European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5937

17.11.2025

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Awwissu 2025 – F Corporation vs Bundeszentralamt für Steuern

(Kawża C-533/25, F Corporation)

(C/2025/5937)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: F Corporation

Konvenut: Bundeszentralamt für Steuern

Domandi preliminari

1.

Il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE tipprevali fuq il-moviment liberu ta’ kapital stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE bħala kriterju ta’ evalwazzjoni għall-finijiet tal-kontroll previst fil-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-Körperschaftsteuergesetzes (il-Liġi dwar it-Taxxi fuq il-Kumpanniji, iktar ’il quddiem il-“KStG”), moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni tat-22 ta’ April 1966 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Ġappun dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul u taxxi speċifiċi oħra (iktar ’il quddiem “Konvenzjoni Ġermanja-Ġappun 1966”), peress li

minn naħa, huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu tnaqqis (definittiv) tat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-kapital ta’ 15 % fuq id-dividendi ddistribwiti mill-kumpannija b’responsabbiltà limitata (iktar ’il quddiem “GmbH”), indipendentement mill-ammont tas-sehem ta’ kumpannija omm Ġappuniża b’kapital azzjonarju,

iżda, min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni invokata mir-rikorrenti fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital tista’ sseħħ biss għaliex ir-rikorrenti għandha sehem ta’ mill-inqas 25 % fil-GmbH distributriċi u titlob ir-rimbors sħiħ tat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-kapital minbarra l-benefiċċju ta’ eżenzjoni tat-taxxa Ġappuniża ekwivalenti għal 95 % tad-dividendi,

sabiex ir-rikorrenti titlob, għall-konċentrazzjoni li hija tifforma mal-GmbH, eżenzjoni sħiħa tad-dividendi, simili għal dik tas-suq intern, bħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/435/KEE (1), kif emendata bid-Direttiva 2006/98/KE (2)?

2.

Jekk il-moviment liberu tal-kapital ma jiġix eskluż bħala kriterju ta’ evalwazzjoni:

il-ġbir tat-taxxa f’ras il-għajn finali fil-forma tat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-kapital fuq id-dividendi, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-KStG u tal-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ġermanja-Ġappun 1966 jikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital tar-rikorrenti, ikkawżata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta

minn naħa, it-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-kapital miġbura fuq id-dividendi tista’ wkoll, sa mill-1 ta’ April 2009, titnaqqas u tiġi rrimborsata fil-kalkolu tat-taxxa ta’ kumpanniji omm residenti, u

min-naħa l-oħra, qabel l-1 ta’ April 2009, skont l-Artikolu 23(2) tal-Konvenzjoni Ġermanja-Ġappun 1966, ir-rikorrenti setgħet tnaqqas kompletament it-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-kapital mit-taxxa tal-kumpanniji Ġappuniża,

iżda mill-1 ta’ April 2009 dan ma għadux possibbli għas-sempliċi fatt li d-dividendi mill-GmbH lir-rikorrenti huma 95 % eżenti għall-finijiet tat-taxxa dovuta mir-rikorrenti abbażi ta’ eżenzjoni Ġappuniża ġdida introdotta?

3.

Jekk tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital:

a)

Il-ġbir definittiv tat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-kapital skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-KStG u tal-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ġermanja-Ġappun 1966 jista’ jiġi ġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fil-forma ta’ tqassim tad-drittijiet ta’ tassazzjoni fuq id-dividendi skont l-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ġermanja-Ġappun 1966?

b)

Il-ġbir definittiv tat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-kapital jista’ jiġi ġġustifikat mill-fatt li r-rikorrenti ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital flimkien mal-eżenzjoni tad-dividendi fil-Ġappun, peress li dan ikun vantaġġ fiskali doppju?

4.

Fil-każ li l-ġbir definittiv tat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-kapital jikkostitwixxi restrizzjoni illegali u inġustifikata għall-moviment liberu tal-kapital:

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE li r-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital lir-rikorrenti jkun suġġett għall-kundizzjonijiet li:

minbarra l-preżentazzjoni ta’ ċertifikat tat-taxxa Ġermaniża li jikkonferma l-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, ir-rikorrenti għandha wkoll tindika f’euro l-ammont tat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-kapital li ma jistax jitnaqqas fil-Ġappun mit-taxxa fuq il-kumpanniji Ġappuniża matul is-sena ta’ riferiment fir-rigward tad-dividendi kkontestati, b’tali mod li r-rimbors għandu jingħata biss meta l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti tkun ġiet ivverifikata mill-Bundeszentralamt für Steuern (l-Uffiċċju Ċentrali Federali tat-Taxxi, iktar ’il quddiem il-“BZSt”) jew meta din l-informazzjoni tkun ġiet ikkonfermata mill-BZSt permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa Ġappuniżi;

filwaqt li, kumpannija omm b’kapital azzjonarju residenti għandha tipproduċi biss, għall-finijiet tat-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, waqt il-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji Ġermaniża, dikjarazzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi dwar il-ġbir u l-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147)

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li tadatta ċerti Direttivi fil-qasam tat-tassazzjoni, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU 2006, L 363M, p. 129)


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5937/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)