European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/4547

12.8.2025

Avviż sommarju dwar il-bidu ta’ investigazzjoni fil-fond fil-każ FS.100156 – ABU DHABI NATIONAL OIL COMPANY (ADNOC) P.J.S.C. / COVESTRO skont l-Artikolu 10(3)(d) tar-Regolament (UE) 2022/2560

(C/2025/4547)

Fit-28 ta’ Lulju 2025, f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (l-“FSR”), il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda investigazzjoni fil-fond fil-każ imsemmi hawn fuq wara li sabet, abbażi ta’ rieżami preliminari, biżżejjed indikazzjonijiet li mill-inqas waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni notifikata deskritta hawn isfel setgħet ngħatat sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern. Il-bidu tal-investigazzjoni fil-fond fir-rigward tal-konċentrazzjoni notifikata huwa mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali f’dan il-każ.

1.   Konċentrazzjoni notifikata

Fil-15 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 21 tal-FSR, li permezz tagħha Abu Dhabi National Oil Company (ADNOC) P.J.S.C. (l-Emirati Għarab Magħquda jew l-“EGħM”) (“ADNOC” jew il-“Parti Notifikanti”) takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1), il-punt (b) tal-FSR, il-kontroll uniku ta’ Covestro AG (“Covestro” jew il-“Mira” u, flimkien mal-Parti Notifikanti, il-“Partijiet”).

L-attivitajiet kummerċjali tal-partijiet fil-konċentrazzjoni notifikata huma kif ġej:

ADNOC hija produttur taż-żejt u tal-gass ikkontrollata mill-Istat ibbażata fl-Emirati Għarab Magħquda (“EGħM”);

Covestro hija produttur Ewropew ta’ sustanzi kimiċi bbażata fil-Ġermanja.

2.   Indikazzjonijiet tal-preżenza ta’ sussidji barranin

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li l-Partijiet jistgħu jirċivu s-sussidji barranin li ġejjin skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-FSR:

Garanzija illimitata, mogħtija mill-EGħM, li tirriżulta b’mod partikolari mill-eżenzjoni ta’ ADNOC mil-Liġijiet applikabbli dwar il-Falliment tal-EGħM, kif ippromulgata fit-tliet snin qabel it-tħabbir tal-offerta pubblika. Il-garanzija illimitata tista’ fil-prinċipju tkun responsabbli biex tippermetti lill-ADNOC tikseb termini aktar favorevoli fin-negozjati tagħha ma’ partijiet terzi, b’mod partikolari istituzzjonijiet finanzjarji.

Żieda fil-kapital ta’ Covestro, li kellha tiġi impenjata minn ADNOC fi Ftehim konkluż bħala parti mill-proċess ta’ akkwist u għalhekk fit-tliet snin qabel it-tħabbir tal-offerta pubblika. Hemm biżżejjed indikazzjonijiet li ż-żieda fil-kapital setgħet ma seħħitx skont it-termini tas-suq. Iż-żieda fil-kapital tkun miżura individwali u għalhekk tkun limitata għal Covestro.

Fl-aħħar nett, ir-rieżami preliminari tal-Kummissjoni identifika kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin oħra li jistgħu jikkwalifikaw bħala sussidji barranin lill-ADNOC, li l-Kummissjoni se tkompli tirrieżamina matul l-investigazzjoni fil-fond.

3.   Indikazzjonijiet ta’ distorsjoni fis-suq intern

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis b’mod preliminari li l-konċentrazzjoni notifikata tinvolvi sussidji barranin li x’aktarx joħolqu distorsjoni fis-suq intern, skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tal-FSR.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis b’mod preliminari li garanzija illimitata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tal-FSR u għalhekk x’aktarx li toħloq distorsjoni fis-suq intern fis-sens tal-FSR.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis b’mod preliminari li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li ż-żieda fil-kapital tiffaċilita direttament il-konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 5(1)(d) tal-FSR u għalhekk x’aktarx li toħloq distorsjoni fis-suq intern fis-sens tal-FSR.

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li s-sussidji barranin identifikati b’mod preliminari fit-Taqsima 2 jistgħu jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva tal-Partijiet fis-suq intern u, meta jagħmlu dan, effettivament jew potenzjalment jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-FSR, kif ġej.

Is-sussidji barranin identifikati setgħu tejbu l-pożizzjoni kompetittiva ta’ ADNOC fil-proċess tal-akkwiżizzjoni. Fl-investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni se tkompli tirrieżamina jekk dawk is-sussidji barranin kellhomx effetti negattivi attwali jew potenzjali fuq il-proċess ta’ akkwiżizzjoni, billi tbiddel l-eżitu tal-proċess ta’ akkwiżizzjoni. B’mod partikolari, minħabba li Covestro hija kumpanija elenkata pubblikament, il-Kummissjoni se tinvestiga valwazzjoni possibbli ta’ Covestro minn ADNOC, li mhix konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, u jekk dik il-valwazzjoni setgħetx effettivament jew potenzjalment tiskoraġġixxi partijiet oħra interessati fl-akkwiżizzjoni tal-Mira, u/jew jekk ADNOC kinitx tkun tista’ twettaq l-akkwiżizzjoni bl-istess kundizzjonijiet, fin-nuqqas tas-sussidji barranin identifikati.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li ċerti sussidji barranin, u b’mod partikolari l-garanzija illimitata lil ADNOC u ż-żieda fil-kapital, jistgħu jkunu suxxettibbli li jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva tal-entità kkombinata wara l-konċentrazzjoni, billi jippermettulha tiffinanzja l-attivitajiet tagħha tal-UE b’termini preferenzjali u tadatta strateġiji ta’ investiment li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tas-suq. Fl-investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni se tkompli tirrieżamina jekk is-sussidji barranin fil-konċentrazzjoni jippermettux lill-entità kkombinata tadotta strateġiji ta’ investiment li jkollhom impatt fuq il-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq intern.

4.   Konklużjonijiet

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq u abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li ADNOC u Covestro ingħataw is-sussidji barranin identifikati fit-Taqsima 2, li effetivament jew potenzjalment joħolqu distorsjoni fis-suq intern kif indikat fit-Taqsima 3 u għalhekk iddeċidiet li tibda investigazzjoni fil-fond f’konformità mal-Artikolu 10(3) tal-FSR.

5.   Stedina għal kummenti

F’konformità mal-Artikoli 10(3)(d) u 40(1) tal-FSR u l-Artikolu 8(1) ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1441 (2) (l-“FSIR”) il-Kummissjoni tistieden lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, lill-Istati Membri, kif ukoll lill-pajjiż terz li ta s-sussidji barranin identifikati fit-Taqsima 2 biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 8(3) tal-FSIR, meta l-kummenti bil-miktub sottomessi jkunu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali, il-persuna li tissottomettihom għandha tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni kunfidenzjali.

F’każijiet debitament ġustifikati, il-fornituri tal-kummenti jistgħu jitolbu li l-identità tagħhom ma tiġixżvelata. L-anonimità tingħata abbażi ta’ raġuni valida u espliċita murija fit-talba.

Sabiex jitqiesu bis-sħiħ fil-proċedura, jenħtieġ li l-kummenti jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 10 ijiem ta’ xogħol wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-posta elettronika lil COMP-FSR-REGISTRY@ec.europa.eu, bir-referenza FS.100156.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 330 23.12.2022, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1441 tal-10 ta’ Lulju 2023 dwar arranġamenti dettaljati għat-twettiq ta’ proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 177, 12.7.2023, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4547/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)