European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5865

10.11.2025

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2025 – De Capitani vs EUAA

(Kawża T-661/25)

(C/2025/5865)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Emilio De Capitani (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: P. Regina u C. Favilli, avvocate)

Konvenut: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju, ikkonfermata fit-18 ta’ Lulju 2025, li permezz tagħha l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil iddikjarat li t-talba konfermattiva, imressqa mir-rikorrent fil-5 ta’ Lulju 2025, kellha titqies inammissibbli minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1);

tikkundanna lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motiv li ġej:

1.

Skont ir-rikorrent, kemm interpretazzjoni letterali kif ukoll sistematika tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/01 teskludi li t-termini proċedurali previsti fih jistgħu jiġu kklassifikati bħala termini ta’ skadenza perentorji u imperattivi, kemm fir-rigward tal-amministrazzjoni kkonċernata kif ukoll fir-rigward tal-applikant individwali.

Dan ir-regolament jistabbilixxi, fil-fatt, “djalogu” bejn il-parti fil-kawża u l-amministrazzjonijiet tal-Unjoni u dan id-djalogu għandu jiżvolġi fl-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ raġonevolezza kif ukoll tal-favor civis (jew the duty of care), li huwa l-bażi tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti bħala strument intiż li jiggarantixxi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-obbligu ta’ trasparenza amministrattiva (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Jannar 2022, Dragnea vs Il-Kummissjoni, C 351/20 P, ECLI:EU:C:2022:8, b’mod partikolari l-punt 72).

L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-obbligu għal kull amministrazzjoni tal-Unjoni li tittratta l-kwistjonijiet li jirrigwardaw lill-partijiet fil-kawża “b’mod imparzjali u ġust”, żewġ modalitajiet inkompatibbli, min-natura tagħhom, ma’ kull forma ta’ severità proċedurali amministrattiva li ma tissodisfax rekwiżiti ġenerali superjuri tad-dritt tal-Unjoni.

Skont ir-rikorrent, li tiddeċiedi ex autoritate r-revoka awtomatika tad-dritt li tiġi ppreżentata talba konfermattiva u anki li tirrifjuta li teżamina l-kontenut tagħha imur kontra, “il-kontenut essenzjali” tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti protetti mill-Artikoli 41, 42 u 52 tal-Karta u jista’ tikkostitwixxi eċċess ta’ poter.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5865/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)