|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/5358 |
13.10.2025 |
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2025 – Mayaleh vs Il-Kunsill
(Kawża T-551/25)
(C/2025/5358)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Adib Mayaleh (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Vey u V. Bavay, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
— |
tiddeċiedi li dan ir-rikors huwa ammissibbli u fondat fl-intier tiegħu u tqis fondati l-motivi kollha tiegħu; |
|
— |
tikkonstata konformement mal-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-Artikolu 28(2)(c) tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK, kif emendat bid-Deċiżjoni 2025/1096 (1), sa fejn dan huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta’ legalità, ta’ responsabbiltà individwali, ta’ proporzjonalità, kif ukoll mal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”); |
|
— |
tiddikjara li l-atti kkontestati jistgħu jiġu parzjalment annullati; |
|
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1096 tas-27 ta’ Mejju 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent; |
|
— |
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1094 (2) tas-27 ta’ Mejju 2025 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent; |
|
— |
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
|
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà prevista fl-Artikolu 28(2)(c) tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK. |
Ir-rikorrent iressaq l-illegalità tal-preżunzjoni li tippermetti l-inklużjoni awtomatika, mingħajr eżami individwalizzat, ta’ ex ministri Sirjani wara Mejju 2011 fil-listi tas-sanzjonijiet. Din il-preżunzjoni konfutabbli taqleb indebitament l-oneru tal-prova, billi tirrikjedi li l-persuna elenkata turi n-nuqqas ta’ konnessjoni tagħha mar-reġim meta huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi b’mod pożittiv il-ħtieġa li l-miżura tinżamm. Dan il-mekkaniżmu jinjora l-prinċipji ta’ legalità, ta’ responsabbiltà individwali, ta’ proporzjonalità, kif ukoll id-drittijiet għal amministrazzjoni tajba u rimedju effettiv iggarantiti mill-Karta. Huwa jċaħħad ukoll, mis-sustanza tiegħu, l-obbligu ta’ reviżjoni annwali u individwalizzata previst fl-Artikolu 32(4) tar-Regolament Nru 36/2012.
|
2. |
It-tieni motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter. |
Ir-rikorrent jenfasizza li ż-żamma tas-sanzjonijiet kontrih, minkejja l-waqgħa tar-reġim Sirjan f’Diċembru 2024 u s-sitwazzjoni istituzzjonali l-ġdida, tiżnatura l-għan preventiv inizjali tal-miżuri restrittivi. It-tiġdid awtomatiku, mingħajr prova ta’ rwol attwali jew kapaċità ta’ influwenza, jittrasforma s-sanzjoni f’miżura punittiva, b’mod kuntrarju għall-ġurisprudenza u għall-għanijiet segwiti mid-dritt tal-Unjoni, li jammonta għal użu ħażin ta’ poter mill-Kunsill.
|
3. |
It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
Ir-rikorrent iqis li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi bbaża ruħu biss fuq il-funzjonijiet li kellu fil-passat (Gvernatur tal-Bank Ċentrali sal-2016 u Ministru tal-Ekonomija fl-2016 u l-2017) mingħajr ma stabbilixxa xi rabta, attività, jew influwenza reali jew kontemporanja mar-reġim Sirjan jew mas-sostenituri tiegħu. L-ebda element fil-fajl tal-Kunsill ma jindika mġiba attwali jew riskju ta’ evitar. Id-dokumenti ppreżentati huma antiki, preċedenti għall-waqgħa tar-reġim u juru, għall-kuntrarju, l-assenza ta’ xi influwenza jew poter tal-ministri b’effett mill-2024. Għall-kuntrarju, diversi indikazzjonijiet oġġettivi jixhdu l-marġinalizzazzjoni tiegħu mill-2017, ir-residenza tiegħu fi Franza, l-assenza ta’ xi impenn pubbliku jew privat li jista’ jiġġustifika ż-żamma ta’ miżura restrittiva.
|
4. |
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrent, l-inklużjoni kontinwa tiegħu fil-listi, fin-nuqqas ta’ xi prova personali u konkreta, hija b’mod ċar sproporzjonata fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tiegħu. Din il-miżura, introdotta fl-2012, taffettwa b’mod gravi u permanenti d-drittijiet fundamentali tiegħu: impossibbiltà li jwettaq attività professjonali, indħil fil-ħajja privata u tal-familja tiegħu, iffriżar tal-assi tiegħu, stigmatizzazzjoni soċjali u professjonali, eċċ. Din ma għadhiex tidher xierqa jew neċessarja għall-kisba ta’ għan ta’ interess ġenerali, iżda tikkawża dannu individwali mhux ġustifikat, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1096 tas-27 ta’ Mejju 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L, 2025/1096).
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1094 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L, 2025/1094).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5358/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)