European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5886

11.11.2025

Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-funzjoni ta’ Direttur tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)

(Aġent Temporanju — Grad AD 14)

(COM/2025/20115)

(C/2025/5886)

 

Min aħna

Il-kompetenzi inizjali tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (minn issa ’l quddiem l-“Aġenzija” jew l-“ACER”) ġew stabbiliti fir-Regolament ta’ twaqqif (1) tagħha fl-2009. Minn dak iż-żmien, l-Aġenzija ġiet assenjata aktar kompiti u responsabbiltajiet biex issegwi aħjar l-integrazzjoni tas-suq intern Ewropew tal-enerġija, inkluż bir-Regolament REMIT, il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, ir-Regolament Rivedut dwar il-Linji Gwida għall-Infrastruttura tal-Enerġija Trans-Ewropea, ir-Regoli l-ġodda dwar id-Disinn tas-Suq tal-Elettriku, ir-Regolament REMIT II, u l-Pakkett dwar is-Swieq tal-Idroġenu u tal-Gass Dekarbonizzat (2). Dawk ir-Regolamenti saħħew ir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija fir-rigward tal-koordinazzjoni mal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (ARN), tal-kooperazzjoni transfruntiera, tal-promozzjoni tal-konverġenza regolatorja u tal-allinjament tal-kompiti tagħha mal-miri ġenerali tal-politika.

B’riżultat ta’ dan, illum il-kompetenzi tal-Aġenzija jinkludu l-kategoriji wesgħin li ġejjin:

1.

Tiżgura l-governanza, l-konformità u l-koordinazzjoni tan-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E, European Network of Transmission System Operators for Electricity), tan-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Gass (ENTSOG, European Network of Transmission System Operators for Gas), tan-Network Ewropew tal-Operaturi ta’ Network għall-Idroġenu (ENNOH, European Network of Network Operators for Hydrogen) u tal-Entità Ewropea għall-Operaturi tas-Sistema tad-Distribuzzjoni (entità tal-UE għad-DSO).

2.

Tmexxi ’l quddiem is-suq intern tal-enerġija fl-elettriku, il-gass u l-idroġenu billi tikkontribwixxi għall-iżvilupp, l-emendar u l-implimentazzjoni ta’ Kodiċijiet tan-Network u Linji Gwida.

3.

Tiffaċilita l-koordinazzjoni, is-sorveljanza u l-appoġġ għall-awtoritajiet regolatorji madwar l-UE billi tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet transfruntiera u tekniċi, billi toħroġ deċiżjonijiet u opinjonijiet vinkolanti jew konsultattivi dwar kwistjonijiet regolatorji.

4.

Tissorvelja u tappoġġa l-funzjonament effettiv taċ-Ċentri ta’ Koordinazzjoni Reġjonali, toħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet biex tiżgura li l-operat tagħhom ikun f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

5.

Tiżgura s-sorveljanza effettiva tal-Operaturi Nominati tas-Suq tal-Elettriku, toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea u titlob l-informazzjoni kif meħtieġ.

6.

Tikkoordina metodoloġiji u valutazzjonijiet għall-adegwatezza tal-provvista ġenerata, il-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà, it-tħejjija għar-riskji, u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u tapprova proposti relatati.

7.

Tagħti opinjoni dwar l-abbozzi tax-xenarji konġunti għall-pjan ta’ 10 snin għall-iżvilupp tan-network, tagħti opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar il-pjanijiet ta’ żvilupp tan-network għall-Unjoni kollha għall-elettriku, il-gass u l-idroġenu u r-rapporti biennali dwar id-distakki fl-infrastruttura, u tappoġġa l-iżvilupp ta’ proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropej.

8.

Timmonitorja l-integrità u t-trasparenza tas-suq tal-enerġija bl-ingrossa fl-UE kollha, toħroġ dokumenti ta’ gwida u taġġorna d-dokumentazzjoni REMIT tiegħu, teżerċita setgħat investigattivi f’każijiet transfruntiera, li jikkomplementaw ir-rwol tal-ARN.

X’qegħdin nipproponu

Id-Direttur imexxi u jimmaniġġja l-Aġenzija u huwa r-rappreżentant legali tagħha u jieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi. Id-Direttur huwa responsabbli quddiem il-Bord Amministrattiv, u jaħdem mill-qrib mal-Bord ta’ Regolaturi, li jikkonsisti minn rappreżentanti regolatorji għoljin minn kull Stat Membru, biex iwettaq il-pjan ta’ ħidma tal-Aġenzija. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu wkoll lid-Direttur jippreżenta rapport dwar it-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. Matul il-mandat tiegħu, id-Direttur jista’ jiġi mistieden ukoll jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet imressqa mill-membri ta’ dak il-kumitat.

Id-Direttur ikollu wkoll rwol fundamentali biex jiżgura li l-Aġenzija tilqa’ l-isfidi li jirriżultaw minn kwalunkwe bidla fil-leġiżlazzjoni jew fir-realtajiet tas-suq. Huwa se jkun kruċjali għall-monitoraġġ tal-progress tal-Aġenzija skont il-kompiti statutorji tagħha.

Id-Direttur huwa responsabbli biex jiżgura l-kontinwità tal-operat tal-Aġenzija u jtejjeb l-istrutturi amministrattivi, operattivi u finanzjarji meħtieġa għall-operat xieraq tal-Aġenzija, inkluż ir-reklutaġġ tal-persunal.

Lista mhux eżawrjenti tal-kompiti tad-Direttur tinkludi dan li ġej:

jadotta u jippubblika opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-Aġenzija wara konsultazzjoni mal-gruppi ta’ ħidma rilevanti u wara li jirċievi opinjoni favorevoli tal-Bord ta’ Regolaturi, u f’kooperazzjoni mal-ARN meta meħtieġ mir-Regolament ACER,

jappoġġa l-ħidma tal-Bord Amministrattiv skont ir-Regolament ACER,

jirrekluta u jissorvelja l-persunal tal-Aġenzija u jrawwem spirtu ta’ tim u ambjent tax-xogħol tajbin,

iħejji l-abbozz annwali tal-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija kif ukoll ir-rappurtar annwali tal-Aġenzija,

jimplimenta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija, taħt il-gwida tal-Bord ta’ Regolaturi u taħt il-kontroll tal-Bord Amministrattiv,

ifassal l-abbozz ta’ baġit preliminari tal-Aġenzija u jimplimenta l-baġit imsemmi,

jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-funzjonament tal-Aġenzija, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi,

jeżerċita s-setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra bir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u lill-awtorità inkarigata biex tikkonkludi l-kuntratti bil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea,

jikkomunika mal-pubbliku dwar il-kwistjonijiet kollha fil-kompetenza tal-Aġenzija.

Il-kariga ta’ Direttur tal-Aġenzija hija impjieg full-time impenjattiva li tirrikjedi livell għoli ta’ investiment professjonali li fil-prinċipju ma jippermettix it-twettiq ta’ attivitajiet professjonali oħrajn ta’ natura mhux direttament marbuta mal-ispeċifikazzjonijiet tal-impjieg. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe eċċezzjoni għal din il-kunsiderazzjoni li b’mod eċċezzjonali tista’ tingħata mill-Bord Amministrattiv, f’konformità mal-Artikolu 12b tar-Regolamenti tal-Persunal (3).

Deskrizzjoni aktar dettaljata tal-kompiti tinsab fir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

X’qegħdin infittxu (il-kriterji tas-selezzjoni)

Il-kandidati jenħtieġ li jkollhom:

 

Ħiliet fil-maniġment

il-kapaċità li jmexxu u jimmaniġġjaw aġenzija deċentralizzata, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell ta’ tmexxija interna, u jindirizzaw l-isfidi li jiltaqa’ magħhom korp li jinteraġixxi ma’ diversi partijiet ikkonċernati u ma’ dawk tal-ARN; esperjenza rilevanti fil-livell nazzjonali u/jew Ewropew tkun ta’ vantaġġ,

il-kapaċità li jimmaniġġjaw b’mod effettiv riżorsi finanzjarji sinifikanti inklużi l-ippjanar baġitarju u l-kontroll intern; esperjenza ta’ sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ sistemi ta’ mmaniġġjar tar-riskju tkun ta’ vantaġġ,

esperjenza fi prattiki ta’ mmaniġġjar li jtejbu l-effiċjenza, bħall-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi f’konformità ma’ prijoritajiet ġodda, kif ukoll esperjenza ta’ ġestjoni finanzjarja f’ambjent nazzjonali u/jew Ewropew tkun ta’ vantaġġ,

suċċess ippruvat fit-tmexxija u l-immaniġġjar tal-persunal, b’mod partikolari l-kapaċità li jmexxu, jimmotivaw, u jiżviluppaw bl-aħjar mod il-potenzjal ta’ grupp, li jinkludi persunal kemm amministrattiv kif ukoll tekniku; esperjenza miksuba f’kuntest multikulturali u multilingwi tkun ta’ vantaġġ.

 

Ħiliet u esperjenza speċjalizzati

għarfien u esperjenza estensivi f’wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin: il-politika regolatorja tal-enerġija, is-superviżjoni tas-suq tal-enerġija, id-disinn tas-suq fil-livell tal-UE u/jew nazzjonali,

fehim tajjeb tal-istituzzjonijiet tal-UE u kif joperaw u jinteraġġixxu flimkien,

kapaċità li jiżviluppaw viżjoni strateġika għall-Aġenzija.

 

Ħiliet ta’ komunikazzjoni u personali

ħiliet eċċellenti ta’ komunikazzjoni u kapaċità ppruvata li jikkomunikaw b’mod fluwenti, ċar u effettiv mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni,

ħila eċċellenti li jibnu relazzjonijiet ta’ ħidma fdati mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u mal-partijiet ikkonċernati,

standards etiċi għoljin, trasparenza, u sens qawwi ta’ responsabbiltà fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-immaniġġjar tar-riżorsi, u li jrawmu l-fiduċja mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni.

Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni (ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati jiġu kkunsidrati għall-fażi tas-selezzjoni fuq il-bażi tar-rekwiżiti formali li ġejjin biss, li jridu jiġu ssodisfati sa meta jagħlqu l-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Lawrja jew diploma mill-università: il-kandidati jrid ikollhom:

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma u ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ 4 snin jew aktar;

inkella livell ta’ edukazzjoni, li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas 3 snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali post-universitarja meħtieġa hawn taħt).

Għandhom jitqiesu biss diplomi li jkunu ngħataw fl-Istati Membri tal-UE jew li jkunu s-suġġett ta’ ċertifikati ta’ ekwivalenza maħruġin mill-awtoritajiet ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri.

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom tal-inqas 15-il sena esperjenza professjonali postgradwatorja (4) f’livell li l-kwalifiki msemmija hawn fuq jagħtu aċċess għalih. Mill-inqas 5 snin minn din l-esperjenza professjonali trid tkun fil-qasam tal-attivitajiet tal-Aġenzija.

Esperjenza maniġerjali: mill-inqas 5 snin mill-esperjenza professjonali postgradwatorja jridu jkunu nkisbu f’kariga maniġerjali ta’ livell għoli (5), idealment f’qasam rilevanti għal din il-kariga.

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali. Matul l-intervista/intervisti, il-bordijiet tas-selezzjoni jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li l-intervista, jew parti minnha, issir f’din il-lingwa l-oħra.

Età massima: il-kandidati jridu jkunu jistgħu jlestu l-mandat kollu ta’ 5 snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar, mill-mument tal-għeluq tal-applikazzjoni. Fil-każ tal-persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (7)).

Selezzjoni u ħatra

Id-Direttur se jinħatar mill-Bord Amministrattiv tal-ACER, wara opinjoni favorevoli tal-Bord ta’ Regolaturi, fuq il-bażi ta’ lista qasira pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.

Biex tistabbilixxi din il-lista qasira, il-Kummissjoni Ewropea torganizza selezzjoni f’konformità mal-proċeduri ta’ selezzjoni u ta’ reklutaġġ tagħha (ara d-Dokument ta’ Kompilazzjoni dwar il-Politika dwar Uffiċjali Għolja (8)).

Bħala parti minn din il-proċedura tas-selezzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bord tal-preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà u jidentifika l-kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tas-selezzjoni msemmija hawn fuq, u li jkunu jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord tal-preselezzjoni. Il-kandidati jistgħu jintalbu jipprovdu mill-Kummissjoni Ewropea dokumenti li jsostnu l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni tagħhom fi kwalunkwe mument tal-proċedura. Jekk ma jagħtux dawn id-dokumenti sal-iskadenza stabbilita fit-talba, jistgħu jiġu esklużi mis-selezzjoni.

B’segwitu ta’ dawn l-intervisti, il-bord tal-preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal aktar intervisti mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (CCA, Consultative Committee on Appointments) tal-Kummissjoni Ewropea. Is-CCA, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord tal-preselezzjoni, jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati li jkunu mistiedna għal intervista mas-CCA jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ evalwazzjoni tal-ħiliet maniġerjali mmexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, is-CCA jistabbilixxi lista qasira tal-kandidati li jqis idonei biex jeżerċitaw il-kariga ta’ Direttur tal-ACER.

Il-kandidati fil-lista qasira tas-CCA jiġu intervistati mill-Membru(i) tal-Kummissjoni responsabbli għad-Direttorat Ġenerali inkarigat mir-relazzjonijiet mal-Aġenzija (9).

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tadotta lista qasira ta’ mill-inqas tliet kandidati, li tiġi kkomunikata lill-Bord Amministrattiv tal-ACER. Dan tal-aħħar jista’ jiddeċiedi li jintervista l-kandidati qabel jaħtar id-Direttur minn fost il-kandidati fuq il-lista l-qasira tal-Kummissjoni. L-inklużjoni fuq il-lista mqassra ma tiggarantixxix il-ħatra.

Il-kandidati jistgħu jintalbu jagħmlu iktar intervisti u/jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq. Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu.

Il-kandidat magħżul għandu jkollu, jew ikun f’pożizzjoni li jikseb, ċertifikat validu ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà mingħand l-awtorità tas-sigurtà nazzjonali tiegħu. Approvazzjoni ta’ sigurtà personali hija deċiżjoni amministrattiva wara investigazzjoni ta’ sigurtà mwettqa mill-awtorità tas-sigurtà nazzjonali kompetenti tal-individwu f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli tas-sigurtà, u li tiċċertifika li individwu jkun jista’ jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat. (Kun af li jista’ jingħata bidu għall-proċedura meħtieġa biex tinkiseb l-approvazzjoni tas-sigurtà wara li ssir talba minn min iħaddem biss, u mhux mill-persuna interessata).

Sakemm l-approvazzjoni tas-sigurtà personali ma tkunx għadha ngħatat mill-Istat Membru kkonċernat u l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ma tkunx kompluta bl-informazzjoni legalment meħtieġa mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, il-persuna interessata ma tkunx tista’ taċċessa l-Informazzjoni Klassifikata tal-UE (EUCI, EU Classified Information) fil-livell ta’ CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla, u lanqas tattendi laqgħat li fihom tiġi diskussa tali EUCI.

Diversità u Inklużjoni

L-Aġenzija tirrikonoxxi li bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huwa fattur motivazzjonali importanti għal ħafna persuni u li x-xogħol flessibbli huwa dejjem aktar mistenni li jkun parti minn ambjent tax-xogħol modern. Bħala impjegatur, l-Aġenzija hija impenjata li tiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li tipprevjeni d-diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni. Hija tilqa’ b’mod attiv l-applikazzjonijiet mill-kandidati kwalifikati kollha minn ambjenti diversi, minn fost il-kapaċitajiet kollha u mill-bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli fost l-Istati Membri tal-UE. Sabiex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-Aġenzija tinkoraġġixxi applikazzjonijiet b’mod partikolari min-nisa. Tista’ tingħata assistenza lil persuni b’diżabbiltà matul il-proċedura ta’ reklutaġġ.

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma stabbiliti fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidat li rnexxa jiġi ingaġġat mill-Bord Amministrattiv tal-ACER bħala Aġent Temporanju fil-grad AD 14 (10) u jiġi kklassifikat skont it-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu fl-iskala 1 jew fl-iskala 2 f’dak il-grad.

Il-kandidat li rnexxa jinħatar għal mandat inizjali ta’ 5 snin, b’estensjoni possibbli għal massimu ta’ 5 snin skont ir-Regolament (UE) 2019/942.

L-applikanti għandhom jieħdu nota tar-rekwiżit skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea li l-persunal il-ġdid kollu għandu jtemm b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

Il-post tal-impjieg huwa Ljubljana (is-Slovenja), fejn hija bbażata l-ACER.

Il-kariga hija disponibbli mis-16 ta’ Ottubru 2025.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħol tal-bordijiet tas-selezzjoni huwa kunfidenzjali. Il-kandidati ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri individwali tagħhom, u dan lanqas ma jista’ jsir f’isimhom minn xi ħadd ieħor. Kwalunkwe mistoqsija għandha tiġi indirizzata lis-segretarjat tal-bord rilevanti.

Protezzjoni tad-data personali

Il-Kummissjoni tiżgura li d-data personali tal-kandidati tkun ipproċessata kif meħtieġ bir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ tali data.

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Qabel jibda jaqdi dmirijietu, id-Direttur jintalab jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li jiddikjara kwalunkwe interess li jista’ jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.

Proċedura tal-applikazzjoni

Qabel tibgħat l-applikazzjoni tiegħek, jenħtieġ li tivverifika b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha (“Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni”), b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kapaċità lingwistika meħtieġa. Kwalunkwe persuna interessata li ma tissodisfax xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà tiġi awtomatikament eskluża mill-proċedura tas-selezzjoni.

Jekk tkun trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fis-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jirrigwardaw id-diversi stadji tal-proċedura:

 

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jibqa’ jsir kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għalhekk, żomm lill-Kummissjoni Ewropea infurmata bi kwalunkwe bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, trid ittella’ CV f’format PDF, preferibbilment billi tuża l-format tas-CV tal-Europass (12), u tikteb ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa fl-interess tiegħek li tiżgura li l-applikazzjoni tiegħek tkun preċiża, dettaljata u veritiera.

Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċevix ittra elettronika ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Kun af li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Il-Kummissjoni Ewropea tikkuntattjak direttament rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu b’ittra elettronika ma jiġux aċċettati. Jekk tkun teħtieġ iktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, ibgħat ittra elettronika lil:

HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online fil-ħin. Nagħtuk parir li ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, minħabba li traffiku qawwi fuq l-Internet jew xi problema fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tintemm qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba tiskadi d-data tal-għeluq biex jintbagħtu r-reġistrazzjonijiet, inti ma tkunx tista’ ddaħħal iktar data. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija d- 9 ta’ Diċembru 2025, f’12:00 nofsinhar, ħin ta’ Brussell, u wara din id-data ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011; ir-Regolament (UE) 2019/942, ir-Regolament (UE) 2019/943, u d-Direttiva (UE) 2019/944; ir-Regolament (UE) 2022/869; id-Direttiva (UE) 2024/1711 u r-Regolament (UE) 2024/1747); ir-Regolament (UE) 2024/1106; id-Direttiva (UE) 2024/1788 u r-Regolament (UE) 2024/1789.

(3)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20250513.

(4)  Esperjenza professjonali titqies biss jekk tirrappreżenta relazzjoni ta’ xogħol attwali definita bħala xogħol reali, ġenwin, fuq bażi ta’ ħlas u bħala impjegat (kwalunkwe tip ta’ kuntratt) jew fornitur ta’ servizz. L-attivitajiet professjonali li jkunu saru fuq bażi part-time għandhom jiġu kkalkulati pro rata, fuq il-bażi tal-persentaġġ iċċertifikat ta’ sigħat full-time li jkunu nħadmu. Il-leave tal-maternità/parentali/għall-adozzjoni jitqies jekk ikun fil-qafas ta’ kuntratt ta’ xogħol. Id-dottorati (PhDs) huma assimilati mal-esperjenza professjonali, anki meta mhux bi ħlas, iżda għal perjodu ta’ mhux aktar minn 3 snin, dment li d-dottorat ikun tlesta b’suċċess. Kull perjodu jista’ jingħadd darba biss.

(5)  Għas-snin kollha li matulhom tkun inkisbet l-esperjenza maniġerjali, il-kandidati għandhom jindikaw b’mod ċar fil-curriculum vitae tagħhom: (1) l-isem u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom; (2) l-għadd ta’ persunal li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits ġestiti; (4) l-għadd ta’ saffi ġerarkiċi fuqhom u taħthom; u (5) l-għadd ta’ kollegi fl-istess livell.

(6)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01958R0001-20130701.

(7)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20250513.

(8)   Microsoft Word - Compilation doc on Snr managers policy SEC_2004_1352.doc (europa.eu) (teżisti biss bl-Ingliż)

(9)  Sakemm il-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 (PV(2007) 1811) u tat-30 ta’ Settembru 2020 (PV(2020) 2351), ma jkunx iddelega dan il-kompitu.

(10)  Il-koeffiċjent tal-korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni u għall-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea għas-Slovenja huwa stabbilit fil-livell ta’ 85,9 % mill-1 ta’ Lulju 2024. Dan il-koeffiċjent huwa suġġett għal reviżjoni annwali.

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(12)  Tista’ ssib informazzjoni dwar kif toħloq is-CV tal-Europass tiegħek online hawnhekk: https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5886/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)