|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/4576 |
25.8.2025 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fit-23 ta’ Mejju 2025 – “Profi Credit Bulgaria” EOOD, “Banka DSK” AD, “EOS Matrix” EOOD
(Kawża C-349/25, Banka DSK et)
(C/2025/4576)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Sofiyski rayonen sad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: “Profi Credit Bulgaria” EOOD, “Banka DSK” AD, “EOS Matrix” EOOD
Domandi preliminari
|
1) |
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (1) kif ukoll l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (2) jippermettu ġurisprudenza nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-qorti, fi proċedura unilaterali għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas mingħajr il-parteċipazzjoni tad-debitur, ma tkunx tista’ tevalwa n-natura preċiża tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta (iktar ’il quddiem ir-“RPAI”) prevista fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, bl-użu ta’ metodi matematiċi, bil-għan li tiddetermina jekk l-applikazzjoni ta’ din ir-rata twassalx għal riżultat viċin l-ispejjeż mistennija, ikkalkolati bil-multiplikazzjoni tal-ammont tal-kreditu mal-valur tar-RPAI u aġġustati pro rata għat-tul tal-kuntratt? |
|
2) |
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 kif ukoll l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 jippermettu ġurisprudenza nazzjonali li bis-saħħa tagħha, anki jekk il-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li fuqu tkun ibbażata l-pretensjoni huwa null minħabba li jkun fih indikazzjoni żbaljata tal-ammont tal-ispejjeż, minħabba indikazzjoni żbaljata tar-RPAI u minħabba nuqqasijiet fl-iskeda tal-ħlasijiet (żbalji ta’ kalkolu), tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti eżekuzzjoni provviżorja fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma dan tal-aħħar ikollu l-possibbiltà joġġezzjona għall-att ta’ eżekuzzjoni, fir-rigward tal-ammont dovut skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-kreditur abbażi tar-rekords tal-kontabbiltà tiegħu, u mingħajr ma jkun possibbli li tiġi vverifikata, b’xi mod ieħor, in-natura korretta tal-ammont tal-pretensjoni qabel jinħareġ l-ordni ta’ ħlas? |
|
3) |
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 kif ukoll l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13, interpretati fid-dawl tal-punti 47 u 48 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 2022, Profi Credit Bulgaria (3), jippermettu ġurisprudenza nazzjonali li bis-saħħa tagħha, anki jekk il-kreditur li jkun fetaħ proċedura unilaterali għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas mingħajr il-parteċipazzjoni tad-debitur ikun irrikonoxxa li rċieva ħlasijiet bħala korrispettiv taħt il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, li kienu parzjalment ibbażati wkoll fuq klawżoli inġusti, u anki jekk il-qrati nazzjonali jikkunsidraw li l-kuntratt huwa kompletament null u li l-konsumatur huwa obbligat iħallas lura biss is-somma netta diġà mħallsa, il-ħlasijiet lura magħmula mid-debitur abbażi tal-klawżoli nulli xorta waħda ma jiġux imnaqqsa kompletament fir-rigward biss tas-somma netta tal-kreditu li kien irċieva taħt il-kuntratt (is-somma prinċipali), u minkejja l-eżistenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali speċifika, li wħud mill-qrati nazzjonali jinterpretaw bħala li tippermetti lill-qorti taġixxi ex officio, jitnaqqsu biss dawk il-pretensjonijiet li l-kreditur jassenja lis-somma prinċipali, filwaqt li dawk il-ħlasijiet li jkunu saru abbażi tal-parti mhux infurzabbli tal-kreditu jitqiesu li saru b’mod validu sabiex jissodisfaw l-ammont dovut taħt dan il-kreditu, u barra minn hekk, f’dawk il-każijiet fejn il-konsumatur ikun għad irid iħallas lill-kreditur parti mis-somma prinċipali mogħtija bħala kreditu, il-qrati nazzjonali jirrikonoxxu, mingħajr ebda kundizzjoni, id-dritt tal-kreditur, abbażi ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali oħra simili, li tirregola eċċezzjoni mir-regoli proċedurali ġenerali, li jikseb, fl-istess proċedura, deċiżjoni kontra l-konsumatur minkejja n-nullità tal-kuntratt [fir-rigward] tal-parti li jkun fadal mis-somma prinċipali, mingħajr ma jkollu għalfejn iressaq kawża ġdida (filwaqt li din ir-regola ma hijiex aċċettata f’ċerta ġurisprudenza dwar it-tpaċija mal-ammont dovut)? |
|
4) |
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 kif ukoll l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 jippermettu ġurisprudenza nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fi proċedura ġudizzjarja unilaterali li fiha l-kreditur huwa meħtieġ jipproduċi t-test tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u l-annessi tiegħu, u li fiha dan il-kreditur ikun ikkonferma li saru ħlasijiet taħt dan il-kuntratt, mingħajr ma jkun speċifika l-ammont preċiż tagħhom iżda jkun indika biss l-ammont mhux imħallas lura tal-pretensjoni, ikun biżżejjed li jiġu indikati l-elementi tal-kuntratt li jservu bħala bażi għal talba sabiex jinħareġ att li għandu jwassal għall-eżekuzzjoni fil-konfront tal-konsumatur, sakemm dan tal-aħħar ma joġġezzjonax fit-terminu previst fil-liġi, mingħajr ma jiġi mistħarreġ jekk il-ħlasijiet irrikonoxxuti mingħajr ammont speċifikat tnaqqsux mill-ammonti dovuti taħt il-kuntratt li kienu bbażati fuq klawżoli inġusti jew nulli, jew jekk dawn il-ħlasijiet intużawx għall-finijiet tal-kalkolu żbaljat tar-RPAI taħt il-kuntratt? |
|
5) |
L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistabbilixxu r-rekwiżit li, meta titressaq talba quddiem il-qorti nazzjonali sabiex jinħareġ, fi proċedura unilaterali, ordni għall-ħlas taħt kuntratt mal-konsumatur f’sitwazzjoni fejn dan il-kuntratt jipprevedi ħlasijiet perjodiċi skont pjan iddeterminat (skeda ta’ ħlasijiet), u f’sitwazzjoni fejn il-pretensjoni mressqa quddiem il-qorti nazzjonali ma tkunx konsistenti mal-ammont tas-somma totali dovuta taħt il-kuntratt mal-konsumatur, jiġu indikati elementi konkreti minn aspett fattwali li jissostanzjaw l-ammont tal-pretensjoni b’rabta mal-iskeda ta’ ħlasijiet miftiehma, bħalma huma d-data li fiha kellu jsir il-ħlas perjodiku kopert mill-pretensjoni, it-tip ta’ servizz jew ta’ oġġett riċevuti bħala korrispettiv għal din is-somma (pereżempju, jekk kinux inkwistjoni prezz, ħlas lura ta’ self, interessi jew taxxi), u l-ammont tal-ħlas perjodiku konkret, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni li huwa l-konsumatur stess li għandu jevalwa jekk huwiex debitur fir-rigward tal-pretensjoni abbażi biss tal-informazzjoni mressqa quddiem il-qorti mill-kreditur u li, fil-każ li l-konsumatur ma joġġezzjonax, il-qorti tkun obbligata toħroġ l-att ta’ eżekuzzjoni forzata tal-pretensjoni tal-kreditur? |
(1) ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.
(3) C-170/21, EU:C:2022:518.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4576/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)