|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/4415 |
29.8.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni Iċ-ċibersigurtà tal-isptarijiet u tal-fornituri tal-kura tas-saħħa
(C/2025/4415)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)
|
1. |
Josserva li l-miżuri b’rabta maċ-ċibersigurtà mhux qed iżommu l-pass mat-trasformazzjoni diġitali kontinwa fl-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa u fl-għoti tal-kura tas-saħħa, li effettivament wassal biex il-kura tas-saħħa tkun bersall ewlieni għal atturi malizzjużi; |
|
2. |
Jilqa’ f’dan ir-rigward il-pubblikazzjoni tal-Pjan, waqt li jirrikonoxxi l-puntwalità u l-importanza tiegħu fid-dawl ta’ attakki ċibernetiċi dejjem jiżdiedu fuq l-isptarijiet u l-fornituri tal-kura tas-saħħa Ewropej; |
|
3. |
Iwissi li t-theddid għaċ-ċibersigurtà għandu implikazzjonijiet ġeopolitiċi u jemmen bis-sħiħ li ċ-ċibersigurtà fil-kura tas-saħħa mhijiex biss kwistjoni teknika iżda wkoll kwistjoni ta’ sigurtà lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropea; |
|
4. |
Iwissi li ż-żieda fiċ-ċiberkriminalità, esperjenzata minn mindu faqqgħet il-COVID-19 mhijiex qed tonqos; l-attakki ċibernetiċi bbażati barra mill-pajjiż u sponsorjati mill-istat mhux biss jiffukaw fuq l-ispjunaġġ ċibernetiku u s-serq tal-proprjetà intellettwali iżda għandhom ukoll l-għan li jiddestabbilizzaw soċjetajiet sħaħ; |
|
5. |
Jappella għal rekwiżit ta’ “ċibersigurtà sa mit-tfassil” billi jiġu implimentati miżuri proattivi taċ-ċibersigurtà sa mill-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda maħsuba biex jintużaw fil-qasam tas-saħħa. Jirrakkomanda ħafna li jiġi żgurat li l-fornituri pubbliċi tal-kura tas-saħħa jixtru biss prodotti ttestjati fir-rigward tas-soluzzjonijiet għaċ-ċibersigurtà, fosthom sistemi ta’ riżerva u ta’ emerġenza li jiggarantixxu s-sikurezza tal-pazjenti anke f’każ ta’ tfixkil fin-network; |
|
6. |
Jenfasizza li f’każi fejn l-attakki ma jistgħux jiġu evitati, jista’ jkun hemm servizz iddedikat ta’ rispons rapidu għas-settur tas-saħħa disponibbli permezz tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà stabbilita bl-Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà. Madankollu, ir-responsabbiltà primarja hija tal-livell lokali u reġjonali; |
|
7. |
Jappoġġja l-ħidma mwettqa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO/Ewropa) dwar is-saħħa diġitali u jieħu impenn li jaħdem fuq din il-kwistjoni mad-WHO, waqt li jwettaq il-Pjan ta’ Azzjoni 2025-2026 iffirmat b’mod konġunt; |
|
8. |
Jilqa’ bi pjaċir il-gwida tad-WHO Ewropa tal-2025 dwar il-valutazzjonijiet tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u l-privatezza fis-saħħa diġitali, li tipprovdi qafas biex tgħin lill-pajjiżi u lill-organizzazzjonijiet jiżviluppaw strateġiji ta’ valutazzjoni tar-riskju li jallinjaw mal-ħtiġijiet, l-għanijiet u r-rekwiżiti regolatorji speċifiċi tagħhom; |
|
9. |
Jinnota l-impatt dejjem jikber tal-intelliġenza artifiċjali (IA) kemm bħala vettur ta’ theddid (phishing avvanzat u deepfakes) kif ukoll bħala strument potenzjali għad-difiża (id-detezzjoni ta’ anomaliji u l-għoti ta’ reazzjonijiet awtomatiċi), u jipproponi li l-pjan ta’ azzjoni għandu jindirizza ż-żewġ aspetti tal-IA; |
Dwar il-qafas regolatorju
|
10. |
Jenfasizza li l-pjan ta’ azzjoni jibni fuq il-qafas leġiżlattiv eżistenti fil-qasam taċ-ċibersigurtà – b’mod partikolari d-Direttiva NIS2, l-Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà, l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, ir-Regolament dwar l-Apparati Mediċi u l-Att Ewropew dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika; jinnota wkoll ir-rabta bejn il-Pjan u l-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet taċ-ċibersigurtà; |
|
11. |
Iwissi li x-xenarju li qed jevolvi jippreżenta kumplessitajiet u trikkib bejn il-mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni fl-ambitu tal-Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà, ir-Regolament dwar l-Apparati Mediċi u l-Att dwar l-IA; dan jista’ jwassal għal frammentazzjoni u arbitraġġ regolatorju, speċjalment fir-rigward ta’ skemi ta’ parteċipazzjoni volontarja; |
|
12. |
Jappoġġja l-objettivi tal-proġett CYMDSEC (1) iffinanzjat mill-UE biex tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà fis-sistemi tal-kura tas-saħħa permezz ta’ evalwazzjoni komprensiva tad-disinn tal-apparat u tal-infrastruttura tan-network, iċ-ċibersigurtà, u l-oqfsa regolatorji; |
|
13. |
Jipproponi li jiġi esplorat jekk il-kombinament tar-rekwiżiti tar-regolamenti għall-applikazzjoni tad-Direttiva NIS2 ma’ dawk tar-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tad-data personali jistax ikun ta’ benefiċċju biex jitnaqqas it-trikkib amministrattiv fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi; |
|
14. |
Jirrimarka li l-emerġenza gradwali ta’ regolamenti speċifiċi qed tirriżulta fit-trikkib ta’rekwiżiti li huma diffiċli li jiġu segwiti u li tittieħed azzjoni dwarhom b’mod adatt. Għandha tingħata attenzjoni biex ir-rekwiżiti jitqiesu b’mod olistiku u jitneħħa kull trikkib mill-bidu nett tal-proċedura għat-tfassil ta’ regolament ġdid; |
Dwar id-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi
|
15. |
Jirrimarka li d-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi, li tirrikonoxxi s-saħħa bħala “servizz vitali għas-soċjetà u l-ekonomija” u ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika u tal-entitajiet kritiċi kontra firxa ta’ theddid, inkluża ċ-ċiberkriminalità, daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Ottubru 2024; |
|
16. |
Jistieden lill-24 Stat Membru li rċevew avviż formali fl-aħħar ta’ Novembru 2024 jittrasponu minnufih id-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi fil-liġijiet nazzjonali tagħhom; |
|
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssegwi proċeduri ta’ ksur fejn ma tkun waslet l-ebda tweġiba sodisfaċenti sal-iskadenza stabbilita; iqis li l-kwistjoni hija importanti wisq għas-sigurtà Ewropea, nazzjonali, reġjonali u lokali biex ma titteħidx bl-akbar serjetà; |
|
18. |
Ifakkar lill-Istati Membri li huma mitlubin jidentifikaw l-entitajiet kritiċi tagħhom għal kull settur (inkluża s-saħħa) stabbiliti fid-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi sas-17 ta’ Lulju 2026; jappella lill-Istati Membri biex jaċċelleraw l-għażla ta’ entitajiet kritiċi tal-kura tas-saħħa u jipprovduhom b’appoġġ konkret sabiex jibnu l-kapaċitajiet tagħhom; |
|
19. |
Jinsab imħasseb li l-maġġoranza l-kbira tal-isptarijiet tal-UE qatt ma għamlu valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà, kif irrappurtat mid-DĠ CONNECT tal-Kummissjoni Ewropea; |
|
20. |
Huwa daqstant ta’ tħassib li kwart biss tal-organizzazzjonijiet mistħarrġa fit-tħejjija tar-rapport tal-ENISA tal-2023 kellhom programm iddedikat għad-difiża kontra r-ransomware; |
|
21. |
Jirrikonoxxi li l-istandards tar-regolamentazzjoni ċibernetika ġew stabbiliti f’dawn l-aħħar 5-6 snin bid-Direttiva Riveduta dwar is-Sigurtà tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (NIS2), l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika, l-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali, id-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi u l-Att dwar l-IA; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffoka fuq l-isptarijiet u l-fornituri tal-kura tas-saħħa biex ittejjeb ir-reżiljenza ċibernetika tagħhom; ifakkar li huwa importanti li jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza bejn id-diversi strumenti waqt li jitnaqqsu d-duplikazzjonijiet; |
|
22. |
jissuġġerixxi li l-Istati Membri jintroduċu eżerċizzji regolari u kkoordinati mill-gvern ta’ inċidenti ċibernetiċi li jinvolvu atturi tal-kura tas-saħħa kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali; |
Dwar id-Direttiva NIS2
|
23. |
Jirrimarka li minn Ottubru 2024, id-Direttiva NIS2 saret applikabbli uffiċjalment, u tirrikjedi li l-isptarijiet, il-fornituri tal-kura tas-saħħa, il-manifatturi ta’ apparat mediku u l-kumpaniji farmaċewtiċi jadottaw miżuri robusti ta’ ċibersigurtà; |
|
24. |
Jesprimi tħassib li sitt Stati Membri biss ippromulgaw b’mod sħiħ jew parzjali d-direttiva fil-liġi nazzjonali sal-iskadenza; |
|
25. |
Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni toħloq sfidi sinifikanti, b’mod partikolari għas-settur tal-kura tas-saħħa, minħabba trikkib mar-regolamenti eżistenti bħar-Regolament dwar l-Apparati Mediċi, l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (EHDS) u l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika; |
Dwar ir-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali
|
26. |
Jistieden lill-Kummissjoni żżomm f’moħħha li l-ġestjoni tas-sistemi tas-saħħa – u b’mod partikolari l-isptarijiet – hija ftit jew wisq deċentralizzata f’19 mis-27 Stat Membru; huwa diżappuntat li l-livell reġjonali u lokali huma assenti mill-Komunikazzjoni; iqis li din l-ommissjoni hija inkwetanti peress li tinjora r-realtà tas-sjieda u t-tmexxija tal-fornituri tal-kura tas-saħħa f’żewġ terzi tal-Istati Membri tal-UE; |
|
27. |
Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu bis-sħiħ lir-reġjuni tagħhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe strateġija taċ-ċibersigurtà; jirrimarka li l-gvernijiet reġjonali spiss imexxu l-inizjattivi tas-saħħa diġitali, u li l-għarfien espert tagħhom bl-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet tas-saħħa elettronika jista’ jkun vitali għall-introduzzjoni b’suċċess ta’ protokolli u miżuri ġodda taċ-ċibersigurtà; |
|
28. |
Jissottolinja li lil hinn mill-kwistjoni ta’ ġestjoni deċentralizzata, is-sistemi tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa huma differenti ħafna u jinkludu firxa ta’ organizzazzjonijiet li jvarjaw minn dawk kompletament pubbliċi sa dawk kompletament privati, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati ibridi; iwissi f’dan ir-rigward li l-entitajiet pubbliċi spiss ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet baġitarji u limiti massimi legali tas-salarji, li jagħmluhom inqas attraenti bħala impjegaturi għall-ispeċjalisti ċibernetiċi; |
|
29. |
Jistieden lill-Istati Membri joħolqu networks ta’ Ċentri Reġjonali ta’ Appoġġ għaċ-Ċibersigurtà għall-isptarijiet u l-fornituri tal-kura tas-saħħa biex jirriflettu aħjar il-konnessjoni bejn ir-realtajiet lokali, nazzjonali u Ewropej u biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-finanzjament u l-attrazzjoni tat-talent meħtieġ għall-iżvilupp ta’ dawn iċ-ċentri; |
|
30. |
Jirrakkomanda l-involviment tal-gvern reġjonali u lokali fit-tfassil ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali ffukati fuq iċ-ċibersigurtà fis-settur tas-saħħa; |
Dwar il-kostijiet u l-finanzjament
|
31. |
Jargumenta li l-infiq fuq iċ-ċibersigurtà jeħtieġ li jiġi delimitat u normalizzat b’mod sistematiku bħala parti mill-ippjanar baġitarju; l-isptarijiet u l-fornituri tal-kura tas-saħħa ma jistgħux jixtru bl-addoċċ apparat ta’ protezzjoni skonness; minflok, il-protezzjoni tas-sistemi teknoloġiċi operattivi kritiċi għall-ħajja fil-kura tas-saħħa jeħtieġ li tiġi vvalutata, iffinanzjata u implimentata regolarment; |
|
32. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-isfida li jiffaċċjaw ir-reġjuni iżgħar biex jimmaniġġjaw u jiffinanzjaw is-sistemi ta’ informazzjoni u sigurtà fil-qasam tal-kura tas-saħħa; |
|
33. |
Jinsab ixxukkjat bil-fatt li l-kost medju tal-iżvelar ta’ data kkawżat minn attakki ta’ ransomware jammonta għal EUR 8 miljun, kważi d-doppju tal-kost f’setturi oħra; |
|
34. |
Jitlob aktar ċarezza dwar il-finanzjament li għandu jappoġġja l-għanijiet ambizzjużi stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni; jitlob b’mod partikolari informazzjoni dettaljata dwar kif il-gvern lokali u reġjonali jista’ jiffinanzja t-trasformazzjoni diġitali rilevanti fil-kura tas-saħħa; |
|
35. |
Jistenna li l-Kummissjoni tiċċara liema azzjonijiet għandhom jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri u liema mill-UE; għal dan tal-aħħar, il-KtR jixtieq jiġi infurmat dwar kif il-programmi l-UE għas-Saħħa u l-Ewropa Diġitali se jinteraġixxu fil-prattika; |
|
36. |
Iwissi li lil hinn mill-investimenti fit-teknoloġija, il-finanzjament irid jiġi dirett lejn investimenti fit-tiswir ta’ kultura organizzattiva bbażata fuq is-sigurtà f’kull livell; |
|
37. |
Jiddeplora t-tnaqqis kbir fil-baġit tal-programm l-UE għas-Saħħa fl-2024, u jistieden lill-Istati Membri jipproteġuh minn tnaqqis futur; itenni l-pożizzjoni tiegħu li s-saħħa mhijiex nefqa iżda investiment fil-benesseri u r-reżiljenza individwali u kollettiva; |
Dwar ir-reżiljenza ċibernetika fil-ktajjen tal-provvista tal-kura tas-saħħa
|
38. |
Jenfasizza li ħafna sptarijiet u fornituri tal-kura tas-saħħa jiddependu fuq apparati mediċi u software skaduti, li ma jistgħux jifilħu għal attakki ċibernetiċi moderni; jirrikonoxxi li f’ħafna postijiet is-soluzzjonijiet tradizzjonali huma indispensabbli għall-operazzjonijiet tal-kura tas-saħħa, iżda hemm ir-riskju li jsiru vulnerabbiltà sinifikanti meta ma jibqgħux jiġu appoġġjati jew aġġornati; |
|
39. |
Jitlob finanzjament sostnut u ddedikat, kemm minn sorsi nazzjonali kif ukoll minn sorsi tal-UE, biex l-isptarijiet ineħħu teknoloġiji tradizzjonali mhux appoġġjati u biex jagħmlu t-tranżizzjoni lejn soluzzjonijiet ibbażati fuq il-cloud aktar siguri u skalabbli; |
|
40. |
Jirrakkomanda l-allinjament tal-proċessi tal-akkwist mal-istandards tas-sigurtà, u jitlob linji gwida speċifiċi li jispjegaw kif il-konformità mal-parametri referenzjarji taċ-ċibersigurtà ssir prerekwiżit għall-parteċipazzjoni fl-offerti tal-akkwist; |
Dwar il-forza tax-xogħol taċ-ċibersigurtà
|
41. |
Itenni l-messaġġi ewlenin tal-Opinjoni tal-KtR dwar in-nuqqas ta’ forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u jenfasizza li s-sistemi tas-saħħa jiffaċċjaw nuqqasijiet akuti u fit-tul bla preċedent ta’ persunal importanti; jinsab imħasseb li l-ibbilanċjar tal-ħtiġijiet tar-riżorsi umani se jsir saħansitra aktar kumpless bil-ħtieġa dejjem tikber li jiġu impjegati speċjalisti tal-IT u esperti taċ-ċibersigurtà flimkien mal-persunal mediku ewlieni; |
|
42. |
Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi, lid-dinja akkademika, lill-istituzzjonijiet tal-VET u lill-NGOs iniedu kampanji pubbliċi biex ineħħu l-istereotipi dwar karrieri fiċ-ċibersigurtà, jattiraw aktar nisa lejn il-professjoni u jenfasizzaw il-versatilità ta’ karriera fiċ-ċibersigurtà fil-kura tas-saħħa; |
|
43. |
Jappella għal qafas ta’ ċertifikazzjoni tat-taħriġ fl-UE kollha, li jtejjeb il-portabbiltà u r-rikonoxximent taċ-ċibersigurtà fil-ħiliet tas-saħħa; |
|
44. |
Jirrikonoxxi li l-iżball uman huwa fattur sinifikanti fil-ksur tad-data, b’individwi li b’mod involontarju jaqgħu għal scams ta’ phishing, jikkonfiguraw ħażin il-konfigurazzjonijiet tas-sigurtà jew jonqsu milli jsegwu protokolli stabbiliti; jitlob li t-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju jingħataw prijorità fis-settur tas-saħħa kollu kemm hu; huwa konvint li ċ-ċibersigurtà ma tistax tkun limitata għad-dipartiment tal-IT iżda hija responsabbiltà kondiviża; |
|
45. |
Jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ taħriġ obbligatorju mfassal biex jissensibilizza dwar iċ-ċibersigurtà, li għandu jiġi akkumpanjat minn inċentivi orjentati lejn ir-riżultati, għall-persunal kollu tas-settur tal-kura tas-saħħa; |
Dwar elementi speċifiċi tal-pjan ta’ azzjoni
|
46. |
Jilqa’ l-idea ta’ vawċers taċ-ċibersigurtà u jistieden lill-Istati Membri jintroduċu din il-miżura biex jipprovdu assistenza finanzjarja lill-isptarijiet mikro, żgħar u ta’ daqs medju u lill-fornituri tal-kura tas-saħħa; |
|
47. |
Jenfasizza l-fatt li l-Pjan jipprevedi li l-Istati Membri jitolbu li l-entitajiet soġġetti għad-Direttiva NIS2, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-kura tas-saħħa, jeħtiġilhom jirrapportaw dwar il-pagamenti ta’ riskatt meta jirrapportaw inċidenti sinifikanti lill-awtorità kompetenti skont id-Direttiva NIS2; jaqbel li tali rappurtar itejjeb il-ġbir tad-data u l-valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri meħuda kontra l-attakki ta’ ransomware; jitlob, madankollu, li jkun hemm aktar dettalji dwar kif dan ir-rapportar jiġi operazzjonalizzat peress li mhuwiex obbligatorju skont id-Direttiva NIS2; |
|
48. |
Jinnota li l-pjan ta’ azzjoni jitlob li l-manifatturi ta’ apparati mediċi u dijanjostiċi in vitro jirrapportaw b’mod volontarju vulnerabbiltajiet sfruttati b’mod attiv jew inċidenti ċibernetiċi severi li jkollhom impatt fuq is-sigurtà tal-prodotti tagħhom; jenfasizza li dawn il-manifatturi jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika u jirrakkomanda li l-evalwazzjoni li għaddejja tar-regolamenti tindirizza koerenza aħjar bejn l-oqfsa regolatorji; |
|
49. |
Jappoġġja l-idea li jinħoloq Network Ewropew ta’ Uffiċjali Kap tas-Sigurtà tal-Informazzjoni sabiex l-esperti jkunu jistgħu jikkondividu l-aħjar prattiki, inklużi strateġiji għaż-żamma tat-talenti u soluzzjonijiet biex jattiraw professjonisti taċ-ċibersigurtà lejn l-industrija tal-kura tas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-esperti nnominati mill-gvern reġjonali jkunu mistiedna wkoll jissieħbu fin-network; |
|
50. |
Jilqa’ l-istabbiliment taċ-Ċentru Ewropew ta’ Appoġġ għaċ-Ċibersigurtà għall-isptarijiet u l-fornituri tal-kura tas-saħħa fi ħdan l-ENISA; jinnota l-għadd sinifikanti ta’ kompiti li ċ-ċentru ta’ appoġġ il-ġdid huwa mistenni jwettaq, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-kompożizzjoni u l-finanzjament taċ-ċentru; |
|
51. |
Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-gvernijiet reġjonali u lokali fl-iżvilupp ta’ repożitorju, b’aċċess u użu faċli, tal-istrumenti kollha disponibbli għat-tħejjija, il-prevenzjoni, id-detezzjoni u r-rispons; ir-repożitorju, maħluq miċ-ċentru ta’ appoġġ, għandu jkopri għodod u politiki mil-livelli kollha ta’ governanza; |
Dwar il-fiduċja u l-privatezza
|
52. |
Jargumenta li s-sigurtà u l-privatezza huma marbuta ma’ xulxin: il-miżuri ta’ sigurtà jipproteġu l-kunfidenzjalità, l-integrità u d-disponibbiltà tad-data, li huma fundamentali għall-privatezza. Fl-istess ħin, ir-regolamenti dwar il-privatezza spiss jobbligaw kontrolli speċifiċi tas-sigurtà biex jipproteġu d-data personali. Il-protezzjoni tal-privatezza tibni l-fiduċja tal-pazjenti u s-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, waqt li tiżgura li l-informazzjoni sensittiva dwar is-saħħa tiġi ttrattata b’kawtela; |
|
53. |
Jiġbed l-attenzjoni għar-Rapport tal-ENISA tal-2024 dwar l-Istat taċ-Ċibersigurtà fl-Unjoni u s-sejbiet tiegħu li l-maturità taċ-ċibersigurtà tas-settur tas-saħħa tal-UE hija “moderata” b’differenzi kbar fil-livell ta’ maturità taċ-ċibersigurtà bejn l-entitajiet tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa; jissottolinja li d-data tal-pazjenti trid tiġi protetta biex tiġi żgurata l-fiduċja kontinwa tagħhom fl-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa; |
|
54. |
Iqis li t-twettiq tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (EHDS) se jirrikjedi aktar enfasi fuq l-iżgurar ta’ infrastruttura ta’ interkonnessjoni nazzjonali u transfruntiera, bħall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għas-Saħħa elettronika. Din l-infrastruttura qed issir kruċjali għall-protezzjoni tad-data fuq skala kbira u l-Kumitat iqis li b’konsegwenza ta’ dan għandhom jitfasslu miżuri speċifiċi għaliha. |
Brussell, it-3 ta’ Lulju 2025.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Kata TÜTTŐ
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4415/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)