-Kunsill,

Billi:

(1)

Huwa essenzjali li jiġu żgurati l-indipendenza, l-istandards xjentifiċi għoljin, it-trasparenza u l-effiċjenza tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). Huwa wkoll indispensabbli li tiġi żgurata l-kooperazzjoni tal-EFSA mal-Istati Membri.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jirrikjedi li kull Stat Membru jinnomina membru u membru supplenti bħala r-rappreżentanti tiegħu għall-Bord ta' Ġestjoni tal-EFSA. Il-membri u l-membri supplenti hekk innominati għandhom jinħatru mill-Kunsill għal mandat ta' 4 snin, li jista' jiġġedded, u għandhom id-dritt tal-vot.

(3)

Il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022 (2), ħatar ir-rappreżentanti tal-Istati Membri bħala membri u membri supplenti tal-Bord ta' Ġestjoni tal-EFSA għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 2022 sat-30 ta' Ġunju 2026.

(4)

Permezz ta' ittra datata t-22 ta' April 2025, l-EFSA ġiet infurmata li s-Sur Tejs BINDERUP, il-membru għad-Danimarka, irriżenja.

(5)

Permezz ta' ittra datata s-6 ta' Mejju 2025, l-EFSA ġiet infurmata li s-Sur Hendrik KUUSK, il-membru għall-Estonja, irriżenja.

(6)

Permezz ta' ittra datata s-6 ta' Mejju 2025, l-EFSA ġiet infurmata li s-Sa Annica SOHLSTRÖM, il-membru għall-Iżvezja, irriżenjat.

(7)

Permezz ta' ittra datata l-14 ta' Lulju 2025, l-EFSA ġiet infurmata li s-Sur Herman DIRICKS, il-membru għall-Belġju, irtira.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li jinħatru erba' rappreżentanti ġodda biex iservu għall-bqija tal-mandat tal-predeċessuri rispettivi tagħhom.

(9)

Ir-rappreżentanti li ġew innominati mill-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja u l-Iżvezja għandhom esperjenza u għarfien espert rilevanti u estensivi fil-qasam tal-liġi u l-politika tal-katina alimentari, inkluż il-valutazzjoni tar-riskju, kif ukoll fl-oqsma ta' kwistjonijiet maniġerjali, amministrattivi, finanzjarji u legali. Għaldaqstant, il-ħatra tagħhom tiżgura l-ogħla standards ta' kompetenza u l-aktar firxa wiesgħa ta' esperjenza rilevanti disponibbli fil-Bord ta' Ġestjoni tal-EFSA,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persuni li ġejjin huma b'dan maħtura membri tal-Bord ta' Ġestjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel sat-30 ta' Ġunju 2026:

Is-Sa Christine ROMEYNS (il-Belġju),

Is-Sa Cecilie SOLSTAD (id-Danimarka),

Is-Sa Triin KÕRGMAA (l-Estonja),

Is-Sa Christina NORDIN (l-Iżvezja).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

J. JENSEN


(1)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/178/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' April 2022 li taħtar rappreżentanti tal-Istati Membri bħala membri u membri supplenti tal-Bord ta' Ġestjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (ĠU C 159, 12.4.2022, p. 6).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6352/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)