European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5863

10.11.2025

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2025 – Mowi Poland vs EFSA

(Kawża T-657/25)

(C/2025/5863)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Mowi Poland S.A. (Ustka, il-Polonja) (rappreżentanti: Z. Kiedacz u K. Puchalska, avukati)

Konvenut: L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-EFSA tal-14 ta’ Lulju 2025 mogħtija fil-każ li qed jiġi eżaminat mill-EFSA bir-referenza 00020121 u li tiċħad it-talba għal aċċess għal dokumenti pubbliċi mressqa minn Mowi Poland S.A. imressqa fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, u

tikkundanna lill-EFSA għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur, mill-EFSA, tal-Artikolu 15(3) TFUE flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001.

L-Artikolu 15(3) TFUE moqri flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedu d-dritt ġenerali li kull persuna ġuridika li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru jkollha aċċess għad-dokumenti tal-korpi tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-prinċipji ġenerali u mal-limiti li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, iddefiniti bir-Regolament Nru 1049/2001. L-adozzjoni mill-EFSA ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija manifestament ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur, mill-EFSA, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti legali adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma suġġetti għall-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att inkwistjoni. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprevedi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Fil-każ li l-EFSA tadotta deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament 1049/2001, id-deċiżjoni ma tkun akkumpanjata minn ebda motivazzjoni, liema fatt ikun manifestament jikser l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill-imsemmija żewġ dispożizzjonijiet.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5863/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)