European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/4534

14.8.2025

Azzjoni mressqa fil-11 ta’ Ġunju 2025 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Liechtenstein

(Il-Kawża E-13/25)

(C/2025/4534)

Fil-11 ta’ Ġunju 2025 tressaq rikors kontra l-Liechtenstein quddiem il-Qorti tal-EFTA mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, ippreżentat minn Hildur Hjörvar, Sigurbjörn Bernharð Edvardsson, Sigrún Ingibjörg Gísladóttir u Melpo-Menie Joséphidès, fil-vesti ta’ Aġenti tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, Avenue de Arts 19H, 1000 Brussell, il-Belġju.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA biex:

1.

Tiddikjara li l-Liechtenstein naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Att imsemmi fil-punti 7d, 7f u 7m tal-Anness XIX tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali), kif adattat mill-Protokoll 1 tal-Ftehim ŻEE, u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim ŻEE, billi naqas milli jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Att fiż-żmien preskritt, jew fi kwalunkwe każ, billi naqas milli jinforma lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA b’dan, u

2.

Tordna lil-Liechtenstein iħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċedimenti.

Sfond legali u fattwali u l-motivi miġjuba bħala sostenn:

Permezz ta’ dan ir-rikors, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (“ESA”) titlob dikjarazzjoni mill-Qorti li l-Liechtenstein naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Att imsemmi fil-punti 7d, 7f u 7m tal-Anness XIX tal-Ftehim ŻEE, kif adattat mill-Protokoll 1 ta’ dak il-Ftehim, u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim ŻEE, billi naqas milli jadotta l-miżuri meħtieġa biex jimplimenta l-Att fiż-żmien preskritt, jew fi kwalunkwe każ, billi naqas milli jinforma lill-ESA li dan kien sar.

L-ESA bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil-Liechtenstein fis-17 ta’ Lulju 2024, fejn stiednet lil-Liechtenstein jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn, jiġifieri sas-17 ta’ Settembru 2024.

Fi tweġiba fis-17 ta’ Settembru 2024, il-Liechtenstein iddikjara li kien għadu ma ħax il-miżuri meħtieġa biex jimplimenta l-Att u indika li l-ħidma leġiżlattiva biex jiġi implimentat l-Att kienet għaddejja.

L-ESA tat l-opinjoni motivata tagħha fl-4 ta’ Diċembru 2024 li fiha l-Liechtenstein ngħata xahrejn biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mal-opinjoni motivata, jiġifieri mhux aktar tard mill-4 ta’ Frar 2025.

Fit-tweġiba tiegħu tal-4 ta’ Frar 2025, il-Liechtenstein iddikjara li l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Att kienet għaddejja u indika li l-emendi leġiżlattivi kienu mistennija li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2026.

Meta skadiet l-iskadenza stabbilita fl-opinjoni motivata, l-ESA ma kienet irċeviet l-ebda notifika li l-Liechtenstein kien implimenta l-Att, u lanqas ma kienet fil-pussess ta’ xi informazzjoni oħra li tindika li l-Att kien sar parti mill-ordinament ġuridiku intern tal-Liechtenstein.

Peress li l-Liechtenstein ma kienx ikkonforma mal-opinjoni motivata sal-iskadenza stabbilita fiha, l-ESA ddeċidiet li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti, skont l-Artikolu 31 tal-SCA.

Fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors, l-ESA ma ġietx innotifikata u ma għandha l-ebda informazzjoni oħra li tissuġġerixxi li l-Liechtenstein implimenta l-Att fl-ordinament ġuridiku tiegħu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4534/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)