|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/4511 |
7.8.2025 |
RAPPORT TAL-ATTIVITÀ TAL-KONTROLLUR TAL-GARANZIJI PROĊEDURALI GĦALL-2024
(C/2025/4511)
Daħla
Dan huwa t-tielet rapport annwali tal-attivitajiet tiegħi bħala l-Kontrollur tal-garanziji proċedurali. Ir-rwol tiegħi, kif stabbilit fir-Regolament dwar l-OLAF, huwa li nittratta l-ilmenti dwar il-konformità tal-OLAF mal-garanziji proċedurali u l-allegat ksur tar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet tal-OLAF, kif imqajma mis-suġġetti ta’ tali investigazzjonijiet, li aħna nsejħulhom “persuni kkonċernati”. Dan jinkludi l-ksur potenzjali tar-rekwiżiti proċedurali u tad-drittijiet fundamentali.
Qabel ma nħolqot il-kariga tal-Kontrollur, in-nies li kienu qed jiġu investigati mill-OLAF ftit li xejn kellhom għażliet jekk xtaqu jilmentaw ma’ korp jew ma’ awtorità indipendenti dwar il-mod kif l-OLAF kien qed imexxi investigazzjoni. L-uniċi għażliet kienu li jressqu lment quddiem l-Ombudsman Ewropew għal amministrazzjoni ħażina jew li jippruvaw jattivaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, taħt kundizzjonijiet stretti ħafna.
Sabiex dan in-nuqqas jiġi rrimedjat, l-emendi tar-Regolament tal-2020 dwar l-OLAF stabbilew mekkaniżmu xieraq għall-ilmenti li jagħti lil kull persuna kkonċernata l-possibbiltà li tressaq ilment quddiem il-Kontrollur.
Permezz ta’ dan ir-rimedju amministrattiv indipendenti li għadu kif ġie stabbilit, il-Kontrollur qed taġġusta u tallinja gradwalment, iżda b’mod kostanti, il-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva mal-prinċipji ta’ protezzjoni amministrattiva effettiva. Il-Kontrollur dejjem tqis id-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, flimkien mal-garanziji proċedurali speċifiċi li jirregolaw l-attivitajiet tal-OLAF, u l-prinċipji legali ġenerali u l-ġurisprudenza tal-qrati tal-UE applikabbli għall-investigazzjonijiet tal-OLAF.
Għall-Kontrollur, huwa importanti li l-mekkaniżmu tal-ilmenti mhux biss isir rimedju effettiv għall-persuni kkonċernati, iżda jżid ukoll it-trasparenza tal-attivitajiet tal-OLAF. Jekk li jkun hemm korp effiċjenti u effettiv kontra l-frodi, li jkun kapaċi jissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-UE huwa “neċessità” għall-UE u għall-kontribwenti, daqstant ieħor huwa importanti li l-investigazzjonijiet tal-OLAF dwar il-possibbiltà ta’ frodi jsiru f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali.
Minkejja dan, biex nifhmu aħjar ir-rwol tal-Kontrollur u l-limitazzjonijiet ta’ din il-funzjoni l-ġdida, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-Kontrollur ma jaġixxix bħala mħallef li jivvaluta l-legalità tad-deċiżjonijiet u l-atti tal-OLAF. Pjuttost, il-missjoni tal-Kontrollur hija li jsib u jipproponi soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet imqajma mill-ilmentaturi. Billi tipproponi soluzzjonijiet u fl-aħħar mill-aħħar tagħmel rakkomandazzjonijiet lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, il-Kontrollur għandha l-għan li ssolvi l-kwistjonijiet involuti u ttejjeb, b’mod li jħares ’il quddiem, il-prattiki amministrattivi u investigattivi tal-OLAF.
Nittama li dan ir-rapport jgħin biex iqajjem kuxjenza dwar it-tip ta’ kwistjonijiet li huma fil-qalba tal-ilmenti magħmula minn dawk ikkonċernati. Fl-istess ħin, nittama li jżid ir-responsabbiltà tal-OLAF u l-fiduċja tan-nies fis-sistema li l-UE stabbiliet biex tindirizza l-frodi.
Bi pjaċir nirrapporta li lħaqna l-objettivi kollha tagħna fl-2024, minkejja ż-żieda fl-għadd ta’ lmenti li rċevejna. F’dan ir-rigward, napprezza l-appoġġ legali li pprovdieli s-Segretarjat.
F’dan ir-rapport, se ssir taf aktar dwar il-ħidma tagħna u r-riżultati li ksibna fit-tħaddim tal-mekkaniżmu tal-ilmenti.
Ninsab konvinta li l-mekkaniżmu tal-ilmenti diġà sar salvagwardja essenzjali għall-persuni kkonċernati u li se jkompli jikber fir-rwol tiegħu li jiżgura li l-attivitajiet tal-OLAF jikkonformaw mal-garanziji proċedurali u r-regoli rilevanti dwar l-investigazzjonijiet.
Prof. Dr Julia LAFFRANQUE
Il-Kontrollur tal-garanziji proċedurali
Werrej
| Daħla | 1 |
|
1. |
Il-missjoni u l-mandat tal-Kontrollur | 4 |
|
2. |
Il-mekkaniżmu tal-ilmenti | 5 |
|
3. |
Ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti li tressqu fl-2024 | 5 |
|
4. |
It-tliet passi ta’ proċedura effettiva tat-trattament tal-ilmenti | 9 |
|
4.1. |
Ammissibbiltà | 9 |
|
4.2. |
Proċedura kontradittorja | 10 |
|
4.3. |
Deċiżjonijiet tal-għeluq | 11 |
|
5. |
Ħarsa ġenerali lejn is-sejbiet ewlenin tal-Kontrollur | 11 |
|
5.1. |
Dritt tad-difiża | 11 |
|
5.1.1. |
Dritt ta’ uffiċjal tal-UE li jiġi infurmat li huwa persuna kkonċernata | 12 |
|
5.1.2. |
Opportunità ta’ kummenti dwar l-istqarrija tal-fatti | 12 |
|
5.2. |
Durata raġonevoli tal-investigazzjonijiet tal-OLAF | 13 |
|
5.3. |
Duplikazzjoni tal-investigazzjonijiet (il-prinċipju ne bis in idem) | 14 |
|
5.4. |
Imparzjalità fl-imġiba tal-investigaturi tal-OLAF | 15 |
|
5.5. |
Dritt li wieħed ikun infurmat meta tingħalaq investigazzjoni u l-mezzi ta’ notifika użati fil-korrispondenza mal-persuni kkonċernati | 17 |
|
6. |
Konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ Linji Gwida dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-Persunal tal-OLAF (GIPs) | 18 |
|
7. |
Relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati | 18 |
|
8. |
Appoġġ amministrattiv u legali | 19 |
|
9. |
Kif tikkuntattja lill-Kontrollur u tressaq ilment | 19 |
1. Il-missjoni u l-mandat tal-Kontrollur
Il-Kontrollur tal-garanziji proċedurali huwa funzjoni maħluqa mir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2023 (1) li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 883/2013 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolament dwar l-OLAF”). Ir-rwol tal-Kontrollur huwa li jipproteġi l-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati (3) fl-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF). Dr Julia Laffranque inħatret bħala l-ewwel Kontrollur fit-3 ta’ Mejju 2022, b’mandat ta’ 5 snin li ma jiġġeddidx. Hija assistita mis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza (“is-Segretarjat”).
Skont l-Artikolu 9(8) tar-Regolament dwar l-OLAF, il-Kontrollur
għandu jissorvelja l-konformità tal-Uffiċċju ma’ garanziji proċedurali msemmija fl-Artikolu 9, kif ukoll mar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju. Il-Kontrollur għandu jkun responsabbli mit-trattament tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 9b.
Il-Kontrollur iwettaq il-kompiti tiegħu b’indipendenza sħiħa u ma jieħu struzzjonijiet mingħand ħadd fil-qadi ta’ dmirijietu (4). Peress li l-persuni kkonċernati ma jistgħux, fil-prinċipju, jitolbu rikors ġudizzjarju kontra l-atti jew l-ommissjonijiet tal-OLAF matul investigazzjoni, il-possibbiltà li jressqu lment quddiem il-Kontrollur għandha importanza kbira. Ilmentatur jista’ jirrikorri għand il-Kontrollur, fl-iskadenzi stretti stabbiliti fl-Artikolu 9b tar-Regolament dwar l-OLAF, biex jitlob valutazzjoni indipendenti u bir-reqqa tal-ilment tiegħu.
Meta jittratta l-ilmenti mressqa minn persuni kkonċernati rigward il-konformità tal-OLAF mal-garanziji proċedurali u r-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet, il-Kontrollur ma jippruvax jissostitwixxi bil-valutazzjoni tiegħu l-valutazzjoni tal-OLAF dwar kif għandu jwettaq investigazzjoni jew kif jivvaluta l-evidenza, jew dwar liema konklużjonijiet għandu jasal għalihom. Minflok, ir-rwol tiegħu huwa li jew:
|
— |
jipprovdi serħan il-moħħ li l-OLAF aġixxa f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-qafas legali tiegħu (jekk il-Kontrollur isib li ma jkun seħħ l-ebda ksur); jew |
|
— |
jistieden lill-OLAF jieħu azzjoni biex isolvi l-ilment, billi jagħmel proposta għal soluzzjoni kull meta jsib ksur tal-garanziji proċedurali jew tar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet. |
Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni, bħala t-tieni pass il-Kontrollur jagħmel rakkomandazzjoni lill-OLAF dwar kif għandu jsolvi l-ilment.
Il-Kontrollur jivvaluta l-ilmenti fi proċedura kontradittorja. Tingħata attenzjoni partikolari għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (5), għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE u għall-ġurisprudenza rilevanti tal-qrati tal-UE (6). Il-Kontrollur ma jinterferix u ma jistax jinterferixxi fit-twettiq tal-investigazzjoni tal-OLAF (7).
L-2024 kienet sena diffiċli minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ lmenti li waslu u l-kumplessità tal-kwistjonijiet legali li qajmu. Għalkemm f’dan ir-rapport, il-Kontrollur ma tistax tirreferi għal każijiet individwali li qed jiġu investigati mill-OLAF, u trid tiżgura l-kunfidenzjalità tagħhom anke wara li l-każijiet ikunu għalqu (8), dan ir-rapport jipprovdi sommarju utli tat-tip ta’ kwistjonijiet li l-persuni kkonċernati lmentaw dwarhom. Ir-rapport jiddeskrivi wkoll kif ġie ttrattat dan it-tħassib, u jispjega kif ħadem il-mekkaniżmu tal-ilmenti u r-riżultati li nkisbu.
2. Il-mekkaniżmu tal-ilmenti
Sa mill-bidu tal-attività tagħha f’Ottubru 2022, il-Kontrollur kellha l-opportunità li tittratta diversi kwistjonijiet legali interessanti. Dawn qed jistabbilixxu progressivament il-pedament għall-ħolqien ta’ qafas kunċettwali solidu għall-valutazzjoni tal-ilmenti. Meta wieħed iqis l-għadd ta’ lmenti li ġew ittrattati u l-varjetà ta’ kwistjonijiet legali li tqajmu, l-2024 kienet kemm sena diffiċli kif ukoll sena ta’ suċċess. L-ilmenti mhux biss ġew indirizzati mill-aktar fis possibbli, iżda wkoll bir-reqqa u b’mod komprensiv kemm jista’ jkun.
Biex wieħed jifhem aħjar kif jaħdem il-mekkaniżmu tal-ilmenti, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, il-Kontrollur ikollu aċċess privileġġat u dirett (9) għall-fajl tal-każ tal-OLAF tal-investigazzjoni rilevanti. Din il-forma ta’ aċċess għall-fajl tal-każ tal-OLAF hija ta’ importanza kbira: isserraħ ras l-ilmentaturi li l-Kontrollur ikun jista’ jeżamina bir-reqqa l-attivitajiet investigattivi tal-OLAF, anki f’każijiet fejn xi informazzjoni rilevanti tista’ tkun kunfidenzjali u ma tistax tiġi żvelata lill-ilmentatur. Il-Kontrollur spiss ikollu jsib bilanċ delikat bejn il-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni tal-OLAF, fuq naħa waħda, u n-natura kontradittorja tal-mekkaniżmu tal-ilmenti, min-naħa l-oħra.
Fl-2024, il-Kontrollur lestiet il-valutazzjoni ta’ tliet ilment mressqa fl-2023.
Barra minn hekk, fl-2024 tressqu 23 ilment ġdid minn persuni fiżiċi u ġuridiċi. Matul is-sena ta’ rapportar, il-Kontrollur lestiet il-valutazzjoni tagħha għal 22 minnhom. L-ilment li fadal tressaq ftit qabel tmiem is-sena u ġie ddikjarat ammissibbli. Fil-bidu tal-2025 ittieħdet deċiżjoni dwaru.
3. Ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti li tressqu fl-2024
Il-biċċa l-kbira mit-23 ilment li rċeviet il-Kontrollur fl-2024 tressqu minn persuni kkonċernati f’investigazzjonijiet interni tal-OLAF (15) (10), filwaqt li 8 kienu relatati ma’ investigazzjonijiet esterni (11) (l-Illustrazzjoni 1). Il-biċċa l-kbira mill-ilmenti tressqu bl-Ingliż, iżda ntużaw ukoll lingwi oħra (l-Ispanjol, ir-Rumen u ċ-Ċek) (l-Illustrazzjoni 2). Madwar 18-il ilment tressqu minn persuni fiżiċi, 2 minn persuna fiżika (kemm f’isimha stess kif ukoll f’isem il-persuna ġuridika li tirrappreżenta), u 3 minn persuni ġuridiċi (l-Illustrazzjoni 3). Matul is-sena ta’ rapportar, xi ilmentaturi ppreżentaw aktar minn ilment wieħed: għalhekk, in-numru totali ta’ persuni li lmentaw fl-2024 kien ta’ 12: Disa’ persuni fiżiċi u tliet entitajiet ġuridiċi (l-Illustrazzjoni 3). L-ebda wieħed mill-ilmenti li waslu ma tressaq permezz ta’ rappreżentant legali.
Illustrazzjoni 1
Tipi ta’ investigazzjonijiet tal-OLAF li sar ilment dwarhom fl-2024
Illustrazzjoni 2
Il-lingwi tal-ilmenti li tressqu fl-2024
Illustrazzjoni 3
Il-persuni li lmentaw u l-għadd ta’ lmenti
Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-ilmentaturi invokaw ksur tal-garanziji proċedurali tagħhom skont l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-OLAF u d-drittijiet fundamentali tagħhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (l-Illustrazzjoni 4). Dawn l-ilmenti kienu jikkonċernaw: (i) id-dritt tal-ilmentaturi li jinstemgħu u l-eżerċizzju effettiv tad-dritt tagħhom li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar fatti li jikkonċernawhom (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar l-OLAF); (ii) id-dritt li l-persuna tiġi infurmata li hija persuna kkonċernata (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar l-OLAF); (iii) ksur tal-prinċipji ta’ ġustizzja, oġġettività u imparzjalità fit-twettiq tal-investigazzjonijiet (l-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar l-OLAF); u (iv) id-durata tal-investigazzjonijiet (l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) (l-Illustrazzjoni 5). L-ilmentaturi lmentaw ukoll dwar ir-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet tal-OLAF (12), b’mod partikolari dwar il-ftuħ tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, it-twettiq ta’ verifiki fuq il-post u l-mezzi ta’ notifika lill-persuni kkonċernati (l-Illustrazzjoni 6).
Illustrazzjoni 4
Is-suġġett tal-ilmenti li tressqu fl-2024
Illustrazzjoni 5
Analiżi tad-diversi allegazzjonijiet rigward il-garanziji proċedurali, kif tqajmu fl-2024 (inklużi l-ilmenti ammissibbli u dawk inammissibbli)
Illustrazzjoni 6
Analiżi tal-allegazzjonijiet rigward ir-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet
4. It-tliet passi ta’ proċedura effettiva tat-trattament tal-ilmenti
Il-Kontrollur jittratta l-ilmenti b’mod ġust, indipendenti u imparzjali. Il-proċedura, f’konformità mar-Regolament dwar l-OLAF u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kontrollur, tinvolvi żewġ stadji: (i) il-valutazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ lment; (ii) il-valutazzjoni tal-argumenti sostantivi mqajma mill-ilmentaturi. Meta l-Kontrollur isib ksur, skont il-kwistjonijiet involuti, huwa jista’ jistieden lill-OLAF isolvi l-ilment. Huwa jagħmel dan permezz ta’ proposta għal soluzzjoni u, jekk ikun meħtieġ, joħroġ rakkomandazzjoni lill-OLAF.
4.1. Ammissibbiltà
Il-Kontrollur irid jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ lment fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla tiegħu. Il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà huma stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 9b tar-Regolament dwar l-OLAF, u fl-Artikolu 5 tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni. Sabiex ilment ikun ammissibbli, dan irid jiġi ppreżentat fi żmien xahar minn meta l-ilmentatur isir konxju tal-fatti rilevanti li jikkostitwixxu ksur allegat tal-garanziji proċedurali jew tar-regoli dwar l-investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-ilment irid jiġi ppreżentat mhux iktar tard minn xahar wara l-għeluq tal-investigazzjoni.
Fl-2024, il-Kontrollur ivvalutat l-ammissibbiltà tal-ilmenti pendenti kollha fit-terminu preskritt. Hija ddikjarat 7 lmenti ammissibbli, 3 parzjalment ammissibbli u 13 kienu inammissibbli (l-Illustrazzjoni 7).
Ir-raġunijiet għall-inammissibbiltà kienu dawn li ġejjin:
|
— |
f’7 każijiet, l-ilmentaturi naqsu milli jissodisfaw it-termini stabbiliti fl-Artikolu 9b(2); |
|
— |
fi 3 każijiet, il-Kontrollur sabet li l-ilmenti kienu manifestament mingħajr merti; |
|
— |
f’2 każijiet, l-ilmenti tressqu minn persuni li ma kinux persuni kkonċernati; |
|
— |
f’każ wieħed, l-ilment ma kienx sostanzjat, u b’hekk kien impossibbli għall-Kontrollur li twettaq valutazzjoni tal-merti; |
|
— |
fl-aħħar nett, l-ilment li fadal kien jikkonċerna proċedura amministrattiva li ma kinitx investigazzjoni tal-OLAF (Illustrazzjoni 8). |
Illustrazzjoni 7
L-ammissibbiltà tal-ilmenti li waslu fl-2024
Illustrazzjoni 8
Ir-raġunijiet għall-inammissibbiltà tal-ilmenti li waslu fl-2024 (inklużi lmenti parzjalment ammissibbli)
Meta jeżamina l-ammissibbiltà tal-ilmenti, il-Kontrollur isegwi approċċ li jara li jirrispetta kemm il-formulazzjoni kif ukoll l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar l-OLAF.
Bħal fis-sena preċedenti, fl-2024 xi każijiet ġew iddikjarati inammissibbli minħabba li l-investigazzjoni tal-OLAF kienet intemmet aktar minn xahar qabel ma l-ilmentatur ressaq it-talbiet tiegħu lill-Kontrollur. Kif intqal iktar ’il fuq, għall-investigazzjonijiet magħluqa, ir-Regolament dwar l-OLAF jistabbilixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà aktar stretta: L-ilment għandu jitressaq mhux aktar minn xahar wara l-għeluq tal-investigazzjoni, irrispettivament mill-mument li l-ilmentatur isir konxju tal-fatti rilevanti (l-Artikolu 9b(2) tar-Regolament dwar l-OLAF).
Il-Kontrollur tirrikonoxxi li din il-kundizzjoni indubbjament restrittiva applikabbli għal investigazzjonijiet magħluqa teżisti biex tippreserva kemm: (i) l-effettività ta’ kwalunkwe proċedura ta’ segwitu eventwali fil-livell nazzjonali jew tal-UE; u (ii) l-effettività tal-proposti tagħha stess għal soluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet fil-każ speċifiku inkwistjoni. Tabilħaqq, il-kontribut tal-Kontrollur ftit li xejn ikun ta’ użu f’każijiet magħluqa, fejn jista’ jkun hemm proċeduri ta’ segwitu għaddejjin quddiem l-awtoritajiet nazzjonali jew tal-UE rilevanti. F’każijiet rari bħal dawn, il-Kontrollur tqis li l-uniku mod kif il-persuni kkonċernati jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom quddiem dawn l-awtoritajiet huwa billi jużaw ir-rimedji ġudizzjarji jew amministrattivi disponibbli.
Kif ikkonfermat miċ-ċifri għall-2024, l-ammissibbiltà tibqa’ “gwardjan” importanti fil-mekkaniżmu tal-ilmenti tal-Kontrollur. Fil-każijiet kollha fejn l-ilmenti jew l-allegazzjonijiet instabu li kienu inammissibbli, il-Kontrollur spjegat fid-dettall il-bażi legali u r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha lill-ilmentatur.
Il-Kontrollur tirrikonoxxi li l-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà msemmija hawn fuq, flimkien man-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li tobbliga lill-OLAF jinforma lill-persuna kkonċernata dwar l-għeluq tal-każijiet bis-sejbiet, tista’ twassal biex il-persuni kkonċernati jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jressqu l-ilment tagħhom quddiem il-Kontrollur. Għalhekk, il-Kontrollur tqis li t-terminu strett għas-sottomissjoni tal-ilmenti, speċjalment (iżda mhux biss) fil-każ ta’ investigazzjonijiet magħluqa, huwa kwistjoni li se jistħoqqilha kunsiderazzjoni bir-reqqa fil-kuntest tal-evalwazzjoni u tar-rieżami sussegwenti possibbli tar-Regolament dwar l-OLAF.
4.2. Proċedura kontradittorja
Wara li temmet il-valutazzjoni preliminari, il-Kontrollur stiednet lill-OLAF jipprovdi l-fehmiet tiegħu dwar l-10 ilmenti ddikjarati ammissibbli jew parzjalment ammissibbli. Imbagħad, il-Kontrollur bagħtet it-tweġibiet tal-OLAF lill-ilmentaturi u stednithom jikkummentaw dwar il-fehmiet tal-OLAF.
Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-Kontrollur tagħmel ħilitha biex tagħti l-akbar effett possibbli lill-prinċipju ta’ proċedimenti kontradittorji. Għalhekk, iż-żewġ partijiet ingħataw l-opportunità li jippreżentaw il-każ tagħhom u jissottomettu dokumenti ta’ sostenn. Fil-prinċipju, huma ġew infurmati wkoll dwar is-sottomissjonijiet ta’ xulxin u setgħu jikkummentaw dwarhom. Minkejja dan, f’każijiet debitament ġustifikati, il-Kontrollur iddeċidiet li tidderoga minn dan il-prinċipju u tippermetti t-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni ppreżentata mill-OLAF f’konformità mal-Artikolu 7(2) tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni. B’mod partikolari, il-Kontrollur applikat din il-klawżola biex tipproteġi l-kunfidenzjalità u l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet f’każijiet fejn it-tweġibiet tal-OLAF kienu jiżvelaw il-metodi ta’ ħidma tiegħu jew iżommuh milli jiġbor l-evidenza meħtieġa, jew saħansitra jipperikolaw l-istrateġija investigattiva ġenerali. F’dawn il-każijiet, il-Kontrollur qablet mal-OLAF li dan tal-aħħar jipprovdi:
|
(i) |
verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet tal-OLAF biex tintbagħat lill-ilmentatur, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jifhem ir-raġunijiet li fuqhom kien ibbażat l-aġir tal-OLAF u b’hekk ikun f’pożizzjoni li jikkontesta t-tweġiba tal-OLAF u jipprovdi kontroargumenti; u |
|
(ii) |
verżjoni kunfidenzjali u aktar dettaljata li tispjega ulterjorment ir-raġunijiet ipprovduti mill-OLAF fil-verżjoni mhux kunfidenzjali. |
Din is-soluzzjoni bilanċjata ppermettiet lill-Kontrollur twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-każijiet rilevanti kollha filwaqt li tikkonforma mal-obbligu tagħha li tiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF.
Għalhekk, għalkemm l-ilmentaturi ma humiex intitolati li jirċievu kull biċċa informazzjoni, huma jistgħu jserrħu rashom li l-Kontrollur se twettaq eżami indipendenti u bir-reqqa tal-każ.
4.3. Deċiżjonijiet tal-għeluq
Sa tmiem l-2024, il-Kontrollur kienet ħadet deċiżjoni tal-għeluq rigward 12-il ilment: 3 ilmenti mill-2023 u 9 ilmenti ammissibbli mressqa fl-2024. F’kull wieħed minnhom, il-Kontrollur ma sabet l-ebda ksur tal-garanziji proċedurali tal-ilmentaturi. Il-Kontrollur ivvalutat diversi allegazzjonijiet u żviluppat ulterjorment il-qafas kunċettwali għall-valutazzjoni tal-ilmenti. Barra minn hekk, sentejn u nofs ta’ attività wrew l-importanza tal-valutazzjoni tal-Kontrollur: deċiżjoni tal-għeluq, fil-fatt, ma sservix biss biex tistieden lill-OLAF jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet f’investigazzjoni, jekk jinstab ksur. Deċiżjoni tal-għeluq fejn il-Kontrollur ma jsib l-ebda ksur wara proċedura kontradittorja u valutazzjoni legali bir-reqqa, min-naħa tagħha, issaħħaħ il-leġittimità tal-investigazzjoni inkwistjoni tal-OLAF u tipprovdi opportunità importanti ta’ apprendiment għall-ilmentaturi.
F’xi ftit ilmenti, minkejja li ma nstab l-ebda ksur fil-każ speċifiku, ġew identifikati prattiki problematiċi. F’dawn il-każijiet, il-Kontrollur ġibdet l-attenzjoni tal-OLAF dwar dan, u stednitu jqis is-sejbiet tagħha fl-investigazzjonijiet futuri tiegħu u possibbilment jieħu azzjoni, sabiex jiġi evitat ksur possibbli tal-garanziji proċedurali tal-persuni kkonċernati f’każijiet simili.
5. Ħarsa ġenerali lejn is-sejbiet ewlenin tal-Kontrollur
Fl-2024, il-Kontrollur ittrattat varjetà ta’ argumenti mqajma mill-ilmentaturi dwar il-garanziji proċedurali tagħhom u r-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet tal-OLAF. Bl-aċċess privileġġat tal-Kontrollur għall-fajls tal-każijiet tal-investigazzjonijiet rilevanti, hija kienet f’pożizzjoni li tivvaluta kull ilment abbażi tal-provi u l-informazzjoni kollha disponibbli.
Il-Kontrollur tqis li l-qafas kunċettwali li qed jiġi stabbilit progressivament permezz tad-deċiżjonijiet tal-għeluq tagħha jipprovdi gwida ċara għall-attivitajiet investigattivi tal-OLAF, kemm jekk fil-forma ta’ proposti għal soluzzjonijiet kif ukoll fil-forma ta’ obiter dicta.
F’konformità mal-prinċipju tal-kunfidenzjalità, il-Kontrollur ma jistax jiżvela s-sustanza tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Filwaqt li tirrispetta dan il-prinċipju, fil-paragrafu ta’ hawn taħt il-Kontrollur tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-aktar argumenti konvinċenti mqajma mill-ilmentaturi u kif indirizzathom.
5.1. Dritt tad-difiża
Il-ksur tad-dritt tad-difiża f’investigazzjoni tal-OLAF kien l-aktar allegazzjoni invokata li l-Kontrollur kellha tivvaluta matul is-sena ta’ rapportar. Il-varjetà ta’ argumenti ta’ sostenn imqajma tippermetti lill-Kontrollur tivvaluta ħafna mill-isfumaturi ta’ dan id-dritt proċedurali kruċjali.
5.1.1.
Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar l-OLAF, malli investigazzjoni tiżvela li membru tal-persunal tal-UE jista’ jkun persuna kkonċernata f’investigazzjoni tal-OLAF, dak il-membru tal-persunal għandu jiġi infurmat dwar dan, dment li dan ma jippreġudikax it-twettiq tal-investigazzjoni jew ta’ kwalunkwe proċediment investigattiv li jaqa’ taħt awtorità ġudizzjarja nazzjonali. Bl-istess mod, l-Artikolu 9(2) tal-Guidelines on investigations for OLAF staff (il-“GIPs”) (13) jirrikjedi li l-OLAF jinforma lill-uffiċjali u lill-membri l-oħra tal-persunal tal-UE “mal-ewwel opportunità” bl-implikazzjoni possibbli tagħhom f’investigazzjoni miftuħa. Dan id-dritt li wieħed jiġi infurmat huwa garanzija proċedurali importanti għall-uffiċjal ikkonċernat u huwa intrinsikament marbut mad-dritt tad-difiża.
F’każ minnhom, il-Kontrollur analizzat il-pass proċedurali speċifiku tal- identifikazzjoni tal-OLAF ta’ persuna bħala “persuna kkonċernata”. B’mod partikolari fl-investigazzjonijiet interni, l-istatus ta’ “persuna kkonċernata” f’investigazzjoni tal-OLAF huwa element ewlieni fil-proċess investigattiv u prekundizzjoni għall-eżerċitar tad-dritt tad-difiża fl-investigazzjoni li tikkonċerna dik il-persuna. L-istatus tal-persuna kkonċernata, tabilħaqq, jagħti lill-persuna għadd ta’ garanziji proċedurali u jorbot lill-OLAF ma’ regoli speċifiċi skont ir-Regolament dwar l-OLAF. Għalhekk, l-istabbiliment tal-mument preċiż meta dan l-istatus jiġi fformalizzat għandu konsegwenzi prattiċi.
Fil-każ inkwistjoni, il-Kontrollur innotat li filwaqt li isem l-ilmentatur kien diġà msemmi fid-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali li fetħet l-investigazzjoni, l-OLAF identifika formalment lill-ilmentatur bħala “persuna kkonċernata” fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet tal-OLAF (OLAF Case Management System, OCM) fi stadju aktar tard, jiġifieri 6 xhur wara.
Fil-ħidma tagħha fuq il-każ, il-Kontrollur eżaminat il-prattika tal-OLAF fir-rigward tal-“identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata” fl-investigazzjonijiet interni. L-analiżi tal-Kontrollur iffukat fuq il-prattika tad-distinzjoni bejn it-tismija tal-persuna kkonċernata f’deċiżjoni ta’ ftuħ u r-reġistrazzjoni sussegwenti ta’ dik l-informazzjoni fl-OCM. Għall-Kontrollur, il-kodifikazzjoni tal-istatus ta’ persuna kkonċernata diġà identifikata fl-OCM hija pass purament intern li ma għandux jinvolvi kunsiderazzjonijiet sostantivi, u li, bħala tali, trid issir f’waqtha. Għalhekk, il-Kontrollur tqis li kull meta d-deċiżjoni tal-ftuħ tad-Direttur Ġenerali tirreferi għal persuna b’isimha, din il-persuna trid titqies minn dak il-mument bħala “persuna kkonċernata” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament dwar l-OLAF. Dan jiskatta l-obbligu tal-OLAF, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar l-OLAF, jew li jinforma lill-persuna li hija persuna kkonċernata, jew, f’każijiet ġustifikati, li jiddifferixxi tali informazzjoni.
Fil-każ inkwistjoni, id-dewmien fl-identifikazzjoni tal-persuna taħt investigazzjoni bħala persuna kkonċernata ma affettwax id-drittijiet proċedurali tagħha. Madankollu, il-Kontrollur ikkunsidrat li l-prattika ma hijiex konformi mal-Artikoli 2(5) u 5(1) tar-Regolament dwar l-OLAF u mal-Artikolu 6 tal-GIPs. Fl-opinjoni tal-Kontrollur, tali prattika ma trawwem l-ebda ċertezza legali u, f’ċirkostanzi differenti, tista’ twassal għal ksur tad-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati.
Din il-kwistjoni kienet diġà tqajmet mill-Kontrollur fid-diskussjonijiet tagħha mad-Direttur Ġenerali dwar ir-rieżami li għaddej tal-GIPs (14). F’dan il-kuntest, hija ssuġġeriet li f’każijiet fejn id-deċiżjoni tal-ftuħ tad-Direttur Ġenerali ssemmi persuna speċifika, l-OLAF irid jidentifika lill-persuna kkonċernata fl-OCM minnufih, jiġifieri fl-istess ħin bħad-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-Kontrollur hija fiduċjuża li l-OLAF se jqis kif xieraq is-suġġerimenti li saru u jieħu l-miżuri xierqa.
5.1.2.
Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar l-OLAF, ladarba titlesta l-investigazzjoni u qabel ma jitfasslu konklużjonijiet li jirreferu għal persuna kkonċernata b’isimha, l-OLAF għandu jagħti lil dik il-persuna l-opportunità li tikkummenta fuq il-fatti li jikkonċernawha. L-Artikolu 9(4) jispeċifika wkoll kif għandha tingħata din l-opportunità, jiġifieri billi tingħata espożizzjoni fil-qosor tal-fatti.
Skont il-ġurisprudenza tal-qrati tal-UE, id-dritt li wieħed jinstema’ jifforma parti mid-drittijiet tad-difiża, u r-rispett għal dawk id-drittijiet huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE (15). Il-Qrati tal-UE jispeċifikaw li d-dritt li wieħed jinstema’ jagħti lill-persuna l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha b’mod effettiv waqt proċedura amministrattiva, u qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa ħażin l-interessi tagħha (16). Barra minn hekk, id-dritt li wieħed jinstema’ għandu żewġ objettivi. L-ewwel, biex l-awtorità rilevanti tkun tista’ teżamina l-każ u tistabbilixxi l-fatti bl-aktar mod preċiż u korrett possibbli, u t-tieni, biex jiġi żgurat li l-persuna kkonċernata tkun fil-fatt protetta u tkun tista’ tippreżenta informazzjoni relatata maċ-ċirkostanzi personali tagħha u targumenta favur tagħha (17). L-opportunità li wieħed jikkummenta dwar l-espożizzjoni fil-qosor tal-fatti tal-OLAF hija l-espressjoni tad-dritt li wieħed jinstema’ fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u garanzija proċedurali essenzjali għall-persuni kkonċernati.
Għall-Kontrollur, huwa ferm importanti li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jikkummentaw dwar il-fatti li jikkonċernawhom b’mod sinifikanti. Dan ifisser li l-persuni kkonċernati jrid ikollhom l-informazzjoni meħtieġa li tippermettilhom jipprovdu kummenti u jiddefendu lilhom infushom.
F’każ minnhom, l-ilmentatur argumenta li ma setax jeżerċita b’mod effettiv id-dritt li jinstema’, peress li l-OLAF ma tahx aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-fatti stabbiliti fl-espożizzjoni fil-qosor tal-fatti.
Fil-prinċipju, wieħed jistenna li l-OLAF jipprovdi lill-persuna kkonċernata kopja tad-dokumenti li din tkun teħtieġ sabiex tkun tista’ tikkumenta dwar l-espożizzjoni fil-qosor tal-fatti. Madankollu, il-Kontrollur sabet li f’dan il-każ, l-informazzjoni speċifika rrapportata fl-espożizzjoni fil-qosor tal-fatti kienet purament ta’ natura fattwali u mhux relatata ma’ xi dokument speċifiku li kellu jiġi kondiviż mal-ilmentatur, jew riżultat tiegħu. Għalhekk, il-Kontrollur ikkonkludiet li l-espożizzjoni fil-qosor tal-fatti pprovdiet lill-ilmentatur b’informazzjoni dettaljata u kuntestwalizzata biżżejjed biex jifhem l-ambitu tal-investigazzjoni u jkun jista’ jipprovdi tweġibiet sinifikanti dwar il-fatti speċifiċi msemmija fiha. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kontrollur sabet li l-informazzjoni li l-OLAF ipprovda lill-ilmentatur kienet biżżejjed biex tippermettilu jeżerċita d-dritt tiegħu li jinstema’.
F’każ ieħor, l-ilmentatur argumenta li r-Rapport Finali dwar il-Każ ma kienx jinkludi xi wħud mill-kummenti u l-ispjegazzjonijiet li l-ilmentatur ipprovda fit-tweġiba tiegħu meta kellu l-opportunità li jikkummenta dwar l-espożizzjoni fil-qosor tal-fatti tal-OLAF. L-ilmentatur sostna wkoll li l-OLAF ma kienx tah l-opportunità li jikkummenta dwar ċerti fatti stabbiliti fir-Rapport Finali dwar il-Każ.
F’dan il-każ, il-Kontrollur ma sabet l-ebda ksur tad-drittijiet tal-ilmentatur, billi r-Rapport Finali dwar il-Każ irrefera direttament jew indirettament għall-kummenti ewlenin tal-ilmentatur. Barra minn hekk, l-OLAF annetta wkoll it-tweġiba sħiħa tal-ilmentatur mar-Rapport Finali dwar il-Każ indirizzat lill-istituzzjoni kkonċernata. Il-Kontrollur sabet li l-prattika tal-OLAF li jannetti kopja tal-kummenti kollha magħmula mill-persuna kkonċernata dwar l-espożizzjoni fil-qosor tal-fatti tal-OLAF mar-Rapport Finali tiegħu indirizzat lil istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-UE, jew lil awtorità nazzjonali: i) issaħħaħ id-dritt li wieħed jinstema’, u ii) toħloq il-livell ta’ trasparenza meħtieġ biex ir-riċevitur tar-Rapport Finali tal-OLAF ikun jista’ jiddeċiedi s-segwitu xieraq għal dan ir-rapport u għar-rakkomandazzjonijiet magħmula fih.
Fl-aħħar nett, il-Kontrollur tfakkar ukoll f’dan il-kuntest li, skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE, ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tagħti lill-persuna kkonċernata d-dritt li tesprimi l-fehmiet tagħha dwar il-konklużjonijiet li jista’ jasal għalihom l-OLAF, fil-kuntest tar-rapport finali tiegħu dwar l-investigazzjoni (18).
5.2. Durata raġonevoli tal-investigazzjonijiet tal-OLAF
F’għadd ta’ lmenti, il-Kontrollur ivvalutat jekk l-OLAF kienx kiser l-obbligu tiegħu li jaġixxi f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
L-obbligu li l-proċeduri amministrattivi jitwettqu f’perjodu ta’ żmien raġonevoli huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE u parti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (19). Għalhekk, l-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF iridu jiġu konklużi f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
Il-Kontrollur fakkret li għalkemm l-Artikolu 7(5) tar-Regolament dwar l-OLAF ma jippreskrivi l-ebda perjodu speċifiku biex titlesta investigazzjoni, huwa jistabbilixxi rabta ċara bejn ir-raġonevolezza tad-durata ta’ investigazzjoni tal-OLAF u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ. Il-Kontrollur irreferiet ukoll għall-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qrati tal-UE, li skontha ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jew kwantifikat perjodu ta’ żmien partikolari li jista’ jitqies bħala “raġonevoli” (20). Minflok, iridu jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ, b’mod partikolari: i) il-kumplessità tal-każ; ii) il-volum ta’ dokumenti eżaminati mill-OLAF matul l-investigazzjoni u l-volum ta’ dokumenti fil-fajl tal-każ; iii) l-ammont u l-kumplessità tal-passi investigattivi; u iv) l-imġiba tal-partijiet involuti (21). Għall-Qrati tal-UE, il-valutazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi “durata raġonevoli” ta’ investigazzjoni ma tirrikjedix li jiġu evalwati l-kriterji kollha msemmija hawn fuq, iżda tista’ tkun ibbażata fuq kriterju wieħed biss fir-rigward taċ-ċirkostanzi tal-każ (22).
Permezz tal-aċċess privileġġat tagħha għall-OCM, il-Kontrollur analizzat bir-reqqa l-fajl tal-każ tal-investigazzjonijiet ikkonċernati. Hija ffukat b’mod partikolari fuq i) l-għadd, in-natura u l-kontinwità tal-attivitajiet investigattivi mwettqa mill-OLAF, ii) il-volum ta’ informazzjoni ttrattata, iii) il-kwistjonijiet legali u tekniċi involuti kif ukoll il-karatteristiċi speċifiċi l-oħra kollha ta’ kull każ. Il-Kontrollur ikkonkludiet li dawn l-investigazzjonijiet twettqu b’mod kontinwu u sistematiku u li t-tul ta’ dawn l-investigazzjonijiet kien proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-kumplessità ta’ kull każ. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kontrollur sabet li l-OLAF ma kisirx id-dritt tal-ilmentaturi li l-kwistjonijiet li jirrigwardawhom jiġu ttrattati f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
F’dawn il-każijiet, id-deċiżjonijiet tal-Kontrollur xeħtu dawl fuq il-kumplessità ta’ dawn l-investigazzjonijiet u assiguraw lill-ilmentaturi li ma kien hemm l-ebda ksur tad-dritt fundamentali tagħhom li l-kwistjonijiet li jirrigwardawhom jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli.
5.3. Duplikazzjoni tal-investigazzjonijiet (il-prinċipju ne bis in idem) (23)
F’każ minnhom, il-Kontrollur intalbet tivvaluta jekk l-OLAF huwiex intitolat ikompli investigazzjoni (amministrattiva) komplementari ladarba l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) ikun warrab l-investigazzjoni kriminali tiegħu minħabba nuqqas ta’ provi jew jekk din il-kontinwazzjoni tmurx kontra l-prinċipju ne bis in idem.
F’dan il-każ, l-ilmentatur kien persuna kkonċernata f’investigazzjoni tal-OLAF li enfasizzat ir-rilevanza kriminali possibbli ta’ xi mġiba u li wasslet biex l-UPPE jiftaħ investigazzjoni kriminali dwar l-istess fatti. L-ilmentatur argumenta li l-OLAF kellu jwaqqaf l-investigazzjoni komplementari immedjatament wara li l-UPPE infurmah li l-investigazzjoni kriminali kienet ingħalqet minħabba nuqqas ta’ provi. Għall-ilmentatur, kien hemm koinċidenza sostanzjali fil-bażi fattwali u ġuridika tal-investigazzjoni tal-OLAF ma’ dik tal-proċedimenti magħluqa tal-UPPE. Il-Kontrollur wettqet il-valutazzjoni tagħha fid-dawl tad-dispożizzjonijiet proċedurali rilevanti li jippermettu lill-OLAF iwettaq investigazzjonijiet komplementari (24).
Bħala l-ewwel rimarka, il-Kontrollur innotat li l-Artikolu 12f(1) tar-Regolament dwar l-OLAF jippermetti b’mod espliċitu lill-OLAF jiftaħ u jwettaq investigazzjoni komplementari, b’mod parallel ma’ investigazzjoni tal-UPPE, dwar l-istess fatti. Għalhekk, il-Kontrollur enfasizzat in-natura u l-iskop intrinsikament differenti tal-investigazzjonijiet amministrattivi tal-OLAF u l-investigazzjonijiet kriminali tal-UPPE. Filwaqt li l-OLAF għandu l-għan li jiddetermina jekk tkunx seħħet irregolarità amministrattiva u li jirrakkomanda, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri amministrattivi/finanzjarji/dixxiplinari xierqa li għandhom jittieħdu, l-UPPE jwettaq investigazzjonijiet kriminali, li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet kriminali.
Għalkemm l-investigazzjonijiet komplementari tal-OLAF jitwettqu “f’konsultazzjoni mal-UPPE fuq bażi kontinwa” (25), l-OLAF iwettaq dawn l-investigazzjonijiet b’mod indipendenti u “f’konformità mal-mandat tiegħu” (26). Dan ifisser li l-investigazzjonijiet komplementari jitwettqu taħt id-direzzjoni tad-DĠ tal-OLAF, f’konformità mal-proċeduri applikabbli għat-twettiq tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, stabbiliti mir-Regolament dwar l-OLAF u speċifikati fil-GIPs. Għalhekk, l-OLAF jibqa’ responsabbli għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet komplementari.
Il-Kontrollur fakkret ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE, li tiċċara li l-kriterju biex tiġi vvalutata l-eżistenza tal-istess reat huwa l-identità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ sett ta’ ċirkostanzi konkreti li huma marbuta flimkien b’mod inseparabbli, u li rriżultaw fil-liberazzjoni jew fil-kundanna finali tal-persuna kkonċernata (27). B’riżultat ta’ dan, il-fatt li l-investigazzjoni kriminali tiġi miċħuda, bħala tali ma jikkostitwix eżenzjoni mir-responsabbiltà fil-livell amministrattiv, li possibbilment twassal għal rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kontrollur innotat li ma hemm l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament dwar l-OLAF jew f’dak dwar l-UPPE, u lanqas fil-GIPs jew fl-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-UPPE, li tirrikjedi lill-OLAF jagħlaq l-investigazzjoni komplementari jekk l-UPPE jkun għalaq l-investigazzjoni kriminali tiegħu.
Għalhekk, il-Kontrollur ikkonkludiet li, billi ma għalaqx l-investigazzjoni amministrattiva komplementari tiegħu immedjatament wara li l-UPPE ċaħad l-investigazzjoni kriminali tiegħu, l-OLAF ma kisirx il-prinċipju ne bis in idem.
F’każ ieħor, il-Kontrollur kellha tivvaluta jekk l-OLAF fetaħx investigazzjoni interna b’duplikazzjoni ta’ proċedura dixxiplinari li twettqet u li ġiet konkluża mill-korp dixxiplinari rilevanti dwar fatti allegatament simili. Il-Kontrollur sabet li l-ambiti taż-żewġ proċeduri ma kinux jikkoinċidu. F’dak ir-rigward, il-Kontrollur sabet li l-proċedura dixxiplinari kienet tikkonċerna n-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess fi proċedura ta’ akkwist, filwaqt li l-investigazzjoni tal-OLAF kienet tikkonċerna imġiba ħażina potenzjali u kollużjoni potenzjali fi proċedura ta’ akkwist pubbliku. F’dan ir-rigward, il-Kontrollur iċċarat in-natura u l-eżiti potenzjali differenti tal-proċedura dixxiplinari magħluqa u l-investigazzjoni tal-OLAF. Għalhekk, l-ilmentatur seta’ jiġi assigurat li ma kienet qed isseħħ l-ebda duplikazzjoni, u għalhekk ma kien hemm l-ebda riskju li jiġi ssanzjonat darbtejn għall-istess imġiba ħażina.
5.4. Imparzjalità fl-imġiba tal-investigaturi tal-OLAF
Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar l-OLAF, l-investigazzjonijiet tal-OLAF iridu jitwettqu b’mod oġġettiv u imparzjali u skont il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u l-garanziji proċedurali applikabbli. Il-prinċipju tal-imparzjalità huwa wkoll prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE u element ewlieni tad-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
L-obbligu ta’ aġir imparzjali fil-kuntest tal-azzjonijiet amministrattivi u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-UE japplika għal kull persuna li tikkontribwixxi għall-attività tal-istituzzjoni kkonċernata, u huwa maħsub biex jiggarantixxi trattament ugwali. Tali rekwiżit huwa maħsub, fost affarijiet oħra, biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn jista’ jkun hemm kunflitt ta’ interess min-naħa ta’ uffiċjali jew aġenti li jaġixxu f’isem dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi.
F’każ minnhom, il-Kontrollur intalbet tivvaluta jekk il-konoxxenza minn qabel bejn il-persuna kkonċernata u membru tat-tim tal-investigazzjoni setgħetx tammonta għal kunflitt ta’ interess. L-ilmentatur ikkunsidra li l-konnessjoni professjonali jew personali preċedenti setgħet taffettwa l-oġġettività tal-investigatur u l-imparzjalità u l-ġustizzja tal-investigazzjoni.
Il-Kontrollur ivvalutat l-argument tal-ilmentatur fid-dawl tal-qafas kunċettwali solidu diġà żviluppat f’deċiżjonijiet preċedenti dwar kwistjonijiet simili u f’konformità mal-ġurisprudenza konsolidata tal-Qrati tal-UE.
L-ewwel, il-Kontrollur fakkret li skont il-ġurisprudenza rilevanti, ir-rekwiżit tal-imparzjalità japplika wkoll fil-kuntest tas-servizz ċivili (28). F’dak ir-rigward, l-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal fih regoli speċifiċi mfassla biex jiżguraw li l-uffiċjali jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom mingħajr l-interferenza minn kunflitti ta’ interess fit-twettiq tal-missjoni tagħhom (29). Skont l-ewwel paragrafu ta’ dak l-artikolu, uffiċjal m’għandux, fil-qadi ta’ dmirijietu, jittratta kwistjoni li fiha, direttament jew indirettament, ikollu xi interess personali li jista’ jfixkel l-indipendenza tiegħu, u, b’mod partikolari, interessi tal-familja jew finanzjarji.
It-tieni, il-Kontrollur fakkret li l-prinċipju tal-imparzjalità, kif definit hawn fuq mill-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE, għandu żewġ aspetti: l-imparzjalità suġġettiva u l-imparzjalità oġġettiva. Ir-rekwiżit ta’ imparzjalità suġġettiva jfisser li l-ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu jassumi pożizzjoni minn qabel jew ikollu preġudizzju personali. Ir-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva jfisser li jrid ikun hemm biżżejjed garanziji biex jiġi eskluż kwalunkwe dubju leġittimu dwar kwalunkwe preġudizzju min-naħa tal-istituzzjoni kkonċernata (30). Fl-aħħar nett, l-imparzjalità trid tiġi osservata kemm fil-fatt kif ukoll fid-dehra. Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ kunflitt ta’ interess mhux biss huwa relatat ma’ sitwazzjoni li fiha aġent pubbliku jkollu interess personali tali li jinfluwenza l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, iżda wkoll ma’ sitwazzjoni li fiha l-interess identifikat jista’, f’għajnejn il-pubbliku, jidher li jinfluwenza t-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu (31). L-imparzjalità suġġettiva hija preżunta fin-nuqqas ta’ provi kuntrarji (32). Madankollu, għal imparzjalità oġġettiva ma huwiex meħtieġ li l-membru tal-persunal ikkonċernat kellu preġudizzju reali lejn l-allegata vittma. Huwa biżżejjed li jkun jeżisti dubju leġittimu li ma jistax jitneħħa (33).
Huwa fid-dawl tal-prinċipji msemmija hawn fuq li ġie vvalutat l-allegat nuqqas ta’ imparzjalità jew kunflitt ta’ interess ta’ membru tat-tim tal-investigazzjoni tal-OLAF.
Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ imparzjalità suġġettiva, il-Kontrollur sabet li l-ilmentatur ma ppreżenta l-ebda element konkret jew prova li tista’ tiġġustifika l-asserzjonijiet tiegħu. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva jew tal-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess perċepit, il-Kontrollur fakkret li dawn iż-żewġ kunċetti jinħolqu meta ma jkunx hemm garanziji suffiċjenti fis-seħħ biex jiġi eskluż kwalunkwe dubju leġittimu dwar l-allegat preġudizzju mill-persunal tal-OLAF. F’dak ir-rigward, il-Kontrollur saħqet li l-arranġamenti ta’ ħidma interni u s-superviżjoni ġerarkika fi ħdan l-OLAF huma tali li jeskludu l-possibbiltà li investigatur jieħu kwalunkwe deċiżjoni b’mod awtonomu. Fil-fatt, it-timijiet tal-investigazzjoni tal-OLAF iwettqu l-attivitajiet tagħhom taħt is-superviżjoni u l-approvazzjoni tal-Kap tal-Unità, it-Tim ta’ Rieżami, u finalment tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF. B’mod partikolari, it-Tim ta’ Rieżami, li jinkludi persunal li huwa esperti fil-liġi u fil-proċeduri investigattivi, jissorvelja l-investigazzjonijiet tal-OLAF fi stadji differenti tal-proċedura u jwettaq kontroll tal-legalità relatat, fost affarijiet oħra, mar-rispett tal-garanziji proċedurali u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, inkluż id-dritt tagħhom li l-kwistjonijiet li jirrigwardawhom jiġu ttrattati b’mod imparzjali u f’konformità mal-preżunzjoni tal-innoċenza (34).
Għalhekk, il-Kontrollur ikkonkludiet li sempliċi element ta’ familjarità, kemm jekk tkun relazzjoni professjonali kif ukoll jekk tkun waħda ta’ natura personali, ma huwiex prova biżżejjed bħala tali ta’ kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali min-naħa tal-investigatur. Il-Kontrollur ikkonkludiet ukoll li l-garanziji proċedurali stabbiliti mill-OLAF kienu biżżejjed, skont it-tifsira tal-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE, biex jeskludu kwalunkwe dubju leġittimu dwar kwalunkwe preġudizzju allegat jew kunflitt ta’ interess perċepit min-naħa tal-persunal tal-OLAF.
F’każ ieħor, li kien jinvolvi telefonata bejn investigatur u l-persuna kkonċernata, l-ilmentatur afferma li t-ton tal-investigatur waqt it-telefonata kien akkużatorju u kiser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Fil-fehma tal-ilmentatur, din l-imġiba kienet turi l-preġudizzju tal-membru tal-persunal tal-OLAF kontrih u affettwat l-imparzjalità tal-investigazzjoni.
Il-Kontrollur fakkret li l-valutazzjoni tagħha dwar jekk l-OLAF kienx kiser id-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata fil-kuntest ta’ investigazzjoni li kienet għaddejja kienet ibbażata fuq fatti li setgħu jiġu vverifikati. F’dan il-każ, l-allegazzjoni tal-ilmentatur kienet tikkonċerna t-“ton” perċepit waqt il-konverżazzjoni bit-telefown bejnu u l-OLAF, u l-interpretazzjoni tal-istqarrijiet magħmula fuq it-telefown mill-OLAF. Mingħajr rekord bil-miktub jew traċċa tad-djalogu msemmi bejn il-partijiet u b’xhieda kunfliġġenti miż-żewġ partijiet, il-Kontrollur ma setgħetx tivverifika l-kontenut, jew tivvaluta l-veraċità tal-allegazzjonijiet imqajma mill-ilmentatur.
Madankollu, f’dan il-każ, il-Kontrollur ħadet l-opportunità biex ittenni l-importanza assoluta li l-korrispondenza mal-persuni kkonċernati tkun edukata u newtrali għall-aħħar, f’konformità mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba. Dan irid ikun il-każ irrispettivament mill-mezzi speċifiċi ta’ komunikazzjoni użati mill-OLAF, iżda huwa partikolarment kruċjali fil-komunikazzjoni orali. Il-Kontrollur tqis li dan huwa essenzjali biex ma tiġix danneġġata l-perċezzjoni tal-persuni kkonċernati tal-imparzjalità tal-investigaturi tal-OLAF.
5.5. Dritt li wieħed ikun infurmat meta tingħalaq investigazzjoni u l-mezzi ta’ notifika użati fil-korrispondenza mal-persuni kkonċernati
Fl-2022, wieħed mill-ewwel ilmenti li l-Kontrollur ħadet deċiżjoni dwaru kien jirrigwarda d-dritt li wieħed jiġi infurmat li huwa persuna kkonċernata skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar l-OLAF. Il-Kontrollur sabet li kien hemm ksur tad-dritt tal-ilmentatur li jiġi infurmat minnufih, peress li l-email li l-OLAF kien bagħat lill-ilmentatur biex tinformah li kien sar persuna kkonċernata qatt ma waslitlu (35). F’dik id-deċiżjoni, il-Kontrollur irreferiet għall-ġurisprudenza stabbilita biex tindika li f’dak li jirrigwarda notifiki importanti, l-OLAF irid ikollu proċedura fis-seħħ biex jiżgura li dawn fil-fatt jaslu għand id-destinatarji previsti. Bi tweġiba għall-istedina tal-Kontrollur lill-OLAF biex itejjeb il-prattika tiegħu, fil-bidu tal-2023 dan adotta struzzjonijiet interni dwar il-mezzi ta’ notifika li jridu jintużaw fil-korrispondenza mal-persuni kkonċernati.
Fl-2024, il-Kontrollur kellha l-opportunità li tmur lura għal din il-kwistjoni importanti. L-Artikolu 11(7) tar-Regolament dwar l-OLAF jirrikjedi li l-OLAF jinforma lil persuna kkonċernata bl-għeluq ta’ investigazzjoni meta ma tkun instabet l-ebda prova kontra dik il-persuna, fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol minn meta titlesta l-investigazzjoni. Fl-investigazzjoni inkwistjoni, l-OLAF innotifika lill-persuna kkonċernata bl-għeluq tal-investigazzjoni mingħajr sejbiet permezz ta’ email kriptata, u talab b’mod espliċitu lill-persuna tikkonferma li rċeviet l-email. Il-persuna kkonċernata ma għamlitx hekk. Meta wieħed iqis it-terminu qasir għall-OLAF biex jinforma lill-persuna kkonċernata, l-OLAF iddeċieda wkoll li jinnotifika lill-persuna kkonċernata b’konsenja bl-idejn. Dan tal-aħħar sussegwentement ilmenta mal-Kontrollur, għax qies din l-interazzjoni personali bħala prattika mhux xierqa u koerċittiva min-naħa tal-investigaturi tal-OLAF.
Il-Kontrollur ivvalutat dan il-każ fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti, inkluż ir-Regolament dwar l-OLAF, il-GIPs, l-istruzzjonijiet interni tal-OLAF imsemmija hawn fuq dwar il-mezzi ta’ notifika li jridu jintużaw fil-korrispondenza mal-persuni kkonċernati, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE.
Il-Kontrollur qieset li l-OLAF igawdi minn ċertu grad ta’ diskrezzjoni dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni użati biex jinnotifika lill-persuni kkonċernati dwar l-informazzjoni, li trid tkun iggwidata mill-prinċipju tal-effettività. L-OLAF jeħtieġ li jiżgura u jkun jista’ juri li l-mezzi ta’ komunikazzjoni użati jippermettu realment lill-persuni kkonċernati jsiru konxji tal-informazzjoni mibgħuta lilhom (36). F’dak ir-rigward, il-Kontrollur fakkret li l-istruzzjonijiet interni tal-OLAF dwar il-mezzi ta’ notifika li jridu jintużaw fil-korrispondenza mal-persuni kkonċernati jagħtu lill-OLAF il-possibbiltà li jikkonsenja ittri ta’ notifika bl-idejn lill-persuni kkonċernati. Dan huwa partikolarment il-każ meta t-tentattivi preċedenti tal-OLAF biex jikkomunika min-nies ikkonċernati b’mezzi oħra – bħal emails jew ittri rreġistrati – ma jkunux irnexxew. Il-Kontrollur innotat li l-OLAF ma għandux għalfejn jirrikorri għall-mezzi kollha ta’ notifika msemmija fl-istruzzjonijiet interni, u lanqas li jużahom fl-ordni speċifika indikata fihom. Għalhekk, huwa f’idejn it-tim investigattiv li jagħżel il-mezzi li jqis l-aktar effettivi, sakemm jintlaħaq l-iskop tagħhom. F’każijiet fejn il-mezzi magħżula ma jkunux effettivi, huwa fid-diskrezzjoni tal-unità investigattiva li tagħmel użu minn kwalunkwe għodda oħra disponibbli biex tinforma b’mod effettiv lill-persuna kkonċernata rigward komunikazzjoni.
Fil-każ inkwistjoni, il-Kontrollur stabbiliet li l-OLAF kien innotifika b’diliġenza lill-persuna kkonċernata permezz ta’ email u mbagħad, fid-dawl taċ-ċirkostanzi (li kellu skadenza qasira biex jagħmel dan, u li l-ilmentatur ma pprovda l-ebda konferma ta’ riċevuta, u ħalla lill-OLAF fl-għama dwar jekk l-ilmentatur kienx effettivament konxju tal-informazzjoni mibgħuta), kien ipproċeda proporzjonalment biex jikkonsenja n-notifika bl-idejn. Dan huwa konformi mar-regoli applikabbli u mal-obbligu tal-OLAF li jinforma b’mod effettiv lill-persuna kkonċernata dwar il-garanziji proċedurali tagħha skont l-Artikolu 11(7) tar-Regolament dwar l-OLAF.
6. Konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ Linji Gwida dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-Persunal tal-OLAF (GIPs)
L-Artikolu 9b(9) tar-Regolament dwar l-OLAF jipprevedi li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF “jista’ jitlob l-opinjoni tal-Kontrollur dwar kwalunkwe suġġett relatat mal-garanziji proċedurali jew mad-drittijiet fundamentali li jaqa’ fil-mandat tal-Kontrollur”.
Fuq din il-bażi ġuridika, f’Novembru 2023, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF talab l-opinjoni tal-Kontrollur dwar l-abbozz tat-test rivedut tal-Linji Gwida dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-Persunal tal-OLAF, b’mod partikolari dwar id-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali li jaqgħu taħt il-mandat tal-Kontrollur.
Il-Kontrollur laqgħet l-opportunità li tiġi kkonsultata dwar din il-kwistjoni importanti. Hija qieset l-esperjenza tagħha sa dak iż-żmien fit-trattament ta’ kważi 40 ilment imressqa minn persuni kkonċernati sa mill-bidu tal-mandat tagħha. Peress li kienet indirizzat diversi kwistjonijiet legali mqajma matul il-mandat tagħha u bbenefikat mill-aċċess privileġġat għall-fajls tal-każijiet tal-investigazzjonijiet relatati tal-OLAF, hija kellha għarfien u fehim uniku tal-prattiki investigattivi tal-OLAF. B’mod partikolari, il-Kontrollur setgħet tivvaluta mill-qrib il-mod kif l-OLAF jagħmel ħiltu biex jiżgura l-konformità mal-garanziji proċedurali ta’ dawk li jkunu qed jiġu investigati u l-ġurisprudenza rikka u li dejjem tevolvi tal-Qrati tal-UE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Fl-opinjoni tagħha, il-Kontrollur iffukat biss fuq dawk l-Artikoli tal-abbozz rivedut tal-GIPs li kienu jirreferu għall-konformità tal-OLAF mal-garanziji proċedurali ta’ persuna kkonċernata, jew li kienu jikkonċernawha b’mod speċifiku.
L-opinjoni ntbagħtet lid-DĠ tal-OLAF fit-3 ta’ Ġunju 2024. Il-Kontrollur tqis li l-adozzjoni finali tal-GIPs tibbenefika ħafna jekk tittieħed azzjoni fir-rigward tal-osservazzjonijiet ippreżentati fl-opinjoni tagħha.
7. Relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kontrollur tqis li huwa importanti li jinżamm kuntatt regolari mal-istituzzjonijiet tal-UE, mad-Direttur-Ġenerali tal-OLAF u ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex tikseb feedback dwar ir-rwol tal-Kontrollur u, fl-aħħar mill-aħħar, biex tittejjeb il-protezzjoni tal-garanziji proċedurali u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati fl-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF.
Fit-23 ta’ Mejju 2024, il-Kontrollur iltaqgħet mad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, mal-investigaturi tal-OLAF u mal-maniġment tal-OLAF għal diskussjoni dwar il-mekkaniżmu tal-ilmenti, l-esperjenza miksuba fl-ewwel perjodu ta’ attività kif ukoll il-perkorsi għat-titjib. Din kienet l-ewwel darba li l-Kontrollur iltaqgħet mal-membri kollha tal-persunal tal-OLAF, u l-laqgħa wriet li kienet suċċess minħabba l-għadd kbir ta’ persuni li attendew u l-iskambju produttiv, fejn ġew indirizzati kemm mistoqsijiet ġenerali kif ukoll prattiċi.
Fil-5 ta’ Settembru 2024, il-Kontrollur ippreżentat ir-Rapport Annwali tagħha għall-2023 lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew. Hija ppreżentat ir-rapport lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Frodi fit-13 ta’ Settembru 2024 u kellha skambju ta’ fehmiet mal-membri tiegħu dwar ir-rwol tagħha u dwar il-protezzjoni tal-garanziji proċedurali ta’ dawk li jkunu qed jiġu investigati mill-OLAF.
Fl-15 ta’ Ottubru 2024, il-Kontrollur attendiet il-“Gala Dinner f’għeluq il-25 sena tal-OLAF”.
Fl-aħħar nett, il-Kontrollur żammet ukoll skambji regolari u relazzjonijiet ta’ ħidma produttivi mad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, ibbażati fuq il-fiduċja reċiproka u kooperazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, u b’riżultat tal-prattiki tajbin u l-kooperazzjoni li diġà kienu fis-seħħ, f’Settembru 2024, id-DĠ tal-OLAF bagħat lill-Kontrollur l-abbozz tal-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-Kontrollur. Dawn qed jiġu diskussi bħalissa u se jiġu adottati fl-2025.
8. Appoġġ amministrattiv u legali
Sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw b’mod effiċjenti, ir-Regolament dwar l-OLAF inkariga lis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza bil-kompitu li jipprovdi appoġġ legali u amministrattiv lill-Kontrollur.
Din l-għażla hija ġġustifikata ulterjorment mill-komplementarjetà tal-missjonijiet u mill-għanijiet komuni segwiti mill-Kontrollur u mill-Kumitat ta’ Sorveljanza. Is-Segretarjat jiżgura kontinwità, komunikazzjoni kostanti u kooperazzjoni armonjuża kemm mal-ilmentaturi kif ukoll mal-OLAF.
Tim iddedikat ta’ persunal bi kwalifiki għoljin fis-Segretarjat, taħt id-direzzjoni tal-Kap tas-Segretarjat, ipprovda pariri u assistenza siewja lill-Kontrollur filwaqt li rrispetta s-segretezza u l-kunfidenzjalità professjonali.
9. Kif tikkuntattja lill-Kontrollur u tressaq ilment
Tista’ tikkuntattja lill-Kontrollur permezz ta’ email jew bil-posta fl-indirizzi li ġejjin:
OLAF-FMB-Controller-Procedural-Guarantees@ec.europa.eu
|
Controller of Procedural Guarantees/Secretariat of the Supervisory Committee of OLAF |
|
Rue Joseph II, 30 |
|
1049 Brussels, Belgium |
Biex tressaq ilment lill-Kontrollur inti ġentilment mitlub
|
a. |
Timla l-formola |
|
b. |
Tibgħatha bil-posta elettronika jew bil-posta fl-indirizzi ta’ hawn fuq |
Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web:
https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/controller-procedural-guarantees_en
(1) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 49, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/2021-01-17).
(2) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 347, 20.10.2020, p.1).
(3) “Persuna kkonċernata” hija kwalunkwe persuna fiżika jew operatur ekonomiku ssuspettat li wettaq frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li għalhekk huwa soġġett għal investigazzjoni mill-OLAF. L-ilmenti ppreżentati minn persuni li ma humiex persuni kkonċernati, inklużi xhieda u kollaboraturi, jaqgħu barra mill-mandat tal-Kontrollur.
(4) L-Artikolu 9(6) tar-Regolament dwar l-OLAF.
(5) L-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, is-26 ta’ Ottubru 2012, 2012/C 326/02, p. 391, disponibbli fuq: C_2012326MT.01039101.xml.
(6) Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) hija magħmula minn żewġ qrati: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.
(7) L-Artikolu 9b(6) tar-Regolament dwar l-OLAF.
(8) L-Artikolu 9a(9) tar-Regolament dwar l-OLAF.
(9) L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kontrollur ta’ garanziji proċedurali li tadotta dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għat-trattament tal-ilmenti (“id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kontrollur” jew “id-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni”), disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32022D1228(01).
(10) “Investigazzjonijiet interni” huma investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji Ewropej stabbiliti mit-Trattati tal-UE jew abbażi tagħhom, bl-għan ta’ dawn l-investigazzjonijiet ikun li jiġġieldu l-frodi, il-miżapproprjazzjoni, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Għal dak il-għan, l-OLAF jinvestiga: (i) kwistjonijiet serji relatati mat-twettiq ta’ dmirijiet professjonali li jikkostitwixxu negliġenza fl-obbligi ta’ uffiċjali u impjegati oħra tal-UE li jistgħu jirriżultaw fi proċedimenti dixxiplinari jew, skont il-każ, proċedimenti kriminali; jew (ii) nuqqas ekwivalenti ta’ twettiq ta’ obbligi minn membri ta’ istituzzjonijiet u korpi, kapijiet ta’ uffiċċji u aġenziji jew membri tal-persunal ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji mhux soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal (l-Artikoli 1(4) u 4 tar-Regolament dwar l-OLAF).
(11) L-“Investigazzjonijiet esterni” huma investigazzjonijiet li l-OLAF iwettaq skont l-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-OLAF. Il-mandat tal-OLAF ikopri n-nefqa kollha tal-UE (jiġifieri l-fondi strutturali, il-politika agrikola u l-iżvilupp rurali, in-nefqa diretta u l-għajnuna esterna) u parti sostanzjali tad-dħul tal-UE (iżda mhux kollu, prinċipalment id-dazji doganali u d-dazji agrikoli).
(12) Dawn jinkludu r-regoli stabbiliti fir-Regolament dwar l-OLAF, kif ukoll dawk li jinsabu f’diversi testi, inklużi r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2), il-Linji Gwida dwar il-Proċeduri ta’ investigazzjonijiet għall-persunal tal-OLAF (GIPs) u l-Linji Gwida dwar Proċeduri Forensiċi Diġitali għall-Persunal tal-OLAF.
(13) Guidelines on Investigation Procedures for OLAF Staff, 11 ta’ Ottubru 2021, disponibbli fuq: https://anti-fraud.ec.europa.eu/guidelines-investigations-olaf-staff_en.
(14) Ara hawn taħt il-paragrafu 6 “Konsultazzjoni dwar l-abbozz tal-Linji Gwida dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-Persunal tal-OLAF (GIPs)”.
(15) Is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2022, Sistem ecologica vs Il-Kummissjoni, T-81/21, ECLI:EU:T:2022:641, il-punt 103; is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Jean-Charles Marchiani vs Il-Parlament Ewropew, C-566/14, ECLI:EU:C:2016:437, il-punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.
(16) Is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) vs Stéphane De Loecker, C-187/19 P, ECLI:EU:C:2020:444, il-punt 68.
(17) Is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics BV u Datema Hellmann Worldwide Logistics BV vs Staatssecretaris van Financiën, Kawżi magħquda C-129/13 u C-130/13, ECLI:EU:C:2014:2041, il-punt 38; is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Khaled Boudjlida vs Préfet des Pyrénées-Atlantiques, C-249/13, ECLI:EU:C:2014:2431, il-punti 37 u 59.
(18) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2019, John Dalli vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-399/17, ECLI:EU:T:2019:384, il-punt 144.
(19) L-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jgħid hekk: “Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.”
(20) Is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Yves Franchet u Daniel Byk vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-48/05, ECLI:EU:T:2008:257, il-punt 274; is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Pier Antonio Panzeri vs Il-Parlament Ewropew, T-166/16, ECLI:EU:T:2017:347, il-punt 104; is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2022, LA International Cooperation Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-609/20, ECLI:EU:T:2022:407, il-punt 51.
(21) Is-sentenza Pier Antonio Panzeri vs Il-Parlament Ewropew, T-166/16, imsemmija qabel; is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Lian Catinis vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-447/11, ECLI:EU:T:2014:267; is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2010, A. u G. vs Il-Kummissjoni Ewropea, Kawżi magħquda F-124/05 u F-96/06, ECLI:EU:F:2010:2.
(22) Is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2022, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummisjoni, il-Kawżi Magħquda C 238/99 P, C 244/99 P, C 245/99 P, C 247/99 P, C 250/99 P sa C 252/99 P u C 254/99 P, ECLI:EU:C:2002:582, il-punti 187-188.
(23) Il-prinċipju ne bis in idem ġie invokat mill-ilmentaturi bħala terminu ġeneralment mifhum li jinkludi d-duplikazzjoni ta’ investigazzjonijiet ta’ natura differenti, li possibbilment ikunu għaddejjin. Għalhekk, għall-finijiet ta’ konċiżjoni u konsistenza mal-lingwaġġ użat mill-ilmentaturi, it-terminu qed jintuża hawnhekk f’dan il-mod u mhux fil-mod strettament mifhum ta’ (i) żewġ settijiet ta’ proċedimenti ta’ natura kriminali, (ii) dwar l-istess fatti, (iii) kontra l-istess awtur ta’ ksur, u (iv) b’deċiżjoni finali, kif stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ECFR, European Charter of Fundamental Rights), u fl-Artikolu 4 tal-Protokoll 7 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB).
(24) Id-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament dwar l-OLAF huma dawn li ġejjin: L-Artikolu 12f “Investigazzjonijiet komplementari”, l-Artikolu 12d “In-nonduplikazzjoni ta’ investigazzjonijiet”. Ara wkoll l-Artikolu 12 tal-GIPs “Complementary investigations”.
(25) L-Artikolu 12f(1) tar-Regolament Nru 883/2013.
(26) L-Artikoli 12e(1) u 12f(1) tar-Regolament Nru 883/2013; l-Artikolu 101(3) tar-Regolament Nru 2017/1939; l-Artikolu 12(2) tal-GIPs.
(27) Is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Parchetul de pe lângă Tribunalul Braşov vs LG u MH (“ Autoblanchiment ”), Kawża C-790/19, ECLI:EU:C:2021:661, il-punti 77-80.
(28) Is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2021, Il-Parlament Ewropew vs UZ, C-894/19 P, ECLI:EU:C:2021:863, il-punt 51 u dawk sussegwenti.
(29) Ir-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Imnpjieg ta’ Impjegati Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU P 045, 14.6.1962, p. 1385, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1962/31(1)/2021-01-01).
(30) Is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, John Dalli vs Il-Kummissjoni Ewropea, C–615/19 P, ECLI:EU:C:2021:133, il-punt 112, u l-ġurisprudenza ċċitata.
(31) Is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Gert-Jan Dennekamp vs Il-Parlament Ewropew, Kawża T-115/13, ECLI:EU:T:2015:497, il-punt 92.
(32) Is-sentenza tat-8 ta’ Frar 2018, Institute for Direct Democracy in Europe ASBL (IDDE) vs Il-Parlament Ewropew, T-118/17, mhux ippubblikata, ECLI:EU:T:2018:76, il-punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.
(33) Is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2021, Petrus Kerstens vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-220/20, ECLI:EU:T:2021:716, il-punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.
(34) Ara l-Artikolu 17(7) tar-Regolament dwar l-OLAF.
(35) Ara l-paragrafu “3.5.2 Proposti ta’ soluzzjonijiet” tar-Rapport tal-Attività tal-Kontrollur għall-2022, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52023XX0713(01).
(36) Ara l-ġurisprudenza tal-QĠUE dwar in-notifika ta’ ittri u deċiżjonijiet amministrattivi, applikabbli b’analoġija għall-ittri tal-OLAF. Ara b’mod partikolari s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-167/10, ECLI:EU:T:2012:651, il-punti 49-51.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4511/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)