European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5809

10.11.2025

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Győri Törvényszék (l-Ungerija) fis-26 ta’ Mejju 2025 – SQ, JL vs Trive Bank Hungary Zrt., Erinum Capital Zrt.

(Kawża C-351/25, Trive Bank Hungary u Erinum Capital)

(C/2025/5809)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Győri Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SQ, JL

Konvenuti: Trive Bank Hungary Zrt. u Erinum Capital Zrt.

Domandi preliminari

1.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 169 TFUE, l-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1), jipprekludu l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali meta, skont dan id-dritt,

l-azzjoni tal-konsumatur intiża li tiġi kkonstatat l-invalidità ta’ kuntratt, minħabba l-preżenza fih ta’ klawżola li huwa jqis li hija inġusta, u li jinsiltu l-konsegwenzi legali ta’ din l-invalidità hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li jibdew jiddekorru mix-xoljiment unilaterali tal-kuntratt mill-mutwant, anki jekk il-konsumatur jinvoka mhux biss l-invalidità tal-kuntratt, iżda wkoll l-illegalità tax-xoljiment, li jqis li tirriżulta mill-eżistenza ta’ din il-klawżola inġusta, u

f’tali każ, l-eżami tal-preskrizzjoni għandu dejjem jippreċedi l-eżami tal-invalidità tal-kuntratt minħabba l-preżenza ta’ klawżola inġusta u l-eżami tal-illegalità marbuta max-xoljiment unilaterali, anki jekk il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni huwa l-mument tax-xoljiment unilaterali tal-kuntratt, liema xoljiment il-konsumatur iqis bħala illegali?

2.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 169 TFUE, l-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludu l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali meta, skont dan id-dritt, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata li l-mutwant jista’ jibda sabiex jinforza t-talba tiegħu, minn naħa, u l-eċċezzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ klawżola inġusta mqajma mill-konsumatur kontra din it-talba, min-naħa l-oħra, huma suġġetti għal termini ta’ preskrizzjoni distinti, għar-raġuni li, skont id-dritt nazzjonali, il-punt tat-tluq tal-azzjoni tal-konsumatur li titlob kemm li jiġu stabbiliti l-konsegwenzi legali tal-invalidità tal-kuntratt kif ukoll li tiġi ddikjarata din l-invalidità huwa d-data tax-xoljiment tal-kuntratt mill-mutwant, data li minnha l-azzjoni tal-konsumatur hija preskritta b’ħames snin, anki jekk il-kreditur, sabiex jinvoka t-talba tiegħu, jibda proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata kontra l-konsumatur ibbażata fuq att notarili, li ma tagħti lok għal ebda kontroll tan-natura abbużiva tal-klawżola inkwistjoni?

3.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 169 TFUE, l-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludu l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali meta, skont dan id-dritt, l-azzjoni tal-konsumatur sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tal-kuntratt kollu minħabba l-preżenza fih ta’ klawżola inġusta, minn naħa, u l-azzjoni tiegħu għal ħlas lura, bħala konsegwenza legali ta’ din l-invalidità, min-naħa l-oħra, ma jitqisux bħala akkumulazzjoni ta’ talbiet u għalhekk bħala azzjonijiet indipendenti għall-finijiet tal-preskrizzjoni, jekk minn dak li ntqal jirriżulta li, ladarba l-azzjoni għal ħlas lura tkun preskritta, kwalunkwe stħarriġ tan-natura ingusta tal-klawżola inkwistjoni u kwalunkwe konstatazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt huma esklużi bħala tali, b’tali mod li lanqas ma jkun possibbli li wieħed ma jkun jista’ jopponi bl-ebda mod l-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bil-għan li jwaqqaf tali proċedura?

4.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 169 TFUE, l-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludu l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali meta, skont dan id-dritt, il-ġurisprudenza żviluppata għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali dwar formulazzjoni ambigwa u inkomprensibbli u n-natura inġusta ta’ klawżoli li jqiegħdu r-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur għandha tiġi injorata meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat jekk il-konsumatur setax raġonevolment jagħraf in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u jekk il-preskrizzjoni tkun ġietx sospiża jew le b’riżultat ta’ dan?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5809/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)