European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/4972

22.9.2025

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social no 3 de Murcia (Spanja) fit-3 ta’ April 2025 – AIMS vs Ayuntamiento de Murcia

(Kawża C-253/25, Ayuntamiento de Murcia II et)

(C/2025/4972)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Social no 3 de Murcia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: AIMS

Konvenut: Ayuntamiento de Murcia

Domandi preliminari

1)

Għalkemm il-punt 115 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2024 , Kawżi magħquda C-331/22 u C-332/22 (1), jistabbilixxi li l-bidla tal-impjegat tas-settur pubbliku vittma ta’ abbuż hija possibbli biss meta din il-bidla ma timplikax interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, sa fejn: (i) id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (2) tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP u l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tagħha, jimponu l-obbligu li l-abbużi inkompatibbli mad-Direttiva 1999/70 jiġu ssanzjonati permezz ta’ miżura ta’ sanzjoni proporzjonata u suffiċjentement effettiva u dissważiva sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas u l-effett utli tagħha; (ii) u sa fejn is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Marzu 2022, Kawża C-205/2020, Każ NE vs Fürstenfeld (3), tistabbilixxi li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li ma japplikawx leġiżlazzjoni nazzjonali li parti minnha tmur kontra ir-rekwiżit stabbilit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet, biss sa fejn dan ikun neċessarju sabiex jippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonat (ara l-punt 57).

Meta Stat Membru, bħal Spanja, ma jkunx ittraspona d-Direttiva 1999/70 fid-dritt nazzjonali tiegħu għas-settur pubbliku, u meta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma teżisti ebda miżura ta’ sanzjoni li tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati li jissanzjonaw l-abbuż li rriżulta billi ma japplikawx leġiżlazzjoni nazzjonali li tikser ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet, b’tali mod li l-imsemmija awtoritajiet, sabiex ma jimminawx l-għan u l-effett utli tad-Direttiva 1999/70 u sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tagħha, jistgħu jawtorizzaw il-bidla ta’ relazzjoni għal żmien determinat abbużiva f’relazzjoni għal żmien indeterminat, anki jekk din il-bidla timplika interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali?

2)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fin-negattiv

Il-fatt li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2022, [Kawża C-205/2020] tirrikonoxxi effett dirett lid-Direttiva 2014/67/UE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) iżda mhux lid-Direttiva 1999/70, meta kemm waħda kif ukoll l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jimponu l-obbligu li l-abbużi mwettqa jiġu ssanzjonati permezz ta’ miżura effettiva, proporzjonata u dissważiva, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/67 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati u li jkun hemm konformità magħhom; u li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex f’kull ħin ikunu ggarantiti r-riżultati imposti mid-Direttiva fl-imsemmija klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni?

3)

Sussidjarjament, id-dikjarazzjoni prevista fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2024 , li tgħid li l-bidla hija possibbli biss jekk ma hijiex contra legem tad-dritt nazzjonali, kif tista’ tiġi rrikonċiljata mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li:

il-Ftehim Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm is-sistema legali interna ta’ l-Istat Membru kkonċernat ma tinkludix, fis-settur ikkunsidrat, miżura effettiva oħra sabiex tevita u, jekk ikun il-każ, tippenalizza l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal terminu fiss [indeterminat] suċċessivi, il-ftehim qafas jostakola l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut fis-settur pubbliku biss, li tbiddel f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indefinit sensiela ta’ kuntratti għal terminu fiss li, fil-fatt, kellhom bħala skop li jkopru ‘bżonnijiet permanenti u fit-tul’ tal-persuna li timpjega u għandhom jiġu kkunsidrati bħala abbużivi ” (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2006 , Kawża C-212/04, il-Kawża Adeneler (5), punt 106[5]; tal-14 ta’ Settembru 2016 , Kawżi C-184/15 u C-197/15 (6), punt 41; tal-25 ta’ Ottubru 2018 , C-331/17 (7), punti 70 u 71; digriet tat-30 ta’ Settembru 2020 , C-135/20 (8), sentenzi tat- 13 ta’ Jannar 2022 , C-282/2019 (9), tat-22 ta’ Frar 2024 , Kawżi magħquda C-59/22, C-110/22 u C-159/22 (10), u ara wkoll l-istess sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2024 , punti 98 u 110)?

4)

Proċedura ta’ selezzjoni li l-eżitu tagħha ma huwiex ċert sa fejn (1) ma tiggarantixxix li l-impjegati pubbliċi għal żmien determinat kollha vittmi ta’ abbuż inkompatibbli mad-Direttiva jiġu mibdula f’impjegati pubbliċi għal żmien indeterminat; (2) hija aleatorja u imprevedibbli, sa fejn din tiddependi fuq l-evalwazzjoni diskrezzjonali, fuq is-sempliċi kapriċċ jew rieda tal-amministrazzjoni li timpjega li wettqet l-abbuż; (3) u sa fejn minnha ma tirriżulta l-ebda sanzjoni jew effett dannuż jew negattiv għall-amministrazzjoni li timpjega responsabbli għal dawn l-abbużi li jiddiswaduha milli tkompli tabbuża mill-ħaddiema għal żmien determinat tagħha, tista’ titqies li hija miżura ta’ sanzjoni li tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas?

5)

Il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħala miżura ta’ sanzjoni, tipprevedi biss li l-impjegati pubbliċi jingħataw, fil-mument tat-tmiem jew tal-estinzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg u fil-każ fejn il-vittma tal-abbuż ma tkunx għaddiet mill-proċedura ta’ selezzjoni sabiex issir impjegat għal żmien indeterminat, ta’ kumpens ekwivalenti għal 20 ġurnata għal kull sena ta’ servizz sal-limitu ta’ 12-il pagament mensili, mingħajr ma; hekk kif teżiġi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (11), u fid-digriet tat-8 ta’ Jannar 2024, C-278/23 (12); dan il-kumpens la jkun akkumpanjat minn kumpens għat-telf ta’ opportunitajiet u lanqas minn xi mekkaniżmu addizzjonali ieħor ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi?

6)

Il-fatt li l-ordinament ġuridiku Spanjol jeżiġi li l-vittma tal-abbuż tipproduċi l-prova tad-dannu mġarrab, jikser il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan ir-rekwiżit ta’ prova impost mid-dritt nazzjonali jirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju, min-naħa tal-ħaddiema pubbliċi, tad-dritt tagħhom li jiksbu kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab minħabba l-użu abbużiv, min-naħa tal-persuna li timpjega pubblika, ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat u għaldaqstant, il-possibbiltà li jiġu eliminati l-konsegwenzi ta’ tali ksur tad-dritt tal-Unjoni?

7)

Peress li fl-ordinament ġuridiku Spanjol, fis-settur pubbliku, ma teżisti ebda miżura effettiva għal issanzjonar effettiv, proporzjonali u dissważiv tal-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi; b’differenza minn dak li jiġri fis-settur privat jew ġenerali, fejn il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu mibdula f’ħaddiema għal żmien indeterminat meta dawn jaqbżu, f’perijodu ta’ tletin xahar, l-erba’ u għoxrin xahar ta’ servizz mal-istess persuna li timpjega; —, sa fejn l-imsemmija klawżola 5 tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, unikament għas-settur pubbliku, tipprojbixxi assolutament il-bidla f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ta’ suċċessjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat li l-għan tagħhom kien, effettivament, li jinqdew “bżonnijiet permanenti u fit-tul” tal-persuna li timpjega u għandhom jitqiesu abbużivi.

Il-fatt li din l-istess bidla f’kuntratt għal żmien indeterminat tiġi applikata fis-settur pubbliku, sabiex jiġi evitat li l-abbuż jibqa’ mhux issanzjonat f’dan is-settur u sabiex jintlaħqu l-għanijiet u jinżamm l-effett utli ta’ din il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, anki jekk din il-bidla timplika interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, ikun konformi mad-Direttiva 1999/70?

8)

Meta awtorità nazzjonali tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kumplament tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali huma obbligati li jissospendu l-proċeduri li jinstabu quddiemhom jekk is-soluzzjoni għal dawk il-proċeduri tiddependi fuq is-sentenza li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix jew tipprojbixxi tali sospensjoni?

9)

Sa fejn il-kunċett ta’ ħaddiem huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitqies li meta d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim Qafas tagħha, jew is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jagħmlu riferiment għal ħaddiem għal żmien determinat, dawn qegħdin jagħmlu riferiment għall-impjegati pubbliċi kollha, irrispettivament mill-klassi, mill-korp jew mill-kategorija li taħthom huma jaqgħu, u irrispettivament minn jekk humiex membri tal-persunal bil-kuntratt irregolati mid-dritt privat, membri tal-persunal mhux permanenti, membri tal-persunal tas-saħħa temporanju rregolati min regolamenti tal-persunal, b’tali mod li d-Direttiva u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja japplikaw għall-persunal temporanju kollu tas-settur pubbliku, anki jekk dawn jingħataw fir-rigward ta’ klassi jew ta’ kategorija speċifika ta’ impjegati pubbliċi?

10)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 1999/70 u d-Direttiva 2012/29/UE (13) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, jeżiġu li, meta jkun hemm abbuż inkompatibbli mal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, għandhom jiġu adottati immedjatament miżuri għall-protezzjoni tal-ħaddiema vittmi tal-abbuż, sabiex tiġi evitata vittimizzazzjoni oħra, jew l-intimidazzjonijiet jew ritaljazzjoni tal-amministrazzjoni li timpjega awtriċi tal-abbuż? Jew, bil-kontra ta’ dan, id-dritt tal-Unjoni jippermetti li l-vittma tal-abbuż tibqa f’idejn l-Amministrazzjoni li timpjega responsabbli għal dan l-abbuż, fejn is-sitwazzjoni temporanja abbużiva tagħha tittawwal billi tinżamm fil-post tax-xogħol sakemm l-amministrazzjoni tiddeċiedi li taħtar, minflokha, impjegat pubbliku b’kuntratt għal żmien indeterminat, bil-konsegwenza li l-ħaddiem abbużat jibqa’, matul dan il-perijodu, f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ protezzjoni u ta’ vulnerabbiltà fil-konfront tal-persuna li timpjega, ta’ nuqqas ta’ sigurtà, ta’ kundizzjonijiet diffiċli, u ta’ tbatija psikoloġika, ta’ assenza ta’ drittijiet tax-xogħol u soċjali, u ta’ prekarjetà personali, tal-familja u soċjali?

11)

Meta Stat Membru, la jkun ittraspona d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim Qafas tagħha fid-dritt nazzjonali tiegħu għas-settur pubbliku, u lanqas ma jkun ippreveda miżura ta’ sanzjoni li tiggarantixxi l-ilħuq tal-għanijiet tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas f’dan is-settur, u meta l-leġiżlazzjoni li tirregola r-responsabbiltà patrimonjali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-kumpensi previsti fiha lanqas ma jiggarantixxu l-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jinvokaw l-ineżistenza ta’ miżuri ta’ sanzjoni effettivi u proporzjonali, u ta’ kumpens xieraq fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex ma jwettqux l-obbligu tagħhom li jissanzjonaw l-abbużi inkompatibbli mal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, u b’konsegwenza ta’ dan, jippermettu li l-abbuż imwettaq ma jkun suġġett għal ebda sanzjoni?

12)

Jista’ jitqies li kumpens jilħaq l-għanijiet tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, jiġifieri l-prevenzjoni u l-evitar tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg fis-settur pubbliku, meta l-awtur tal-abbuż huwa amministrazzjoni li timpjega li, minn naħa, tamministra fondi u baġits ta’ diversi miljuni, u għaldaqstant l-għoti ta’ kumpens ekonomiku lill-ħaddiema tagħha vittmi ta’ abbuż ma jiskoraġġixxihiex milli tkompli tabbuża mill-impjegati pubbliċi tagħha; li, min-naħa l-oħra, sa fejn hija amministrazzjoni pubblika, huma ċ-ċittadini kollha li jassumu, permezz tat-taxxi tagħhom, il-konsegwenzi ekonomiċi tal-ħlas ta’ dawn il-kumpensi u mhux il-persuna li timpjega, jiġifieri, l-awtorità awtriċi ta’ dawn l-abbużi; u li, fl-aħħar nett, dawn l-awtoritajiet iktar jistgħu jkunu interessati li l-amministrazzjoni li timpjega tħallas il-kumpens sabiex ma tgħarraqx l-immaġni tagħha jew il-karriera politika tagħha?

13)

Kumpens jiggarantixxi l-ilħuq tal-għanijiet tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali teżiġi, bħala kundizzjoni minn qabel, li l-vittma tal-abbuż tipprova l-eżistenza tad-danni jew tal-preġudizzji li jirriżultaw mill-ħatra għal żmien determinat abbużiva tagħha, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, l-eżiġenza ta’ dan ir-rekwiżit ta’ prova tad-dannu trendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju, min-naħa ta’ impjegati pubbliċi vittmi ta’ abbuż, tad-drittijiet tagħhom?

14)

Ladarba l-awtoritajiet ġudizzjarji jikkonstataw l-eżistenza ta’ abbuż inkompatibbli mal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, jistgħu jobbligaw lill-vittma tressaq azzjoni ġdida sabiex tiġi ddeterminata s-sanzjoni xierqa; f’dan il-każ kumpens li diġà kien intalab fil-kuntest tal-kontestazzjoni tat-tmiem tal-impjieg jew tat-talba għall-applikazzjoni tad-Direttiva 1999/70; sa fejn minn dan jirriżultaw, għall-imsemmi ħaddiem vittma ta’ abbuż, inkonvenjenti proċedurali fil-forma, b’mod partikolari, ta’ spejjeż, ta’ tul u ta’ regoli ta’ rappreżentazzjoni, ta’ natura li jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni eċċessivament diffiċli?


(1)  Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2024, DG de la Función Pública de la Generalidad de Cataluña u Departamento de Justicia de la Generalidad de Cataluña (C-331/22 u C-332/22, EU:C:2024:496)

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.

(3)  Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C-205/20, EU:C:2022:168).

(4)   ĠU 2014, L 159, p. 11.

(5)  Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, EU:C:2006:443).

(6)  Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López (C-184/15 u C-197/15, EU:C:2016:680).

(7)  Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C-331/17, EU:C:2018:859).

(8)  Digriet tat-30 ta’ Settembru 2020, Câmara Municipal de Gondomar (C-135/20, mhux ippublikat, EU:C:2020:760).

(9)  Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania (C-282/19, EU:C:2022:3).

(10)  Sentenza tat-22 ta’ Frar 2024, Consejería de Presidencia, Justicia e Interior de la Comunidad de Madrid et (C-59/22, C-110/22 u C-159/22, EU:C:2024:149).

(11)  Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C-494/16, EU:C:2018:166).

(12)  Digriet tat-8 ta’ Jannar 2024, Ministero della Difesa (C-278/23, EU:C:2024:111).

(13)   ĠU 2012, L 315, p. 57


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4972/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)