|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/5929 |
17.11.2025 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Lulju 2025 – Verband Sozialer Wettbewerb e.V. vs GUT GEKAUFT Reformhäuser GmbH
(Kawża C-435/25, Gut gekauft Reformhäuser)
(C/2025/5929)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtschof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Verband Sozialer Wettbewerb e.V.
Konvenut: GUT GEKAUFT Reformhäuser GmbH
Domandi preliminari:
|
1) |
Distributur li ma huwiex persuna responsabbli fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi għandu, skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament, raġuni għalfejn jaħseb li r-reklamar magħmul minn manifattur ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tal-istess regolament meta huwa juża r-reklamar imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu mill-manifattur għal finijiet kummerċjali tiegħu stess, mingħajr ma jivverifika jekk il-funzjonijiet tal-prodott kożmetiku li huwa s-suġġett tar-reklamar humiex issostanzjati b’mod suffiċjenti? Jew id-distributur għandu biss taħt ċerti kundizzjonijiet – u fl-affermattiv, taħt liema – raġuni għalfejn jaħseb, skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament, li r-reklamar tal-manifattur li huwa juża ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, u għandu jivverifika jekk il-funzjonijiet tal-prodott kożmetiku li huwa s-suġġett tar-reklamar humiex suffiċjentement issostanzjati? |
|
2) |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jipprekludu li r-reklamar ta’ distributur li fih allegazzjoni qarrieqa magħmula mill-manifattur fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ prodott kożmetiku jitqies bħala prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2005/29/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali)? |
(1) ĠU 2009, L 342, p. 59, rettifiki fil-ĠU 2017, L 191, p. 12, fil-ĠU 2021, L 129, p. 162, u fil-ĠU 2021, L 224, p. 43.
(2) ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5929/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)