European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5971

17.11.2025

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2025 – Pakistan Ethanol Manufacturers Association vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-633/25)

(C/2025/5971)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Pakistan Ethanol Manufacturers Association (Lahore, il-Pakistan) (rappreżentant: V. Akritidis, M. Krestiyanova u J.-B. Blancardi, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors għal annullament tar-rikorrenti ammissibbli u fondat;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1206, tad-19 ta’ Ġunju 2025, dwar is-sospensjoni tal-preferenzi tariffarji tal-SĠP+ fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-etanol li joriġina mill-Pakistan (C/2025/3866) ikkontestat, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bir-referenza ĠU L, 2025/1206, fl-20 ta’ Ġunju 2025; u,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-użu inġustifikabbli mill-Kummissjoni tal-bażi legali żbaljata (Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 (1)), peress li ma setgħetx tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tintuża bażi legali speċifika (Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012).

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-fatti u tad-dritt fl-applikazzjoni tal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Ir-rikorrenti tinvoka seba’ partijiet insostenn tal-argument tagħha.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma ddefinixxietx b’mod ċar liema kodiċijiet doganali ntużaw fl-evalwazzjoni tagħha u hija kellha nuqqas ta’ informazzjoni ddettaljata għas-snin 2022 u 2023.

It-tieni nett, il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat tfixkil serju u ma pprovdietx motivazzjoni insostenn tal-konstatazzjonijiet tagħha.

It-tielet nett, il-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn hija għażlet il-perijodu ta’ referenza speċifiku.

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni arbitrarjament għażlet fatturi sabiex tiddetermina disturb serju tas-suq u spjegat għalfejn hija ma kinitx ħadithom inkunsiderazzjoni.

Il-ħames nett, kien hemm diskrepanzi fid-data ta’ produzzjoni tal-Kummissjoni u fl-indikazzjonijiet tal-industrija.

Is-sitt nett, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ma jissostanzjawx l-eżistenza ta’ tfixkil serju.

Is-seba’ nett, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha tal-prezzijiet u tal-bejgħ fuq motivazzjoni insuffiċjenti.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ stabbiliment ta’ rabta kawżali, mill-Kummissjoni, bejn l-importazzjonijiet tal-etanol mill-Pakistan u l-allegat tfixkil serju tas-suq taħt l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. It-tielet motiv jinkludi t-tliet partijiet li ġejjin.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta kkonkludiet li l-importazzjonijiet tal-etanol ikkawżaw l-allegat tfixkil serju tas-suq.

It-tieni, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li jiksru r-rabta kawżali, bħall-effett tal-COVID-19, il-gwerra fl-Ukraina u l-qafas ta’ politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli.

It-tielet nett, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parti l-kbira tal-etanol Pakistani importat fl-Unjoni kien intiż għall-produtturi tal-etanol tal-Unjoni stess.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-vulnerabbiltajiet kummerċjali tad-detentur tal-istatus ta’ SĠP+ u aġixxiet kontra l-ispirtu tal-iskema SĠP+.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ żvelar, mill-Kummissjoni, tat-talba inizjali u d-data li fuqha hija bbażata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, b’tali mod li nkisru d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni ġenerali, kif meħtieġ mill-Artikolu 296 TFUE. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx immotivata biżżejjed jew użat raġunament frammentarju.


(1)  Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU 2012, L 303, p. 1, u r-rettifka fil-ĠU 2015, L 272, p. 14).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5971/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)