European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5641

20.10.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/5641)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Valcalepio”

PDO-IT-A1366-AM03 — 1.8.2025

1.   Isem il-prodott

Valcalepio

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP)

Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP)

Indikazzjoni Ġeografika (IĠ)

3.   Settur

Prodotti agrikoli

Inbejjed

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

L-Italja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għas-Sovranità tal-Ikel u għall-Forestrija

6.   Kwalifika bħala emenda standard

Huwa kkonfermat li l-approvazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ din l-emenda standard jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda standard skont ir-Regolament (UE) 2024/1143 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan.

Barra minn hekk, din l-emenda tissodisfa d-definizzjoni ta’ “emenda standard” fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, peress li ma hijiex wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 24(3) ta’ dak ir-Regolament.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

1.   It-terminu “Riserva” huwa indikat

It-terminu “Riserva” diġà jintuża fl-ispeċifikazzjoni u huwa riżervat għall-inbejjed Valcalepio rosso b’valuri ogħla għall-qawwa alkoħolika minima skont il-volum u għat-tqaddim, kif ukoll b’karatteristiċi differenti meta jiġu rilaxxati għall-konsum. Sabiex titqajjem kuxjenza dwar ir- “Riserva”, huwa propost li dan jiġi enfasizzat bħala tip speċifiku.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikoli 1, 2, 4 u 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-taqsima “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid – Rendimenti massimi għal kull ettraru” tad-dokument uniku.

2.   Emenda tat-taħlita ta’ varjetajiet ta’ dwieli għall-Valcalepio rosso

Il-proposta hija li tinbidel it-taħlita ta’ varjetajiet fil-Valcalepio rosso billi jinbidel il-proporzjon bejn il-Merlot u l-Cabernet sauvignon favur il-Merlot. Il-perċentwal minimu tal-C. sauvignon jinżel minn 25 % għal 10 %, u l-perċentwal massimu tal-Merlot jiżdied minn 75 % għal 90 %. Din l-emenda hija meħtieġa sabiex jiġu limitati d-diffikultajiet marbuta mas-suxxettibbiltà għolja tal-Cabernet sauvignon għall-mard fl-injam (b’mod partikolari l-eska), li, kull sena, iwassal biex dejjem aktar pjanti ma jkunux produttivi, li jirriżulta f’aktar fallimenti, vinji mqaddma b’mod mhux ugwali u l-problemi tekniċi u ekonomiċi assoċjati. Huwa propost ukoll li tiġi prevista l-possibbiltà li jintużaw sa 15 % ta’ varjetajiet indiġeni oħra (Franconia, Incrocio Terzi u Merera) jew dawk marbuta mat-tradizzjoni lokali (Rebo) biex tissaħħaħ ir-rabta maż-żona lokali. Għażla waħda, fi ħdan din il-kwota fakultattiva ta’ 15 %, hija l-Petit verdot, għal dawk li jippreferu jżommu taħlita ta’ stil aktar internazzjonali. Dawn il-bidliet, kif ikkonfermati mis-sessjonijiet ta’ dewqan imwettqa mill-konsorzju, mhumiex ta’ xorta li jibdlu b’mod sinifikanti l-profil tal-inbid, li għalhekk jibqa’ jintgħaraf.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-taqsima dwar il-“Varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid” tad-dokument uniku.

3.   Emenda tat-taħlita ta’ varjetajiet ta’ dwieli għall-Valcalepio rosso Riserva

Il-proposta hija li tinbidel it-taħlita ta’ varjetajiet fil-Valcalepio rosso Riserva billi jinbidel il-proporzjon bejn il-Merlot u l-Cabernet sauvignon favur il-Merlot. Il-perċentwal minimu tal-C. sauvignon jinżel minn 25 % għal 10 %, u l-perċentwal massimu tal-Merlot jiżdied minn 75 % għal 90 %. Din l-emenda hija meħtieġa sabiex jiġu limitati d-diffikultajiet marbuta mas-suxxettibbiltà għolja tal-Cabernet sauvignon għall-mard fl-injam (b’mod partikolari l-eska), li, kull sena, iwassal biex dejjem aktar pjanti ma jkunux produttivi, li jirriżulta f’aktar fallimenti, vinji mqaddma b’mod mhux ugwali u l-problemi tekniċi u ekonomiċi assoċjati.

Ma hija permessa l-ebda varjetà oħra ta’ għeneb fir-Riserva, bħalma huma fil-Valcalepio rosso, sabiex jinżammu t-taħlitiet tal-istil aktar “internazzjonali” ta’ Bordeaux u biex dan jiġi distint mill-Valcalepio rosso.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

4.   Emenda tat-taħlita ta’ varjetajiet ta’ dwieli għall-Valcalepio Moscato Passito

Qiegħed jiġi propost li tinbidel it-taħlita ta’ varjetajiet għall-Valcalepio Moscato Passito, sabiex titnaqqas il-kwantità minima ta’ Moscato minn 100 % għal 85 % u tiġi introdotta kwota ta’ 15 % għall-użu ta’ varjetajiet oħra tad-dwieli awtorizzati għall-kultivazzjoni fir-Reġjun tal-Lombardia. Dan jipprevedi l-possibbiltà li jiġu introdotti sfumaturi ġodda fil-profil organolettiku biex dawn l-inbejjed isiru aktar distintivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-Moscato di Scanzo DOCG, u biex il-produtturi jingħataw il-possibbiltà ta’ żidiet żgħar fil-produzzjoni, jekk ikun meħtieġ.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

5.   Tneħħija tar-referenza għall-biċċa l-kbira tal-ħamrija bit-tafal u s-siliċju

Bħala regola ġenerali, iż-żona kollha tal-produzzjoni tal-Valcalepio hija taflija fin-natura tagħha: ir-referenza għall-ħamrija bit-tafal u s-siliċju għalhekk tidher tawtoloġika, u għaldaqstant huwa propost li titħassar għal finijiet ta’ simplifikazzjoni biss.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

6.   Żieda fl-elevazzjoni massima għall-kultivazzjoni

L-elevazzjoni massima għall-kultivazzjoni qed tiżdied minn 500 m għal 600 m ’il fuq mil-livell tal-baħar għall-għeneb aħmar kollu u minn 600 m għal 700 m ’il fuq mil-livell tal-baħar għax-Chardonnay, il-Pinot bianco u l-Pinot grigio.

Jeħtieġ li ż-żona tat-tkabbir titmexxa għal elevazzjonijiet ogħla fejn ikun hemm temperaturi aktar kesħin matul is-sajf. Din l-emenda hija meħtieġa sabiex jittaffew il-problemi tat-tisħin globali, li jistgħu jħaffu l-proċessi fiżjoloġiċi tad-dielja, u jikkawżaw stress u deterjorament tal-karatteristiċi analitiċi u organolettiċi tal-most. Dawn l-effetti huma aktar evidenti f’elevazzjonijiet aktar baxxi.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

7.   Speċifikazzjoni dwar il-possibbiltà tal-użu ta’ irrigazzjoni ta’ emerġenza

Huwa meqjus neċessarju li dan jiġi speċifikat, anke jekk huwa previst mil-liġi.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

8.   Introduzzjoni ta’ rendiment massimu għal kull ettaru għall-Valcalepio Riserva, u żieda fir-rendiment massimu għal kull ettaru għall-Valcalepio bianco u l-Valcalepio Moscato Passito

Peress li ġie enfasizzat it-tip Valcalepio Riserva, huwa speċifikat ir-rendiment massimu għal kull ettaru (9 tunnellati/ha), li huwa inqas miċ-ċifra għall-Valcalepio rosso (bħalissa r-rendimenti tal-għeneb huma l-istess, għar-Riserva wkoll) biex tissaħħaħ l-idea li r-Riserva jrid ikun għażla ta’ dwieli u għeneb ta’ kwalità ogħla, li tibda mill-vinja.

Qiegħed jiġi propost li r-rendiment massimu jiżdied minn 9 tunnellati għal 10 tunnellati għal kull ettaru għall-Valcalepio bianco sabiex titħeġġeġ iż-żamma ta’ livelli ogħla ta’ aċidità, li għandhom it-tendenza li jonqsu b’żieda fit-temperatura u li huma ta’ importanza partikolari fl-inbejjed bojod biex jiġi żgurat li jkunu friski u pjaċevoli meta jinxtorbu.

Qiegħed jiġi propost li r-rendiment massimu jiżdied minn 6,5 tunnellati għal 7 tunnellati għal kull ettaru għall-Valcalepio Moscato Passito. B’riżultat ta' din iż-żieda, ir-rendiment tal-għasir jitnaqqas (minn 40 % għal 35 %). Din l-emenda tiżgura żieda fil-kwalità tal-mosti miksuba u b’mod ġenerali tnaqqis fir-rendiment finali tal-inbid minn kull unità tal-erja.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-taqsima “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid – Rendimenti massimi għal kull ettraru” tad-dokument uniku.

9.   Inklużjoni tar-rendiment tal-produzzjoni tal-inbid Valcalepio Riserva, u tnaqqis fir-rendiment tal-produzzjoni tal-inbid Valcalepio Moscato Passito

Peress li ġie enfasizzat it-tip Valcalepio Riserva, huwa speċifikat rendiment tal-produzzjoni tal-inbid ta’ 70 %.

B’żieda fir-rendiment tal-għeneb ta’ 5 kwintali, ir-rendiment tal-produzzjoni tal-inbid tal-Valcalepio Moscato Passito tnaqqas minn 40 % għal 35 %.

Din l-emenda tagħmel l-ispeċifikazzjoni aktar konsistenti mas-sitwazzjoni fil-kantina tal-inbid. Għal dan it-tip, ir-rendimenti tal-produzzjoni tal-inbid normalment ikunu bejn 30 u 35 %.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

10.   Użu maħsub ta’ kwantitajiet żejda

Huwa speċifikat l-użu maħsub ta’ kwantitajiet żejda tal-Valcalepio bianco u tal-Valcalepio rosso. L-ammont li jaqbeż is-70 % u sa 75 % jista’ jiġi kklassifikat mill-ġdid taħt il-Bergamasca TGI.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

11.   Bidla fid-dati għar-rilaxx tal-Valcalepio Moscato Passito għall-konsum

Bidla fid-data tar-rilaxx tal-Valcalepio Moscato Passito għall-konsum, mit-12 ta’ Mejju sal-1 ta’ April.

Li d-data titressaq ftit ’il quddiem ma jaffettwax il-profil organolettiku tal-inbid iżda jagħmel l-affarijiet eħfef mill-perspettiva tal-kummerċjalizzazzjoni.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-taqsima tad-dokument uniku dwar “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid – Prattiki enoloġiċi speċifiċi”.

12.   Bidla fil-parametri kimiċi, fiżiċi u organolettiċi tat-tip Valcalepio Moscato Passito

Ir-referenza għal “togħma ħafifa tal-lewż li ddum fil-ħalq” tħassret biex id-deskrizzjoni ssir aktar adattata mill-qrib għall-profil tal-inbejjed li attwalment jinsabu fis-suq.

Ir-referenzi għall-qawwa alkoħolika minima skont il-volum u l-kontenut massimu ta’ zokkor residwu tħassru sabiex jiġi żgurat li l-produtturi jkollhom aktar libertà fl-interpretazzjoni.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni u t-taqsima tad-dokument uniku “Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed”.

13.   Tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq it-tipi ta’ mezzi tal-għeluq u t-tipi ta’ fliexken u żieda fil-volum massimu tal-ibbottiljar tal-Valcalepio Moscato Passito

Jistgħu jintużaw alternattivi għall-mezz tal-għeluq tradizzjonali tas-sufra, u tista’ tintuża kwalunkwe forma ta’ flixkun. Għalhekk hija permessa aktar libertà fl-interpretazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni.

Barra minn hekk, il-volum massimu tal-ibbottiljar għall-Valcalepio Moscato Passito żdied minn 0,75 l għal 3,0 litri, li joffri aktar opportunitajiet għall-konsum u libertà akbar fil-kummerċjalizzazzjoni.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 7 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

14.   Aġġornament tal-indikazzjonijiet tal-korp ta’ spezzjoni

Wara l-emendi li saru fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/1143, il-kontenut obbligatorju tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma għadux jinkludi l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet jew tal-korpi li jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u s-setgħat tagħhom.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti, il-korpi delegati u l-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 39(3) ta’ dak ir-Regolament għal kull prodott indikat minn indikazzjoni ġeografika u jżommu dik l-informazzjoni aġġornata.

Għalhekk, l-artikolu b’referenzi għall-korp ta’ spezzjoni ġie emendat, u din l-informazzjoni ġiet issostitwita b’referenza għall-pubblikazzjoni fuq is-sit web uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 10 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott iżda ma tikkonċernax id-dokument uniku.

15.   Emendi formali għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Saru emendi formali fl-artikoli tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/Ismijiet

Valcalepio

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP — Denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli

(1)

Inbid

(15)

Inbid minn għeneb imqadded

3.1.   Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda

22 — XARBIET, SPIRTI U ĦALL

2204 — Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009

4.   Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed

4.1.   Valcalepio bianco

DESKRIZZJONI QASIRA

Kulur: isfar lewn it-tiben ta’ intensità li tvarja;

Aroma: delikata, distintiva; togħma: xotta, armonjuża, distintiva;

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 11,50 %;

Estratt minimu mingħajr zokkor: 18,0 g/l

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum): —

Aċidità totali minima: 4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): —

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

4.2.   Valcalepio rosso

DESKRIZZJONI QASIRA

Kulur: aħmar lewn ir-rubin b’densità li tvarja;

Aroma: qawwija, pjaċevoli, distintiva;

Togħma: xotta, mimlija, armonjuża, persistenti;

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 11,50 %;

Estratt minimu mingħajr zokkor: 22,00 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum): —

Aċidità totali minima: 5 grammi għal kull litru espressa bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): —

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

4.3.   Valcalepio Rosso Riserva

DESKRIZZJONI QASIRA

Kulur: aħmar lewn ir-rubin b’intensità li tvarja, li għandu tendenza li jxaqleb lejn il-granata;

Aroma: b’riħa li tfakkar f’eteri, qawwija, distintiva; togħma: xottta, b’korporatura mimlija, bellusija, armonjuża, persistenti;

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,50 %;

Estratt minimu mingħajr zokkor: 22,0 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum): —

Aċidità totali minima: 5 grammi għal kull litru espressa bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): —

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

4.4.   Valcalepio Moscato passito

DESKRIZZJONI QASIRA

Kulur: aħmar lewn ir-rubin b’intensità li tvarja, li jista’ jkollha tendenza xxaqleb lejn lewn iċ-ċirasa bi ħjiel ta’ granata;

Aroma: delikata, aromatika, qawwija, distintiva;

Togħma: ħelwa, pjaċevoli, armonjuża;

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 17,00 %;

Zokkor residwu minimu: 30,0 g/l

Estratt minimu mingħajr zokkor: 22,0 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum): —

Aċidità totali minima: 5,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): —

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Perjodu minimu tat-tqaddim: Valcalepio rosso

Prattika enoloġika speċifika

L-inbid tad-DOP Valcalepio rosso jrid jgħaddi minn perjodu obbligatorju ta’ tqaddim ta’ mill-inqas sena qabel ma jiġi rilaxxat għall-konsum, inkluż mill-inqas 3 xhur fi btieti tal-injam mill-1 ta’ Novembru tas-sena li fiha jkun ġie prodott l-għeneb.

2.   Perjodu minimu tat-tqaddim: Valcalepio rosso riserva

Prattika enoloġika speċifika

L-inbid Valcalepio Riserva jrid jgħaddi minn perjodu minimu obbligatorju ta’ tqaddim ta’ 3 snin qabel ma jiġi rilaxxat għall-konsum, inkluż mill-inqas sena fi btieti tal-ballut. Jista’ jiġi rilaxxat għall-konsum mill-1 ta’ Novembru tat-tielet sena wara l-ħsad.

3.   Perjodu minimu tat-tqaddim: Valcalepio Moscato passito

Prattika enoloġika speċifika

L-inbid Valcalepio Moscato Passito ma jistax jiġi rilaxxat għall-konsum qabel l-1 ta’ April tat-tieni sena wara dik li fiha jkun ġie prodott l-għeneb.

5.2.   Rendimenti massimi

(1)

Valcalepio bianco DOP

10 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

(2)

Valcalepio rosso DOP

10 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

(3)

Valcalepio rosso riserva DOP

9 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

(4)

Valcalepio Moscato passito DOP

7 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika definita

L-għeneb maħsub għall-produzzjoni tal-inbejjed tad-DOP Valcalepio jrid jiġi prodott fiż-żona ddefinita kif ġej: Il-linja tal-konfini tibda mill-bokka tan-nixxiegħa Rino, li titbattal fil-Lag Iseo fil-muniċipalità ta’ Predore, u timxi fid-direzzjoni opposta tan-nixxiegħa sal-korsija li tagħti għal I Vasti. Issegwi din il-korsija lejn il-Punent sal-Wied ta’ Duago, u taqsam l-elevazzjonijiet ta’ 340, 504 u 501 m. Imbagħad issegwi l-mogħdija tul il-ġenb tal-għolja sakemm tilħaq il-konfini amministrattiva tal-muniċipalitajiet ta’ Sarnico u Predore. Tkompli tul il-mogħdija sal-Wied ta’ Canola, imbagħad, wara li tkun telgħet mal-ġenb tal-wied għal ftit sal-linja tal-kontorn ta’ 225 m, issegwi l-linja tal-kontorn sakemm tasal sal-mogħdija lejn La Forcella, qrib l-istabbiliment tal-Villaggio Holiday. Minn dan il-punt, il-linja tal-konfini ssegwi l-mogħdija lejn La Forcella sa 398 m. Imbagħad tingħaqad mal-korsija muniċipali li, filwaqt li taqsam il-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Sarnico u Viadanica, tilħaq elevazzjoni ta’ 360 m. Minn dan il-punt tkompli lejn it-Tramuntana sal-Valle Maggiore f’elevazzjoni ta’ 333 m. Imbagħad iddur lejn ix-Xlokk, u ssegwi l-korsija lejn Scotti, Riva u Case Rasetti, u tkompli sakemm tasal san-nixxiegħa ta’ Guerna qrib l-elevazzjoni ta’ 308 m. Imbagħad issegwiha fid-direzzjoni opposta tan-nixxiegħa u tgħaddi minn Ambrogi, Forno u Dumengoni, qabel ma tilħaq Segrone Basso. Minn dan il-punt issegwi l-mogħdija lejn il-Punent sakemm tiltaqa’, f’altitudni ta’ 500 m, mat-triq Colli di San Fermo, li tkompli f’direzzjoni lejn ix-Xlokk sa elevazzjoni ta’ 548 m. Imbagħad issegwi l-korsija tal-karrettuni sa elevazzjoni ta’ 576 m fil-lokalità ta’ Costa u tasal fir-Rio Valle Fienile Biboli f’604 m. Minn dan il-punt, il-linja tal-konfini ssegwi l-korsija lejn Mascherpigna, sa Col Croce f’669 m, fejn tiltaqa’ mal-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Foresto Sparso u Berzo San Fermo. Issegwi l-konfini sal-Campo Alto, imbagħad tul il-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Entratico u Berzo San Fermo u mbagħad bejn Entratico u Borgo di Terzo sax-xmara Cherio. Timxi fid-direzzjoni tax-xmara sal-konfluwenza tagħha max-xmara Bragazzo. Titla’ man-nixxiegħa sal-lokalità ta’ Costa, fejn tingħaqad mal-mogħdija li tgħaddi tul il-ġenb tal-għolja “l fuq minn Redonina, filwaqt li taqsam il-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Luzzana u Trescore Balneario qabel ma tkompli sa Madonna del Mirabile permezz tal-elevazzjoni ta’ 482 m u n-nixxiegħa ta’ La Piazzola f’elevazzjoni ta’ 412 m. Minn Madonna del Mirabile, il-konfini ssegwi l-linja tal-kontorn ta’ 400 m sal-Val di Carpan, tkompli lejn il-Punent fuq il-mogħdija lejn Sant’Ambrogio u taqsam il-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Trescore Balneario u Cenate Sopra, qabel ma tingħaqad mal-korsija tal-karrettuni lejn Cascina Zagni. Minn hemm issegwi fid-direzzjoni tat-Tramuntana l-mogħdija lejn l-għajn ta’ Cop, imbagħad, permezz ta’ elevazzjoni ta’ 620 m u elevazzjoni ta’ 508 m, il-lokalitajiet ta’ Plasso u Foppa, tasal fil-qiegħ tal-wied ta’ Calchera. Imbagħad tkompli tul il-mogħdija, tgħaddi minn Locanda f’elevazzjonijiet ta’ 398 u 454 m, biex tilħaq Ca” Pessina (elevazzjoni ta’ 537 m). Minn hemm, issegwi l-mogħdija li, permezz ta’ Pian Bianchet, f’elevazzjoni ta’ 583 m u elevazzjoni ta’ 686 m, taqsam il-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Cenate Sopra u Scanzorosciate għal elevazzjoni ta’ 502 m. Minn dan il-punt iddur lejn il-Punent biex tingħaqad mal-korsija eżistenti, li taqsam il-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Scanzorosciate u Nembro sakemm tilħaq elevazzjoni ta’ 633 m. Iddur lejn il-Majjistral, fejn tingħaqad mal-mogħdija li twassal għall-pont fuq ix-xmara Serio, li ssegwih għas-sezzjoni kollha tal-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Nembro u Villa al Serio sakemm tilħaq il-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Nembro u Alzano Lombardo. Issegwi dik il-konfini lejn it-Tramuntana sa elevazzjoni ta’ 378 m, imbagħad iddur lejn il-Punent għal elevazzjoni ta’ 698 m, fejn iddur lejn in-Nofsinhar sakemm tiltaqa’ ma’ Cascina Frontale. Minn dak il-punt, il-linja tal-konfini ssegwi t-triq tal-karrettuni Alzano – Lonno fid-direzzjoni ta’ Mottarello u mbagħad it-triq lejn Brumano, li ssegwiha lejn it-Tramuntana sa elevazzjoni ta’ 559 m, fejn issegwi l-korsija li, filwaqt li tibda f’elevazzjoni ta’ 559 m, taqsam il-wied ta’ Nese biex tasal f’elevazzjoni ta’ 551 m. Imbagħad issegwi t-triq il-ġdida lejn il-Monte di Nese safejn it-triq tinqasam fi tnejn lejn Olera. Minn hemm, tkompli sa Stocchi fit-triq Olera – Busa. Qrib Stocchi, tgħaddi tul il-konfini amministrattiva bejn Ponteranica u Alzano Lombardo u tkompli tul il-konfini bejn Ponteranica u Ranica, imbagħad tul il-konfini bejn Ponteranica u Torre Boldone, sa elevazzjoni ta’ 657 m, fejn tingħaqad mat-triq tal-karrettuni lejn Ca’ della Maresana. Minn dik il-lokalità ssegwi l-korsija li, permezz ta’ elevazzjonijiet ta’ 486 u 437 m, tasal san-nixxiegħa ta’ Morla. Titla’ man-nixxiegħa sa elevazzjoni ta’ 558 m (Buso della Porta) fejn tkompli tul il-mogħdija eżistenti sal-Castello della Moretta, qabel ma tkompli lejn il-Grigal tul il-korsija tal-karrettuni sa Ca’ del Latte. Imbagħad issegwi l-linja li, billi tgħaddi minn Roccolo u taqsam il-konfini bejn Ponteranica u Sorisole f’elevazzjoni ta’ 760 m, tilħaq elevazzjoni ta’ 644 m fil-lokalità ta’ Comunelli Catene Val di Bareden, imbagħad tkompli tul it-triq tal-wied sa via Botta f’elevazzjoni ta’ 524 m. Minn elevazzjoni ta’ 524 m, il-konfini tkompli tul il-mogħdija li tgħaddi minn ħdejn il-Monti della Calchera u tasal sal-korsija tal-karrettuni ta’ Colle Barbino, li ssegwiha sa elevazzjoni ta’ 432 m. Minn din l-elevazzjoni, issegwi għal ftit distanza l-linja tal-kontorn ta’ 432 m sal-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Sorisole u Villa d’Almé, fejn tiltaqa’ u ssegwi l-mogħdija li, billi tgħaddi mil-lokalitajiet ta’ Foresto Secondo, Piazzola u Cascina Belvedere, tasal fi Bruntino Alto. Minn hemm issegwi l-linja għall-akwadott ta’ Algua f’elevazzjoni ta’ 368 m. Issegwi l-akwadott sa Ventolosa, fejn għal ftit distanza timxi mat-triq ta’ Valle Brembana sal-ġunzjoni lejn Valle Imagna. Tkompli tul dik it-triq sakemm tiltaqa’ max-xmara Brembo u l-konfini amministrattiva bejn Almenno San Salvatore u Villa d’Almé. Issegwi l-konfini fid-direzzjoni opposta tax-xmara Brembo sal-konfluwenza man-nixxiegħa Imagna, fejn tiltaqa’ mal-konfini bejn Almenno San Salvatore u Ubiale Clanezzo, li ssegwiha sakemm tilħaq il-konfini bejn Strozza u Ubiale Clanezzo. Imbagħad tkompli tul il-konfini amministrattiva bejn Strozza u Almenno San Salvatore sakemm tiltaqa’ mal-korsija eżistenti lejn Ca’ Madonnina, u ssegwiha. Taqsam il-konfini bejn Almenno San Salvatore u Almenno San Bartolomeo, imbagħad tgħaddi mil-lokalitajiet ta’ Ca’ Puricchio, Albelasco, Cageroli u Camutaglio sakemm tilħaq il-konfini amministrattiva bejn Almenno San Bartolomeo u Palazzago. Imbagħad tkompli lejn in-Nofsinhar tul dik il-konfini sal-pont fuq in-nixxiegħa ta’ Borgogna, li ssegwih fid-direzzjoni opposta tan-nixxiegħa sal-pont “l isfel mill-knisja parrokkjali ta’ Palazzago fit-triq lejn Brocchione, imbagħad issegwi n-nixxiegħa nfisha, ‘il fuq mill-korsija li, fil-Punent tal-Monte Brocchione, tilħaq il-mogħdija mil-lokalità tal-istess isem sal-Monte Valmora. Issegwi l-mogħdija msemmija hawn fuq sal-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Palazzago u Pontida, imbagħad il-konfini bejn dawk il-muniċipalitajiet sal-konfini mal-muniċipalità ta’ Caprino Bergamasco. Minn hemm issegwi l-konfini bejn dik il-muniċipalità u Pontida sat-triq ewlenija li tagħti Bergamo għal Lecco, imbagħad iddur lejn il-Lvant tul dik it-triq lejn il-Monasteru ta’ Pontida u t-triq li twassal mill-Monasteru sal-lokalità ta’ Canto. Imbagħad tgħaddi tul il-korsija lejn Cascina Porcile sal-konfini amministrattiva bejn Pontida u Sotto il Monte Giovanni XXIII, qabel ma ssegwi dik il-konfini sal-konfini ma’ Carvico. Minn hemm, issegwi l-konfini bejn Carvico u Pontida sal-konfini amministrattiva ma’ Villa d’Adda, imbagħad il-konfini bejn Villa d’Adda u Pontida sat-triq minn Odiago lejn Villa d’Adda. Issegwi dik it-triq sa Villa d’Adda- Carvico – Brusicco – Gerole Catolare mbagħad il-mogħdija minn dik it-triq lejn il-lokalità ta’ Piana, minn fejn issegwi t-triq minn dik il-lokalità lejn Camaitone, lejn it-triq mill-Villa Gromo sa Camozzaglio, imbagħad dik it-triq sal-liwja lejn Ca’ Rossa. Minn hemm, iddur lejn Ca” Rossa u mbagħad lejn it-trejqa u l-korsija tal-karrettuni lejn Mapello. Minn hemm, issegwi t-triq minn Mapello lejn Ambivere sal-konfini mal-muniċipalità ta’ Palazzago, imbagħad il-konfini bejn Palazzago u Ambivere sat-triq ta’ Val San Martino. Il-linja tal-konfini mbagħad tkompli tul it-triq lejn Brughiera u Gromlongo sal-kisra li twassal sal-lokalità ta’ Baracche, fejn iddur lejn dik il-lokalità u timxi mat-triq lejn San Sosimo – Barzana – Palazzago sal-konfini bejn Palazzago u Barzana. Issegwi dik il-konfini sal-konfini mal-muniċipalità ta’ Almenno San Bartolomeo, imbagħad tul in-nixxiegħa ta’ Lesina sat-triq muniċipali Barzana – Almenno San Bartolomeo, li ssegwiha sal-lokalità ta’ Quadrivio. Minn hemm, issegwi l-korsija tal-karrettuni li, filwaqt li tgħaddi minn taħt iċ-ċimiterju ta’ Almenno San Bartolomeo, tilħaq in-nixxiegħa ta’ Tornago, li ssegwiha sakemm tiltaqa’ max-xmara Brembo. Imbagħad tkompli tul il-konfini amministrattiva tal-muniċipalitajiet ta’ Almé u Paladina sakemm tiltaqa’ man-nixxiegħa ta’ Guisa f’għoli ta’ 281 m. Minn hemm tkompli tul it-triq li, billi taqsam is-Sombreno u tgħaddi minn elevazzjonijiet ta’ 277 m u 275 m u Cascina Merleta, tasal f’Cascina Morlani qrib elevazzjoni ta’ 287 m. Minn hemm issegwi l-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Valbrembo u Mozzo lejn il-punent sal-elevazzjoni ta’ 257 m. Minn dak il-punt, tkompli lejn in-Nofsinhar tul it-triq, tgħaddi mill-punt ta’ elevazzjoni ta’ 254 m u miċ-ċentru ta’ Mozzo, imbagħad tgħaddi mill-punt ta’ elevazzjoni ta’ 251 m biex tasal fil-linja ferrovjarja Bergamo – Ponte San Pietro. Tkompli lejn il-Punent tul il-linja ferrovjarja sal-istazzjon ta’ Bergamo f’għoli ta’ 248 m. Minn hemm tkompli lejn il-Grigal tul il-linja ferrovjarja dekummissjonata (immarkata b’singijiet suwed), parti mil-linja ferrovjarja tal-Valle Seriana, li, permezz tal-elevazzjonijiet ta’ 261, 269 u 278 m, tilħaq il-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Torre Boldone u Ranica. Minn hemm tkompli tul dik il-konfini sakemm tiltaqa’ mal-kanal ta’ irrigazzjoni ta’ Guidana, minn fejn tkompli tul il-konfini bejn il-muniċipalitajiet ta’ Ranica u Gorle sakemm tiltaqa’ max-xmara Serio. Imbagħad tkompli lejn il-Grigal tul it-triq il-ġdida ta’ Scanzorosciate sakemm tiltaqa’ mal-kanal tal-irrigazzjoni ta’ Borgogna, li ssegwih fix-Xlokk permezz tal-elevazzjonijiet ta’ 247 u 250 m. Tiltaqa’ mat-triq ċirkolari u ssegwiha sat-triq SS42, Via del Tonale e della Mendola. Minn dan il-punt, il-linja tal-konfini ssegwi l-SS42 lejn il-Punent sakemm tasal sal-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Albano Sant’Alessandro u Pedrengo. Imbagħad isegwi l-konfini lejn in-Nofsinhar għal distanza qasira sakemm tiltaqa’ mal-linja ferrovjarja Bergamo – Brescia. Tkompli tul il-linja ferrovjarja fid-direzzjoni lejn il-Punent sakemm tiltaqa’ mat-triq ta’ Comonte. Minn dak il-punt, il-linja tal-konfini tkompli tul dik it-triq lejn in-Nofsinhar, tgħaddi mill-punt ta’ elevazzjoni ta’ 246 m u l-lokalità ta’ Comonte. Tiltaqa’ mat-triq ta’ Brusaporto u Bagnatica f’km 7.000 u tkompli lejn ix-Xlokk tul it-triq, tgħaddi mill-elevazzjoni ta’ 232 m, Brusaporto, l-elevazzjoni ta’ 223 m u Bagnatica qabel ma tasal sat-triq lejn Montello f’elevazzjoni ta’ 217 m. Tkompli lejn il-Grigal tul it-triq lejn Montello u taqsam il-linja ferrovjarja Bergamo – Brescia fl-elevazzjoni ta’ 222 m. Issegwi l-linja ferrovjarja fid-direzzjoni lejn ix-Xlokk, permezz tal-elevazzjonijiet ta’ 228 m u 227 m sakemm tiltaqa’ max-xmara Cherio (elevazzjoni ta’ 226 m). Imbagħad tkompli lejn in-Nofsinhar tul ix-xmara Cherio sakemm tiltaqa’ mal-awtostrada Bergamo – Brescia, minn fejn issegwi l-awtostrada lejn ix-Xlokk sakemm tiltaqa’ mal-linja ferrovjarja Bergamo – Brescia f’elevazzjoni ta’ 201 m. Minn hemm, il-konfini tkompli lejn ix-Xlokk tul il-linja ferrovjarja Bergamo – Brescia sakemm tiltaqa’ mal-fruntiera bejn il-provinċji ta’ Bergamo u Brescia. Minn dan il-punt, tkompli lejn it-Tramuntana tul il-fruntiera sal-pont fuq ix-xmara Oglio fil-muniċipalità ta’ Sarnico, qrib l-elevazzjoni ta’ 188 m. Minn hemm issegwi x-xatt tal-Lag Iseo fil-provinċja ta’ Bergamo fid-direzzjoni lejn il-Lvant sakemm tasal fil-bokka tar-Rino fil-muniċipalità ta’ Predore, fejn bdiet. Iż-żewġ żoni li ġejjin huma esklużi miż-żona msemmija hawn fuq:

(1)

Miċ-ċimiterju f’Palazzago, linja li ssegwi t-triq lejn il-lokalità ta’ Brocchione sal-pont li minnu titlaq il-korsija lejn il-Monte Picco, sal-Monte Picco. Il-linja mbagħad issegwi l-mogħdija lejn Cascina Posvolta, imbagħad il-korsija lejn Montebello, qabel ma ssegwi n-nixxiegħa ta’ Borgogna lejn in-nixxiegħa sal-konfini bejn Barzana u Palazzago, li ssegwiha sa dik ma’ Almenno San Bartolomeo, imbagħad fid-direzzjoni opposta tan-nixxiegħa ssegwi n-nixxiegħa ta’ Lesina sal-lokalità ta’ Carosso u lura lejn iċ-ċimiterju ta’ Palazzago.

(2)

Mill-konfini bejn il-muniċipalitajiet ta’ Mapello u Ambivere, il-linja ssegwi t-triq li tgħaqqad dawn iż-żewġ insedjamenti sal-konfini bejn Ambivere u Palazzago, imbagħad il-konfini ta’ dawk il-muniċipalitajiet sa Baracchino, imbagħad it-triq lejn Brughiera – Gromlongo – Cerchiera u dik ta’ Valle San Martino lejn il-Monasteru ta’ Pontida; tingħaqad mat-triq lejn il-lokalità ta’ Canto sa elevazzjoni ta’ 357 m, imbagħad il-mogħdija u l-korsija tal-karrettuni tul ix-xifer bejn il-Valle San Martino u l-Val di Gerra sat-triq lejn Canto; issegwi t-triq sa dik il-lokalità, u mbagħad il-korsija minn Canto sa Cascina Porcile, qabel ma l-ewwel issegwi l-konfini amministrattiva bejn il-muniċipalitajiet ta’ Pontida u Sotto il Monte Giovanni XXIII, u mbagħad il-konfini bejn Mapello u Ambivere, u lura lejn it-triq Mapello – Ambivere.

7.   Varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid

Cabernet sauvignon N. - Cabernet

Chardonnay B.

Franconia N.

Incrocio Terzi n.1 N.

Merera N.

Merlot R.

Moscato di Scanzo N. – Moscato

Petit verdot N.

Pinot Bianco B - Pinot

Pinot Grigio - Pinot

Rebo N.

8.   Deskrizzjoni tar-rabta jew tar-rabtiet

Valcalepio DOP

Fatturi naturali rilevanti għar-rabta

Iż-żona ġeografika hija delimitata fit-Tramuntana mill-Pre-Alpi Orobie, fil-Lvant mil-Lag Iseo u fil-Punent mill-Monte Canto, u ġeneralment hija kkaratterizzata mill-għoljiet. Il-formazzjonijiet ġeoloġiċi ewlenin fl-għoljiet ta’ Bergamo huma s-Selcifero Lombardo, il-Maiolica di Bruntino, is-Sass de la Luna (jew Pietra di Luna) tipiku u s-Sass de la Luna kalkarju, it-turbiditi fini, il-peliti suwed ta’ fuq, il-peliti ħomor, il-Pontida Flysch, il-ġebel tar-ramel Sarnico, il-ġebel Credaro, il-Bergamo Flysch, il-frangipan u l-ħamrija alluvjali. B’mod ġenerali, il-ħamrija tat-tafal u tal-iskist tippredomina fiż-żona bl-għoljiet lejn il-Majjistral ta’ Bergamo, filwaqt li tul l-inklinazzjonijiet tal-għoljiet lejn il-Lvant lejn il-Lag Iseo hemm diversi formazzjonijiet ta’ ġebel tafli u kalkarju.

Iż-żona ta’ Bergamo għandha tliet żoni klimatiċi ewlenin: l-għoljiet tal-Punent, l-għoljiet tal-Lvant u ż-żona ta’ Trescore Balneario (il-wied).

Fatturi umani rilevanti għar-rabta

“Bergamo, minn perspettiva agrikola, kienet belt li tipproduċi l-inbid. Kważi 80 % taż-żoni użati għall-agrikoltura sa tmiem is-seklu 11 kienu vinji. [...] Anki fil-viċinanza immedjata tal-belt, fis-subborgi, kien hemm aktar vinji mill-medja: kważi terz tal-kampanja kienet tintuża għall-produzzjoni tal-inbid.” Janut, J., Bergamo 568-1098. Mill-istess test naraw ukoll il-fatt li kienu jintużaw iżjed artijiet għad-dwieli (vinea) milli għal għelejjel (campus) oħrajn.

“L-ebda muntanja oħra mhi daqshekk għal qalbek, għażiż Bakku li tħobb tiddeverti” Del Brolo, M., Liber Pergaminus, 1100-1112. “L-art hija fertili ħafna u tipproduċi nbejjed eċċellenti […] Sansovino, F., Ritratto delle più nobili et famose città d’Italia, 1575. “[…] f’termini tal-kwalità, l-inbejjed tagħha ma tirbħilhom l-ebda waħda miż-żoni ġirien. Il-widien ta’ Brembo u Serio kienu miksija bil-vinji, li jipproduċu nbejjed ħomor u bojod eċċellenti, li jitlestew fi żmien sena u jibqgħu fini għal 10 snin” Bacci, A., Storia dei Vini d’Italia, 1596. “[...] Iż-żona għandha ħafna eżempji eċċellenti ta’ nbejjed, qastan, laħam, ġobon, butir…” Bisaccioni, M., Relationi et descrittioni universali et particolari del mondo, 1664. Quinzani jgħid li ħafna dokumenti tal-bejgħ, imfassla fi żminijiet ilu ħafna, jirreferu għal art bid-dwieli, li turi kif l-inbid kien prodott f’dak iż-żmien u kif kien jintuża bħala forma ta’ ħlas. “[...] Fl-1187, fuq ordni tal-Qorti ta’ Ruma, meta l-art ta’ Almenno ngħatat lill-Isqof ta’ Bergamo, Attone rabatha bil-kundizzjoni li l-Isqof jagħti l-kanonki ta’ S. Alessandro erba’ mtaten, inbid, ħobż, dqiq u bajd biex jagħmlu r-ravjul kull sena wara l-Għid […]” Ronchetti, G., Memorie. Marengoni jgħid li “l-inbid jirriżulta miż-żwieġ bejn l-ambjent u l-ħiliet tal-bniedem: kien għalhekk inevitabbli li l-għoljiet ta’ Bergamo u l-vitikulturi tagħha jipproduċu nbejjed, bħall-Valcalepio u l-Moscato di Scanzo”. Il-mod kif iċ-ċittadini ta’ Bergamo kienu jikkultivaw id-dwieli kien is-suġġett tal-Opus Ruralium Commodorum ta’ Pier dè Crescenzi fis-seklu 14. Indikazzjoni tal-valur li kien jitqiegħed fuq l-inbid miċ-ċittadini ta’ Bergamo hija t-tilwima bejn il-Gwelfi u l-Gibellini dwar in-numru ta’ vaguni (98 skont il-Gibellini u 60 skont il-Gwelfi) misruqa mill-Gwelfi mingħand il-Gibellini fi Scanzo; fis-27 ta’ Frar 1398, din il-mistoqsija okkupat lill-kronaku Castello Castelli fil-Chronicon Bergomense Guelpho-Ghibelllinum: ab anno 1378 usque ad annum 1407. Fl-1569, ċittadin ta’ Brescia, Agostino Gallo, kiteb dwar it-tekniki eċċellenti użati għat-tkabbir tad-dwieli, fil-kapitolu “Kemm huma mħawlin tajjeb id-dwieli madwar Bergamo” fil-ktieb tiegħu Le venti giornate dell’agricoltura e dei piaceri della villa. Luciano Malachini, f’Aspetti geo-morfologici della Val Calepio (Aspetti ġeomorfoloġiċi tal-wied ta’ Calepio) jgħid li: “Abitant tajjeb ta’ Bergamo, mitlub biex jikkaratterizza l-Val Calepio, ċertament jaħseb dwar l-inbejjed li jiġu prodotti hemmhekk. Tabilħaqq, l-inklinazzjonijiet tal-għoljiet huma miksija b’vinji għonja li, anke jekk huma inqas famużi minn dawk ta’ żoni oħra li huma organizzati aħjar kummerċjalment, mhumiex ta’ kwalità inqas”. Dr Bruno Marengoni kiteb ukoll dwar l-istorja tal-vitikultura fir-reġjun ta’ Bergamo, inkluż f’esej bl-istess titolu fit-test ta’ Quinzani msemmi hawn fuq: “[...] Ħafna reġjuni tal-vitikultura jistgħu jikkompetu mar-reġjun ta’ Bergamo f’termini tal-antikità tagħhom.

Uħud saħansitra jaqbżuh f’termini tar-rendiment tagħhom. Iżda ftit jistgħu jiftaħru li għandhom evoluzzjoni sinifikanti bħal din f’termini tal-kwalità maż-żmien.”

L-inbejjed tad-DOP Valcalepio, minħabba t-tipi differenti ta’ prodotti u l-varjetajiet ta’ għeneb li jinkluduhom, għandhom karatteristiċi organolettiċi speċifiċi kif deskritt fl-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni, li jippermettulhom jiġu identifikati b’mod ċar u jiddistingwuhom fuq il-bażi tal-ambjent ġeografiku tagħhom.

Il-kwalità u l-karatteristiċi organolettiċi tat-tipi ta’ prodotti tad-DOP huma attribwibbli għall-ambjent ġeografiku, inklużi l-fatturi umani li għandhom impatt fuq il-proċess kollu tal-produzzjoni. Il-karatteristiċi tal-ħamrija, il-klima u l-prattiki agronomiċi u tal-produzzjoni tal-inbid tradizzjonali tar-reġjun ta’ Bergamo jagħtu lil dawn l-inbejjed il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Minn perspettiva analitika u organolettika, dawn l-inbejjed għandhom il-karatteristiċi intrinsiċi tal-varjetajiet tad-dwieli li minnhom huma magħmula, derivati mill-ambjent u l-klima li fihom jitkabbru.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (imballaġġ, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.masaf.gov.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/23144


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5641/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)