European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5554

27.10.2025

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-4 ta’ Settembru 2025 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof – il-Ġermanja) – IP vs Quirin Privatbank AG

(Kawża C-655/23  (1) , Quirin Privatbank)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali - Regolament (UE) 2016/679 - Drittijiet tas-suġġett tad-data - Artikolu 17 - Dritt għat-tħassir tad-data - Artikolu 18 - Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar - Artikolu 79 - Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv - Ipproċessar illegali ta’ data personali - Rikors intiż sabiex il-kontrollur jiġi ordnat jastjeni ruħu milli jwettaq, fil-ġejjieni, kull ipproċessar illegali ġdid - Bażi - Kundizzjonijiet - Artikolu 82(1) - Dritt għal kumpens - Kunċett ta’ “dannu morali” - Evalwazzjoni tal-kumpens - Teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-gravità tan-nuqqas tal-kontrollur - Eventwali effett tal-benefiċċju ta’ “ordni ta’ astensjoni”)

(C/2025/5554)

Lingwa tal-kawża: Il- Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: IP

Konvenut: Quirin Privatbank AG

Dispożittiv

1)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprevedux, favur is-suġġett tad-data kkonċernat mill-ipproċessar illegali ta’ data personali, fil-każ fejn dan is-suġġett tad-data ma jitlobx li d-data tiegħu titħassar, rimedju ġudizzjarju li jippermettilu jikseb, b’mod preventiv, ordni kontra l-kontrollur sabiex dan tal-aħħar jastjeni milli jwettaq, fil-ġejjieni, ipproċessar illegali ġdid. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-Istati Membri milli jipprevedu tali rimedju ġudizzjarju fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom.

2)

L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “dannu morali” previst f’din id-dispożizzjoni jinkludi emozzjonijiet negattivi mġarrba mis-suġġett tad-data wara trażmissjoni mhux awtorizzata tad-data personali tiegħu lil terz, bħall-biża’ jew il-frustrazzjoni, li huma kkawżati minn telf ta’ kontroll fuq din id-data, minn użu abbużiv potenzjali tagħha jew minn preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu, dejjem sakemm is-suġġett tad-data juri li huwa qiegħed iġarrab tali emozzjonijiet, bil-konsegwenzi negattivi tagħhom, minħabba l-ksur inkwistjoni ta’ dan ir-regolament.

3)

L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li l-grad ta’ gravità tan-nuqqas imwettaq mill-kontrollur jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kumpens għal dannu morali dovut abbażi ta’ dan l-artikolu.

4)

L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li l-fatt li s-suġġett tad-data jkun kiseb, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, ordni ta’ astensjoni minn ripetizzjoni ta’ ksur ta’ dan ir-regolament, invokabbli fil-konfront tal-kontrollur, jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex titnaqqas il-portata tal-kumpens pekunjarju għal dannu morali dovut abbażi ta’ dan l-artikolu jew, a fortiori, li din l-ordni sservi ta’ sostitut għal dan il-kumpens.


(1)  ĠU C, C/2024/1391.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5554/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)