European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6233

21.11.2025

AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti min-negozji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(C/2025/6233)

WERREJ

1.

Introduzzjoni 2

1.1

Liema negozji huma soġġetti għall-obbligi skont il-GPSR? 2

1.2

X’inhu prodott sikur? 4

2.

X’inhu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-GPSR? 6

2.1.

Liema tipi ta’ prodotti u mezzi ta’ bejgħ huma koperti mill-GPSR? 6

2.2.

Ir-rabta mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni 7

2.3.

X’tip ta’ prodotti huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GPSR? 8

3.

Ir-responsabbiltajiet tiegħi 8

3.1.

Operaturi ekonomiċi 9

3.1.1.

Jien manifattur: x’inhuma l-obbligi tiegħi skont il-GPSR? 9
Lista ta’ kontroll għall-manifattur 17

3.1.2.

Jien rappreżentant awtorizzat: x’inhuma l-obbligi tiegħi skont il-GPSR? 18
Lista ta’ kontroll għar-rappreżentant awtorizzat 19

3.1.3.

Jien importatur: x’inhuma l-obbligi tiegħi skont il-GPSR? 19
Lista ta’ kontroll għall-importatur 24

3.1.4.

Jien distributur: x’inhuma l-obbligi tiegħi skont il-GPSR? 25
Lista ta’ kontroll għad-distributur 27

3.1.5.

Jien fornitur ta’ servizz ta’ ġestjoni: x’inhuma l-obbligi tiegħi skont il-GPSR? 28
Lista ta’ kontroll għall-fornitur tas-servizzi ta’ ġestjoni 28

3.2.

Operatur ekonomiku li jassumi wkoll ir-rwol tal-persuna responsabbli 28
Lista ta’ kontroll għall-persuna responsabbli fl-Unjoni 30

3.3.

Il-fornituri tas-swieq online 31
Lista ta’ kontroll għall-fornituri tas-swieq online 33

3.4.

Obbligi u għodod ġenerali 34

3.4.1.

Tinforma lill-konsumaturi dwar is-sejħiet lura ta’ prodotti għal raġunijiet ta’ sikurezza u dwar it-twissijiet ta’ sikurezza 34

3.4.2.

X’tip ta’ rimedji għandi noffri lill-konsumaturi jekk nibda sejħa lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza? 36

3.4.3.

X’inhu s-Safety Business Gateway? 38

3.4.4.

Modifika sostanzjali 39

3.4.5.

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq 39

4.

Minn fejn nista’ nsib aktar informazzjoni? 39

5.

Konklużjoni 41

1.   Introduzzjoni

Mit-13 ta’ Diċembru 2024, ir-Regolament il-ġdid dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti (UE) 2023/988 (GPSR, General Product Safety Regulation)  (1) stabbilixxa qafas ġenerali ġdid għas-sikurezza tal-prodotti mhux tal-ikel għall-konsumatur fl-UE. Dan ħassar ukoll id-Direttiva preċedenti dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti (id-Direttiva 2001/95/KE) (2).

Dawn il-linji gwida, li jridu jsiru skont l-Artikolu 17(2) tal-GPSR, għandhom l-għan li jgħinu lin-negozji u b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), inklużi l-mikrointrapriżi, biex jifhmu aħjar u jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament il-ġdid. Biex tiżgura dan l-objettiv, meta kienet qed tħejji dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni kkonsultat rappreżentanti tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi fil-kuntest tal-Grupp Konsultattiv tal-SMEs tal-GPSR u rriflettiet ukoll mistoqsijiet imqajma mill-partijiet ikkonċernati dwar l-interpretazzjoni tal-GPSR matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tagħha.

L-objettiv ewlieni tal-GPSR huwa li jiżgura li fis-suq tal-Unjoni jitqiegħdu u jsiru disponibbli prodotti sikuri biss. Huwa importanti li l-konsumaturi tal-Unjoni jiġu protetti minn prodotti perikolużi, u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji.

Il-GPSR jistabbilixxi r-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali li l-operaturi ekonomiċi għandhom jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq tal-Unjoni prodotti sikuri biss. Il-GPSR jistabbilixxi sett koerenti ta’ rekwiżiti minimi għas-sikurezza tal-prodotti li n-negozji jeħtieġ li jikkonformaw magħhom sabiex jiżguraw li fis-suq tal-Unjoni jkunu qed jiċċirkolaw prodotti sikuri biss. Dan japplika għall-prodotti sakemm ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika bl-istess objettiv skont id-dritt tal-Unjoni li tirregola s-sikurezza tal-prodotti kkonċernati jew riskju assoċjat ma’ tali prodott.

L-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq jinfurzaw l-obbligi stabbiliti mill-GPSR. Dawn jivverifikaw li l-prodotti fis-suq tal-Unjoni jkunu sikuri u li n-negozji jikkonformaw mal-obbligi tagħhom. Jekk jiġi identifikat prodott perikoluż, l-Istati Membri jinformaw lil xulxin permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” tal-Unjoni, li hija ġestita mill-Kummissjoni Ewropea; il-pubbliku jiġi informat permezz tal-Portal Safety Gate (3). L-Istati Membri jistgħu wkoll jimmultaw lin-negozji li jiksru l-obbligi tagħhom skont il-GPSR.

Dawn il-linji gwida huma maħsuba purament bħala dokument ta’ gwida — it-test tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss għandu saħħa legali. Kwalunkwe qari awtorevoli tal-liġi jrid jinkiseb mit-test tal-GPSR jew minn leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni. L-interpretazzjoni vinkolanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija l-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea. L-opinjonijiet espressi f’din il-Gwida ma jistgħux jippreġudikaw il-pożizzjoni li l-Kummissjoni tista’ tieħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

L-informazzjoni f’dawn il-linji gwida hija ta’ natura ġenerali biss u ma tindirizzax speċifikament lil xi individwu jew entità partikolari.

La l-Kummissjoni Ewropea u lanqas xi persuna li taġixxi f’isem il-Kummissjoni Ewropea ma hija responsabbli għal kwalunkwe użu li jista’ jsir mill-informazzjoni li ġejja. Dawn il-linji gwida jirriflettu s-sitwazzjoni fiż-żmien tal-abbozzar. Għalhekk, il-gwida offruta tista’ tiġi mmodifikata iktar ’il quddiem.

1.1   Liema negozji huma soġġetti għall-obbligi skont il-GPSR?

In-negozji kollha involuti fil-katina tal-provvista għandhom rwol x’jaqdu biex jiżguraw is-sikurezza tal-prodotti u għalhekk għandhom obbligi korrispondenti x’jissodisfaw.

L-obbligi tal-GPSR huma rilevanti għan-negozji ta’ kull daqs (4).

B’mod ġenerali, il-GPSR jiddistingwi bejn żewġ kategoriji ewlenin ta’ negozji:

A)

L-operaturi ekonomiċi: il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur, id-distributur, il-fornitur tas-servizzi ta’ ġestjoni jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li hija soġġetta għal obbligi b’rabta mal-manifattura ta’ prodotti jew tat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq f’konformità mal-GPSR.

Il-manifattur huwa kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura prodott, jew li jkollha prodott iddiżinjat jew immanifatturat, u li tikkummerċjalizza dak il-prodott f’isem dik il-persuna jew bit-trademark tagħha;

Ir-rappreżentant awtorizzat huwa kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand manifattur biex taġixxi f’ismu b’rabta mal-kompiti speċifikati fir-rigward tal-obbligi tal-manifattur skont il-GPSR;

L-importatur huwa kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tintroduċi prodott minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

Id-distributur huwa kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina ta’ provvista, għajr il-manifattur jew l-importatur, li tqiegħed prodott fis-suq;

Il-fornitur tas-servizzi ta’ ġestjoni huwa kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li toffri mill-anqas żewġ servizzi min dawn li ġejjin waqt attività kummerċjali: il-ħżin, l-imballaġġ, l-indirizzar jew id-dispaċċ, mingħajr ma jkollha s-sjieda tal-prodotti involuti, esklużi s-servizzi postali kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, is-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2018/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u kwalunkwe servizz postali jew servizz ta’ trasport tal-merkanzija ieħor;

Il-persuna responsabbli għall-prodotti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni (“persuna responsabbli”) hija operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni li jkun responsabbli għall-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq (ir-Regolament (UE) 2019/1020) u fil-GPSR (ara l-punt 3.2 għad-dettalji dwar dawn il-kompiti).

B)

Il-fornituri tas-swieq online

Il-fornituri tas-swieq online jipprovdu servizzi intermedjarji għal offerti ta’ kummerċjanti u konsumaturi terzi (min-negozju għall-konsumatur), permezz ta’ interfaċċa online, kif stabbilit ġeneralment skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali – “DSA”, Digital Services Act).

Skont il-GPSR, it-terminu “kummerċjant” ifisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika li taġixxi, anke permezz ta’ kwalunkwe persuna oħra li taġixxi għan-nom ta’ dik il-persuna fiżika jew ġuridika jew f’isimha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni.

Tranżazzjonijiet purament mill-konsumatur għall-konsumatur ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GPSR.

Il-kumpanija tiegħek tista’ taqa’ f’aktar minn kategorija ta’ negozju waħda, skont is-servizz li tipprovdi għal prodotti differenti. Is-servizz li toffri għal prodott partikolari jiddetermina jekk intix qed taġixxi bħala operatur ekonomiku jew bħala fornitur ta’ suq online.

Eżempju 1: Kumpanija li tbigħ prodotti mill-ġdid tista’ tkun kemm (i) distributur għall-prodotti li tkun xtrat mingħand manifattur u li tbigħ mill-ġdid fis-suq; kif ukoll (ii) manifattur għall-prodotti li tkun bidlet il-marka tagħhom u li tbigħ mill-ġdid f’isimha stess.

Eżempju 2: Fornitur ta’ suq online jista’ jitqies bħala (i) fornitur ta’ suq online għall-prodotti li għalihom jipprovdi biss servizz(i) intermedjarju/i; (ii) bħala fornitur ta’ servizzi ta’ ġestjoni għall-prodotti li għalihom jipprovdi servizz ta’ ġestjoni, u (iii) bħala manifattur għall-prodotti mibjugħa f’ismu stess.

⇨   Tgħallem x’responsabbiltajiet relatati mas-sikurezza tal-prodotti u stabbiliti mill-GPSR għandek fit-taqsimiet rilevanti ta’ dawn il-linji gwida.

Dawn il-linji gwida jispjegawlek x’inhuma l-obbligi tiegħek skont il-GPSR.

Dawn l-obbligi ilhom applikabbli mit- 13 ta’ Diċembru 2024 u jikkonċernaw il-prodotti kollha fis-suq tal-Unjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GPSR, (irrispettivament mill-post tal-produzzjoni tagħhom).

L-Istati Membri ma jistgħux jipprevjenu t-tqegħid fis-suq tal-prodotti koperti mid-Direttiva preċedenti dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (5) li huma konformi ma’ dik id-Direttiva u li ġew introdotti fis-suq qabel it-13 ta’ Diċembru 2024.

Il-GPSR ikopri varjetà wiesgħa ta’ prodotti u għalhekk ma jistabbilixxix obbligi speċifiċi skont is-settur. F’dak li jirrigwarda l-prodotti koperti minn regoli settorjali speċifiċi tal-Unjoni, il-GPSR jikkomplementa dawn ir-regoli settorjali (kif spjegat f’aktar dettall fil-punt 2.2 ta’ dawn il-linji gwida).

Ftakar li meta tipprovdi prodotti sikuri lill-konsumaturi mhux biss tkun qed tissodisfa rekwiżit legali iżda tkun qed iżżid ukoll il-fiduċja fil-kumpanija tiegħek.

1.2   X’inhu prodott sikur?

Il-GPSR jirrikjedi li l-prodotti sikuri biss jiġu introdotti fis-suq. Dan huwa dak li nsejħu r-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali.

Prodott jitqies li huwa sikur jekk, f’kundizzjonijiet normali jew raġonevolment prevedibbli ta’ użu, inkluża d-durata effettiva tal-użu, jew ma jippreżenta l-ebda riskju jew jippreżenta biss ir-riskji minimi aċċettabbli kompatibbli mal-użu tal-prodott, u b’hekk ikun konsistenti ma’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi.

F’konformità mad-definizzjoni tas-saħħa stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, din id-definizzjoni tinkludi wkoll riskji għas-saħħa mentali. Pereżempju, id-disinn u l-użu previst tal-prodott tiegħek ma għandhomx joħolqu riskji għall-kapaċitajiet konjittivi tal-konsumaturi jew jikkawżaw depressjoni, ansjetà jew kwalità ħażina tal-irqad.

Kwalunkwe riskju ambjentali jrid jitqies ukoll, dment li dan ikun jinvolvi riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi.

Sabiex jissodisfa r-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali, il-prodott irid għalhekk ikun soġġett għal valutazzjoni tar-riskji potenzjali li jista’ joħloq għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi (valutazzjoni tar-riskju), filwaqt li jitqiesu l-aspetti rilevanti kollha tal-prodott, u jkun imfassal biex jindirizza dawk ir-riskji.

Prodott ikun preżunt li huwa sikur jekk, għal kull wieħed mir-riskji għas-sikurezza li jista’ joħloq, jikkonforma mal-istandards Ewropej applikabbli rilevanti li r-referenza għalihom tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6) jew, fin-nuqqas ta’ tali standards, mar-rekwiżiti nazzjonali tas-saħħa u s-sikurezza li jinsabu fil-liġi tal-Istat Membru fejn jitqiegħed fis-suq. Fi kliem ieħor, tali prodotti jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali (7).

X’inhuma l-istandards Ewropej u kif tista’ tużahom?

F’xi oqsma u għal ċerti prodotti, il-Kummissjoni Ewropea titlob lil waħda mill-organizzazzjonijiet uffiċjali tal-istandardizzazzjoni, (CEN, CENELEC u ETSI), biex tiżviluppa standards li jinkorporaw u jittrasformaw ir-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali li jinsab fil-GPSR f’normi tekniċi. Ir-referenzi għal dawn l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn l-istandards jagħtu preżunzjoni ta’ konformità ma’ dan ir-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali lill-prodotti li jkunu ġew żviluppati skont dawn l-istandards għar-riskji koperti minn dawn l-istandards. Lista tal-istandards li jappoġġaw il-GPSR hija disponibbli għall-pubbliku u tiġi aġġornata b’mod regolari (8). L-istandards Ewropej, li r-referenzi għalihom ikunu ġew ippubblikati f’konformità mad-Direttiva 2001/95/KE, jibqgħu jipprovdu preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali stipulat fil-GPSR. Dawn l-istandards Ewropej jinstabu fil-katalogu tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-istandardizzazzjoni.

Għalkemm dawn l-istandards ma humiex legalment vinkolanti, l-operaturi ekonomiċi huma mħeġġa jużaw dawn l-istandards meta jkunu jeżistu. Dan għaliex il-konformità ma’ dawn l-istandards tipprovdi mod sempliċi lill-operaturi ekonomiċi biex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li fis-suq tal-Unjoni jintroduċu biss prodotti sikuri. L-istandards Ewropej tabilħaqq jistabbilixxu b’mod ċar ir-rekwiżiti tekniċi u l-metodi ta’ ttestjar li jgħinu biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-prodotti.

Peress li l-istandards tekniċi ma humiex obbligatorji, il-manifatturi dejjem jistgħu jużaw metodi interni oħra biex juru s-sikurezza tal-prodotti tagħhom. Madankollu, dawk il-prodotti ma jibbenefikawx minn preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali, u tkun ir-responsabbiltà tal-manifattur li juri b’mod preċiż kif ir-riskji għas-sikurezza identifikati ġew indirizzati (eliminati jew imtaffija). L-użu tal-istandards Ewropej għalhekk jagħmel il-konformità aktar faċli għan-negozji fir-rigward tal-aspetti koperti minn dawk l-istandards.

Jista’ jiġri wkoll li ma jkun hemm l-ebda standard għal prodott partikolari. Imbagħad l-operaturi ekonomiċi għandhom jirrikorru għal mezzi oħra biex jiżguraw u juru li l-prodotti tagħhom ikunu sikuri. Tista’ ssib aktar informazzjoni prattika dwar dan fit-taqsima 3.1.1.

X’jinvolvi l-prinċipju ta’ prekawzjoni għalik?

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jirrikjedi li jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni meta jkun hemm dubji raġonevoli dwar is-sikurezza tal-impatt ta’ prodott fuq is-saħħa tal-bniedem.

Il-Kapitolu I tal-GPSR jagħmel referenza prominenti għall-prinċipju ta’ prekawzjoni, billi jenfasizza li l-atturi kollha li huma soġġetti għall-obbligi tal-GPSR iridu jqisu kif xieraq il-prinċipju ta’ prekawzjoni meta jimplimentaw dawn l-obbligi.

Dan ifisser li n-negozji kollha (l-operaturi ekonomiċi jew il-fornituri tas-swieq online) iridu jqisu kif xieraq il-prinċipju ta’ prekawzjoni meta jissodisfaw l-obbligi rilevanti tagħhom skont il-GPSR.

Eżempju: jekk inti manifattur, għandek tqis kif xieraq il-prinċipju ta’ prekawzjoni meta twettaq l-analiżi tar-riskju interna tiegħek u tfassal id-dokumentazzjoni teknika dwar il-prodott tiegħek, jew meta jkollok bżonn tieħu miżuri korrettivi jew tirrapporta kwalunkwe indikazzjoni li l-prodott tiegħek huwa perikoluż. Jekk tqis il-prinċipju ta’ prekawzjoni diġà mill-istadju tad-disinn, inti tkun tista’ tiżgura li l-prodotti tiegħek ikunu sikuri sa mid-disinn.

Fil-qosor, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi kollha jipprevjenu b’mod proattiv il-perikli għas-saħħa tal-bniedem, u jipprevedu, kemm jista’ jkun, liema perikli jista’ joħloq prodott.

2.   X’inhu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-GPSR?

2.1.   Liema tipi ta’ prodotti u mezzi ta’ bejgħ huma koperti mill-GPSR?

Il-prodotti koperti

Il-GPSR ikopri l-prodotti għall-konsumatur.

Madankollu, il-prodotti li inizjalment ikunu ġew iddisinjati b’mod esklużiv għall-użu professjonali, iżda wara jemigraw għas-suq tal-konsumatur, għandhom ikunu wkoll soġġetti għall-GPSR għaliex jistgħu joħolqu riskji għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi meta jintużaw f’kundizzjonijiet raġonevolment prevedibbli. Il-prodotti tipiċi ta’ rinnovazzjoni u ta’ kostruzzjoni mibjugħa fil-ħwienet tad-DIY (Do-It-Yourself) li jbigħu direttament lill-konsumaturi ordinarji, huma eżempju wieħed.

Id-definizzjoni ta’ prodott tal-GPSR hija wiesgħa biżżejjed biex tkopri “kwalunkwe oġġett” , kemm jekk tanġibbli jew intanġibbli kif ukoll jekk ikun taħlita tat-tnejn. Din tinkludi applikazzjonijiet u prodotti tas-software, bħal pereżempju ċ-chatbots, u tistabbilixxi rekwiżiti għas-sikurezza tagħhom. Din id-definizzjoni tippermetti wkoll li l-qafas tal-GPSR jintuża għal prodotti li jistgħu jitfaċċaw fis-swieq tal-konsumatur tal-Unjoni fil-futur.

Il-GPSR japplika għal prodotti introdotti jew imqiegħda fis-suq kemm jekk ikunu ġodda, użati, imsewwija jew rikondizzjonati. Għalhekk, l-obbligi tal-GPSR japplikaw bis-sħiħ għall-prodotti użati, rinnovati u rikundizzjonati, inklużi l-prodotti msewwija meta jiġu introdotti jew imqiegħda fis-suq minn operatur ekonomiku (iżda mhux prodotti msewwija mill-konsumaturi nfushom). Ma japplikawx għall-prodotti li jkunu jridu jissewwew jew jiġu rikondizzjonati qabel jintużaw, jekk dawk il-prodotti jiġu introdotti jew imqiegħda fis-suq u jkunu mmarkati b’mod ċar bħala tali.

L-obbligi tal-GPSR japplikaw għall-prodotti introdotti jew imqiegħda fis-suq mit-13 ta’ Diċembru 2024 , u għal kwalunkwe offerta ta’ prodotti magħmula f’dik id-data jew wara. F’dan il-kuntest, il-prodotti koperti mid-Direttiva preċedenti dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti li huma konformi ma’ dik id-Direttiva u li ġew introdotti fis-suq qabel it-13 ta’ Diċembru 2024 jistgħu jitqiegħdu fis-suq anke wara t-13 ta’ Diċembru 2024.

Dan ifisser li, pereżempju, ir-rekwiżiti l-ġodda biex ċerta informazzjoni dwar it-traċċabbiltà u s-sikurezza tal-prodott titwaħħal mal-prodott, jew mal-imballaġġ tiegħu, skont il-GPSR ma japplikawx għal prodotti li ġew introdotti fis-suq qabel it-13 ta’ Diċembru 2024.

Jekk jogħġbok ftakar li l-introduzzjoni fis-suq tfisser l-ewwel darba li prodott jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni. Dan jeħtieġ li jiġi ddeterminat fil-livell ta’ kull unità speċifika tal-prodott.

Il-mezzi tal-bejgħ koperti

Il-GPSR jiżgura li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal prodotti sikuri irrispettivament mill-mezz tal-bejgħ li jagħżlu. Għalhekk, il-GPSR ikopri s-sikurezza tal-prodott għat-tipi kollha ta’ mezzi tal-bejgħ, inkluż il-bejgħ online u tipi oħra ta’ bejgħ mill-bogħod. Il-GPSR jiżgura wkoll li l-konsumaturi jkollhom aċċess għall-istess informazzjoni dwar il-prodott u s-sikurezza meta jixtru prodott online jew permezz ta’ tipi oħra ta’ bejgħ mill-bogħod, bħalma jkollhom f’ħanut fiżiku.

Il-prodotti offruti għall-bejgħ online jew permezz ta’ mezzi oħra ta’ bejgħ mill-bogħod, jitqiesu bħala mqiegħda fis-suq jekk l-offerta tkun immirata lejn il-konsumaturi fl-UE. Offerta għall-bejgħ titqies, wara analiżi każ b’każ, li tkun immirata lejn il-konsumaturi fl-UE, jekk l-operatur ekonomiku rilevanti jimmira l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar. Il-fatturi rilevanti li għandhom jitqiesu għall-analiżi każ b’każ jinkludu (9):

iż-żoni ġeografiċi li jkun jista’ jsir dispaċċ lejhom,

il-lingwi disponibbli, użati għall-offerta jew għall-ordni,

il-mezz ta’ pagament u,

l-użu tal-munita tal-Istat Membru jew isem tad-dominju rreġistrat f’wieħed mill-Istati Membri.

2.2.   Ir-rabta mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni

Il-GPSR jikkomplementa l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni  (10) u b’hekk jipprovdi xibka ta’ sikurezza għall-prodotti kollha introdotti jew imqiegħda fis-swieq tal-UE.

Il-GPSR japplika għall-prodotti li jiġu introdotti jew li jitqiegħdu fis-suq sa fejn ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika bl-istess objettiv skont id-dritt tal-Unjoni li tirregola s-sikurezza tal-prodotti kkonċernati.

Meta l-prodotti jkunu soġġetti għal rekwiżiti tas-sikurezza speċifiċi imposti mid-dritt tal-Unjoni, il-GPSR japplika biss għal dawk l-aspetti, ir-riskji jew il-kategoriji ta’ riskji li ma jkunux koperti minn dawk ir-rekwiżiti.

Eżempju: Pereżempju, il-GPSR japplika bis-sħiħ għal, fost l-oħrajn, oġġetti għall-kura tat-tfal, tagħmir tal-ġinnastika u għamara, peress li dawn il-kategoriji ta’ prodotti mhumiex soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi imposti minn leġiżlazzjoni oħra tal-UE. Fil-każ ta’ apparat b’vultaġġ baxx, il-GPSR xorta japplika għal xi aspetti ġodda relatati mat-teknoloġija, bħall-kapaċitajiet ta’ awtotagħlim, jekk dawn ma jkunux koperti mid-Direttiva tal-Unjoni dwar il-Vultaġġ Baxx (LVD, Low Voltage Directive)  (11) . Bl-istess mod, il-GPSR ikopri r-riskji għas-sikurezza ta’ prodotti tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) ta’ riskju baxx. Barra minn hekk, l-obbligi tal-GPSR għall-fornituri tas-swieq online japplikaw ukoll għall-prodotti soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni.

Fir-rigward ta’ prodotti li diġà huma soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi imposti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni:

Il-Kapitoli li ġejjin huma applikabbli skont il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq:

Il-Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali;

Il-Kapitolu II – Rekwiżiti tas-sikurezza: dan il-kapitolu japplika biss għar-riskji jew għall-kategoriji ta’ riskji mhux koperti mil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni

Il-Kapitolu III, it-Taqsima 2 – Obbligi tal-operaturi ekonomiċi rigward il-bejgħ mill-bogħod, ir-rapportar dwar inċidenti relatati mal-prodotti, u d-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni f’format elettroniku;

Il-Kapitolu IV – fornituri tas-swieq online;

Il-Kapitolu VI – Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” u Safety Business Gateway;

Il-Kapitolu VIII – dritt għall-informazzjoni u għal rimedju.

Il-kapitoli li ġejjin ma japplikawx:

Il-Kapitolu III, it-Taqsima 1 (il-parti tal-obbligi għall-operaturi ekonomiċi li ma humiex imsemmija fil-paragrafu ta’ hawn fuq);

Il-Kapitolu V (Sorveljanza tas-suq u implimentazzjoni);

Il-Kapitolu VII (Rwol tal-Kummissjoni u koordinazzjoni tal-infurzar); u

Il-Kapitoli IX sa XI (Kooperazzjoni Internazzjonali, Dispożizzjonijiet finanzjarji, Dispożizzjonijiet finali).

Il-GPSR huwa interkonness mar-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq (12) fis-sens li diversi dispożizzjonijiet minn dak ir-Regolament, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-setgħat tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, japplikaw ukoll għas-sorveljanza tal-prodotti koperti mill-GPSR (13). Barra minn hekk, il-GPSR naturalment għandu wkoll konnessjonijiet qawwija ma’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni li tikkonċerna l-kontenut illegali online, fosthom l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (14).

2.3.   X’tip ta’ prodotti huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GPSR?

Il-prodotti u gruppi ta’ prodotti li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GPSR:

a)

prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew veterinarju;

b)

ikel;

c)

għalf;

d)

pjanti u annimali ħajjin, organiżmi ġenetikament modifikati u mikroorganiżmi ġenetikament modifikati f’użu fil-magħluq, kif ukoll prodotti ta’ pjanti jew annimali relatati direttament mar-riproduzzjoni futura tagħhom;

e)

prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti dderivati;

f)

prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

g)

tagħmir li jirkbu jew jivvjaġġaw fuqu l-konsumaturi, fejn tali tagħmir jitħaddem direttament minn fornitur tas-servizz fil-kuntest ta’ servizzi ta’ trasport u ma jkunx imħaddem mill-konsumaturi nfushom;

h)

l-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 2(3)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1139; u

i)

antikitajiet (jiġifieri prodotti, bħal oġġetti għall-kollezzjoni jew opri tal-arti li fir-rigward tagħhom il-konsumaturi ma jistgħux raġonevolment jistennew li jkun hemm konformità mal-istandards tas-sikurezza l-aktar avvanzati).

Barra minn hekk, il-GPSR ma japplikax għal prodotti li jridu jissewwew jew jiġu rikondizzjonati qabel jintużaw, jekk dawk il-prodotti jiġu introdotti jew imqiegħda fis-suq u jkunu mmarkati b’mod ċar bħala tali. Madankollu, il-GPSR japplika għal prodotti użati, imsewwija, rinnovati jew rikondizzjonati introdotti jew imqiegħda fis-suq bħala tali.

Is-servizzi ma humiex koperti mill-GPSR, iżda l-prodotti pprovduti lill-konsumaturi fil-kuntest ta’ servizz huma koperti mill-GPSR. Pereżempju:

Prodotti fornuti lill-konsumaturi li jintużaw barra mill-bini ta’ fornitur ta’ servizz, (pereż. roti mikrija);

Prodotti użati fil-bini ta’ fornitur ta’ servizz, jekk il-konsumaturi nfushom iħaddmu prodott b’mod attiv, (pereż., magni tal-fitness f’ċentri tal-fitness);

Prodotti użati direttament mill-konsumaturi waqt is-servizz ipprovdut, u dan anke jekk dan l-użu jkun passiv (pereż. dawk il-prodotti jkunu qed jiġu applikati fuq il-konsumaturi mill-fornituri tas-servizzi, bħall-prodotti kożmetiċi użati fis-salons tas-sbuħija jew il-linka tat-tatwaġġi użata fil-ħwienet tat-tatwaġġi).

3.   Ir-responsabbiltajiet tiegħi

Biex tifhem x’inhuma r-responsabbiltajiet tiegħek skont il-GPSR, l-ewwel trid tiddetermina xi rwol qed taqdi għall-prodotti li timmaniġġja.

Skont mudelli kummerċjali kumplessi ġodda u emerġenti, l-istess entità ta’ negozju tista’ tipprovdi varjetà ta’ servizzi.

Skont in-natura tas-servizzi li qed tipprovdi għal prodott partikolari, tista’ taqa’ taħt waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ negozji li ġejjin skont il-GPSR għal dak il-prodott partikolari (15):

jekk inti, bħala negozju, tipprovdi biss servizzi ta’ intermedjazzjoni online għal prodott partikolari, (pereż., billi tippermetti li offerti ta’ partijiet terzi jiġu elenkati fl-interfaċċa tiegħek), allura għall-bejgħ ta’ dak il-prodott speċifiku inti tikkwalifika bħala fornitur ta’ suq online u għalhekk jeħtieġlek tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Kapitolu IV tal-GPSR u mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-GPSR li jindirizzaw speċifikament lill-fornituri tas-swieq online.

jekk taġixxi wkoll bħala operatur ekonomiku għal prodott(i) ieħor/oħrajn (pereż. billi toffri l-prodotti tal-marka tiegħek stess, taġixxi bħala distributur jew importatur jew billi tipprovdi servizzi ta’ ġestjoni), hawnhekk jeħtieġlek tikkonforma mal-obbligi rilevanti tal-Kapitolu III tal-GPSR u mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-GPSR li jindirizzaw lill-operaturi ekonomiċi, b’mod ġenerali jew speċifiku.

Eżempju: Kumpanija tipprovdi suq online. Jekk din il-kumpanija toffri prodott tal-marka tagħha stess fuq din l-interfaċċa online, din titqies bħala operatur ekonomiku (manifattur) għal dawn il-prodotti, anke jekk il-kumpanija ma tkunx ipproduċietu hija stess.

jekk tikkwalifika bħala persuna responsabbli jew tipprovdi servizzi bħala tali (pereż., billi taġixxi bħala r-rappreżentant awtorizzat ta’ manifattur ta’ pajjiż terz jew bħala fornitur ta’ servizz ta’ ġestjoni), trid tikkonforma mal-obbligi tal-persuna responsabbli (ara l-punt 3.2 għal aktar dettalji dwar il-persuna responsabbli).

Huwa rakkomandat ħafna li tanalizza bir-reqqa s-servizzi li toffri għall-prodotti li qed timmaniġġja sabiex tiddetermina f’liema kategorija jew kategoriji ta’ negozju taqa’ għal prodott partikolari. Ftakar li tista’ taqa’ f’kategoriji differenti ta’ negozju għal prodotti differenti u għalhekk jista’ jkollok bżonn tikkonforma ma’ settijiet differenti ta’ obbligi b’mod parallel.

Ir-responsabbiltajiet deskritti hawn taħt huma mingħajr preġudizzju u addizzjonali għall-obbligi tiegħek speċifikati skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni jew leġiżlazzjoni oħra tal-UE.

3.1.   Operaturi ekonomiċi

3.1.1.   Jien manifattur: x’inhuma l-obbligi tiegħi skont il-GPSR?

Min huwa manifattur?

Il-GPSR jiddefinixxi manifattur bħala kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura prodott, jew li għandha prodott iddisinjat jew immanifatturat, u li tikkummerċjalizza dak il-prodott f’isem dik il-persuna jew bit-trademark tagħha.

L-ewwel, il-manifattur irid ikun jew immanifattura l-prodott, jew kellu prodott iddisinjat jew immanifatturat f’ismu. It-tieni, irid jikkumerċjalizza l-prodott f’ismu jew bit-trademark tiegħu.

Għalhekk, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jitqiesu bħala manifatturi jekk jikkummerċjalizzaw il-prodott f’isimhom (anke jekk ma jkunux ipproduċew il-prodott huma stess); barra minn hekk, jitqiesu manifatturi wkoll jekk jimmodifikaw b’mod sostanzjali l-prodott manifatturat minn persuna oħra u jekk jintroduċuh huma nfushom fis-suq.

Eżempju: Il-kumpanija A tixtri maggijiet minn kumpanija oħra B li pproduċiethom. Il-kumpanija A timmarkahom bil-logo tagħha u tbiegħhom lill-konsumaturi. Il-kumpanija A ssir il-manifattur ta’ dawn il-maggijiet u hija soġġetta għall-obbligi tal-manifattur skont il-GPSR.

Bħala manifattur, int ikollok l-aktar rwol importanti fis-sikurezza tal-prodott peress li tkun involut mill-istadju tad-disinn tal-prodott ’il quddiem.

L-obbligu ġenerali tiegħek huwa li tiżgura li l-prodotti li tintroduċi fis-suq ikunu ġew iddisinjati u mmanifatturati b’tali mod li jkunu sikuri.

Kif tiddisinja prodotti sikuri? L-importanza tal-analiżi tar-riskju interna

Int għandek obbligu li tintroduċi jew tqiegħed fis-suq biss prodotti li huma sikuri sa mid-disinn. Għal dan il-għan, jeħtieġlek twettaq analiżi tar-riskju interna, li tfisser valutazzjoni tar-riskju xierqa tal-prodott.

Jeħtieġlek tqis għadd ta’ elementi meta tivvaluta s-sikurezza ta’ prodott. Il-GPSR jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ elementi li jeħtieġ li jitqiesu meta jiġi analizzat ir-riskju potenzjali ta’ prodott partikolari.

L-ewwel jeħtieġlek tqis il-karatteristiċi tal-prodott. Dawn jinkludu d-disinn, il-karatteristiċi tekniċi, il-kompożizzjoni, l-imballaġġ u l-istruzzjonijiet tiegħu.

Jekk il-prodott tiegħek jista’ jintuża ma’ prodotti oħra, jeħtieġ ukoll li tqis l-effett tal-prodott tiegħek fuq dawn il-prodotti l-oħra u l-effett li prodotti oħra jista’ jkollhom fuq il-prodott tiegħek. Pereżempju, software, jew l-aġġornament tiegħu, jista’ jwassal biex l-apparat jisħon iżżejjed minħabba li l-proċessur tiegħu jkollu jaħdem iżjed.

Ikun jeħtieġlek tikkunsidra wkoll kif tippreżenta l-prodott tiegħek u liema informazzjoni dwar is-sigurtà, tikketta, twissija u struzzjonijiet għall-użu sikur u r-rimi tiegħu jeħtieġ li twaħħal fuq il-prodott tiegħek jew fuq l-imballaġġ tiegħu. Pereżempju, skont in-natura tal-prodott, jista’ jkollok bżonn tindika fuq it-tikketta l-etajiet tat-tfal li għalihom ikun adattat il-prodott, kif ukoll iżżid kwalunkwe twissija u struzzjoni xierqa.

Jeħtieġ ukoll li żżomm f’moħħok il-kategoriji ta’ konsumaturi li jużaw il-prodott tiegħek. Jeħtieġ li toqgħod partikolarment attent għar-riskji potenzjali li l-prodotti tiegħek jistgħu joħolqu għall-konsumaturi f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà (pereż., tfal, anzjani, persuni b’diżabilità…) u tqis karatteristiċi bħall-ġeneru tal-utent.

Eżempju: Skont in-natura tal-prodott, jista’ jkollok bżonn tikkunsidra li n-nisa normalment ikollhom statura iżgħar minn tal-irġiel, b’tali mod li r-riskji potenzjali tal-prodott iridu jqisu daqsijiet differenti possibbli tal-ġisem.

Barra minn hekk, jeħtieġ li tqis id-dehra tal-prodott tiegħek, speċjalment meta aktarx ifixkel lill-konsumaturi. Dan jikkonċerna prinċipalment:

Prodotti li jimitaw l-ikel: jeħtieġlek tivvaluta jekk il-prodott tiegħek jidhirx qisu ikel u jistax iwassal biex il-konsumaturi jdaħħluh f’ħalqhom. Eżempji jinkludu oġġetti dekorattivi f’għamla ta’ frott, jew sapuna f’għamla ta’ cupcake, u li minnhom jistgħu jinqalgħu biċċiet żgħar jekk jingidmu.

Prodotti li jattiraw lit-tfal: jeħtieġlek tivvaluta jekk il-prodott tiegħek, anke jekk mhux maħsub għat-tfal, huwiex aktarx li jattira l-attenzjoni tagħhom u għalhekk jintuża minnhom. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ batterija jew ta’ deterġent dekorat b’karattri animati.

Skont in-natura tal-prodott tiegħek, ikollok tqis ukoll il-karatteristiċi taċ-ċibersigurtà meħtieġa biex tipproteġih kontra influwenzi esterni u l-funzjonalitajiet tiegħu ta’ evoluzzjoni, apprendiment u previżjoni.

Kif huwa spjegat fit-tieni taqsima ta’ dawn il-linji gwida, il-prodott tiegħek ikun preżunt li huwa sikur jekk jikkonforma ma’ (i) l-istandards Ewropej rilevanti, li r-referenzi għalihom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għar-riskji koperti minn dawn l-istandards jew fin-nuqqas tagħhom, (ii) ir-rekwiżiti nazzjonali rilevanti tal-Istat Membru li fih il-prodott tiegħek se jiġi introdott jew se jsir disponibbli fis-suq.

Madankollu, jekk il-prodott tiegħek ma jkunx jibbenefika minn tali preżunzjoni ta’ sikurezza, jew għar-riskji mhux koperti minn dawn l-istandards, għandek twettaq valutazzjoni sħiħa tar-riskji potenzjali tiegħu u tal-modi kif tista’ teliminahom jew tnaqqashom.

F’dan il-każ, sabiex tivvaluta r-riskji tal-prodott tiegħek, ikun jeħtieġ li tqis għadd ta’ elementi addizzjonali, jekk disponibbli:

a)

Standards Ewropej oħra;

b)

Standards internazzjonali;

c)

Ftehimiet internazzjonali;

d)

Skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja jew oqfsa simili ta’ valutazzjoni tal-konformità ta’ partijiet terzi;

e)

Rakkomandazzjonijiet u linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tas-sikurezza tal-prodotti;

f)

Standards nazzjonali mfassla fl-Istat Membru li fih il-prodott jitqiegħed fis-suq;

g)

L-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u t-teknoloġija;

h)

Kodiċijiet ta’ prattika tajba fis-seħħ għas-sikurezza tal-prodotti fis-settur inkwistjoni;

i)

L-aspettattivi raġonevoli tal-konsumatur fir-rigward tas-sikurezza; u

j)

Ir-rekwiżiti tas-sikurezza, adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li huma maħsuba li jkunu koperti minn standards Ewropej biex jiżguraw li l-prodott ikun sikur.

Meta għandi nabbozza d-dokumentazzjoni teknika? Liema informazzjoni għandi ninkludi fid-dokumentazzjoni teknika  (16) ?

Qabel ma tintroduċi l-prodott fis-suq, jeħtieġlek twettaq analiżi tar-riskju interna kif imsemmi aktar ’il fuq u jeħtieġlek tfassal dokumentazzjoni teknika biex tiddokumentaha. (17)

Id-dokumentazzjoni teknika għandha titħejja għal kull prodott (prodott mudell), mhux għall-unitajiet individwali tiegħu. Madankollu, jekk l-unitajiet individwali ta’ prodott (prodott mudell) jiġu prodotti b’karatteristiċi differenti li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza tagħhom (pereż., kulur differenti, kompożizzjoni differenti, funzjonalitajiet differenti), dan jagħmilhom prodotti speċifiċi u tkun meħtieġa dokumentazzjoni teknika speċifika għal kull wieħed minnhom (18).

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi l-analiżi tar-riskju tal-prodott u tenfasizza r-riskji possibbli kollha identifikati tal-prodott, irrispettivament mil-livell ta’ riskju tagħhom.

L-ammont ta’ informazzjoni u l-livell tad-dettalji li għandhom jiġu pprovduti fid-dokumentazzjoni teknika għandhom ikunu proporzjonati għall-kumplessità tal-prodott u għar-riskji possibbli identifikati mill-manifattur.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi:

Deskrizzjoni ġenerali tal-prodott;

Il-karatteristiċi essenzjali tal-prodott li huma rilevanti għall-valutazzjoni tas-sikurezza tiegħu (pereż., il-komponenti kimiċi tiegħu, eċċ.); u

Fejn xieraq fir-rigward tar-riskji possibbli relatati mal-prodott:

Analiżi tar-riskji possibbli relatati mal-prodott u s-soluzzjonijiet adottati biex jitneħħew jew jitnaqqsu tali riskji (dan jista’ jinkludi l-eżitu ta’ rapporti tat-testijiet);

Lista ta’ standards Ewropej rilevanti applikati (jekk dawn jiġu applikati parzjalment biss, speċifika l-partijiet li ġew applikati);

Fin-nuqqas ta’ standards Ewropej rilevanti, lista ta’ rekwiżiti nazzjonali relatati mas-sikurezza tal-prodott, fejn disponibbli; jew

Elementi/metodi oħrajn użati għall-valutazzjoni tas-sikurezza/għat-tnaqqis tar-riskji tal-prodotti.

Id-dokumentazzjoni teknika tista’ tkun f’format elettroniku kif ukoll f’forma ta’ fajl magħmul minn dokumenti differenti.

Għandek iżżomm id-dokumentazzjoni teknika aġġornata u għal 10 snin wara li l-prodott ikun ġie introdott fis-suq.

Hawn taħt għandek issib mudell li jista’ jgħinek fl-abbozzar u fl-organizzazzjoni tad-dokumentazzjoni teknika tiegħek. Dan il-mudell ma huwiex obbligatorju.

Dokumentazzjoni teknika – mudell

1.

Identifikazzjoni tal-prodott:

Marka:

L-isem tal-prodott:

Numru tat-tip/tal-lott/tas-serje tal-mudell jew element ta’ identifikazzjoni ieħor:

Deskrizzjoni tal-prodott:

Stampa tal-prodott:

Deskrizzjoni tal-imballaġġ:

Stampa tal-imballaġġ:

2.

Karatteristiċi u kompożizzjoni tal-prodott:

Karatteristiċi:

Materjal:

Kompożizzjoni:

3.

Analiżi tar-riskju u miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju

Għandek tiddeskrivi separatament kull riskju potenzjali identifikat u l-miżuri li tkun ħadt biex tnaqqas jew telimina dan ir-riskju jew id-dispożizzjonijiet tal-preżunzjoni ta’ konformità (pereż., l-użu ta’ standards tal-UE).

Riskju potenzjali 1:

Deskrizzjoni tar-riskju potenzjali:

Miżuri biex jiġi indirizzat dan ir-riskju potenzjali:

Pereż., Is-sustanzi kollha użati fil-prodott u fl-imballaġġ jikkonformaw ma’ […]

Il-[…] jikkonforma mal-istandard Ewropew […] –

It-twissijiet u l-istruzzjonijiet dwar l-użu pprovduti mal-prodott jikkonformaw mal-istandard Ewropew […]

Riskju potenzjali 2:

Deskrizzjoni tar-riskju potenzjali:

Miżuri biex jiġi indirizzat dan ir-riskju potenzjali:

[...]

Liema informazzjoni għandi nipprovdi dwar il-prodott jew miegħu meta nintroduċi prodott fis-suq?

Informazzjoni li jeħtieġ li tipprovdi:

A)

In-numru tat-tip, tal-lott jew tas-serje jew element ieħor li jippermetti l-identifikazzjoni tiegħu (pereż., il-barcode)

B)

Ismek bħala manifattur

C)

L-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tiegħek

D)

L-indirizz postali u elettroniku tiegħek u, jekk ikun differenti, l-indirizz postali jew l-indirizz elettroniku tal-punt uniku ta’ kuntatt li permezz tiegħu l-konsumaturi jistgħu jikkuntattjawk

E)

L-isem jew it-trademark irreġistrata, u d-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz postali u elettroniku tal-persuna responsabbli fl-UE għal dan il-prodott

Kif għandha tintwera l-informazzjoni elenkata fil-punti A sa E?

Jeħtieġ li tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jaraw u jaqraw din l-informazzjoni faċilment. Din għandha titqiegħed fuq il-prodott jew, meta dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott. Id-deċiżjoni ta’ fejn għandha tidher din l-informazzjoni hija f’idejk, fil-qafas ipprovdut. Għalhekk, għandek tkun kapaċi wkoll tiġġustifika l-għażla tiegħek f’każ ta’ xi tilwima. Fil-prinċipju, id-daqs tal-prodott biss jista’ jiġġustifika li xi informazzjoni meħtieġa tiġi ttrasferita minn fuq il-prodott għal fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’xi dokumenti oħra li jakkumpanjawh (u allura, mhux raġunijiet estetiċi jew raġunijiet simili, pereżempju) (19).

Xi jfisser “indirizz elettroniku”?

Indirizz elettroniku jista’ jkun indirizz tal-posta elettronika jew taqsima ddedikata fis-sit web tiegħek li tippermetti lill-konsumaturi jikkuntattjawk direttament u faċilment. Sit web fih innifsu ma huwiex biżżejjed jekk ma jippermettix komunikazzjoni diretta miegħek.

F)

Struzzjonijiet ċari għal użu sikur

G)

Informazzjoni ċara dwar is-sikurezza

B’liema lingwa għandi nipprovdi l-informazzjoni elenkata fil-punti F u G?

Jeħtieġlek tiżgura li dawn l-istruzzjonijiet u din l-informazzjoni dwar is-sikurezza jkunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-konsumaturi. Dan jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fis-suq tiegħu tintroduċi l-prodott.

Din l-informazzjoni hija obbligatorja fil-każijiet kollha?

Le, jekk il-prodott jista’ jintuża b’mod sikur u kif kien maħsub minnek mingħajr dawn l-istruzzjonijiet u din l-informazzjoni dwar is-sikurezza, allura ma hijiex obbligatorja. Dan japplika fil-każ, pereżempju, ta’ prodotti li joħolqu riskji li huma magħrufa sew mill-konsumaturi (pereż. is-skieken).

X’inhuma l-obbligi tiegħi jekk ninsab barra mill-Unjoni?

Huwa importanti li jiġi ssottolinjat il-punt li għall-prodotti koperti mill-GPSR, tista’ biss tintroduċi prodott fis-suq tal-Unjoni jekk ikun hemm persuna responsabbli għalih stabbilita fl-Unjoni. Il-persuna responsabbli għall-prodott tista’ tkun l-importatur, ir-rappreżentant awtorizzat li jkun ingħata l-mandat tiegħek jew fornitur ta’ servizz ta’ ġestjoni. L-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna responsabbli jridu jiġu indikati wkoll fuq il-prodott (jew fuq l-imballaġġ tiegħu, il-pakkett jew dokument ta’ akkumpanjament). Dan jista’ jsir direttament minnek jew minn operatur ieħor, iżda int jeħtieġlek tiżgura li l-prodott tiegħek ma jiġix introdott fis-suq tal-Unjoni sakemm ma jiġux ipprovduti d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna responsabbli fl-Unjoni. Ara aktar informazzjoni fil-punt 3.2.

X’inhuma l-obbligi tiegħi jekk noffri prodott permezz ta’ bejgħ mill-bogħod?

Jekk tiddeċiedi li tqiegħed prodotti fis-suq online jew permezz ta’ mezzi oħra ta’ bejgħ mill-bogħod, l-offerta ta’ dawk il-prodotti (pereż., offerta ta’ prodott fil-ħanut elettroniku tiegħek) trid tindika b’mod ċar u viżibbli tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

L-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tal-manifattur, kif ukoll l-indirizz postali u elettroniku fejn dan jista’ jiġi kkuntattjat;

(b)

Meta l-manifattur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, l-isem, l-indirizz postali u elettroniku tal-persuna responsabbli fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament jew tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/1020;

(c)

Informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott, inkluża stampa tiegħu, it-tip tiegħu u kwalunkwe identifikatur ieħor tal-prodott; u

(d)

Kwalunkwe twissija jew informazzjoni dwar is-sikurezza li għandha titwaħħal mal-prodott jew mal-imballaġġ jew tiġi inkluża fid-dokument li jakkumpanjah f’konformità ma’ dan ir-Regolament jew mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi, kif determinat mill-Istat Membru li fih jitqiegħed fis-suq il-prodott.

X’inhuma l-obbligi tiegħi jekk għandi skema ta’ reġistrazzjoni fis-seħħ jew programm ta’ lealtà tal-klijent?

Il-GPSR jistabbilixxi obbligi ġodda jekk għandek (jew qed tippjana li jkollok):

skema ta’ reġistrazzjoni, li permezz tagħha l-konsumaturi jistgħu, wara li jixtru prodott, jikkomunikaw b’mod volontarju lill-manifattur xi informazzjoni bħal isimhom, l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom, in-numru tal-mudell jew tas-serje tal-prodott, u jiksbu xi benefiċċju minn dan.

programm ta’ lealtà tal-klijenti li jagħmilha possibbli li jiġu identifikati l-prodotti mixtrija mill-konsumaturi (pereż., il-klijenti jkollhom kard ta’ lealtà li tiġi skennjata meta jixtru l-prodotti, u l-istorja tax-xiri tagħhom tkun disponibbli għan-negozju li jkun stabbilixxa l-programm ta’ lealtà). Dan jeskludi l-programmi ta’ lealtà tal-klijenti li ma jippermettux l-identifikazzjoni ta’ prodotti mixtrija mill-konsumaturi, pereżempju kards ta’ lealtà li permezz tagħhom il-klijenti jistgħu jirċievu xi benefiċċji għal ċertu ammont ta’ xirjiet, iżda li għalihom ma tkun ġiet irreġistrata l-ebda data dwar liema prodotti jkunu nxtraw mill-klijent.

Iż-żewġ sistemi huma modi effiċjenti biex jiġu identifikati l-klijenti affettwati minn sejħa lura tal-prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew minn twissija ta’ sikurezza. Madankollu, il-klijenti jistgħu jagħżlu li ma jużawhomx minħabba li ma jkunux interessati fil-benefiċċji l-oħra offruti mill-iskema ta’ reġistrazzjoni jew mill-programm ta’ lealtà tal-klijenti. B’mod partikolari, jistgħu ma jkunux jixtiequ li jiġu kkuntattjati għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Skont il-GPSR, jekk għandek skema ta’ reġistrazzjoni jew programm ta’ lealtà tal-klijenti fis-seħħ, jeħtieġlek tippermetti lill-konsumaturi jagħżlu li jissieħbu fl-iskema ta’ reġistrazzjoni jew fil-programm ta’ lealtà tal-klijenti għal finijiet relatati mas-sikurezza biss.

Għalhekk, il-klijenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom biss biex jirċievu informazzjoni dwar is-sikurezza (pereż., sejħiet lura tal-prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew twissijiet ta’ sikurezza). F’dan il-każ, id-data tagħhom għandha tintuża biss biex jiġu kkuntattjati f’każ ta’ sejħa lura jew twissija ta’ sikurezza u ma għandha tiġi pproċessata għal ebda skop ieħor (bħall-kummerċjalizzazzjoni).

Wara l-introduzzjoni tal-prodott fis-suq:

Dokumentazzjoni teknika:

Għandek iżżomm id-dokumentazzjoni teknika aġġornata. Pereżempju, bidla fil-kompożizzjoni tal-prodott għandha tiġi inkluża fid-dokumentazzjoni teknika.

Għandek iżżomm dik id-dokumentazzjoni għal 10 snin wara li l-prodott ikun ġie introdott fis-suq. Jeħtieġ li tkun tista’ tipprovdi dik id-dokumentazzjoni lill-awtoritajiet meta jitolbuhielek.

Proċessi interni: għandu jkollok fis-seħħ proċeduri biex tiżgura li l-prodotti manifatturati f’serje jibqgħu sikuri kif ukoll proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti fis-seħħ li jippermettulek tikkonforma mal-obbligi tiegħek skont il-GPSR (pereż., kontrolli tal-kwalità, persunal imħarreġ dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti u infurmat dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti, l-introduzzjoni ta’ perkorsi ta’ tagħlim dwar is-sikurezza tal-prodotti, proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta tasal informazzjoni dwar aċċidenti jew ilment, eċċ.).

X’għandi nagħmel jekk tinqala’ kwistjoni ta’ sikurezza?

Jekk tqis jew ikollok raġuni biex tqis li prodott li tkun introduċejt fis-suq ikun perikoluż (pereżempju minħabba aċċident irrapportat minn konsumatur jew minn attur fil-katina tal-provvista), jeħtieġlek tieħu l-passi li ġejjin minnufih:

1)

Ħu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex timmaniġġja b’mod effettiv riskju għas-sikurezza u ġġib il-prodott f’konformità

Eżempji ta’ miżuri korrettivi li tista’ tieħu:

Issejjaħ lura l-prodott mingħand l-utenti finali (ara d-dispożizzjonijiet relatati mal-informazzjoni dwar is-sejħiet lura, l-avviżi ta’ sejħiet lura u r-rimedji fil-każ ta’ sejħa lura fil-punt 3.4.1);

Tirtira l-prodott mis-suq;

Teqred il-prodott;

Twaqqaf il-bejgħ;

Timmarka l-prodott bi twissijiet xierqa dwar ir-riskji;

Twissi lill-konsumaturi dwar ir-riskji.

Għandek timmonitorja l-effettività tal-miżura li tkun adottajt u tadattaha jekk ikun meħtieġ. Jista’ jkollok tieħu diversi miżuri differenti fl-istess ħin.

2)

Informa lill-konsumaturi dwar il-prodott(i) perikoluż(i)

Jeħtieġlek tinforma lill-konsumaturi fil-każ ta’ sejħa lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew twissija ta’ sikurezza (informazzjoni li trid tinġieb għall-attenzjoni tal-konsumaturi biex jiġi żgurat l-użu sikur ta’ prodott. Ara l-punt 3.4.1 għad-dettalji).

Tista’ tuża s-Safety Business Gateway (20) biex tallerta lill-konsumaturi u lill-awtoritajiet fl-istess ħin (l-informazzjoni pprovduta tista’ tkun differenti f’termini ta’ dettalji u ta’ teknikalità).

L-informazzjoni sottomessa permezz tas-Safety Business Gateway u maħsuba għall-pubbliku tkun magħmula disponibbli għall-konsumaturi fuq il-Portal Safety Gate.

3)

Informa lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri li fihom il-prodott tqiegħed fis-suq

Kif għandi ninforma lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq?

Jeħtieġ li tuża s-Safety Business Gateway (ara l-punt 3.4.3). Din l-għodda tippermettilek tagħżel l-Istati Membri kollha li fihom il-prodott perikoluż ikun tqiegħed fis-suq u tinforma lill-awtoritajiet minnufih u fl-istess ħin.

X’tip ta’ informazzjoni għandi nikkomunika lill-konsumaturi u lill-awtoritajiet?

Jeħtieġlek tagħti d-dettalji ta’:

ir-riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi: iddeskrivi b’mod ċar u li jinftiehem x’jista’ jiġri jekk jintuża l-prodott;

kwalunkwe miżura korrettiva li tkun diġà ttieħdet; u

jekk tkun disponibbli, il-kwantità tal-prodott li tkun għadha qed tiċċirkola fis-suq ta’ kull Stat Membru.

4)

Informa fil-ħin lill-operaturi ekonomiċi, lill-persuni responsabbli, u lill-fornituri tas-swieq online l-oħrajn fil-katina tal-provvista kkonċernati dwar kwalunkwe kwistjoni ta’ sikurezza li tkun identifikajt

Din it-trażmissjoni ta’ informazzjoni hija kruċjali biex il-kwistjoni tas-sikurezza tiġi indirizzata malajr.

Ilmenti u aċċidenti

Għandek l-obbligi li ġejjin f’dak li jirrigwarda l-ilmenti tal-konsumaturi u l-aċċidenti:

1)

Ara li jkollok mezz għall-ilmenti tal-konsumaturi

Jeħtieġ li jkollok mezz ta’ komunikazzjoni bħal numru tat-telefown, indirizz elettroniku jew taqsima ddedikata fis-sit web tiegħek li tippermetti lill-konsumaturi jressqu l-ilmenti u jinformawk bi kwalunkwe aċċident jew kwistjoni ta’ sikurezza li kellhom bi prodott. Dan il-mezz ta’ komunikazzjoni jista’ jkun l-istess bħall-punt uniku ta’ kuntatt li jkun jeħtieġlek turi fuq il-prodott (l-indirizz postali jew elettroniku tal-punt uniku ta’ kuntatt fejn tista’ tiġi kkuntattjat).

Dan għandu jqis il-ħtiġijiet ta’ aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabilità. Pereżempju, mhux l-informazzjoni kollha għandha tkun fi stampa li ma tistax tinqara b’software ta’ test għal awdjo (21).

2)

Investiga l-ilmenti

Jeħtieġ li tinvestiga l-ilmenti kollha li tirċievi mingħand konsumatur jew informazzjoni dwar aċċident li jikkonċerna s-sikurezza ta’ prodott. Jekk jidher li jkun ġustifikat, għandek tieħu miżura korrettiva.

Jekk il-konsumatur ikun irrapporta aċċident dwar is-sikurezza ta’ prodott, jeħtieġlek tirrapportah lill-awtoritajiet permezz tas-Safety Business Gateway.

Jeħtieġlek iżżomm reġistru intern ta’:

l-ilmenti tal-konsumaturi u l-informazzjoni dwar l-aċċidenti;

is-sejħiet lura tal-prodott; u

kwalunkwe miżura korrettiva meħuda biex il-prodott isir konformi.

F’dan ir-reġistru intern tal-ilmenti għandek iżżomm biss id-data personali li għandek bżonn sabiex tinvestiga l-ilment.

Tali data għandha tinżamm biss sakemm tkun meħtieġa għall-finijiet tal-investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, għandek tħassar id-data personali (pereż., l-isem u l-indirizz tal-konsumatur) mir-reġistru 5 snin wara li d-data tkun iddaħħlet fih.

3)

Tirrapporta l-aċċidenti relatati mas-sikurezza tal-prodotti

Meta tkun informat jew issir taf dwar aċċident ikkawżat minn prodott li tkun introduċejt jew qegħedt fis-suq, jeħtieġlek tinnotifika l-aċċident lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun seħħ l-aċċident mill-aktar fis possibbli permezz tas-Safety Business Gateway.

Meta tkun informat mill-importaturi jew mid-distributuri li seħħew aċċidenti bħal dawn, jeħtieġlek tinnotifika dawn l-aċċidenti lill-awtoritajiet kompetenti inti stess jew tagħti struzzjonijiet lill-importatur, jew lil wieħed mid-distributuri, biex jinnotifikahom hu.

X’jikkostitwixxi aċċident relatat mas-sikurezza tal-prodotti?

L-aċċidenti li jridu jiġu nnotifikati huma okkorrenzi assoċjati mal-użu ta’ prodott li kkawżaw il-mewt ta’ individwu jew effetti avversi serji fuq is-saħħa u s-sikurezza ta’ dak l-individwu. Dawn l-effetti jistgħu jkunu permanenti jew temporanji. Dawn jistgħu jinkludu korrimenti, ħsara oħra lill-ġisem, mard u effetti kroniċi fuq is-saħħa.

Liema għodda għandi nuża biex ninnotifika l-aċċident?

Jeħtieġ li tuża s-Safety Business Gateway (ara l-punt 3.4.3).

X’tip ta’ informazzjoni għandi ninkludi fin-notifika?

Jeħtieġ li tispeċifika:

in-numru tat-tip u ta’ identifikazzjoni tal-prodott; u

iċ-ċirkostanzi tal-aċċident, jekk ikunu magħrufa (pereżempju, l-età tal-vittma tal-aċċident jekk rilevanti, kif ukoll kif kien qed jintuża l-prodott meta seħħ l-aċċident).

Lista ta’ kontroll għall-manifattur

Sikurezza sa mid-disinn: agħmel valutazzjoni xierqa tar-riskju tal-prodott meta tkun qed tiddisinjah u elimina jew naqqas ir-riskji possibbli kollha għas-sikurezza.

Aħseb biex tuża standards Ewropej, li r-referenzi għalihom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn jeżistu. Dawn jiffaċilitaw il-konformità tiegħek.

Fassal dokumentazzjoni teknika għall-prodott tiegħek biex ikollok rekord tal-valutazzjoni interna tar-riskju tiegħek u żommha għal 10 snin.

Kun ċert li twaħħal l-informazzjoni meħtieġa mal-prodott tiegħek jew mal-imballaġġ tiegħu: indika d-dettalji tal-identifikazzjoni tal-prodott, l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħek, l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni dwar is-sikurezza jekk ikun meħtieġ.

Kun żgur li jkun hemm persuna responsabbli għall-prodott tiegħek fl-UE u li d-dettalji ta’ kuntatt tagħha u informazzjoni oħra meħtieġa jkunu indikati fuq il-prodott jew fuq l-imballaġġ, il-pakkett jew fid-dokument ta’ akkumpanjament tiegħu.

Uri l-informazzjoni meħtieġa dwar il-prodott fl-offerti ta’ bejgħ mill-bogħod:

id-dettalji tal-identifikazzjoni tal-prodott u l-istampa tiegħu,

l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħek,

l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna responsabbli għall-prodott jekk inti bħala manifattur m’intiex stabbilit fl-UE,

l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni dwar is-sikurezza jekk ikun meħtieġ.

Jekk għandek skema ta’ reġistrazzjoni jew programm ta’ lealtà tal-klijenti fis-seħħ, jeħtieġ li toffri lill-konsumaturi l-possibbiltà li jabbonaw għal skopijiet relatati mas-sikurezza biss.

Stabbilixxi proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti.

Jekk tinqala’ kwistjoni ta’ sikurezza tal-prodott:

Ħu miżuri korrettivi (għal sejħiet lura uża l-mudell tal-avviż ta’ sejħa lura u pprovdi rimedji)

Informa lill-konsumaturi

Informa lill-awtoritajiet nazzjonali permezz tas-Safety Business Gateway

Informa lil negozji oħra fil-katina tal-provvista

Ara li jkollok mezz dirett għall-ilmenti tal-konsumaturi dwar is-sikurezza tal-prodotti u investiga dawn l-ilmenti: dan jista’ jipprovdilek informazzjoni siewja dwar is-sikurezza tal-prodott tiegħek. Aħseb dwar formati aċċessibbli.

Żomm reġistru intern tal-ilmenti tal-konsumaturi, tas-sejħiet lura tal-prodotti u tal-miżuri korrettivi meħuda.

Irrapporta aċċidenti relatati mal-prodott li ssir taf bihom permezz tas-Safety Business Gateway.

Ikkoopera mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq meta mitlub.

Għal aktar dettalji, irreferi għat-taqsima 3.1.1. dwar l-obbligi tal-manifattur.

3.1.2.   Jien rappreżentant awtorizzat: x’inhuma l-obbligi tiegħi skont il-GPSR?

Min huwa rappreżentant awtorizzat?

Il-GPSR jiddefinixxi rappreżentant awtorizzat bħala kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand manifattur biex taġixxi f’ismu b’rabta mal-kompiti speċifikati fir-rigward tal-obbligi tal-manifattur skont il-GPSR.

Rappreżentant awtorizzat huwa xi ħadd li jaġixxi f’isem manifattur. Ir-rappreżentant awtorizzat (xi drabi imsejjaħ aġent jew aġenzija) irid ikollu mandat bil-miktub jew prokura mingħand il-manifattur (22). Dan il-mandat jistabbilixxi l-kompiti li għandhom jitwettqu mir-rappreżentant awtorizzat.

Rappreżentant awtorizzat mhux biss għandu jkollu l-kompetenza formali li jirrappreżenta lill-manifattur iżda jkollu wkoll il-kapaċità prattika u amministrattiva li jimmaniġġja b’mod effiċjenti l-obbligi tiegħu kif speċifikat fil-mandat mill-manifattur, kif ukoll l-obbligi tiegħu stess skont il-GPSR. Rappreżentant awtorizzat għandu probabbilment ikun jaf biżżejjed bil-lingwa/i meħtieġa biex jikkomunika mal-awtoritajiet rilevanti tas-sorveljanza tas-suq, minbarra li jkollu l-għarfien legali u fattwali meħtieġ.

Fil-mandat, il-manifattur jitolbok twettaq mill-anqas il-kompiti ewlenin li ġejjin skont il-GPSR, iżda mandat jista’ ovvjament ikopri firxa usa’ ta’ kompiti skont il-libertà kuntrattwali ġenerali tiegħek:

li tipprovdi lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex turi s-sikurezza ta’ prodott kopert mill-mandat tiegħek b’lingwa uffiċjali li tista’ tinftiehem mill-awtoritajiet rilevanti.

li tinforma lill-manifattur jekk ikun hemm raġuni biex temmen jew tissuspetta li prodott taħt il-mandat tiegħek ikun perikoluż;

li tinnotifika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti permezz ta’ notifika fis-Safety Business Gateway (ara l-parti 3.4.3) dwar kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-prodott(i) kopert(i) mill-mandat, sakemm l-informazzjoni dwar dawn ir-riskji ma jkunx diġà pprovdiha l-manifattur; u

li tikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq talba tagħhom, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati minn prodotti koperti mill-mandat.

Jeħtieġlek tipprovdi kopja ta’ dan il-mandat lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq meta jitolbuhielek.

Proċessi interni: għandu jkollok fis-seħħ proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti li jippermettulek tikkonforma mal-obbligi tiegħek skont il-GPSR (pereż. kontrolli tal-kwalità, ġestjoni tal-ilmenti, għarfien tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni permezz tat-taħriġ tal-persunal dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-introduzzjoni ta’ perkorsi ta’ tagħlim dwar is-sikurezza tal-prodotti).

Għandek tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar aspetti tas-sikurezza tal-prodotti (kif spjegat fil-punt 3.4.5).

Huwa importanti wkoll li jiġi ssottolinjat li tista’ tinħatar ukoll mill-manifattur biex twettaq il-kompiti tal-persuna responsabbli għall-prodott. F’dan il-każ, inti tkun soġġett għall-obbligi addizzjonali tal-persuna responsabbli kif spjegat fil-punt 3.2.

Lista ta’ kontroll għar-rappreżentant awtorizzat

Kun ċert li għandek mandat bil-miktub mingħand il-manifattur li jispeċifika l-kompiti li inti tintalab twettaq.

Kun ċert li għandek il-kapaċità li twettaq il-kompiti skont il-mandat kif ukoll il-kompiti l-oħra tiegħek.

Tingħata mandat tal-anqas biex:

Tagħti informazzjoni u dokumentazzjoni lill-awtoritajiet

Tinforma lill-manifattur jekk tissuspetta li l-prodott tiegħu jkun perikoluż

Tinnotifika lill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-miżuri korrettivi meħuda fir-rigward ta’ prodotti perikolużi, permezz tas-Safety Business Gateway, jekk il-manifattur ma jkunx għamel dan

Tikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta’ azzjoni kontra prodotti perikolużi meta tintalab tagħmel dan.

Ipprovdi kopja tal-mandat tiegħek meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jitolbuhielek.

Stabbilixxi proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti.

Ikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet nazzjonali.

Iċċekkja jekk intix mitlub twettaq il-kompiti tal-persuna responsabbli fl-Unjoni, jekk iva, dan jinvolvi kompiti addizzjonali għalik (ara l-parti 3.2).

Għal aktar dettalji, irreferi għat-taqsima 3.1.2. dwar l-obbligi tar-rappreżentant awtorizzat.

3.1.3.   Jien importatur: x’inhuma l-obbligi tiegħi skont il-GPSR?

Min huwa importatur?

Il-GPSR jiddefinixxi importatur bħala kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tintroduċi prodott minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni.

L-importatur dejjem ikun stabbilit fl-Unjoni.

X’għandek tagħmel qabel ma tintroduċi prodott fis-suq?

L-obbligu ġenerali tiegħek huwa li tiżgura li l-prodott jikkonforma mar-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali u li l-manifattur ikun ikkonforma mar-rekwiżiti dwar:

L-analiżi tar-riskju intern u d-dokumentazzjoni teknika (ara l-punt 3.1.1)

L-informazzjoni li għandha tiġi indikata fuq il-prodott (ara l-punt 3.1.1)

X’informazzjoni għandi nindika fuq il-prodott jew miegħu, minbarra l-informazzjoni pprovduta mill-manifattur?

Ismek, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tiegħek,

L-indirizz postali u elettroniku tiegħek u, jekk ikun differenti, l-indirizz postali jew elettroniku tal-punt uniku ta’ kuntatt fejn tista’ tiġi kkuntattjat.

Kif għandha tintwera l-informazzjoni elenkata hawn fuq?

Jeħtieġ li tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jaraw u jaqraw din l-informazzjoni faċilment. Din l-informazzjoni trid titqiegħed fuq il-prodott jew, meta dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott. Id-deċiżjoni ta’ fejn għandha tintwera din l-informazzjoni għandek tivvalutaha inti, fil-qafas ipprovdut. Għalhekk, għandek tkun kapaċi wkoll tiġġustifika l-għażla tiegħek f’każ ta’ xi tilwima. Id-daqs tal-prodott biss jista’ jiġġustifika li xi informazzjoni meħtieġa tiġi ttrasferita minn fuq il-prodott għal fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’xi dokumenti oħra li jakkumpanjawh (u allura, mhux raġunijiet estetiċi jew raġunijiet simili, pereżempju) (23).

Jeħtieġlek tiżgura li kwalunkwe tikketta addizzjonali li trid titwaħħal mal-prodott jew mal-imballaġġ ma tgħatti l-ebda informazzjoni meħtieġa mid-dritt tal-UE pprovduta mill-manifattur.

Xi jfisser “indirizz elettroniku”?

Indirizz elettroniku jista’ jkun indirizz tal-posta elettronika jew taqsima ddedikata fis-sit web tiegħek li tippermetti lill-konsumaturi jikkuntattjawk direttament. Sit web fih innifsu ma huwiex biżżejjed jekk ma jippermettix komunikazzjoni diretta miegħek.

Liema struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza jridu jiġu pprovduti mal-prodott?

Jeħtieġlek tiżgura li l-prodott li timporta jkun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni ċari dwar is-sikurezza.

B’liema lingwa/i għandi nipprovdi din l-informazzjoni?

Jeħtieġlek tiżgura li dawn l-istruzzjonijiet u din l-informazzjoni dwar is-sikurezza jkunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-konsumaturi. Dan jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fis-suq tiegħu tintroduċi l-prodott.

Din l-informazzjoni hija obbligatorja fil-każijiet kollha?

Le, jekk il-prodott jista’ jintuża b’mod sikur u kif kien maħsub minnek mingħajr dawn l-istruzzjonijiet u din l-informazzjoni dwar is-sikurezza, allura ma hijiex obbligatorja. Dan japplika fil-każ, pereżempju, ta’ prodotti li joħolqu riskji li huma magħrufa sew mill-konsumaturi (pereż., is-skieken).

X’inhuma l-obbligi tiegħi jekk noffri prodott permezz ta’ bejgħ mill-bogħod?

Jekk tiddeċiedi li tqiegħed prodotti fis-suq online jew permezz ta’ mezzi oħra ta’ bejgħ mill-bogħod, l-offerta ta’ dawk il-prodotti (pereż., offerta ta’ prodott fil-ħanut elettroniku tiegħek) trid tindika b’mod ċar u viżibbli tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

L-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tal-manifattur, kif ukoll l-indirizz postali u elettroniku fejn dan jista’ jiġi kkuntattjat;

(b)

Jekk il-manifattur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, l-isem, l-indirizz postali u elettroniku tal-persuna responsabbli fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament jew tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/1020;

(c)

Informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott, inkluża stampa tiegħu, it-tip tiegħu u kwalunkwe identifikatur ieħor tal-prodott; u

(d)

Kwalunkwe twissija jew informazzjoni dwar is-sikurezza li għandha titwaħħal mal-prodott jew mal-imballaġġ jew tiġi inkluża fid-dokument li jakkumpanjah f’konformità ma’ dan ir-Regolament jew mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi, kif determinat mill-Istat Membru li fih jitqiegħed fis-suq il-prodott.

X’inhuma l-obbligi tiegħi jekk għandi fis-seħħ programm ta’ lealtà tal-klijenti?

Il-GPSR jistabbilixxi obbligi ġodda jekk għandek (jew qed tippjana li jkollok) programm ta’ lealtà tal-klijenti li jagħmilha possibbli li jiġu identifikati l-prodotti mixtrija mill-konsumaturi (pereż., il-klijenti jkollhom kard ta’ lealtà li tiġi skennjata meta jixtru prodotti, u l-istorja tax-xirjiet tagħhom tkun disponibbli għan-negozju li jkun stabbilixxa l-programm ta’ lealtà). Dan jeskludi l-programmi ta’ lealtà tal-klijenti li ma jippermettux l-identifikazzjoni ta’ prodotti mixtrija mill-konsumaturi (pereżempju, kards ta’ lealtà li permezz tagħhom il-klijenti jistgħu jirċievu xi benefiċċji għal ċertu ammont ta’ xirjiet, iżda li għalihom ma tkun ġiet irreġistrata l-ebda data dwar liema prodotti jkunu nxtraw mill-klijent).

Dan huwa mod effiċjenti biex jiġu identifikati l-klijenti affettwati minn sejħa lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew minn twissija ta’ sikurezza. Madankollu, il-klijenti jistgħu jagħżlu li ma jużawx sistemi bħal dawn minħabba li ma jkunux interessati fil-benefiċċji l-oħra offruti mill-programm ta’ lealtà tal-klijenti, u b’mod partikolari jistgħu ma jkunux jixtiequ li jiġu kkuntattjati għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Skont il-GPSR, jekk għandek programm ta’ lealtà tal-klijenti fis-seħħ, jeħtieġ li tagħti l-possibbiltà lill-konsumaturi li jagħżlu li jieħdu sehem fil-programm ta’ lealtà tal-klijenti għal skopijiet relatati mas-sikurezza biss.

Dan ifisser li l-klijenti għandu jkollhom l-għażla li jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom biss sabiex jirċievu informazzjoni dwar is-sikurezza (pereż., sejħiet lura tal-prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew twissijiet ta’ sikurezza). F’dan il-każ, id-data tagħhom għandha tintuża biss biex jiġu kkuntattjati f’każ ta’ sejħa lura jew twissija ta’ sikurezza u ma għandha tiġi pproċessata għal ebda skop ieħor (bħall-kummerċjalizzazzjoni).

X’inhuma l-obbligi tiegħi fir-rigward tal-ħżin u t-trasport tal-prodotti?

Waqt li prodott ikun taħt ir-responsabbiltà tiegħek, inti għandek tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-ħżin jew tat-trasport:

ma jagħmluhx perikoluż (pereż., jekk il-prodott irid jinżamm f’ċerta temperatura biex jibqa’ sikur); u

ma jaffettwawx il-marki meħtieġa fuq il-prodott (ara l-punt 3.1.1).

X’inhuma l-obbligi tiegħi fir-rigward tad-dokumentazzjoni teknika?

Jeħtieġlek iżżomm kopja tad-dokumentazzjoni teknika mfassla mill-manifattur (imsemmija fil-punt 3.1.1), inklużi d-dokumenti relatati kollha, fejn rilevanti, għal 10 snin wara li tkun introduċejt il-prodott fis-suq.

Jeħtieġ li tkun tista’ tipprovdi din id-dokumentazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq meta jitolbuhielek.

Obbligi addizzjonali tal-importatur

Huwa importanti wkoll li jiġi ssottolinjat il-punt li tista’ tkun ukoll il-persuna responsabbli għall-prodott, jekk il-manifattur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni. F’dan il-każ, inti tkun soġġett għal obbligi addizzjonali kif spjegat fil-punt 3.2.

Proċessi interni: għandu jkollok fis-seħħ proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti li jippermettulek tikkonforma mal-obbligi tiegħek skont il-GPSR (pereż. kontrolli tal-kwalità, ġestjoni tal-ilmenti, għarfien tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni permezz tat-taħriġ tal-persunal dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-introduzzjoni ta’ perkorsi ta’ tagħlim dwar is-sikurezza tal-prodotti).

Għandek tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar aspetti tas-sikurezza tal-prodotti kif huwa spjegat fil-punt 3.4.5.

X’għandi nagħmel jekk tinqala’ kwistjoni bi prodott qabel ma jiġi introdott fis-suq?

Ma għandekx tintroduċi prodott fis-suq qabel ma dan ikun sar konformi jekk tqis jew ikollok raġuni biex temmen li wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin jistgħu jkunu possibbli:

prodott ikun perikoluż (pereżempju minħabba aċċident irrapportat minn konsumatur jew minn attur fil-katina tal-provvista);

prodott ma jkunx jikkonforma mal-obbligi dwar l-analiżi tar-riskju intern u d-dokumentazzjoni teknika (ara l-punt 3.1.1);

prodott ma jkunx jikkonforma mal-obbligi rigward l-informazzjoni li għandha tiġi indikata fuq il-prodott (ara l-punt 3.1.1).

Li prodott jinġieb f’konformità tista’ tfisser, pereżempju, li żżid l-informazzjoni li kienet nieqsa fuq il-prodott.

Jekk il-prodott ikun perikoluż, jeħtieġlek minnufih:

tinforma lill-manifattur b’dan;

tiżgura li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu informati b’dan il-prodott perikoluż permezz tas-Safety Business Gateway (ara l-punt 3.4.3).

X’għandi nagħmel jekk tinqala’ kwistjoni ta’ sikurezza bi prodott wara li jkun ġie introdott fis-suq?

Jekk tqis jew ikollok raġuni biex tqis li prodott li tkun introduċejt fis-suq ikun perikoluż (pereżempju, minħabba aċċident irrapportat minn konsumatur jew minn attur fil-katina tal-provvista), jeħtieġlek tieħu l-passi li ġejjin minnufih:

A)

Informa lill-manifattur bil-kwistjoni tas-sikurezza.

Din it-trażmissjoni ta’ informazzjoni hija kruċjali biex il-kwistjoni tas-sikurezza tiġi indirizzata malajr;

B)

Kun żgur li l-manifattur ikun ħa l-miżuri korrettivi meħtieġa sabiex il-prodott isir konformi b’mod effettiv.

Jekk dawn il-miżuri ma jkunux diġà ttieħdu mill-manifattur, jeħtieġlek tieħu dawn il-miżuri minnufih.

Eżempji ta’ miżuri korrettivi li tista’ tieħu:

Issejjaħ lura l-prodott mingħand l-utenti finali (ara d-dispożizzjonijiet relatati mal-informazzjoni dwar is-sejħiet lura, l-avviżi ta’ sejħiet lura u r-rimedji fil-każ ta’ sejħa lura fil-punt 3.4.1);

Tirtira l-prodott mis-suq;

Teqred il-prodott;

Twaqqaf il-bejgħ;

Timmarka l-prodott bi twissijiet xierqa dwar ir-riskji; jew

Twissi lill-konsumaturi dwar ir-riskji.

Għandek timmonitorja l-effettività tal-miżuri li tieħu u tadattahom jekk ikun meħtieġ. Jista’ jkollok tieħu diversi miżuri fl-istess ħin.

C)

Kun żgur li l-konsumaturi jkunu informati dwar il-prodott(i) perikoluż(i).

Jekk il-manifattur ikun għadu ma informax lill-konsumaturi, jeħtieġlek tagħmel dan inti stess.

Kif għandi ninforma lill-konsumaturi?

Tista’ tuża s-Safety Business Gateway biex tallerta lill-awtoritajiet u lill-konsumaturi fl-istess ħin (iżda l-informazzjoni pprovduta tista’ tkun differenti f’termini ta’ dettalji u ta’ teknikalità). L-informazzjoni sottomessa permezz tas-Safety Business Gateway u maħsuba għall-pubbliku tkun magħmula disponibbli għall-konsumaturi fuq il-Portal Safety Gate.

Kif tinforma lill-konsumaturi dwar sejħiet lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza u dwar twissijiet ta’ sikurezza:

Jekk il-manifattur ma jkunx diġà għamel dan, jeħtieġlek tinforma lill-konsumaturi inti stess dwar is-sejħiet lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew dwar it-twissijiet ta’ sikurezza, biex tiżgura l-użu sikur ta’ prodott (ara d-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-punt 3.4.1)

D)

Informa lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri li fihom il-prodott tqiegħed fis-suq.

Kif għandi ninforma lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq?

Jeħtieġlek tuża s-Safety Business Gateway biex tallerta lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Din l-għodda tippermettilek tagħżel l-Istati Membri kollha li fihom il-prodott perikoluż ikun tqiegħed fis-suq u tinforma lill-awtoritajiet minnufih.

X’tip ta’ informazzjoni għandi nikkomunika lill-konsumaturi u lill-awtoritajiet?

Jeħtieġlek tagħti d-dettalji ta’:

1)

ir-riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi: iddeskrivi b’mod ċar u li jinftiehem x’jista’ jiġri bil-prodott;

2)

kwalunkwe miżura korrettiva li tkun diġà ttieħdet; u

3)

jekk tkun disponibbli, il-kwantità tal-prodott li tkun għadha qed tiċċirkola fis-suq ta’ kull Stat Membru.

X’inhuma l-obbligi tiegħi fir-rigward tal-ilmenti u l-aċċidenti?

A)

Kun żgur li hemm mezz ta’ komunikazzjoni għall-ilmenti tal-konsumaturi

Jeħtieġlek tivverifika li l-manifattur ikun ipprovda lill-konsumaturi b’mezz ta’ komunikazzjoni (pereż., numru tat-telefown, indirizz elettroniku jew taqsima ddedikata f’sit web) li jippermetti lill-konsumaturi jressqu lmenti u jinformaw lill-manifattur bi kwalunkwe aċċident jew kwistjoni ta’ sikurezza li kellhom bi prodott.

Fin-nuqqas ta’ mezzi bħal dawn, jeħtieġlek tipprovdi wieħed għall-konsumaturi.

Dawn il-mezzi għandhom iqisu l-ħtiġijiet ta’ aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabilità. Pereżempju, ma għandekx tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha f’immaġni li ma tistax tinqara minn magna tat-test għall-awdjo (24).

B)

Investiga l-ilmenti u żomm lill-atturi l-oħra fil-katina tal-provvista informati

Jekk tirċievi lment mingħand konsumatur jew informazzjoni dwar aċċident li jikkonċerna s-sikurezza ta’ prodott, jeħtieġlek tinvestigah. Jekk ikun jidher ġustifikat, għandek tadotta miżura korrettiva.

Jeħtieġlek tinforma fil-pront lill-manifattur, lid-distributuri u, meta jkun rilevanti, lill-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni u lill-fornituri tas-swieq online dwar l-investigazzjoni li tkun wettaqt u dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni.

Għal kull prodott, jeħtieġlek iżżomm reġistru intern ta’:

a)

l-ilmenti tal-konsumaturi;

b)

is-sejħiet lura tal-prodott; u

c)

kwalunkwe miżura korrettiva meħuda biex il-prodott isir konformi.

F’dan ir-reġistru intern tal-ilmenti, għandek taħżen biss id-data personali li teħtieġ sabiex tinvestiga lment.

Tali data għandha tinżamm biss sakemm ikun meħtieġ għall-finijiet tal-investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, għandek tħassar id-data personali (pereż., l-isem u l-indirizz tal-konsumatur) mir-reġistru 5 snin wara li d-data tkun iddaħħlet fih.

C)

Żomm lill-manifattur informat dwar kwalunkwe aċċident ikkawżat minn prodott u kun żgur li l-awtoritajiet kompetenti jiġu nnotifikati

Jekk tkun taf b’xi aċċident ikkawżat minn prodott li tkun qegħedt fis-suq, għandek tinforma lill-manifattur dwar dan mingħajr dewmien żejjed. Il-manifattur jista’ jagħtik struzzjonijiet biex tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti.

Jekk tkun taf b’xi aċċident u l-manifattur tal-prodott ma jkunx stabbilit fl-UE, għandek tinforma lill-persuna responsabbli għall-prodott fl-UE. Din il-persuna responsabbli jeħtiġilha tiżgura li l-aċċident jiġi nnotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun seħħ l-aċċident.

X’jikkostitwixxi aċċident relatat mas-sikurezza tal-prodotti?

L-aċċidenti li jridu jiġu nnotifikati huma okkorrenzi assoċjati mal-użu ta’ prodott li kkawżaw il-mewt ta’ individwu jew effetti avversi serji fuq is-saħħa u s-sikurezza ta’ dak l-individwu. Dawn l-effetti jistgħu jkunu permanenti jew temporanji, u jistgħu jinkludu korrimenti, ħsara oħra lill-ġisem, mard u effetti kroniċi fuq is-saħħa.

Liema għodda għandi nuża biex ninnotifika l-aċċident?

Jeħtieġ li tuża s-Safety Business Gateway (ara l-punt 3.4.3).

X’tip ta’ informazzjoni għandi ninkludi fin-notifika?

Jeħtieġ li tispeċifika:

in-numru tat-tip u ta’ identifikazzjoni tal-prodott; u

iċ-ċirkostanzi tal-aċċident, jekk ikunu magħrufa.

Lista ta’ kontroll għall-importatur

Qabel tintroduċi l-prodott fis-suq:

Kun żgur li l-prodott ikun sikur.

Kun żgur li l-manifattur għamel il-valutazzjoni tar-riskju u fassal id-dokumentazzjoni teknika. Żomm din id-dokumentazzjoni teknika għal 10 snin u pprovdiha lill-awtoritajiet meta jitolbuhielek.

Kun żgur li d-dettalji tal-identifikazzjoni tal-prodott, l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur, ikunu mwaħħla b’mod korrett mal-prodott jew mal-imballaġġ tiegħu, u li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza jekk ikun meħtieġ.

Żid id-dettalji tal-identifikazzjoni u ta’ kuntatt tiegħek fuq il-prodott jew miegħu. Kun żgur li din l-informazzjoni ma tgħatti l-ebda informazzjoni obbligatorja oħra.

Kun żgur li jkun hemm persuna responsabbli għall-prodott tiegħek fl-UE u li d-dettalji ta’ kuntatt tagħha u informazzjoni oħra meħtieġa jkunu indikati fuq il-prodott jew fuq l-imballaġġ, il-pakkett jew fid-dokument ta’ akkumpanjament tiegħu. Dik il-persuna tista’ tkun int!

Stabbilixxi proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti.

Kun żgur li l-ħżin jew it-trasport ma jaffettwawx is-sikurezza tal-prodott jew it-tikkettar tiegħu.

Tintroduċix prodott mhux konformi jew perikoluż fis-suq! Fil-każ ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità, informa lill-manifattur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

Wara li tintroduċi l-prodott fis-suq:

Jekk tinqala’ kwistjoni ta’ sikurezza tal-prodott:

Informa lill-manifattur

Kun żgur li l-manifattur ħa l-miżuri korrettivi (għas-sejħiet lura jkun uża l-mudell tal-avviż ta’ sejħa lura u pprovda rimedji). Jekk le, jeħtieġlek toħodhom immedjatament inti.

Kun żgur li l-manifattur informa lill-konsumaturi dwar il-prodotti perikolużi. Jekk le, jeħtieġlek tagħmel dan inti.

Informa lill-awtoritajiet nazzjonali permezz tas-Safety Business Gateway.

Kun żgur li l-manifattur għandu mezz dirett għall-ilmenti tal-konsumaturi dwar is-sikurezza tal-prodotti. Jekk le, jeħtieġlek tipprovdih inti. Aħseb dwar formati aċċessibbli.

Investiga kwalunkwe lment u żomm lill-atturi l-oħra fil-katina tal-provvista informati.

Żomm reġistru intern tal-ilmenti tal-konsumaturi, tas-sejħiet lura ta’ prodotti u tal-miżuri korrettivi meħuda.

Irrapporta l-aċċidenti relatati mal-prodott li ssir taf bihom, lill-manifattur u lill-persuna responsabbli għall-prodott fl-Unjoni. Il-manifattur jista’ jagħtik struzzjonijiet biex tinnotifikahom lill-awtoritajiet permezz tas-Safety Business Gateway.

Ikkoopera mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq meta mitlub.

Għal aktar dettalji, irreferi għat-taqsima 3.1.3. dwar l-obbligi tal-manifattur

3.1.4.   Jien distributur: x’inhuma l-obbligi tiegħi skont il-GPSR?

Min huwa distributur?

Il-GPSR jiddefinixxi distributur bħala kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina ta’ provvista, għajr il-manifattur jew l-importatur, li tqiegħed prodott fis-suq.

“Tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ prodott għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas u kif ukoll bla ħlas.

Pereżempju, distributur jista’ jkun negozju li jqiegħed il-prodott ta’ manifattur fuq is-suq b’imballaġġ tradott għal pajjiż speċifiku tal-Unjoni, sakemm xorta waħda jinbiegħ taħt l-isem jew it-trademark tal-manifattur.

Qabel ma tqiegħed il-prodott fis-suq:

1.

Jeħtieġlek tivverifika jekk il-manifattur u l-importatur (fejn applikabbli) ikunux ikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin għall-prodott li tkun beħsiebek tiddistribwixxi:

a)

Li l-prodott ikollu numru tat-tip, tal-lott jew tas-serje jew element ieħor li jippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott li l-konsumaturi jkunu jistgħu jaraw u jaqraw faċilment jew li l-informazzjoni meħtieġa tingħata fuq l-imballaġġ jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott, meta d-daqs jew in-natura tal-prodott ma tkunx tippermetti.

b)

Li l-manifattur indika ismu, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tiegħu, l-indirizz postali u elettroniku tiegħu u, fejn differenti, l-indirizz postali jew elettroniku tal-punt uniku ta’ kuntatt fejn jista’ jiġi kkuntattjat. Dik l-informazzjoni għandha titqiegħed fuq il-prodott jew, meta dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott.

c)

Li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet ċari u informazzjoni dwar is-sikurezza b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi, kif determinat mill-Istat Membru li fih il-prodott jitqiegħed fis-suq. Dan ma jkunx meħtieġ jekk il-prodott jista’ jintuża b’mod sikur u kif maħsub mill-manifattur mingħajr tali struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza.

d)

Jekk importatur ikun involut fil-katina ta’ provvista, li l-importatur indika ismu, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tiegħu, l-indirizz postali u elettroniku tiegħu u, meta jkun differenti, l-indirizz postali jew elettroniku tal-punt uniku ta’ kuntatt fejn jista’ jiġi kkuntattjat. Dik l-informazzjoni trid titqiegħed fuq il-prodott jew, meta dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott.

e)

Li ma jkun hemm l-ebda tikketta oħra li tkun qed tgħatti l-informazzjoni meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni fuq it-tikketta pprovduta mill-manifattur jew mill-importatur.

2.

Għandek tiżgura li, waqt li prodott ikun taħt ir-responsabbiltà tiegħek, il-kundizzjonijiet tal-ħżin jew tat-trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali stabbilit fl-Artikolu 5 tal-GPSR.

Jekk tqis jew ikollok raġuni biex tqis, abbażi tal-informazzjoni li jkollok, li prodott huwa perikoluż jew li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti fil-punt 1 ta’ hawn fuq, ma għandekx tqiegħed il-prodott fis-suq sakemm il-prodott ma jkunx sar konformi.

3.

Proċessi interni: għandu jkollok fis-seħħ proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti li jippermettulek tikkonforma mal-obbligi tiegħek skont il-GPSR (pereż. kontrolli tal-kwalità, ġestjoni tal-ilmenti, għarfien tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni permezz tat-taħriġ tal-persunal dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-introduzzjoni ta’ perkorsi ta’ tagħlim dwar is-sikurezza tal-prodotti).

X’għandek tagħmel f’każ li toffri prodott permezz ta’ bejgħ mill-bogħod?

Jekk tiddeċiedi li tqiegħed prodotti fis-suq online jew permezz ta’ mezzi oħra ta’ bejgħ mill-bogħod, l-offerta ta’ dawk il-prodotti (pereż., offerta ta’ prodott fil-ħanut elettroniku tiegħek) trid tindika b’mod ċar u viżibbli tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

L-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tal-manifattur, kif ukoll l-indirizz postali u elettroniku fejn dan jista’ jiġi kkuntattjat;

(b)

Jekk il-manifattur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, l-isem, l-indirizz postali u elettroniku tal-persuna responsabbli fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament jew tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/1020;

(c)

Informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott, inkluża stampa tiegħu, it-tip tiegħu u kwalunkwe identifikatur ieħor tal-prodott; u

(d)

Kwalunkwe twissija jew informazzjoni dwar is-sikurezza li għandha titwaħħal mal-prodott jew mal-imballaġġ jew tiġi inkluża fid-dokument li jakkumpanjah f’konformità ma’ dan ir-Regolament jew mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi, kif determinat mill-Istat Membru li fih jitqiegħed fis-suq il-prodott.

Wara li tqiegħed il-prodott fis-suq:

Għandek tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar aspetti tas-sikurezza tal-prodotti kif huwa spjegat fil-punt 3.4.5.

Jekk tqis jew ikollok raġuni biex tqis, abbażi tal-informazzjoni li jkollok, li prodott li tkun qegħedt fis-suq ikun perikoluż jew ma jkunx konformi mar-rekwiżiti fil-punt 1 ta’ hawn fuq, jeħtieġlek tieħu l-passi li ġejjin minnufih:

A)

Informa b’dan lill-manifattur jew lill-importatur, kif applikabbli.

Huwa kruċjali li tgħaddi din l-informazzjoni biex il-kwistjoni tas-sikurezza tiġi indirizzata malajr.

B)

Kun żgur li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dan il-prodott jinġieb b’mod effettiv f’konformità, inkluż billi jiġi rtirat jew imsejjaħ lura, jekk ikun xieraq. Jekk tibda sejħa lura ta’ prodott, irreferi għall-punt 3.4.1; u

C)

Kun żgur li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri li fihom il-prodott ikun tqiegħed fis-suq jiġu informati minnufih b’dan permezz tas-Safety Business Gateway.

Kif għandi ninforma lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq?

Jeħtieġlek tuża s-Safety Business Gateway. Din l-għodda tippermettilek tagħżel l-Istati Membri kollha li fihom il-prodott perikoluż ikun tqiegħed fis-suq u tinforma lill-awtoritajiet minnufih u fl-istess ħin.

X’tip ta’ informazzjoni għandi nikkomunika lill-awtoritajiet?

Għall-finijiet tal-punti B) u C) għandek tagħti d-dettalji xierqa li taf bihom dwar:

1)

ir-riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi billi tiddeskrivi b’mod ċar u li jinftiehem x’jista’ jiġri bil-prodott;

2)

kwalunkwe miżura korrettiva li tkun diġà ttieħdet; u

3)

jekk tkun disponibbli, il-kwantità għal kull Stat Membru tal-prodotti li jkunu għadhom qed jiċċirkolaw fis-suq.

D)

Żomm lill-manifattur informat dwar kwalunkwe aċċident ikkawżat minn prodott u kun żgur li l-awtoritajiet kompetenti jiġu nnotifikati

Jekk tkun taf b’xi aċċident ikkawżat minn prodott li tkun qegħedt fis-suq, għandek tinforma lill-manifattur mingħajr dewmien żejjed. Il-manifattur jista’ jagħtik struzzjonijiet biex tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti.

Jekk tkun taf b’xi aċċident u l-manifattur tal-prodott ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, għandek tinforma lill-persuna responsabbli għall-prodott fl-Unjoni. Din il-persuna responsabbli jeħtiġilha tiżgura li dan l-aċċident jiġi nnotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun seħħ l-aċċident.

X’jikkostitwixxi aċċident relatat mas-sikurezza tal-prodotti?

L-aċċidenti li jridu jiġu nnotifikati jirrigwardaw okkorrenzi assoċjati mal-użu ta’ prodott li wasslu għall-mewt ta’ individwu jew għal effetti avversi serji fuq is-saħħa u s-sikurezza ta’ individwu. Dawn l-effetti jistgħu jkunu permanenti jew temporanji. Dawn jistgħu jinkludu korrimenti, ħsara oħra lill-ġisem, mard u effetti kroniċi fuq is-saħħa.

Liema għodda għandi nuża biex ninnotifika l-aċċident?

Jeħtieġ li tuża s-Safety Business Gateway (ara l-punt 3.4.3).

X’tip ta’ informazzjoni għandi ninkludi fin-notifika?

Jeħtieġ li tispeċifika:

in-numru tat-tip u ta’ identifikazzjoni tal-prodott; u

iċ-ċirkostanzi tal-aċċident, jekk ikunu magħrufa.

Lista ta’ kontroll għad-distributur

Qabel ma tqiegħed il-prodott fis-suq:

Ivverifika li d-dettalji tal-identifikazzjoni tal-prodott u l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur ikunu mwaħħla b’mod korrett mal-prodott jew mal-imballaġġ tiegħu u li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza jekk ikun meħtieġ.

Ivverifika li l-ebda tikketta ma tkun qed tgħatti kwalunkwe informazzjoni obbligatorja oħra.

Kun żgur li l-ħżin jew it-trasport ma jaffettwawx is-sikurezza tal-prodott jew it-tikkettar tiegħu.

Stabbilixxi proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti.

Uri l-informazzjoni meħtieġa dwar il-prodott fl-offerti ta’ bejgħ mill-bogħod:

id-dettalji tal-identifikazzjoni tal-prodott u l-istampa tiegħu,

l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur,

l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna responsabbli għall-prodott fl-UE,

l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni dwar is-sikurezza jekk ikun meħtieġ.

Jekk għandek skema ta’ reġistrazzjoni jew programm ta’ lealtà tal-klijenti fis-seħħ, jeħtieġ li toffri lill-konsumaturi l-possibbiltà li jabbonaw għal skopijiet relatati mas-sikurezza biss.

Tqegħidx fis-suq prodott mhux konformi jew perikoluż! F’każ ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità, informa lill-manifattur u lill-awtoritajiet.

Wara li tqiegħed il-prodott fis-suq:

Jekk prodott li tkun qegħedt fis-suq ikun perikoluż jew ma jkunx konformi:

Informa lill-manifattur jew lill-importatur

Kun żgur li l-manifattur jew l-importatur ikunu ħadu l-miżuri korrettivi meħtieġa (għas-sejħiet lura kun żgur li użaw il-mudell tal-avviż ta’ sejħa lura ta’ prodott u pprovdew rimedji).

Kun żgur li l-awtoritajiet nazzjonali jiġu informati minnufih permezz tas-Safety Business Gateway. Jekk ma jkunux ġew infurmati mill-manifattur jew mill-importatur, infurmahom inti.

Il-manifattur u l-importatur jeħtiġilhom jinformaw lill-konsumaturi dwar il-prodotti perikolużi. Ikkoopera u kun proattiv fit-tixrid tal-informazzjoni.

Irrapporta l-aċċidenti relatati mal-prodott li ssir taf bihom lill-manifattur u lill-persuna responsabbli għall-prodott fl-UE. Il-manifattur jista’ jagħtik struzzjonijiet biex tinnotifikahom lill-awtoritajiet permezz tas-Safety Business Gateway.

Ikkoopera mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq meta mitlub.

Għal aktar dettalji, irreferi għat-taqsima 3.1.4. dwar l-obbligi tad-distributur.

3.1.5.   Jien fornitur ta’ servizz ta’ ġestjoni: x’inhuma l-obbligi tiegħi skont il-GPSR?

Min huwa fornitur ta’ servizz ta’ ġestjoni?

Il-GPSR jiddefinixxi fornitur tas-servizzi ta’ ġestjoni bħala kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li toffri, waqt attività kummerċjali, mill-anqas żewġ servizzi minn fost dawn li ġejjin : il-ħżin, l-imballaġġ, l-indirizzar jew id-dispaċċ, mingħajr ma jkollha s-sjieda tal-prodotti involuti, esklużi s-servizzi postali kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, is-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti kif definiti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2018/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u kwalunkwe servizz postali jew servizz ta’ trasport tal-merkanzija ieħor.

Dan ifisser dan li ġej: jekk negozju li normalment jipprovdi biss servizzi ta’ intermedjazzjoni (fornitur ta’ suq online), iżda jipprovdi wkoll servizzi ta’ ħżin u imballaġġ għal xi prodotti, dan jiġi kkunsidrat bħala operatur ekonomiku għal dawn il-prodotti (fornitur tas-servizzi ta’ ġestjoni).

Huwa importanti li jiġi ssottolinjat il-punt li l-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni jitqiesu bħala operaturi ekonomiċi skont il-GPSR. Għalhekk int jeħtieġlek tikkonforma ma’ dawn l-obbligi ġeneralment applikabbli għall-operaturi ekonomiċi:

Proċessi interni: għandu jkollok fis-seħħ proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti li jippermettulek tissodisfa l-obbligi tiegħek skont il-GPSR (pereż., kontrolli tal-kwalità, ġestjoni tal-ilmenti, għarfien tal-leġiżlazzjoni tal-UE permezz tat-taħriġ tal-persunal dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-introduzzjoni ta’ perkorsi ta’ tagħlim dwar is-sikurezza tal-prodotti); u

Għandek tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar aspetti tas-sikurezza tal-prodotti (kif spjegat fil-punt 3.4.5).

Huwa importanti wkoll li jiġi ssottolinjat il-punt li, bħala fornitur tas-servizzi ta’ ġestjoni inti tista’ awtomatikament issir l-operatur ekonomiku responsabbli għall-prodott (ara l-punt 3.2 għal aktar dettalji) jekk ma jkun hemm l-ebda manifattur, importatur jew rappreżentant awtorizzat tal-UE inkarigat b’dan il-kompitu. F’dan il-każ, inti tkun soġġett għal obbligi addizzjonali (kif spjegat fil-punt 3.2).

Lista ta’ kontroll għall-fornitur tas-servizzi ta’ ġestjoni

Stabbilixxi proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti.

Jekk tinnota kwalunkwe kwistjoni ta’ sikurezza jew nuqqas ta’ konformità ta’ prodott informa lill-manifattur u lill-awtoritajiet.

Tinsiex li inti tista’ tkun awtomatikament persuna responsabbli fl-Unjoni għal ċerti prodotti li timmaniġġja! Ivverifika dan u, jekk iva, kun ċert li għandek il-kapaċità li twettaq dawn il-kompiti.

Ikkoopera mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq meta mitlub.

Għal aktar dettalji, irreferi għat-taqsima 3.1.5. dwar l-obbligi tal-fornitur tas-servizzi ta’ ġestjoni.

3.2.   Operatur ekonomiku li jassumi wkoll ir-rwol tal-persuna responsabbli

Prodott kopert mill-GPSR ma jistax jiġi introdott fis-suq mingħajr operatur ekonomiku stabbilit fl-UE, il-“persuna responsabbli” , li tkun responsabbli għall-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/1020 u fl-Artikolu 16 tal-GPSR fir-rigward ta’ dak il-prodott.

Min hija l-persuna responsabbli?

Il-persuna responsabbli hija kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

manifattur stabbilit fl-Unjoni;

(b)

importatur, jekk il-manifattur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni;

(c)

rappreżentant awtorizzat li jkollu mandat bil-miktub mingħand il-manifattur li jaħtru biex iwettaq il-kompiti tal-persuna responsabbli f’isem il-manifattur;

(d)

fornitur tas-servizzi ta’ ġestjoni stabbilit fl-Unjoni fir-rigward tal-prodotti li jimmaniġġja, jekk l-ebda operatur ekonomiku ieħor kif imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) ma jkun stabbilit fl-Unjoni.

X’inhuma l-kompiti tiegħek bħala persuna responsabbli?

Bħala persuna responsabbli, inti għandek obbligi addizzjonali minbarra dawk li diġà għandek bħala operatur ekonomiku skont il-kategoriji differenti spjegati hawn fuq. Inti għandek il-kompiti addizzjonali li ġejjin:

(a)

Li tivverifika li d-dokumentazzjoni teknika tkun tfasslet u li tiżgura li d-dokumentazzjoni teknika tkun tista’ tingħata lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq meta jitolbuha.

(b)

Wara talba motivata minn awtorità tas-sorveljanza tas-suq, li tagħti lil dik l-awtorità l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex turi l-konformità tal-prodott b’lingwa li dik l-awtorità tista’ tifhem faċilment.

(c)

Li tinforma lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jekk ikollok raġuni biex temmen li prodott joħloq xi riskju.

(d)

Li tikkoopera mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, (inkluż wara talba motivata):

i.

biex tiżgura li tittieħed azzjoni immedjata, meħtieġa u korrettiva għar-rimedju ta’ kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-GPSR; jew

ii.

jekk dan ma jkunx possibbli, li tnaqqas ir-riskji maħluqa minn dak il-prodott, meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jirrikjedu li tagħmel dan jew fuq inizjattiva tiegħek stess, jekk tqis jew ikollok raġuni biex temmen li l-prodott inkwistjoni joħloq xi riskju.

(e)

Li tivverifika b’mod regolari, fejn xieraq fir-rigward tar-riskji possibbli relatati ma’ prodott:

i.

li l-prodott jikkonforma mad-dokumentazzjoni teknika mfassla mill-manifattur. Dan ifisser li r-riskju jew ir-riskji possibbli li l-prodott jista’ joħloq ġew eliminati jew imnaqqsa mill-manifattur kif deskritt fid-dokumentazzjoni teknika, pereż., bl-applikazzjoni ta’ standards Ewropej rilevanti jew mezzi oħra; u

ii.

li l-prodott jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

Li l-prodott ikollu numru tat-tip, tal-lott jew tas-serje jew element ieħor li jagħmilha possibbli li l-prodott jiġi identifikat, u li l-konsumaturi jistgħu jaraw u jaqraw faċilment. Inkella, jekk id-daqs jew in-natura tal-prodott ma jippermettux dan, l-informazzjoni meħtieġa trid tiġi pprovduta fuq l-imballaġġ jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott.

Li l-manifattur indika ismu, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tiegħu, l-indirizz postali u elettroniku tiegħu u, meta jkun differenti, l-indirizz postali jew elettroniku tal-punt uniku ta’ kuntatt fejn jista’ jiġi kkuntattjat. Dik l-informazzjoni għandha titqiegħed fuq il-prodott jew, meta dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott.

Li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet ċari u informazzjoni dwar is-sikurezza b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi, kif determinat mill-Istat Membru li fih il-prodott jitqiegħed fis-suq. Dak ir-rekwiżit ma japplikax jekk il-prodott jista’ jintuża b’mod sikur u kif maħsub mill-manifattur mingħajr tali struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza.

Fuq talba tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, għandek tipprovdi evidenza dokumentata tal-kontrolli mwettqa.

(f)

Li tiżgura li ismek, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tiegħek, u d-dettalji ta’ kuntatt (inkluż l-indirizz postali u elettroniku) tiegħek jiġu indikati fuq il-prodott jew fuq l-imballaġġ tiegħu, il-pakkett jew dokument ta’ akkumpanjament; u

Xi jfisser “indirizz elettroniku”?

Indirizz elettroniku jista’ jkun indirizz tal-posta elettronika jew taqsima ddedikata fis-sit web tiegħek li tippermetti lill-konsumaturi jikkuntattjawk direttament. Sit web bħala tali ma huwiex biżżejjed jekk ma jippermettix komunikazzjoni diretta miegħek.

(g)

Li tiżgura li aċċident li ssir taf bih ikkawżat minn prodott li int responsabbli għalih, jiġi nnotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun seħħ l-aċċident permezz tas-Safety Business Gateway mingħajr dewmien żejjed mill-mument li ssir taf bl-aċċident. In-notifika trid tinkludi n-numru tat-tip u tal-identifikazzjoni tal-prodott kif ukoll iċ-ċirkostanzi tal-inċident jekk ikunu magħrufa. Għandek tinnotifika kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra lill-awtoritajiet kompetenti meta jitolbuhielek.

Għal aktar speċifikazzjonijiet dwar ir-rwoli tal-persuni responsabbli, jekk jogħġbok ara l-“ Linji gwida għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar l-implimentazzjoni prattika tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti” tal-Kummissjoni (25) .

Lista ta’ kontroll għall-persuna responsabbli fl-Unjoni

Ivverifika li d-dokumentazzjoni teknika tkun tfasslet mill-manifattur u kun żgur li tkun tista’ tagħtiha lill-awtoritajiet meta jitolbuhielek.

Kun żgur li l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħek ikunu indikati fuq il-prodott jew miegħu.

Iċċekkja spiss li l-prodott jikkonforma mad-dokumentazzjoni teknika: dan ifisser li l-manifattur elimina jew naqqas ir-riskju/i possibbli li l-prodott jista’ joħloq kif deskritt fid-dokumentazzjoni teknika.

Iċċekkja spiss li d-dettalji tal-identifikazzjoni tal-prodott, l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur u tal-importatur ikunu mwaħħla b’mod korrett mal-prodott jew mal-imballaġġ tiegħu, u li dawn ikunu akkumpanjati minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza jekk ikun meħtieġ.

Ikkoopera mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u pprovdilhom l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha, meta tintalab tagħmel dan.

Jekk issir taf li prodott joħloq riskju għas-sikurezza:

informa lill-awtoritajiet nazzjonali permezz tas-Safety Business Gateway;

informa lill-manifattur;

kun ċert li tittieħed azzjoni korrettiva minnufih. Jekk il-manifattur ma jkunx għamel dan, agħmel dan inti stess!

Irrapporta aċċidenti relatati mal-prodott li ssir taf bihom permezz tas-Safety Business Gateway.

Issodisfa l-obbligi li għandek bħala manifattur, importatur, rappreżentant awtorizzat jew fornitur ta’ servizz ta’ ġestjoni.

Għal aktar dettalji, irreferi għat-taqsima 3.2. dwar l-obbligi tal-persuna responsabbli fl-Unjoni.

3.3.   Il-fornituri tas-swieq online

X’inhu fornitur ta’ suq online?

“Fornitur ta’ suq online” tfisser fornitur ta’ servizz intermedjarju li juża interfaċċa online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti għall-bejgħ ta’ prodotti. Għalhekk, dawn in-negozji jipprovdu biss servizzi ta’ intermedjazzjoni online għal prodott partikolari.

Jekk in-negozju tiegħek jipprovdi wkoll wieħed jew aktar mis-servizzi tal-operaturi ekonomiċi, allura jaġixxi f’dik il-kapaċità minflok u jkun soġġett għall-obbligi tal-operatur ekonomiku rilevanti. Jekk negozju jipprovdi wkoll servizzi ta’ operatur ekonomiku għal prodott partikolari, jekk jogħġbok ikkonsulta l-punti 3.1 u 3.2 ta’ din il-gwida.

X’inhuma l-obbligi tiegħi skont il-GPSR bħala fornitur ta’ suq online?

Huwa importanti li jiġi ssottolinjat il-punt li l-obbligi tal-fornituri tas-swieq tas-suq online marbuta mas-sikurezza tal-prodotti skont il-GPSR jikkomplementaw u jispeċifikaw aktar xi wħud mill-obbligi tagħhom skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (“DSA”) (26).

L-obbligi li ġejjin, li huma deskritti fil-Kapitolu IV tal-GPSR, jikkonċernaw lill-fornituri kollha tas-swieq online ħlief dawk immarkati b’asterisk (*) li huma rilevanti biss għal (i) intrapriżi medji jew kbar u (ii) intrapriżi mikro jew żgħar meta dawn l-intrapriżi mikro u żgħar ikunu ġew deżinjati bħala “pjattaforma online jew magna tat-tiftix kbira ħafna” fit-tifsira tad-DSA (27).

L-obbligi tiegħek bħala fornitur ta’ suq online taħt il-GPSR huma dawn li ġejjin:

Għandek tagħżel punt uniku ta’ kuntatt li jippermetti komunikazzjoni diretta, b’mezzi elettroniċi, mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri b’rabta mal-kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti.

Għandek tirreġistra mal-Portal Safety Gate u għandek tindika fuq il-Portal Safety Gate l-informazzjoni dwar il-punt uniku ta’ kuntatt tiegħek.

Għandek tagħżel punt ta’ kuntatt uniku biex jippermetti lill-konsumaturi jikkomunikaw direttament u malajr miegħek b’rabta ma’ kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti.

Għandek tiżgura li jkollok fis-seħħ proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti sabiex tikkonforma mingħajr dewmien żejjed mar-rekwiżiti rilevanti tal-GPSR. Dawn il-proċessi interni għandhom jinkludu mekkaniżmi li jippermettu lill-kummerċjanti (is-sħab kummerċjali tiegħek) jipprovdu:

l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sikurezza u t-traċċabbiltà tal-prodott; u

l-awtoċertifikazzjoni tagħhom li fiha jintrabtu li joffru biss prodotti li jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u informazzjoni addizzjonali ta’ identifikazzjoni f’konformità mar-rekwiżiti tad-DSA.

Għandek tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirċievi u tipproċessa l-ordnijiet maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali u għandek taġixxi mingħajr dewmien żejjed (u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn ta’ xogħol minn meta tirċievi l-ordni). Għandek tinforma lill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq emittenti dwar l-effett mogħti lill-ordni permezz ta’ mezzi elettroniċi billi tuża d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità tas-sorveljanza tas-suq ippubblikati fil-Portal Safety Gate. Tali ordni tista’ tirrikjedi, li għal perjodu preskritt, tneħħi mill-interfaċċa online tiegħek il-kontenut identiku kollu li jirreferi għal offerta tal-prodott perikoluż inkwistjoni, li tiddiżattiva l-aċċess għalih jew li turi twissija espliċita.

Għandek tqis l-informazzjoni regolari dwar il-prodotti perikolużi li jkunu ġew innotifikati mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, li tasal permezz tal-Portal Safety Gate. Dan se jgħinek tapplika l-miżuri volontarji tiegħek biex tiskopri, tidentifika, tneħħi jew tiddiżattiva l-aċċess għall-kontenut li jirreferi għal offerti ta’ prodotti perikolużi fuq is-suq online tiegħek, fejn applikabbli, (inkluż billi tuża l-interfaċċa interoperabbli għall-Portal Safety Gate). Għandek tinforma lill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq li tkun għamlet in-notifika lis-Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate” dwar kwalunkwe miżura li tkun ħadt, billi tuża d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità tas-sorveljanza tas-suq ippubblikati fil-Portal Safety Gate.

Għandek tkun tista’ tirċievi avviżi relatati ma’ kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti minn kwalunkwe parti terza (inklużi l-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi), u tipproċessahom mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 3 ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi l-avviż.

(*) Fir-rigward tas-sikurezza tal-prodott, għandek tuża tal-anqas l-informazzjoni fil-Portal Safety Gate għall-fini tal-konformità mal-kontrolli aleatorji ex post meħtieġa skont l-Artikolu 31(3) tad-DSA.

(*) Fir-rigward tas-sikurezza tal-prodott, għandek tissospendi, għal perjodu ta’ żmien raġonevoli u wara li tkun ħriġt twissija minn qabel, il-forniment tas-servizzi tiegħek lil kummerċjanti li ta’ spiss joffru prodotti mhux sikuri.

(*) Fir-rigward tal-informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodott, għandek tiddisinja u torganizza l-interfaċċa online tiegħek b’mod li jippermetti lill-kummerċjanti li joffru l-prodott jipprovdu mill-anqas l-informazzjoni li ġejja għal kull prodott offrut u b’mod li jiżgura li l-informazzjoni tintwera jew inkella tkun faċilment aċċessibbli mill-konsumaturi fuq il-lista tal-prodott:

l-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tal-manifattur, kif ukoll l-indirizz postali u elettroniku fejn dan jista’ jiġi kkuntattjat;

jekk il-manifattur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, l-isem, l-indirizz postali u elettroniku tal-persuna responsabbli fis-sens tal-Artikolu 16(1) tal-GPSR jew tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/1020;

informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott, inkluża stampa tiegħu, it-tip tiegħu u kwalunkwe identifikatur ieħor tal-prodott; u

kwalunkwe twissija jew informazzjoni dwar is-sikurezza li għandha titwaħħal mal-prodott jew takkumpanjah f’konformità mal-GPSR jew mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi, kif determinat mill-Istat Membru li fih jitqiegħed fis-suq il-prodott.

Għandek tikkoopera mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, mal-kummerċjanti u mal-operaturi ekonomiċi rilevanti fir-rigward tas-sikurezza tal-prodotti offruti online permezz tas-servizzi tiegħek. Dan għandu jikkonsisti b’mod partikolari minn dan li ġej:

Tikkoopera rigward sejħiet lura tal-prodotti billi:

tinnotifika direttament lill-konsumaturi affettwati kollha li xtraw il-prodott rilevanti permezz tal-interfaċċi tiegħek;

tippubblika informazzjoni dwar is-sejħiet lura tal-prodotti għal raġunijiet ta’ sikurezza fuq l-interfaċċi online tiegħek; u

tikkoopera b’mod ġenerali fl-interess ta’ sejħiet lura effettivi tal-prodotti.

Tinforma lill-operaturi ekonomiċi rilevanti jekk tkun neħħejt offerta ta’ prodott li tirrigwardahom.

Tagħti informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali dwar prodotti perikolużi permezz tas-Safety Business Gateway.

Tikkoopera mal-operaturi ekonomiċi u mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar l-aċċidenti nnotifikati lilek.

Tikkoopera ma’ awtoritajiet rilevanti oħra inklużi aġenziji tal-infurzar tal-liġi dwar prodotti mhux sikuri u fl-identifikazzjoni tal-katina tal-provvista rilevanti.

Tippermetti l-iskreppjar tad-data għal skopijiet ta’ sikurezza tal-prodott jekk tintalab tagħmel dan minn awtorità tas-sorveljanza tas-suq, u ġeneralment tippermetti l-għodod online li jidentifikaw prodotti perikolużi mħaddma mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jaċċessaw l-interfaċċi tiegħek.

Sabiex tiffaċilita l-konformità mal-obbligi tiegħek, il-Kummissjoni żviluppat interfaċċa interoperabbli tal-Portal Safety Gate, li tippermetti lill-fornituri tas-swieq online jikkollegaw fl-interfaċċi tagħhom.

L-aħjar prattiki

Il-fornituri tas-swieq online huma mħeġġa jingħaqdu mal-Memoranda ta’ Qbil rilevanti li jikkonċernaw is-sikurezza tal-prodott, (pereż., il-Wegħda dwar is-Sikurezza tal-Prodotti+) (28).

Il-fornituri tas-swieq online huma mħeġġa jiċċekkjaw il-prodotti mal-Portal Safety Gate qabel ma jintroduċuhom fuq l-interfaċċa tagħhom.

Lista ta’ kontroll għall-fornituri tas-swieq online

Agħżel punt uniku ta’ kuntatt li jippermetti komunikazzjoni diretta, b’mezzi elettroniċi, mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-konsumaturi (jista’ jkun l-istess punt uniku ta’ kuntatt jew tnejn differenti).

Irreġistra mal-Portal Safety Gate.

Stabbilixxi proċessi interni għas-sikurezza tal-prodotti. Dawn għandhom jinkludu mekkaniżmi li jippermettu lill-kummerċjanti jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sikurezza u t-traċċabbiltà tal-prodotti, l-awtoċertifikazzjoni tagħhom u rekwiżiti oħra tad-DSA.

Kun żgur li tista’ tirċievi u tipproċessa ordnijiet maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali u ħu l-azzjoni meħtieġa mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn ta’ xogħol. Irrapporta lura lill-awtoritajiet. Ittraċċa u ddiżattiva l-aċċess għal-listi bil-prodott identiku, meta dan ikun meħtieġ mill-ordnijiet.

Qis l-informazzjoni dwar prodotti perikolużi mill-Portal Safety Gate fil-mekkaniżmi eżistenti tiegħek ta’ traċċar jew ta’ diliġenza dovuta.

Kun żgur li tista’ tirċievi avviżi dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti minn partijiet terzi u pproċessahom mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 3 ijiem tax-xogħol.

Ikkoopera mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, mal-kummerċjanti u mal-operaturi ekonomiċi rilevanti.

Obbligi addizzjonali għall-intrapriżi medji jew kbar u għall-intrapriżi mikro/żgħar meta dawn il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar ġew iddeżinjati bħala “pjattaforma online jew magna tat-tiftix kbira ħafna” skont it-tifsira tad-DSA:

Uża l-informazzjoni tal-Portal Safety Gate għall-kontrolli aleatorji ex post meħtieġa.

Issospendi, għal perjodu ta’ żmien raġonevoli u wara li tkun ħriġt twissija minn qabel, il-forniment ta’ servizzi lill-kummerċjanti li ta’ spiss joffru prodotti mhux sikuri.

Iddisinja u organizza l-interfaċċa online tiegħek biex tippermetti lill-kummerċjanti jipprovdu mill-anqas l-informazzjoni li ġejja għal kull prodott offrut u biex tiżgura li l-informazzjoni tintwera jew tkun faċilment aċċessibbli mill-konsumaturi fuq il-lista tal-prodotti:

id-dettalji tal-identifikazzjoni tal-prodott u l-istampa tiegħu;

l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur;

l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna responsabbli għall-prodott fl-Unjoni; u

l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni dwar is-sikurezza jekk ikun meħtieġ.

Għal aktar dettalji, irreferi għat-taqsima 3.3. dwar l-obbligi tal-fornituri tas-swieq online.

3.4.   Obbligi u għodod ġenerali

3.4.1.   Tinforma lill-konsumaturi dwar is-sejħiet lura ta’ prodotti għal raġunijiet ta’ sikurezza u dwar it-twissijiet ta’ sikurezza

Skont l-obbligi rispettivi tiegħek skont il-GPSR (ara l-punti 3.1 sa 3.3 hawn fuq), tista’ tkun meħtieġ tiżgura l-użu sikur ta’ prodott billi tinforma lill-konsumaturi dwar is-sejħiet lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew dwar it-twissijiet ta’ sikurezza.

Il-komunikazzjoni diretta mal-konsumaturi hija l-aktar mod effettiv biex il-konsumaturi jkunu informati u jirreaġixxu għas-sejħiet lura ta’ prodotti għal raġunijiet ta’ sikurezza u għat-twissijiet ta’ sikurezza.

Meta huwa obbligu li tikkomunika direttament mal-konsumaturi?

Il-komunikazzjoni diretta mal-konsumaturi hija obbligatorja jekk il-konsumaturi jkunu affettwati minn sejħa lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew jekk ċerta informazzjoni trid tinġieb għall-attenzjoni tal-konsumaturi għall-użu sikur ta’ prodott (twissija ta’ sikurezza).

Din l-identifikazzjoni tal-konsumaturi affettwati tista’ ssir b’żewġ modi:

jew direttament minnek, permezz tad-data personali tal-klijenti li tkun ġbart; jew

permezz ta’ parti terza (pereż., entità speċifika inkarigata mill-ġbir tad-data dwar l-utenti ta’ vetturi bil-mutur).

Għandi ninforma lill-konsumaturi direttament?

L-obbligu tiegħek huwa li tiżgura li l-konsumaturi jiġu nnotifikati direttament u mingħajr dewmien żejjed dwar is-sejħa lura tal-prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew dwar it-twissija ta’ sikurezza, iżda l-attur li jinforma lill-konsumaturi jista’ jvarja:

Bħala regola ġenerali, l-attur fil-katina tal-provvista li jkollu aċċess għad-data personali tal-klijenti (pereż., permezz ta’ data dwar ix-xiri, programmi ta’ lealtà tal-klijenti jew skemi ta’ reġistrazzjoni) għandu jkun dak li jikkuntattjahom. Għalhekk, il-kooperazzjoni fil-katina tal-provvista hija essenzjali meta tkun kwistjoni ta’ sejħiet lura ta’ prodotti għal raġunijiet ta’ sikurezza jew ta’ twissijiet ta’ sikurezza.

Inkella, il-konsumaturi jistgħu jiġu informati minn parti terza li jkollha aċċess għad-dettalji ta’ kuntatt tagħhom (pereż., l-entità responsabbli għall-ġbir tad-data dwar l-utenti ta’ vetturi bil-mutur).

Dan l-obbligu huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tad-data personali?

Iva, l-obbligu legali li jirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi u l-fornituri tas-swieq online jużaw kwalunkwe data tal-klijenti li diġà tinsab għad-dispożizzjoni tagħhom biex jinformaw lill-konsumaturi dwar sejħiet lura u twissijiet ta’ sikurezza huwa kompletament kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-data personali.

Għandek tirrifletti dan l-obbligu fid-dikjarazzjoni tal-privatezza tiegħek u f’informazzjoni oħra dwar id-data personali pprovduta lill-klijenti.

Għandi ninforma lill-konsumaturi biss, jew għandi ninforma wkoll lill-kumpaniji li xtraw il-prodott li huwa s-suġġett tas-sejħa lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew tat-twissija ta’ sikurezza?

Anke meta s-sejħiet lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza u t-twissijiet ta’ sikurezza jkunu primarjament immirati lejn il-konsumaturi, dan ma għandux iżommok milli tinforma lit-tipi kollha ta’ klijenti, speċjalment fil-każ ta’ intrapriżi mikro u żgħar li jaġixxu bħal konsumaturi.

X’inhuma r-regoli dwar l-iskemi ta’ reġistrazzjoni u l-programmi ta’ lealtà tal-klijenti?

Il-GPSR jistabbilixxi obbligi ġodda jekk għandek (jew qed tippjana li jkollok):

skema ta’ reġistrazzjoni, li permezz tagħha l-konsumaturi, wara li jixtru prodott, jagħtu volontarjament xi informazzjoni (pereż., isimhom, l-informazzjoni ta’ kuntatt, in-numru tal-mudell tal-prodott jew tas-serje), lill-manifattur u jistgħu b’riżultat ta’ dan jiksbu xi benefiċċji; jew

programm ta’ lealtà tal-klijenti li jagħmilha possibbli li jiġu identifikati l-prodotti mixtrija mill-konsumaturi (pereż., il-klijenti jkollhom kard ta’ lealtà li tiġi skennjata meta jixtru l-prodotti, u l-istorja tax-xiri tagħhom tkun disponibbli għan-negozju li jkun stabbilixxa l-programm ta’ lealtà). Dan jeskludi l-programmi ta’ lealtà tal-klijenti li ma jippermettux l-identifikazzjoni tal-prodotti mixtrija mill-konsumaturi, (pereż., kards ta’ lealtà fejn il-klijenti jirċievu xi benefiċċji għal ċertu ammont ta’ xirjiet, iżda ma tiġi rreġistrata l-ebda data dwar liema prodotti jkunu nxtraw mill-klijent).

Iż-żewġ sistemi huma modi effiċjenti biex jiġu identifikati l-klijenti affettwati minn sejħa lura tal-prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew minn twissija ta’ sikurezza. Madankollu, il-klijenti jistgħu jagħżlu li ma jużawhomx minħabba li ma jkunux interessati fil-benefiċċji l-oħra offruti mill-iskema ta’ reġistrazzjoni jew mill-programm ta’ lealtà tal-klijenti, u b’mod partikolari minħabba li jistgħu ma jkunux jixtiequ li jiġu kkuntattjati għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Skont il-GPSR, jekk għandek skema ta’ reġistrazzjoni jew programm ta’ lealtà tal-klijenti fis-seħħ, jeħtieġlek tippermetti lill-konsumaturi jagħżlu li jirreġistraw fl-iskema ta’ reġistrazzjoni jew jieħdu sehem fil-programm ta’ lealtà tal-klijenti għal finijiet relatati mas-sikurezza biss.

Dan ifisser li l-klijenti jeħtiġilhom ikollhom il-possibbiltà li jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom bl-iskop uniku li jirċievu informazzjoni dwar is-sikurezza (pereż., sejħiet lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew twissijiet ta’ sikurezza). F’dan il-każ, id-data tagħhom għandha tintuża biss biex jiġu kkuntattjati f’każ ta’ sejħa lura jew twissija ta’ sikurezza u ma għandha tiġi pproċessata għal ebda skop ieħor (bħall-kummerċjalizzazzjoni).

Għandi obbligi oħra li ninforma lill-konsumaturi?

Huwa biżżejjed li tkun ċert li l-konsumaturi affettwati kollha jkunu ġew ikkuntattjati direttament biex jingħataw l-informazzjoni dwar is-sejħa lura tal-prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza jew it-twissija ta’ sikurezza. Madankollu, dan jista’ jkun possibbli biss għal prodotti b’lottijiet ta’ produzzjoni żgħar jew li għalihom id-data tal-konsumatur tkun faċilment disponibbli.

Fil-każijiet l-oħra kollha, għandek ixxandar avviż ta’ sejħa lura jew twissija ta’ sikurezza ċara u viżibbli (ara l-punt 3.4.1) permezz ta’ mezzi xierqa oħra, filwaqt li tiżgura l-aktar firxa wiesgħa possibbli. Dan jinkludi, meta jkunu disponibbli, is-sit web tal-kumpanija tiegħek, il-mezzi tal-media soċjali, bullettini u ħwienet tal-bejgħ bl-imnut u, kif xieraq, avviżi fil-media tal-massa u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni.

Avviż ta’ sejħa lura

L-informazzjoni dwar sejħa lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza pprovduta lill-konsumaturi f’forma bil-miktub trid tieħu l-forma ta’ avviż ta’ sejħa lura. Dan l-avviż ta’ sejħa lura jrid jinftiehem faċilment mill-konsumaturi u jkun disponibbli bil-lingwa/i tal-Istat(i) Membru/i fejn il-prodott ikun tqiegħed fis-suq.

Il-GPSR jelenka l-elementi li l-avviż ta’ sejħa lura jrid ikun fih:

intestatura bil-kliem “Sejħa lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza”;

deskrizzjoni ċara tal-prodott imsejjaħ lura, inklużi:

l-istampa, l-isem u l-marka tal-prodott;

in-numri ta’ identifikazzjoni tal-prodott, (pereż., in-numru tal-lott jew tas-serje), u, jekk applikabbli, indikazzjoni grafika ta’ fejn għandhom jinstabu fuq il-prodott; u

informazzjoni (jekk disponibbli) dwar meta, fejn u minn min inbiegħ il-prodott;

deskrizzjoni ċara tal-periklu assoċjat mal-prodott imsejjaħ lura, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe element li jista’ jnaqqas il-perċezzjoni tar-riskju tal-konsumaturi, (pereż., bl-użu ta’ termini u espressjonijiet bħal “volontarju”, “prekawzjonarju”, “diskrezzjonali”, “f’sitwazzjonijiet rari” jew “f’sitwazzjonijiet speċifiċi” jew billi jiġi indikat li ma kien hemm l-ebda inċident irrapportat);

deskrizzjoni ċara tal-azzjoni li għandhom jieħdu l-konsumaturi, inkluża struzzjoni biex jieqfu minnufih jużaw il-prodott imsejjaħ lura;

deskrizzjoni ċara tar-rimedju disponibbli għall-konsumaturi;

numru tat-telefown bla ħlas jew servizz interattiv online, fejn il-konsumaturi jistgħu jiksbu aktar informazzjoni b’lingwa/i uffiċjali rilevanti tal-Unjoni;

inkoraġġiment biex l-informazzjoni dwar is-sejħa lura tiġi kondiviża ma’ persuni oħra, jekk ikun xieraq.

Mudell (29) għall-avviżi ta’ sejħa lura ġie stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1435 u huwa disponibbli fuq il-Portal Safety Gate f’format li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi joħolqu faċilment avviż ta’ sejħa lura.

Kif nagħmel l-informazzjoni aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità?

Skont il-GPSR, għandek l-obbligu li tagħmel l-informazzjoni dwar is-sejħa lura aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità (30). Pereżempju meta avviż ta’ sejħa lura jiġi kondiviż online, dan għandu jqis l-aħjar prattiki għall-aċċessibbiltà għall-web. Jekk informazzjoni importanti dwar il-prodott imsejjaħ lura jew l-identifikazzjoni tal-prodotti kkonċernati mis-sejħa lura tkun tinsab fi stampa, din għandha tkun miktuba wkoll sabiex tkun tista’ tinqara mill-magni. Meta jkun possibbli, l-immaġni għandha tippermetti aġġustamenti flessibbli tad-daqs, tal-luminożità u tal-kuntrast. Barra minn hekk, għandha tiżgura l-interoperabbiltà ma’ programmi u apparat ta’ assistenza għan-navigazzjoni tal-avviż.

3.4.2.   X’tip ta’ rimedji għandi noffri lill-konsumaturi jekk nibda sejħa lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza?

Fil-każ ta’ sejħa lura ta’ prodott, jeħtieġlek toffri lill-konsumatur għażla bejn mill-anqas tnejn mir-rimedji li ġejjin:

it-tiswija tal-prodott imsejjaħ lura;

is-sostituzzjoni tal-prodott imsejjaħ lura b’wieħed sikur tal-istess tip u tal-anqas tal-istess valur u kwalità; jew

rifużjoni adegwata tal-valur tal-prodott imsejjaħ lura. F’dan il-każ, l-ammont tar-rifużjoni jrid ikun mill-anqas daqs il-prezz imħallas mill-konsumatur. Il-liġijiet nazzjonali jistgħu jipprevedu aktar kumpens.

Tista’ toffri inċentivi addizzjonali (pereż., skontijiet jew vouchers) biex tħeġġeġ lill-konsumaturi jipparteċipaw fis-sejħa lura.

Bħala eċċezzjoni, tista’ toffri lill-konsumatur rimedju wieħed biss jekk:

rimedji oħra jkunu impossibbli; jew

meta mqabbla mar-rimedju propost, ir-rimedji l-oħra jimponu spejjeż li jkunu sproporzjonati.

Dan għandu jiġi vvalutat billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, inkluż jekk ir-rimedju alternattiv jistax jiġi pprovdut mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

Fi kwalunkwe każ, ir-rimedju għandu dejjem ikun effettiv, mingħajr spejjeż u f’waqtu. Ir-rimedju ma għandux jinvolvi inkonvenjenza sinifikanti għall-konsumatur. Il-konsumatur ma għandux iġarrab l-ispejjeż tat-trasport bil-baħar jew tar-ritorn tal-prodott b’mod ieħor. Għal prodotti li min-natura tagħhom ma humiex portabbli, għandek tagħmel arranġamenti għall-ġbir tal-prodott.

F’liema każijiet il-konsumatur awtomatikament ikollu d-dritt għal rifużjoni?

Jekk ma tkunx sewwejt jew issostitwejt il-prodott fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur, il-konsumatur ikun intitolat għal rifużjoni tal-valur tal-prodott.

Nista’ nitlob lill-konsumaturi jsewwu jew jarmu prodott perikoluż huma stess?

Tista’ titlob lill-konsumaturi jsewwu l-prodott jekk ikunu jistgħu jagħmlu dan faċilment u b’mod sikur, (pereż. jibdlu l-batterija ta’ laptop, li ma tkun teħtieġ l-ebda ħila speċjali). Dan irid jiġi deskritt b’mod ċar fl-avviż ta’ sejħa lura. Jeħtieġlek tipprovdi l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-konsumaturi u, fejn rilevanti, il-parts ta’ sostituzzjoni jew l-aġġornamenti tas-software bla ħlas.

Tista’ tinkludi r-rimi tal-prodott perikoluż mill-konsumaturi fost l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu jekk ikunu jistgħu jarmuh faċilment u b’mod sikur. Dan ma għandux ikun il-każ pereżempju jekk il-prodott joħloq riskju ta’ nar wara li jintrema.

X’inhi r-rabta mad-Direttivi (UE) 2019/770  (31) u (UE) 2019/771  (32) ?

Id-Direttivi (UE) 2019/770 u (UE) 2019/771 jistabbilixxu rimedji kuntrattwali fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-merkanzija mal-kuntratt. Id-dispożizzjonijiet dwar ir-rimedji fil-GPSR għandhom l-għan li jiżguraw l-eliminazzjoni ta’ prodotti perikolużi mis-suq u rimedju adegwat għall-konsumatur. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-GPSR meta mqabbla mad-Direttivi (UE) 2019/770 u (UE) 2019/771 huma dawn li ġejjin:

fil-każ ta’ sejħa lura ta’ prodott skont il-GPSR, ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien biex jiġu attivati r-rimedji;

il-konsumatur huwa intitolat jitlob rimedji mingħand l-operatur ekonomiku rilevanti responsabbli għas-sejħa lura, mhux neċessarjament mingħand il-kummerċjant; u

fil-każ ta’ sejħa lura ta’ prodott, il-konsumatur ma jkollux għalfejn juri li l-prodott huwa perikoluż.

Il-konsumaturi jistgħu jagħżlu li jużaw jew ir-rimedji pprovduti fil-każ ta’ sejħa lura ta’ prodott perikoluż skont il-GPSR jew ir-rimedji għan-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti mal-kuntratt.

Eżempju: fil-każ ta’ sejħa lura ta’ prodott għar-raġunijiet ta’ sikurezza mibdija mill-manifattur, il-konsumaturi jistgħu jitolbu rimedji bbażati fuq l-avviż ta’ sejħa lura jew jistgħu jitolbu rimedji mingħand il-bejjiegħ li jkunu bbażati fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett perikoluż mal-kuntratt, jekk applikabbli.

Fi kwalunkwe każ:

ladarba l-konsumaturi jkunu ngħataw rimedju skont il-GPSR, ma jkunux jistgħu jitolbu rimedju għan-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett mal-kuntratt minħabba li l-prodott kien perikoluż; u

ladarba l-konsumaturi jkunu ngħataw rimedju skont id-Direttiva (UE) 2019/770 jew id-Direttiva (UE) 2019/771, dawn ma jistgħux jitolbu rimedju skont il-GPSR għall-istess kwistjoni ta’ sikurezza.

Madankollu, jekk ikun ġie pprovdut rimedju lill-konsumatur wara sejħa lura ta’ prodott perikoluż, iżda ma jiġux issodisfati rekwiżiti oħra għall-konformità rigward l-istess oġġett, il-bejjiegħ jibqa’ responsabbli għal tali nuqqas ta’ konformità tal-oġġett mal-kuntratt.

3.4.3.   X’inhu s-Safety Business Gateway?

Is-Safety Gate jinkludi tliet elementi:

Is-sistema ta’ twissija rapida dwar prodotti perikolużi mhux tal-ikel li biha l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar prodotti bħal dawn (Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate” );

Portal tal-web biex jinforma lill-pubbliku dwar il-miżuri meħuda kontra prodotti perikolużi u li jippermettilhom jippreżentaw ilmenti, kif ukoll jippermetti lill-fornituri ta’ swieq online jirreġistraw il-punt ta’ kuntatt tagħhom (il-Portal Safety Gate  (33));

Portal web li jippermetti lin-negozji jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jinformaw lill-awtoritajiet u lill-konsumaturi dwar prodotti u aċċidenti perikolużi (Safety Business Gateway).

Is-Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate” hija l-pjattaforma li permezz tagħha l-awtoritajiet u l-Kummissjoni jiskambjaw informazzjoni dwar miżuri meħuda kontra prodotti perikolużi mhux tal-ikel. Is-sistema fiha kemm informazzjoni pubblika kif ukoll data kunfidenzjali ristretta, b’din tal-aħħar tkun aċċessibbli biss għall-awtoritajiet irreġistrati.

Silta mill-informazzjoni ta’ twissija mis-Sistema tat-Twissija Rapida tiġi ppubblikata fuq il-Portal Safety Gate sabiex tinforma lill-pubbliku ġenerali dwar il-prodotti perikolużi. Il-fornituri tas-swieq online jeħtiġilhom jirreġistraw il-punti ta’ kuntatt tagħhom fuq il-Portal Safety Gate biex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni mal-awtoritajiet dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti. Il-fornituri rreġistrati tas-swieq online jistgħu jitolbu kredenzjali ta’ interoperabbiltà, li jippermettulhom jirċievu awtomatikament allerti ġodda, immedjatament wara l-pubblikazzjoni tagħhom fuq il-Portal Safety Gate.

Is-Safety Business Gateway huwa għodda li n-negozji jridu jużaw biex jinformaw lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar:

prodotti perikolużi li jkunu qiegħdu fis-suq; u/jew

aċċidenti li seħħew b’rabta ma’ tali prodotti.

Is-Safety Business Gateway huwa disponibbli fuq il-Portal Safety Gate (34).

X’tip ta’ informazzjoni għandi ndaħħal fis-Safety Business Gateway?

Sabiex tissottometti notifika permezz tas-Safety Business Gateway, trid toħloq kont tal-login tal-UE jew tidħol fil-kont tal-login eżistenti tal-UE tiegħek.

Imbagħad jeħtieġlek tikkodifika l-informazzjoni fis-Safety Business Gateway biex tidentifika l-prodott, tagħti dettalji dwar ir-riskju tal-prodott jew l-aċċident li seħħ, u tindika informazzjoni dwar il-katina tal-provvista tal-prodott.

X’jiġri mill-informazzjoni mdaħħla? Din issir awtomatikament notifika fis-Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate”?

L-informazzjoni mdaħħla fis-Safety Business Gateway issir disponibbli minnufih għall-awtoritajiet rilevanti kollha tas-sorveljanza tas-suq.

Jekk jiġu ssodisfati l-kriterji rilevanti, l-awtorità tista’ tiddeċiedi li toħloq notifika fis-Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate” bbażata fuq l-informazzjoni pprovduta.

Jekk inti ssottomettejt valutazzjoni tar-riskju, din tkun biss indikattiva għall-awtorità responsabbli, li tista’ tivvaluta l-livell ta’ riskju b’mod differenti.

Nista’ nuża s-Safety Business Gateway biex ninforma lill-konsumaturi?

Iva. Tista’ tissottometti informazzjoni fis-Safety Business Gateway li hija maħsuba biex tallerta lill-konsumaturi (pereż., avviż ta’ sejħa lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza). L-awtorità nazzjonali rilevanti tispezzjona l-informazzjoni sottomessa u, jekk din tissodisfa l-kriterji, toħloq notifika fis-Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate” bbażata fuq il-każ tas-Safety Business Gateway. L-informazzjoni pubblika mbagħad tkun magħmula disponibbli għall-konsumaturi fuq il-Portal Safety Gate. Madankollu, din ma tissostitwix l-obbligu tiegħek li tikkuntattja direttament lill-konsumaturi u li xxerred l-informazzjoni b’mod wiesa’, fejn rilevanti.

3.4.4.   Modifika sostanzjali

Huwa essenzjali li l-prodotti jibqgħu sikuri matul il-ħajja tagħhom.

Il-modifika ta’ prodott, b’mezzi fiżiċi jew diġitali, tista’ taffettwa n-natura u l-karatteristiċi tal-prodott b’mod li ma kienx previst fil-valutazzjoni tar-riskju inizjali tal-prodott u li tista’ tipperikola s-sikurezza tal-prodott. Għalhekk, tali modifika minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha titqies bħala modifika sostanzjali u, meta ma ssirx mill-konsumatur jew f’ismu, għandha twassal biex il-prodott jitqies bħala prodott ġdid minn manifattur differenti.

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali stipulat f’dan ir-Regolament, il-persuna li twettaq dik il-modifika sostanzjali titqies bħala l-manifattur u soġġetta għall-istess obbligi. Dak ir-rekwiżit għandu japplika biss fir-rigward tal-parti mmodifikata tal-prodott, dment li l-modifika ma taffettwax il-prodott kollu kemm hu. Sabiex jiġi evitat piż bla bżonn u sproporzjonat, il-persuna li twettaq il-modifika sostanzjali ma għandhiex tintalab tirrepeti t-testijiet u tipproduċi dokumentazzjoni ġdida b’rabta mal-aspetti tal-prodott li ma jkunux affettwati mill-modifika.

Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-persuna li twettaq il-modifika sostanzjali li turi li l-modifika ma taffettwax il-prodott kollu kemm hu.

Jekk jogħġbok kun af ukoll li jekk terġa’ timmarka l-prodotti u tpoġġihom fis-suq f’ismek, int titqies bħala l-manifattur ta’ dak il-prodott, u jkun jeħtieġlek iġġorr ir-responsabbiltajiet kollha ta’ manifattur.

3.4.5.   Kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq

L-operaturi ekonomiċi huma meħtieġa jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jipprovdulhom l-informazzjoni mitluba. Din il-kooperazzjoni tinkludi l-għoti tal-informazzjoni li ġejja mill-operaturi ekonomiċi meta din tintalab mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq:

Għal perjodu ta’ 10 snin:

Deskrizzjoni sħiħa tar-riskji maħluqa mill-prodott;

L-ilmenti relatati mal-prodotti;

L-aċċidenti magħrufa; u

Deskrizzjoni tal-miżuri korrettivi meħuda biex jiġu indirizzati r-riskji.

Għal perjodu ta’ 6 snin:

Informazzjoni dwar it-traċċabbiltà fir-rigward tal-fornituri li pprovdew il-prodott, jew part, komponent jew kwalunkwe software inkorporat fil-prodott; u

Informazzjoni dwar it-traċċabbiltà fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi li lilhom ġie pprovdut il-prodott.

Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu meħtieġa jipprovdu rapporti ta’ progress regolari dwar miżuri korrettivi lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

4.   Minn fejn nista’ nsib aktar informazzjoni?

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti fuq il-Portal Safety Gate (35) u fuq is-sit web pubbliku tal-Kummissjoni (36). F’dawn il-paġni, se ssib informazzjoni ġenerali dwar is-Sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur, kif ukoll informazzjoni dwar is-Safety Gate, ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti, il-Wegħda dwar is-Sikurezza tal-Prodotti+, il-kooperazzjoni internazzjonali dwar is-sikurezza, l-istandards u s-sorveljanza tal-prodotti.

Il- “Gwida Blu” dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti tal-UE (il-verżjoni tal-2022 hija l-aħħar verżjoni) (37) tipprovdi informazzjoni utli għan-negozji. Din tipprovdi deskrizzjoni komprensiva tal-liġijiet tal-Unjoni li jirregolaw il-prodotti u tal-kuntest li fih japplika l-GPSR. B’mod partikolari, il-Gwida Blu tispjega (fit-Taqsimiet 1.2–1.3) id-differenza bejn prodotti armonizzati u mhux armonizzati mill-perspettiva tas-sikurezza tal-prodott, fir-rigward tal-preżunzjoni tas-sikurezza, tas-sorveljanza tas-suq u tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi. Il-funzjonament tas-sorveljanza tas-suq fl-Unjoni huwa spjegat ukoll aktar (fit-Taqsima 7).

F’dak li jirrigwarda r-rwol tal-operaturi ekonomiċi kif previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2019/1020 (“persuna responsabbli fl-UE”), il-Kummissjoni adottat Linji Gwida  (38). Dawk il-Linji Gwida jassistu kemm lill-operaturi ekonomiċi kif ukoll lill-awtoritajiet superviżorji fl-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2019/1020.

Portal Safety Gate tal-Unjoni

Kuljum, l-awtoritajiet nazzjonali jibagħtu informazzjoni dwar il-miżuri meħuda jew ordnati kontra prodotti perikolużi mhux tal-ikel lis-Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate”. Kull twissija jkun fiha informazzjoni dwar il-prodott identifikat bħala perikoluż, deskrizzjoni tar-riskju u l-miżuri meħuda mill-operatur ekonomiku jew ordnati mill-awtorità.

Tista’ ssib l-aktar twissijiet riċenti tas-Safety Gate fuq il-Portal Safety Gate  (39), u fir-rapporti tiegħu ta’ kull ġimgħa (40), u tista’ tfittex kwalunkwe twissija ppubblikata mill-2005 (41). Tista’ wkoll tabbona fil-bullettin tas-Safety Gate (42) biex tirċievi l-lista sħiħa ta’ kull ġimgħa tal-aktar allerti reċenti ppubblikati.

Il-Portal Safety Gate jipprovdi wkoll link għas-Safety Business Gateway, fejn l-operaturi ekonomiċi jissottomettu notifiki ta’ prodotti perikolużi lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq kif ukoll linji gwida għall-implimentazzjoni prattika tas-Safety Business Gateway.

Il-Portal Safety Gate fih ukoll lista ta’ kuntatti rilevanti ta’ awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, li jittrattaw prodotti perikolużi mhux tal-ikel fl-Istati Membri.

Il-miżuri ta’ implimentazzjoni u delegati li jakkumpanjaw il-GPSR jipprovdu wkoll aktar informazzjoni, b’mod partikolari dwar:

ir-regoli dwar l-aċċess għas-Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate” u t-tħaddim tagħha, l-informazzjoni li għandha tiddaħħal f’dik is-Sistema, ir-rekwiżiti ta’ notifika u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-livell ta’ riskju  (43) ;

l-implimentazzjoni tal-interfaċċa interoperabbli tal-Portal Safety Gate għall-fornituri tas-swieq online  (44) ;

il-mudell tal-avviż ta’ sejħa lura  (45) ;

il-modalitajiet għall-konsumaturi u partijiet interessati oħra biex jinformaw lill-Kummissjoni dwar prodotti li jistgħu joħolqu riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi  (46) ;

l-indikaturi tal-output  (47) ; u

ir-rwoli u l-kompiti tal-punti uniċi ta’ kuntatt nazzjonali tas-Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate”  (48).

Fl-aħħar nett, ir-rapporti tal-attività (inklużi r-riżultati tat-testijiet) jiġu ppubblikati fil-qafas tal-Attivitajiet Koordinati dwar is-Sikurezza tal-Prodotti (CASP, Coordinated Activities of the Safety of Products), li matulhom l-awtoritajiet tal-UE u tal-EFTA jittestjaw flimkien prodotti speċifiċi. Tista’ ssib ukoll skedi informattivi b’messaġġi ewlenin għan-negozji li jistgħu jgħinuk tikseb informazzjoni dwar diversi kategoriji ta’ prodotti. Ir-rapporti finali u l-materjal ta’ informazzjoni huma disponibbli bil-lingwi kollha tal-Unjoni fil-Portal Safety Gate (49).

5.   Konklużjoni

Il-GPSR jiżgura s-sikurezza tal-prodotti u l-protezzjoni tal-konsumaturi. Dan jikkomplementa r-rekwiżiti speċifiċi imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-prodotti u b’mod aktar ġenerali mid-dritt tal-Unjoni. Għan-negozji, ir-Regolament jiċċara u jarmonizza r-responsabbiltajiet tagħhom relatati mas-sikurezza tal-prodotti u għalhekk jipprovdi ċertezza legali ogħla.

Il-konformità mal-obbligi tas-sikurezza tal-prodotti skont il-GPSR hija importanti sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji attivi fis-suq Uniku tal-Unjoni u jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. In-negozji li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom jistgħu jkunu soġġetti għal multi imposti mill-Istati Membri.

Huwa importanti li jiġi ssottolinjat li l-GPSR innifsu ma jirregolax ir-regoli dwar ir-responsabbiltà. Tista’ ssib aktar dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti fuq is-sit web tal-Kummissjoni (50).

Huwa importanti wkoll li jiġi ssottolinjat il-punt li r-rekwiżiti leġiżlattivi jistgħu jiġu kkomplementati b’mod sinifikanti ħafna minn inizjattivi volontarji li jkomplu jtejbu s-sikurezza tal-prodotti, u li jirrikonoxxu l-isforzi li jsiru (pereż. il-Wegħda dwar is-Sikurezza tal-Prodotti+ (51) jew il-Premju għas-Sikurezza tal-Prodotti) (52).

Il-GPSR jirrikonoxxi wkoll l-importanza ta’ skemi volontarji bħal dawn, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali, u jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-Kummissjoni l-għażla li jippromwovu memoranda volontarji ta’ qbil mal-operaturi ekonomiċi jew mal-fornituri ta’ swieq online, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-konsumaturi jew lill-operaturi ekonomiċi, li jkun fihom impenji volontarji biex tittejjeb is-sikurezza tal-prodotti. L-atturi rilevanti kollha huma mħeġġa jiżviluppaw inizjattivi bħal dawn.

Kuntatti

Għal mistoqsijiet speċifiċi oħra li jista’ jkollok, tista’ ssib aktar kuntatti tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq fuq il-Portal Safety Gate (53).


(1)  Ir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE (ĠU L 135, 23.5.2023, p.1).

(2)  Id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4–17).

(3)  Sit web tal-Portal Safety Gate: https://ec.europa.eu/safety-gate/#/screen/home.

(4)  Bl-eċċezzjoni ta’ ċerti obbligi tal-fornituri tas-swieq online kif spjegat fil-punt 3.3 ta’ din il-gwida.

(5)  Id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).

(6)  Ara, pereż., id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1698 tad-9 ta’ Ottubru 2019 dwar standards Ewropej għall-prodotti abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 259, 10.10.2019, p. 65–74).

(7)  Huwa importanti li jiġi nnutat li l-preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżit tas-sikurezza ġenerali deskritt hawnhekk ma għandhiex tipprevjeni lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq milli jieħdu l-miżuri kollha xierqa skont il-GPSR fejn ikun hemm evidenza li, minkejja tali preżunzjoni, il-prodott ikun perikoluż (ara l-Artikolu 7(3) tal-GPSR).

(8)  Tista’ tara l-lista fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1698 tad-9 ta’ Ottubru 2019 dwar standards Ewropej għall-prodotti abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 259, 10.10.2019, p. 65–74).

(9)  Ara wkoll il-Premessa 21 tal-GPSR.

(10)  Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni elenkata fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1–44), u kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li għalihom japplika dak ir-Regolament.

(11)  Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (riformulazzjoni) (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357–374).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1-44).

(13)  Ara l-Artikolu 23 tal-GPSR.

(14)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1–102).

(15)  Dan ma jeskludix li għal prodott ieħor, li għalih qed tipprovdi servizzi differenti, inti taqa’ taħt kategorija (kategoriji) ta’ negozju oħra skont il-GPSR. L-istess negozju jista’ jaqa’ taħt diversi kategoriji ta’ negozju, skont ir-rwol(i) li għandu fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti li jimmaniġġja.

(16)  Ara l-Artikolu 9(2) tal-GPSR.

(17)  Jekk jogħġbok żomm f’moħħok li l-Kapitolu III, it-Taqsima I tal-GPSR li tistabbilixxi l-obbligi fuq il-manifatturi, inkluż fir-rigward tad-dokumentazzjoni teknika, ma tapplikax fir-rigward ta’ prodotti soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, kif spjegat fit-Taqsima 2.2.

(18)  Ma għandekx għalfejn iżżomm dokumentazzjoni teknika tal-ispare parts tal-prodott tiegħek jekk ma tkunx qed timmanifatturahom. Jekk spare part partikolari li ma tamminifatturax inti taffettwa s-sikurezza tal-prodott tiegħek, allura għandek tqis dan l-aspett fl-analiżi tar-riskju tiegħek u tiddokumentah fid-dokumentazzjoni teknika tiegħek.

(19)  Approċċ simili huwa segwit ukoll fil-linji gwida tal-“Gwida Blu” dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti: L-Avviż tal-Kummissjoni, Il-“Gwida Blu” dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti tal-UE tal-2022 (ĠU C 247, 29.6.2022, p. 1–152).

(20)   https://webgate.ec.europa.eu/safety-business-gateway/screen/public/home.

(21)  Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-Anness I tad-Direttiva 2019/882 (id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70–115)), huma obbligatorji u għandhom jiġu implimentati sabiex jirriflettu l-użu prevedibbli tal-prodotti tiegħek minn persuni b’diżabilità.

(22)  Ara aktar indikazzjonijiet dwar il-mandat fil-“Gwida Blu” dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti tal-UE tal-2022 (ĠU C 247, 29.6.2022, p. 1–152).

(23)  Approċċ simili huwa segwit ukoll fil-linji gwida tal-“Gwida Blu” dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti tal-UE tal-2022 (ĠU C 247, 29.6.2022, p. 1–152).

(24)  Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-Anness I tad-Direttiva 2019/882 (id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70–115)), huma obbligatorji u għandhom jiġu implimentati sabiex jirriflettu l-użu prevedibbli tal-prodotti tiegħek minn persuni b’diżabilità.

(25)  L-Avviż tal-Kummissjoni Linji gwida għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar l-implimentazzjoni prattika tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti (ĠU C 100, 23.3.2021, p. 1–15).

(26)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1–102).

(27)  L-Artikolu 22(7), (9) u (11) tal-GPSR jinkludi speċifikazzjonijiet ta’ ċerti obbligi tad-DSA, jiġifieri l-Artikoli 23 u 31 tiegħu, u għalhekk isegwi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Skont l-Artikolu 19 (dwar l-Artikolu 23 u b’mod aktar ġenerali l-obbligi fit-taqsima 3 tal-Kapitolu III tad-DSA) u 29 tad-DSA (dwar l-Artikolu 31 u b’mod aktar ġenerali l-obbligi fit-taqsima 4 tal-Kapitolu III tad-DSA), dawk l-obbligi fil-prinċipju ma humiex applikabbli għall-fornituri ta’ pjattaformi li jikkwalifikaw bħala intrapriżi Mikro u Żgħar (SMicE, Micro and Small Enterprises). Madankollu, iż-żewġ Artikoli 19(2) u 29(2) tad-DSA jinkludu deroga minn dan il-prinċipju, b’tali mod li pjattaforma SMicE li tkun fl-istess ħin deżinjata bħala pjattaforma online kbira ħafna/magna tat-tiftix online kbira ħafna (VLOP/VLOSE, very large online platform/very large online search engine) tkun tabilħaqq soġġetta għal dawn l-obbligi. Għalhekk, id-dikjarazzjoni fit-tabella tfisser li l-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi tad-DSA inklużi fil-GPSR japplikaw għal kwalunkwe pjattaforma pprovduta minn intrapriżi medji u kbar (kif normalment previst fl-Artikoli 19 u 29 tad-DSA), kif ukoll għal kwalunkwe pjattaforma pprovduta minn SMicE li fl-istess ħin hija deżinjata bħala VLOP/VLOSE, minħabba li f’dak il-każ l-esklużjoni mill-applikazzjoni tat-taqsimiet 3 u 4 tad-DSA ma tapplikax.

(28)   https://ec.europa.eu/safety-gate/#/screen/pages/productSafetyPledge.

(29)  Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1435 tal-24 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward l-istabbiliment tal-mudell għal avviż ta’ sejħa lura (ĠU L 2024/1435, 27.5.2024, p.1).

(30)  Għandu jiġi nnotat li l-prodotti li huma koperti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà (id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70–115)), iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tiegħu. Id-direttiva tirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi jiżguraw li dawn il-prodotti jkunu akkumpanjati minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra. Dan jinkludi persuni b’diżabilità u dik l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli billi tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-Anness I tad-Direttiva.

(31)  Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1–27).

(32)  Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28–50).

(33)  Il-Portal Safety Gate jista’ jiġi aċċessat hawnhekk: https://ec.europa.eu/safety-gate/#/screen/home.

(34)   https://webgate.ec.europa.eu/safety-business-gateway/

(35)   https://ec.europa.eu/safety-gate/#/screen/pages/obligationsForBusinesses.

(36)   https://commission.europa.eu/business-economy-euro/doing-business-eu/eu-product-safety-and-labelling_mt.

(37)  Il-“Gwida Blu” dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti tal-UE tal-2022 (ĠU C 247, 29.6.2022, p. 1–152).

(38)  L-Avviż tal-Kummissjoni Linji gwida għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar l-implimentazzjoni prattika tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti (ĠU C 100, 23.3.2021, p. 1–15).

(39)   https://ec.europa.eu/safety-gate-alerts/screen/webReport#recentAlerts.

(40)   https://ec.europa.eu/safety-gate-alerts/screen/webReport#weeklyReports.

(41)   https://ec.europa.eu/safety-gate-alerts/screen/search?resetSearch=true.

(42)   https://ec.europa.eu/safety-gate-alerts/screen/webReport/subscription.

(43)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3173 tas-27 ta’ Awwissu 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar l-aċċess għal u t-tħaddim tas-Sistema ta’ Twissija Rapida Safety Gate, l-informazzjoni li għandha tiddaħħal f’dik is-Sistema, ir-rekwiżiti ta’ notifika u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-livell ta’ riskju (ĠU L, 2024/3173, 13.12.2024).

(44)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1459 tas-27 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-interfaċċa interoperabbli tal-Portal Safety Gate għall-fornituri tas-swieq online (ĠU L, 2024/1459, 28.5.2024).

(45)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1435 tal-24 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward l-istabbiliment tal-mudell għal avviż ta’ sejħa lura (ĠU L 2024/1435, 27.5.2024).

(46)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1740 tal-21 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-modalitajiet għall-konsumaturi u partijiet interessati oħra biex jinformaw lill-Kummissjoni dwar prodotti li jistgħu joħolqu riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi u għat-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati (ĠU L 2024/1740, 24.6.2024).

(47)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2958 tad-29 ta’ Novembru 2024 li jiddetermina l-indikaturi tal-output rilevanti għar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti (ĠU L 2024/2958, 2.12.2024).

(48)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2639 tad-9 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rwoli u l-kompiti tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali uniċi tas-Sistema tat-Twissija Rapida Safety Gate (ĠU L 2024/2639, 10.10.2024).

(49)   https://ec.europa.eu/safety-gate/#/screen/pages/casp.

(50)   https://single-market-economy.ec.europa.eu/single-market/goods/free-movement-sectors/liability-defective-products_mt.

(51)   https://ec.europa.eu/safety-gate/#/screen/pages/productSafetyPledge.

(52)   https://ec.europa.eu/safety-gate/#/screen/pages/safetyAward.

(53)   https://ec.europa.eu/safety-gate/#/screen/pages/contacts.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6233/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)