European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5466

20.10.2025

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2025 – l-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-504/25)

(C/2025/5466)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: S. Fiorentino, aġent, M. Cherubini, avvocato dello Stato u V. Pilloni, procuratore dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2025) 3239 final tas-16 ta’ Mejju 2025, dwar it-tħassir ta’ parti mill-kontribuzzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali lill-programm operattiv nazzjonali “Governanza u assistenza teknika” għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, fil-kuntest tal-għan Convergence fl-Italja.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-“rekwiżiti essenzjali” tal-proċedura u, b’mod partikolari, minħabba li d-deċiżjoni ngħatat lil hinn mit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 100(5) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (1) jew, sussidjarjament, fl-Artikolu 145(6) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (2)

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li f’kull każ id-deċiżjoni ngħatat lil hinn mit-terminu ta’ għaxar xhur previst fl-Artikolu 104(4) tar-Regolament (UE) 2021/1060 (3), sa fejn dan it-terminu kellu jibda jiddekorri mid-data tal-“laqgħa teknika” bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li nżammet fit-23 ta’ Novembru 2021, li kienet tikkostitwixxi “smiegħ” veru u proprju.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba” imsemmi fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-“terminu raġonevoli” għall-ftuħ tal-proċedura, li jibda jiddekorri mill-konstatazzjoni effettiva tal-“irregolaritajiet” allegati, nuqqas ta’ osservanza li min-naħa tiegħu jaffettwa d-drittijiet tad-difiża u d-deċiżjoni finali, minħabba l-eventwali applikabbiltà tat-terminu itwal ta’ għaxar xhur previst fl-Artikolu 104(4) tar-Regolament 2021/1060 u minħabba li ma huwiex possibbli li wieħed jinvoka l-hekk imsejjaħ “overbooking”.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 31(4)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE (4), inkluż fid-dawl tal-prinċipju ta’ “aspettattivi leġittimi”, sa fejn fir-realtà jeżistu “ċirkonstanzi mhux mistennija”, minn tal-inqas fir-rigward tal-entitajiet kontraenti, inkluż u fuq kollox minħabba l-emenda għall-Artikolu 93(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 imwettqa permezz tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 539/2010 (5).

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-kwantifikazzjoni tal-aġġustament finanzjarju li għandu jiġi applikat, li allegatament kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità sanċit fl-Artikolu 99(3) tar-Regolament Nru 1083/2006, sa fejn din la ħadet inkunsiderazzjoni in-natura “anċillari” tal-kuntratti kontenzjużi meta mqabbla ma kuntratti oħra “prinċipali” konklużi wara sejħiet għal offerti regolari, bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għall-offerti relatat, u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kienu fiduċjużi fir-rigward tas-seħħ effettiv taċ-“ċirkonstanzi mhux mistennija” imsemmija fl-Artikolu 31(4)(a) tad-Direttiva 2004/18.


(1)  Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25 u rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248, fil-ĠU 2007, L 145, p. 38, fil-ĠU 2007, L 164, p. 36 u fil-ĠU 2008, L 301, p. 40).

(2)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, u rettifiki Fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155).

(3)  Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU 2021, L 231, p. 159 u rettifiki fil-ĠU 2021, L 261, p. 58, fil-ĠU 2021, L 450, p. 158, fil-ĠU 2022, L 43, p. 93, fil-ĠU 2022, L 241, p. 16 u fil-ĠU L, 2024/90654.

(4)  Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)

(5)  Regolament (UE) Nru 539/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2010 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni fir-rigward tas-simplifikazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti u ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-amministrazzjoni finanzjarja


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5466/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)