European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5939

17.11.2025

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (l-Awstrija) fis-7 ta’ Awwissu 2025 – Flugzeugherstellerin

(Kawża C-538/25, Flugzeugherstellerin  (1) )

(C/2025/5939)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Flugzeugherstellerin

Konvenut: Bundesminister für Wirtschaft, Energie und Tourismus

Domandi preliminari

1.

Liema huma ċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk oġġett jistax jintuża wkoll “għal skopijiet militari” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-transitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (2)?

a.

Sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li oġġett jintuża wkoll “għal skopijiet militari” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2021/821 huwa meħtieġ li dan l-oġġett ikun jista’ jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-kapaċitajiet tal-forzi armati? Jew inkella, sabiex ikun hemm tali użu, huwa biżżejjed li l-oġġett iservi għat-taħriġ tal-persunal militari, f’sitwazzjoni fejn it-taħriġ bażiku li jista’ jingħata bl-użu ta’ dan l-oġġett ma jkunx differenti minn dak mogħti lil persunal ċivili paragunabbli, u f’sitwazzjoni fejn it-taħriġ speċifikament militari tal-persunal militari seħħ jew għandu jseħħ fi stadju sussegwenti bl-użu ta’ oġġett ieħor?

b.

Sabiex jiġi evalwat jekk oġġett jistax jintuża wkoll “għal skopijiet militari” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2021/821, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet militari tal-utent finali jew tad-destinatarju fil-pajjiż terz li lejh għandu jiġi esportat l-oġġett, is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż terz, il-possibbiltà ta’ konverżjoni tal-oġġett jew ir-riskju ta’ użu ħażin tal-oġġett, jew inkella l-evalwazzjoni għandha tikkonċerna biss l-istat tal-oġġett fil-mument tal-esportazzjoni tiegħu?

2.

L-Artikolu 207 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-esportazzjoni (3), jew dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, jippermettu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali għall-finijiet tal-eżami u, jekk ikun il-każ, tal-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ oġġett lejn pajjiż terz abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, irrispettivament minn jekk dan l-oġġett ikunx jew le oġġett b’użu doppju fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2021/821?


(1)  L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

(2)   ĠU 2021, L 206, p. 1.

(3)   ĠU 2015, L 83, p. 34.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5939/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)