|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/4389 |
9.9.2025 |
P10_TA(2025)0058
L-implimentazzjoni tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni – rapport annwali 2024
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2025 dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni – rapport annwali 2024 ((2024/2082(INI))
(C/2025/4389)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Kapitolu 2, it-Taqsima 2, tiegħu rigward id-dispożizzjonijiet dwar il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Versailles adottata fil-laqgħa informali tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern fil-11 ta’ Marzu 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-“Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża – Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali”, li ġiet approvata mill-Kunsill fil-21 ta’ Marzu 2022 u mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta’ Marzu 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istrateġiji tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK – Lejn missjonijiet ċivili aktar effikaċi, approvat mill-Kunsill fit-22 ta’ Mejju 2023, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (1), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1968 tas-17 ta’ Ottubru 2022 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) (2), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1970 tas-17 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2010/452/PESK dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia, EUMM Georgia (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2507 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2010/452/PESK dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia, EUMM Georgia (4), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/162 tat-23 ta’ Jannar 2023 dwar missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) (5), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/890 tat-18 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2023/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (11), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2023 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u l-kapaċitajiet fl-Unjoni tad-detezzjoni, it-tħejjija u r-rispons għat-theddid u l-inċidenti taċ-ċibersigurtà (COM(2023)0209), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-10 ta’ Marzu 2023 dwar Strateġija Spazjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (JOIN(2023)0009), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2113 tat-3 ta’ Ottubru 2023 dwar oqsma kritiċi tat-teknoloġija għas-sigurtà ekonomika tal-UE għal valutazzjoni tar-riskju ulterjuri mal-Istati Membri (12), |
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni ta’ finanzjament annwali, li tikkostitwixxi l-ewwel parti tal-programm ta’ ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għad-Difiża għall-2024, adottat mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Ġunju 2023 (C(2023)4252), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Jannar 2018 dwar l-Approċċ Integrat għal Kunflitti u Kriżijiet Esterni u tal-24 ta’ Jannar 2022 dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Granada adottata fil-laqgħa informali tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern fis-6 ta’ Ottubru 2023, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2022 dwar l-estensjoni u t-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-Kunċett ta’ Preżenzi Marittimi Koordinati fil-Golf tal-Guinea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta’ Marzu 2024 dwar id-deċiżjoni li jinfetħu negozjati tal-adeżjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2024 dwar is-sigurtà u d-difiża, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-10 ta’ Novembru 2022 intitolata “Pjan ta’ azzjoni dwar il-mobbiltà militari 2.0” (JOIN(2022)0048), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-18 ta’ Mejju 2022 dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investiment fid-Difiża u l-Approċċ Futur (JOIN(2022)0024), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-5 ta’ Marzu 2024 intitolata “Strateġija Ewropea ġdida għall-Industrija tad-Difiża: Il-kisba ta’ tħejjija tal-UE permezz ta’ Industrija Ewropea tad-Difiża reattiva u reżiljenti” (JOIN(2024)0010), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-20 ta’ Ġunju 2024 intitolat “Rapport dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni - Il-prijoritajiet tagħna fl-2024”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2024-2029, tal-kandidata għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, tat-18 ta’ Lulju 2024, intitolati “L-Għażla quddiem l-Ewropa”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta’ Enrico Letta bit-titolu “Much more than a market” (Ħafna aktar minn suq) u b’mod partikolari t-taqsima dwar “Promoting peace and enhancing security: towards a Common Market for the defence industry” (Il-promozzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà: lejn Suq Komuni għall-industrija tad-difiża), ippubblikat f’April 2024, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta’ Mario Draghi tad-9 ta’ Settembru 2024 dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea u l-Kapitolu 4 tiegħu intitolat “Increasing security and reducing dependencies”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta’ Sauli Niinistö tat-30 ta’ Ottubru 2024 bit-titolu “Safer Together: Strengthening Europe’s Civilian and Military Preparedness and Readiness” (Aktar Sikuri Flimkien: It-Tisħiħ tal-Preparatezza u tal-Istat ta’ Tħejjija Ċivili u Militari tal-Ewropa), |
|
— |
wara li kkunsidra s-sħubijiet għas-sigurtà u d-difiża ffirmati, rispettivament, fil-21 ta’ Mejju 2024 mill-UE u mill-Moldova, fit-28 ta’ Mejju 2024 mill-UE u min-Norveġja, fl-1 ta’ Novembru 2024 mill-UE u mill-Ġappun, fl-4 ta’ Novembru 2024 mill-UE u mill-Korea t’Isfel, fid-19 ta’ Novembru 2024 mill-UE u mill-Maċedonja ta’ Fuq, u fit-18 ta’ Diċembru 2024 mill-UE u mill-Albanija, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) tagħha li jipprojbixxi l-użu tal-forza u l-Artikolu 51 dwar id-dritt inerenti għall-awtodifiża individwali u kollettiva, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000) tal-31 ta’ Ottubru 2000, 1889 (2009) tal-5 ta’ Ottubru 2009, 2122 (2013) tal-18 ta’ Ottubru 2013, 2242 (2015) tat-13 ta’ Ottubru 2015 u 2493 (2019) tad-29 ta’ Ottubru 2019 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u r-riżoluzzjonijiet 2250 (2015) tad-9 ta’ Diċembru 2015, 2419 (2018) tas-6 ta’ Ġunju 2018 u 2535 (2020) tal-14 ta’ Lulju 2020 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta’ Settembru 2015, bit-titolu “Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development” (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt għall-Futur u l-Kapitolu 2 tiegħu dwar il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, adottat fit-23 ta’ Settembru 2024 mill-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, |
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit ta’ Madrid adottata mill-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tan-NATO fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana f’Madrid fid-29 ta’ Ġunju 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-2022 u l-Komunikat tas-Summit ta’ Vilnius tan-NATO tal-2023, |
|
— |
wara li kkunsidra t-tliet dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO ffirmati fit-8 ta’ Lulju 2016, fl-10 ta’ Lulju 2018 u fl-10 ta’ Jannar 2023, |
|
— |
wara li kkunsidra d-disa’ rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta’ proposti approvat mill-Kunsill tal-UE u mill-Kunsill tan-NATO fis-6 ta’ Diċembru 2016 u fil-5 ta’ Diċembru 2017, ippreżentat b’mod konġunt mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO lill-Kunsill tal-UE u lill-Kunsill tan-NATO fit-13 ta’ Ġunju 2024, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit ta’ Washington maħruġa mill-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tan-NATO parteċipanti fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana f’Washington fl-10 ta’ Lulju 2024, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2022 dwar il-Politika Barranija, ta’ Sigurtà u ta’ Difiża tal-UE wara l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (13), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir (14), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala stat li jisponsorizza t-terroriżmu (15), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (16), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Frar 2024 intitolata “Implimentazzjoni tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni – rapport annwali 2023” (17), |
|
— |
wara li kkunsidra r-iżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Frar 2024 dwar il-ħtieġa ta’ appoġġ sod tal-UE lill-Ukrajna, wara sentejn ta’ gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (18), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2024 dwar il-ħtieġa tal-appoġġ kontinwu tal-UE għall-Ukrajna (19), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Settembru 2024 dwar l-appoġġ finanzjarju u militari kontinwu lill-Ukrajna mill-Istati Membri tal-UE (20), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2024 dwar l-implikazzjonijiet għas-sigurtà u d-difiża tal-influwenza taċ-Ċina fuq l-infrastruttura kritika fl-Unjoni Ewropea (21), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2024 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna u li jipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna (22), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2024 dwar l-interpretazzjoni ħażina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tar-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU u l-provokazzjonijiet militari kontinwi tagħha madwar it-Tajwan (23), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pjan tar-rebħa tal-Ukrajna ppreżentat mill-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy, lill-Kunsill Ewropew fis-17 ta’ Ottubru 2024, |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta ReArm Europe tal-4 ta’ Marzu 2025, |
|
— |
wara li kkunsidra l-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030, kif ippreżentata fid-19 ta’ Marzu 2025 (JOIN(2025)0120), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2025 għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-tisħiħ tal-Istrument għall-Industrija Ewropea tad-Difiża (COM(2025)0122), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2025 bit-titolu “L-akkomodazzjoni ta’ żieda tan-nefqa fid-difiża fil-Perkors tal-Istabbiltà u t-Tkabbir” (C(2025)2000), |
|
— |
wara li kkunsidra d-diskorsi u d-dikjarazzjonijiet li saru fil-Konferenza ta’ Munich dwar is-Sigurtà tal-14-16 ta’ Frar 2025, |
|
— |
wara li kkunsidra l-laqgħa tal-mexxejja tat-2 ta’ Marzu 2025 f’Londra, |
|
— |
wara li kkunsidra l-pjanijiet tal-Kummissjoni għal Mekkaniżmu Ewropew ta’ Bejgħ Militari, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Marzu 2025, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A10-0011/2025), |
|
A. |
billi din l-aħħar sena kienet ikkaratterizzata minn tnaqqis fil-paċi u fis-sigurtà tad-dinja, fatt li jirriżulta, fost affarijiet oħra, mill-kunflitti, mir-rivalità ġeopolitika, miż-żieda fil-militarizzazzjoni, mit-terroriżmu u mit-theddid ibridu, kif ivvaluta l-Indiċi tan-Normandija 2024 (24); |
|
B. |
billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna, l-isforzi kontinwi fil-qasam tal-armamenti u l-kooperazzjoni fl-armamenti ma’ setgħat awtoritarji oħra li jaqbżu bil-kbir l-istokkijiet u l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni Ewropej, u l-għażla tar-reġim Russu li jimmina l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-arkitettura tas-sigurtà tal-Ewropa u li jwettaq gwerra fuq il-pajjiżi Ewropej jew ifittex li jiddestabbilizzahom sabiex jagħmel realtà il-viżjoni imperjalista tiegħu tad-dinja, joħloq l-aktar theddida serja u bla preċedent għall-paċi dinjija, kif ukoll għas-sigurtà u għat-territorju tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; billi r-Russja bħalissa qed tipproduċi tliet miljun balla tal-artillerija fis-sena, filwaqt li l-ambizzjoni ddikjarata tal-UE fl-ewwel Strateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIS) tagħha qed timmira għal kapaċità ta’ produzzjoni ta’ 2 miljun balla fis-sena sa tmiem l-2025; billi r-reġim Russu qed isaħħaħ ir-rabtiet tiegħu mat-tmexxija awtokratika taċ-Ċina, l-Iran u l-Korea ta’ Fuq biex jilħaq l-objettivi tiegħu; |
|
C. |
billi d-dikjarazzjonijiet reċenti minn membri tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, flimkien mal-pressjoni qawwija magħmula fuq l-Ukrajna mit-tmexxija tal-Istati Uniti, jirriflettu bidla fil-politika barranija tal-Istati Uniti, peress li l-amministrazzjoni Trump qed tipproponi n-normalizzazzjoni tar-rabtiet mar-Russja u qed isir dejjem aktar ċar li l-Ewropa jeħtiġilha ssaħħaħ is-sigurtà u d-difiża tagħha biex tkun tista’ tgħin lill-Ukrajna u biex tiddefendi lilha nnifisha; |
|
D. |
billi l-UE qed tiffaċċja wkoll l-aktar firxa diversa u kumplessa ta’ theddid mhux militari mill-ħolqien tagħha, aggravata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inklużi, fost l-oħrajn, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin (FIMI), l-attakki ċibernetiċi, il-pressjoni ekonomika, ir-rikatt tal-ikel u tal-enerġija, l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni u l-influwenza politika sovversiva; |
|
E. |
billi r-Russja invadiet u annettiet illegalment lill-Krimea u lir-reġjuni tal-Ukrajna ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia; billi l-Ukrajna jeħtieġ li tingħata l-kapaċitajiet militari meħtieġa għal kemm ikun meħtieġ biex l-Ukrajna tikseb rebħa militari deċiżiva, ittemm il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja, terġa’ tistabbilixxi s-sovranità u l-integrità territorjali tagħha fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha u tipprevjeni kwalunkwe aggressjoni futura; billi l-Ukrajna, fid-difiża tagħha stess, qed tipproteġi u tiġġieled ukoll għall-valuri Ewropej u l-interessi ewlenin tas-sigurtà; billi r-Russja għadha qed tokkupa illegalment ir-reġjuni tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar tal-Georgia u r-reġjun tat-Transnistrija tal-Moldova; |
|
F. |
billi l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti ipprovat b’mod attiv tikkonvinċi lir-Russja taqbel ma’ ftehim ta’ paċi iżda, minkejja żewġ telefonati bejn il-Presidenti Trump u Putin, fit-12 ta’ Frar u fit-18 ta’ Marzu 2025, kif ukoll diversi ċikli ta’ negozjati diretti bejn l-Istati Uniti u r-Russja fl-Arabja Sawdija, r-Russja s’issa evitat li twieġeb b’mod ċar għal kwalunkwe proposta ta’ waqfien mill-ġlied u b’mod konsistenti stabbiliet kundizzjonijiet għall-waqfien mill-ġlied; billi, minkejja l-kritika ripetuta tagħha, s’issa l-UE ma kinitx rappreżentata b’mod adegwat fin-negozjati dwar waqfien mill-ġlied u l-paċi fl-Ukrajna; |
|
G. |
billi, xprunata mill-ambizzjoni li ssir superpotenza globali, iċ-Ċina qed tnaqqar l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli billi qed issegwi dejjem aktar politika barranija assertiva u politiki ekonomiċi u tal-kompetizzjoni ostili u billi tesporta oġġetti b’użu doppju użati mir-Russja fil-kamp tal-battalja kontra l-Ukrajna, u b’hekk qed thedded l-interessi Ewropej; billi ċ-Ċina qed tarma lilha nnifisha militarment sa snienha, billi tuża s-saħħa ekonomika tagħha biex telimina l-kritika madwar id-dinja, u qed tistinka biex tasserixxi lilha nnifisha bħala l-qawwa dominanti fir-reġjun Indo-Paċifiku; billi ċ-Ċina, meta qed tintensifika l-azzjonijiet tagħha ta’ konfrontazzjoni, ta’ aggressjoni u ta’ intimidazzjoni kontra xi wħud mill-ġirien tagħha, b’mod partikolari fl-Istrett tat-Tajwan u l-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina, qed tippreżenta riskju għas-sigurtà reġjonali u globali; |
|
H. |
billi ċ-Ċina ilha ħafna snin tippromwovi narrattiva alternattiva, filwaqt li tisfida d-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi u s-swieq miftuħa f’forums multilaterali u internazzjonali; billi l-influwenza dejjem akbar taċ-Ċina fl-organizzazzjonijiet internazzjonali xekklet il-progress pożittiv u kompliet teskludi aktar lit-Tajwan minn parteċipazzjoni leġittima u sinifikattiva f’dawn l-organizzazzjonijiet; |
|
I. |
billi l-ambjent tas-sigurtà tal-UE ddeterjora mhux biss fl-Ewropa tal-Lvant, iżda wkoll fil-viċinat tan-Nofsinhar tagħha u lil hinn minnu; |
|
J. |
billi l-attakki terroristiċi ta’ stmellija mill-Ħamas kontra Iżrael, il-gwerra li għaddejja f’Gaża u l-operazzjonijiet militari kontra l-Hezbollah fit-territorju Libaniż żiedu b’mod sinifikanti l-periklu tal-konfrontazzjoni militari reġjonali fil-Lvant Nofsani, u r-riskju ta’ eskalazzjoni fir-reġjun jinsab fl-ogħla livell tiegħu f’għexieren ta’ snin; billi l-attakki li għaddejjin fil-Baħar l-Aħmar varati miż-żoni kkontrollati mill-Houthi tal-Jemen, bl-appoġġ tal-Iran, u l-ħtif ta’ bastimenti kummerċjali mill-pirati Somali, mill-Baħar l-Aħmar sal-Majjistral tal-Oċean Indjan, joħolqu theddida sinifikanti għal-libertà tan-navigazzjoni, is-sigurtà marittima u l-kummerċ internazzjonali; billi l-attakki addizzjonali minn milizzji differenti appoġġjati mill-Iran fl-Iraq u fis-Sirja qed ikomplu jżidu r-riskju ta’ eskalazzjoni reġjonali; billi l-UE varat l-operazzjoni militari tagħha stess, EUNAVFOR ASPIDES, biex ittejjeb is-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona; |
|
K. |
billi l-viċinat tal-Lvant u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent qed jiffaċċjaw theddid dejjem aktar varjat għas-sigurtà tagħhom u qed jiġu affettwati b’mod negattiv mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll mill-assertività akbar ta’ atturi reġjonali u globali, bħaċ-Ċina; billi l-Kosovo u d-Djalogu ffaċilitat mill-UE bejn Belgrad u Pristina qed jiffaċċjaw, b’mod partikolari, theddid ta’ destabbilizzazzjoni; |
|
L. |
billi l-impatt diżastruż tal-gwerer tal-passat jew li għadhom għaddejjin, l-instabbiltà, in-nuqqas ta’ sigurtà, il-faqar u t-tibdil fil-klima fir-reġjun tas-Saħel, fil-Grigal tal-Afrika u fil-Libja, joħloq riskji serji għas-sigurtà tal-UE u l-interessi ekonomiċi u kummerċjali tagħha; billi l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fil-viċinat tan-Nofsinhar u fir-reġjun tas-Saħel huma interkonnessi mill-qrib mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni Ewropej u jibqgħu sfida kontinwa għaliha; billi l-Missjoni tal-UE ta’ Assistenza fil-Fruntieri fil-Libja u l-Operazzjoni EUNAVFOR MED IRINI qed jikkontribwixxu għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà sostenibbli billi jimplimentaw l-embargo fuq l-armi, jiġġieldu l-armi illeċiti u t-traffikar tal-bnedmin, u jħarrġu lill-gwardja kostali Libjana; |
|
M. |
billi parti minn Ċipru, Stat Membru tal-UE, għadha okkupata b’mod illegali mit-Turkija; |
|
N. |
billi r-reġjun tal-Artiku qed isir dejjem aktar importanti għall-ġeopolitika, l-iżvilupp ekonomiku u t-trasport, waqt li, fl-istess ħin, qed jiffaċċja sfidi marbuta mat-tibdil fil-klima, il-militarizzazzjoni u l-migrazzjoni; |
|
O. |
billi n-nuqqas ta’ investiment fil-passat fid-difiża mill-Istati Membri tal-UE wassal għal diskrepanza fl-investiment; billi l-Istati Membri qablu dwar infiq akbar, aħjar u aktar intelliġenti fuq id-difiża; billi fl-2024, 16-il Stat Membru tal-UE li huma wkoll alleati tan-NATO, meta mqabbla ma’ 9 fl-2023, kienu mistennija jaqbżu l-linji gwida tan-NATO li jonfqu mill-inqas 2 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tagħhom fuq id-difiża; billi għadd dejjem akbar ta’ esperti jqisu li investimenti ta’ 3 % tal-PDG fid-difiża huma objettiv meħtieġ fid-dawl tat-theddida diretta li r-Russja toħloq għall-UE u l-Istati Membri tagħha; |
|
P. |
billi fl-2023, il-Parlament u l-Kunsill ikkonkludew ftehimiet dwar l-Att Dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża Permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) u l-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon (ASAP), li, bħala miżuri għall-futur qrib u ta’ emerġenza, għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-akkwist konġunt ta’ prodotti tad-difiża, iżidu l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija Ewropea tad-difiża, jimlew mill-ġdid l-istokkijiet imnaqqsa u jnaqqsu l-frammentazzjoni fis-settur tal-akkwist tad-difiża; |
|
Q. |
billi fl-2024, il-Kummissjoni ħarġet proposti għall-istabbiliment ta’ Strateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIS) u Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP), li jindirizzaw, b’mod partikolari, it-titjib tal-kapaċitajiet ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-UE; |
|
R. |
billi l-bini tal-kapaċitajiet ta’ difiża u l-adattament tagħhom għall-ħtiġijiet militari jirrikjedu kultura strateġika komuni, perċezzjoni komuni tat-theddid u soluzzjonijiet li jridujiġu żviluppati u kkombinati f’duttrina u kunċetti; |
|
S. |
billi l-eċċezzjoni għall-prinċipju tal-finanzjament mill-baġit tal-UE stabbilita fl-Artikolu 41(2) tat-TUE tapplika għan-nefqa li tirriżulta minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża biss; billi fil-każijiet l-oħra kollha, jenħtieġ li l-VP/RGħ, flimkien mal-Kummissjoni, fejn meħtieġ, tipproponi li n-nefqa relatata mal-PSDK jew mal-PSDK tiġi ffinanzjata permezz tal-baġit tal-UE; billi l-Artikoli 14(1) u 16(1) tat-TUE jistabbilixxu bilanċ bejn il-Parlament u l-Kunsill fir-rigward tal-funzjonijiet baġitarji tagħhom; billi l-prattika attwali ma tirriflettix dan il-bilanċ; |
|
T. |
billi r-rapport ta’ Draghi jenfasizza taħlita ta’ dgħufijiet strutturali li jaffettwaw il-kompetittività tal-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża (EDTIB) tal-UE, u jidentifika l-frammentazzjoni, l-infiq pubbliku insuffiċjenti għad-difiża u l-aċċess limitat għall-finanzjament; billi l-politika tas-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) teskludi l-finanzjament tal-munizzjon u l-armi, kif ukoll tat-tagħmir jew l-infrastruttura ddedikati esklużivament għall-użu militari u tal-pulizija; |
|
U. |
billi r-rapport tas-Sur Niinistö jissottolinja l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom mhumiex ippreparati bis-sħiħ għax-xenarji ta’ kriżi transsettorjali jew multidimensjonali l-aktar severi, speċjalment minħabba l-ambjent estern li qed ikompli jiddeterjora; billi r-rapport jiddikjara li ħafna theddid diġà qed iseħħ kontinwament; billi jinsisti li l-preparatezza hija meħtieġa biex jiġi indikat lill-avversarji potenzjali li mhux se jkunu jistgħu jisbqu lill-UE; billi jiddeplora l-fatt li l-Unjoni ma għandhiex pjan komuni f’każ ta’ aggressjoni armata u jissottolinja li l-UE jeħtieġ li tikkunsidra mill-ġdid il-mod kif tiddefinixxi s-sigurtà tagħha; billi jissottolinja l-importanza li l-UE tkun lesta li taġixxi b’appoġġ għal Stat Membru fil-każ ta’ aggressjoni armata esterna u l-importanza li jkompli jiġi sfruttat il-potenzjal tal-UE għal kooperazzjoni ċivili-militari msaħħa u infrastruttura u teknoloġiji b’użu doppju, permezz tal-ottimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi skarsi u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi l-aktar severi; |
|
V. |
billi l-integrazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (IA) fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, inklużi t-teknoloġiji tal-armi, għandha impatt fuq l-operazzjonijiet militari billi tippermetti li sistemi awtonomi, analitika predittiva u kapaċitajiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet imsaħħa jkollhom rwol sinifikanti fil-kampijiet tal-battalja; billi dan l-iżvilupp jippreżenta kemm opportunitajiet mingħajr preċedent kif ukoll riskji profondi; |
|
W. |
billi l-PSDK għandha 13-il missjoni ċivili, 8 operazzjonijiet militari u missjoni ċivili militari waħda għaddejjin bħalissa, b’madwar 5 000 membru tal-persunal skjerat fi tliet kontinenti; billi r-rieżamijiet min-naħa tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiddikjaraw li dawn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet ibatu b’mod persistenti mill-fatt li Stati Membri ma jwettqux il-wegħdiet tagħhom li jipprovdu biżżejjed persunal militari jew ċivili; billi huma nieqsa wkoll minn teħid rapidu tad-deċiżjonijiet u jbatu minn nuqqas ta’ flessibbiltà u adattament għall-ħtiġijiet lokali speċifiċi fuq il-post; billi ostakli bħal dawn jillimitaw l-effettività ġenerali tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; billi wieħed mill-objettivi tal-Boxxla Strateġika huwa li ssaħħaħ il-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari tal-PSDK tal-UE billi tipprovdilhom mandati aktar robusti u flessibbli, tippromwovi proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet malajr u aktar flessibbli u tiżgura solidarjetà finanzjarja akbar; billi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE spiss ikunu fil-mira ta’ theddid ibridu, inkluża d-diżinformazzjoni, li jpoġġi f’riskju l-effikaċja tagħhom fl-istabbilizzazzjoni tal-pajjiżi li fihom ikunu skjerati u, minflok, isaħħaħ l-instabbiltà preeżistenti li spiss tkun ta’ benefiċju għal atturi mhux statali malizzjużi; |
|
X. |
billi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għandhom l-għan li jsaħħu bil-kbir ir-reżiljenza u l-istabbiltà tal-viċinat Ewropew, inkluż fil-Mediterran, fil-Balkani tal-Punent, fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, fir-reġjun tas-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika, billi jipprovdu servizzi bħal fl-oqsma tal-militar, il-pulizija, il-gwardja kostali, it-taħriġ fil-ġestjoni tal-fruntieri u l-bini tal-kapaċitajiet; |
|
Y. |
billi l-assistenza tal-UE lill-gwardja kostali Libjana hija pprovduta permezz tal-Missjoni tal-UE ta’ Assistenza fil-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) u l-Operazzjoni EUNAVFOR MED IRINI; billi l-għan ewlieni tal-EUNAVFOR MED IRINI huwa li tappoġġja l-implimentazzjoni tal-embargo fuq l-armi tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fuq il-Libja; billi l-Kunsill tal-UE estenda l-mandat tal-EUNAVFOR MED IRINI sal-31 ta’ Marzu 2025, inkluż il-kompitu tat-taħriġ tal-gwardja kostali u l-flotta navali Libjani; |
|
Z. |
billi l-operazzjoni EUFOR ALTHEA tistabbilixxi triq lejn il-paċi, l-istabbilizzazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina, u għad għandha rwol ċentrali biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-istabbiltà tal-Bożnija-Ħerzegovina u tar-reġjun; billi lejn il-bidu ta’ Marzu 2025, ġew skjerati 400 suldat addizzjonali biex jappoġġjaw lill-EUFOR ALTHEA fost żieda fl-inċertezza fil-pajjiż wara s-sentenza tal-Qorti tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-kawża ta’ Milorad Dodik fis-26 ta’ Frar 2025; |
|
AA. |
billi fis-17 ta’ Mejju 2024, l-UE temmet il-mandat tal-Missjoni ta’ Taħriġ tal-UE fil-Mali (EUTM); billi fit-30 ta’ Ġunju 2024, hija temmet il-mandat tal-missjoni ta’ sħubija militari tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUMPM) u fit-30 ta’ Settembru 2024, temmet il-missjoni fuq il-post tal-persunal mill-Missjoni tal-UE ta’ Bini tal-Kapaċitajiet fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger); |
|
AB. |
billi l-UE se talloka EUR 1,5 biljun għall-perjodu 2021–2027 biex tappoġġja inizjattivi għall-prevenzjoni tal-kunflitti, għall-paċi u għas-sigurtà fil-livell nazzjonali u reġjonali fl-Afrika sub-Saħarjana; billi jingħata wkoll appoġġ addizzjonali fl-Afrika fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF), li jippermetti lill-UE tipprovdi kull tip ta’ tagħmir u infrastruttura lill-forzi armati tas-sħab tal-UE; |
|
AC. |
billi l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw attakki ibridi dejjem akbar fit-territorju tagħhom, inklużi l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin (FIMI), l-infiltrazzjoni politika u s-sabotaġġ, immirati biex jimminaw id-dibattitu politiku sod u l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fl-istituzzjonijiet demokratiċi, kif ukoll biex joħolqu diviżjonijiet fis-soċjetajiet Ewropej u bejn in-nazzjonijiet; billi fis-snin li ġejjin, it-theddid ibridu se jinvolvi użu akbar tal-kombinazzjoni sistematika tal-gwerra tal-informazzjoni, il-manuvri tal-forza aġli, il-gwerra ċibernetika tal-massa u t-teknoloġiji emerġenti u fixkiela, minn qiegħ il-baħar sal-ispazju, bil-varar ta’ sistemi avvanzati ta’ sorveljanza u ħbit ibbażati fl-ispazju, li kollha se jkunu possibbli permezz tal-IA avvanzata, il-computing kwantistiku, it-teknoloġiji dejjem aktar “intelliġenti” ta’ qtajja’ ta’ drones swarms, il-kapaċitajiet ċibernetiċi offensivi, is-sistemi ta’ missili ipersoniċi, u l-gwerra nanoteknoloġika u bijoloġika; billi r-Russja u ċ-Ċina wrew użu akbar ta’ għodod ibridi biex jimminaw is-sigurtà u l-istabbiltà tal-UE; |
|
AD. |
billi l-Federazzjoni Russa tagħmel użu minn kumpaniji militari privati (PMCs), bħall-Afrika Corps u l-Grupp Wagner, bħala parti minn sett ta’ għodod tal-gwerra ibrida biex issostni negabbiltà plawżibbli, filwaqt li teżerċita influwenza f’reġjuni varji u tikseb aċċess għar-riżorsi naturali u għall-infrastruttura kritika; billi huwa rrapportat li l-Afrika Corps u l-Grupp Wagner wettaq attroċitajiet fl-Ukrajna, fil-Mali, fil-Libja, fis-Sirja u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; billi l-Federazzjoni Russa saħħet is-sentimenti anti-Ewropej, speċjalment f’pajjiżi bi preżenza Ewropea qawwija jew li jospitaw missjonijiet tal-PSDK; |
|
AE. |
billi fis-7 ta’ Marzu 2024, l-Iżvezja ngħaqdet man-NATO bħala membru ġdid, wara l-Finlandja li ssieħbet fl-2023; billi l-kooperazzjoni fis-sigurtà u fid-difiża mas-sħab u l-alleati hija kruċjali għall-ambizzjoni tal-UE li ssir fornitur tas-sigurtà internazzjonali u tikkostitwixxi pilastru integrali tal-PSDK; billi l-kooperazzjoni man-NU, man-NATO, mal-Unjoni Afrikana, mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), kif ukoll għadd kbir ta’ alleati u sħab tal-istess fehma bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada, in-Norveġja, l-Ukrajna, il-Moldova, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, l-Awstralja, New Zealand u ċerti pajjiżi tal-Amerka Latina, fost oħrajn, hija kruċjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-PSDK; |
Il-konsegwenzi ta’ paradigma ġeopolitika f’evoluzzjoni għas-sigurtà Ewropea
|
1. |
Jisħaq fuq il-gravità tat-theddid għas-sigurtà tal-kontinent Ewropew, li, mit-Tieni Gwerra Dinjija, laħqet livell bla preċedent; jesprimi tħassib kbir rigward iż-żieda fil-firdiet ġeopolitiċi, l-ambizzjonijiet imperjalisti ġodda u mġedda għall-ħakma minn potenzi awtoritarji, ir-rivalità sistemika tal-potenzi l-kbar, l-unilateraliżmu nazzjonalistiku, it-tixrid tat-terroriżmu, inkluż it-terroriżmu ġiħadist, l-ispostament furzat tal-popolazzjoni ċivili u l-immirar intenzjonat ta’ persuni u infrastruttura ċivili, u l-użu prinċipali u dejjem akbar tal-forza u tal-vjolenza min-naħa ta’ ċerti atturi malizzjużi biex jippromwovu l-objettivi u l-interessi politiċi u ekonomiċi tagħhom jew biex isolvu t-tilwim; |
|
2. |
Jesprimi, f’dan il-kuntest, tħassib serju dwar il-bidla apparenti fil-pożizzjoni tal-Istati Uniti fir-rigward tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, li inkludiet li sfaċċatament taw it-tort lill-Ukrajna tal-gwerra li għaddejja, li ssospendew l-għajnuna militari tal-Istati Uniti, u li għamlu tentattiv biex iġiegħlu lill-Ukrajna ċċedi d-dritt leġittimu tagħha ta’ awtodifiża; jiddeplora bil-qawwa kwalunkwe tentattiv ta’ rikatt tat-tmexxija tal-Ukrajna biex iċċedi għall-aggressur Russu għall-iskop uniku li jitħabbar “ftehim ta’ paċi” u jqis li t-tentattiv attwali mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tinnegozja ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u ta’ paċi mingħajr l-involviment tal-Unjoni Ewropea, li fl-aħħar mill-aħħar se jkollha tittratta mal-eżitu, huwa kontroproduttiv peress li jagħti s-setgħa lill-belliġeranti, u hekk juri li l-politika aggressiva ma tiġix ikkastigata iżda ppremjata; jinsab ottimist b’kawtela dwar il-proposta għal ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ta’ 30 jum; ifakkar li waqfien mill-ġlied jista’ jkun għodda effettiva għas-sospensjoni tal-ostilitajiet, iżda biss jekk l-aggressur jaderixxi bis-sħiħ miegħu; jistenna li r-Russja, għalhekk, taqbel miegħu u ssegwih billi twaqqaf l-attakki kollha minn fuq l-Ukrajna, minn fuq il-pożizzjonijiet militari, il-popolazzjoni ċivili, l-infrastruttura u t-territorju tagħha; jikkonkludi, madankollu, filwaqt li jqis l-istorja tal-vjolazzjonijiet mir-Russja ta’ ftehimiet preċedenti, li l-paċi tista’ tinkiseb biss billi l-Ukrajna tingħata s-setgħa permezz ta’ garanziji tas-sigurtà robusti; huwa tal-fehma, mill-banda l-oħra, li kwalunkwe soluzzjoni li ddgħajjef l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-Ukrajna, bħad-dritt tagħha li tagħżel l-arranġamenti tas-sigurtà tagħha stess, jew li ma jkollhiex garanziji kredibbli tas-sigurtà, se tirriskja li tissoġġetta lill-Ukrajna u lil pajjiżi Ewropej oħra għal attakki Russi mġedda; jesprimi dispjaċir, f’dan ir-rigward, għall-voti tal-Gvern tal-Istati Uniti, allinjati mal-Gvern Russu, fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet dwar it-tielet anniversarju tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; |
|
3. |
Jemmen li t-teatri ġeopolitiċi fl-Ukrajna, fil-Lvant Nofsani u fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fl-Indo-Paċifiku qed isiru dejjem aktar interkonnessi peress li r-Russja u ċ-Ċina, b’mod partikolari, qed japprofondixxu r-rabtiet tagħhom, u joħolqu sfidi sinifikanti għall-paċi u s-sigurtà globali u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li jridu jiġi indirizzati mill-komunità internazzjonali; jenfasizza ż-żieda fl-attakki u fit-theddid ibridu mmirati biex jimminaw il-valuri u l-istrutturi demokratiċi, fost affarijiet oħra, matul l-elezzjonijiet, kif ukoll il-koeżjoni tas-soċjetajiet Ewropej ibbażati fuq il-valuri, u l-adeżjoni taċ-ċittadini ma’ tali soċjetajiet, u l-istat tad-dritt; jemmen li din it-tendenza tirrappreżenta bidla tal-paradigma, inkwantu taqleb ta’ taħt fuq il-loġika skont liema s-sigurtà internazzjonali tinbena abbażi tar-rispett tad-dritt internazzjonali, ta’ ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u tal-multilateraliżmu; |
|
4. |
Jirrikonoxxi n-natura li qed tevolvi tat-theddid għas-sigurtà globali u jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom id-diplomazija, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-kontroll tal-armi u d-diżarm flimkien mal-isforzi militari biex jiġu żgurati l-paċi u s-sigurtà internazzjonali dejjiema; jinnota, madankollu, l-impatt limitat tal-isforzi diplomatiċi mmirati lejn il-bini tal-paċi u s-sigurtà f’dawn l-aħħar żminijiet; jissottolinja li l-paċi u l-istabbiltà globali sostenibbli ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ miżuri militari biss, iżda jirrikjedu strateġiji komprensivi li jindirizzaw l-ixprunaturi ewlenin tal-instabbiltà, bħall-faqar, l-inugwaljanza, il-fallimenti tal-governanza u t-tibdil fil-klima; jisħaq li l-inizjattiva Global Gateway tal-UE u programmi oħra ta’ żvilupp għandhom ikunu allinjati mal-objettivi tas-sigurtà, filwaqt li jrawmu soċjetajiet reżiljenti billi jippromwovu tkabbir ekonomiku inklużiv, governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem; |
Ir-risposta tal-UE: era ġdida ta’ sigurtà u difiża Ewropea
|
5. |
Jilqa’ bil-qawwa l-European Defence Readiness 2030 (il-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030) (25), li tipproponi pjan direzzjonali b’saħħtu u ambizzjuż għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw malajr id-diversi elementi ambizzjużi mingħajr dewmien, peress li l-Ewropa jeħtieġ li jkollha l-kapaċità li tiskoraġġixxi lill-aggressuri u tiddefendi lilha nnifisha fuq il-fronti kollha, tieħu f’idejha t-tmexxija u taġixxi b’mod rapidu fuq il-kwistjonijiet tas-sigurtà, u tipproduċi tagħmir tad-difiża għall-ħtiġijiet tagħha stess; |
|
6. |
Jenfasizza l-bżonn assolut li l-UE tirrikonoxxi u tilqa’ l-isfidi li joħloq it-theddid multiplu u f’evoluzzjoni kostanti għas-sigurtà tagħha u, għal dan l-iskop, timpenja ruħha f’politiki u f’azzjonijiet imtejba u ġodda li jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu b’mod kollettiv u koerenti d-difiża tagħhom fl-Ewropa, sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-Istati Membri kollha tal-UE u taċ-ċittadini tagħhom, kif ukoll isaħħu l-kapaċità tagħhom li jieħdu azzjoni fil-livell dinji; |
|
7. |
Jemmen li d-diplomazija għandha tibqa’ pedament tal-politika estera tal-UE; |
|
8. |
Ifakkar f’kemm hu importanti li l-UE tikseb awtonomija strateġika u stat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża akbar, kif deskritt fil-Boxxla Strateġika, biex tiżgura li l-objettivi tagħha jkunu allinjati mal-interessi kollettivi u sovrani tal-Istati Membri tagħha u mal-viżjoni usa’ tas-sigurtà u d-difiża Ewropej; jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, li xi Stati Membri għandhom politiki ta’ newtralità militari li ilhom jeżistu, u jirrispetta d-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddetermina l-politika tas-sigurtà tiegħu stess; |
|
9. |
Jenfasizza kemm hu importanti li jkompli jiġi operazzjonalizzat l-Artikolu 42(7) tat-TUE dwar l-assistenza reċiproka, filwaqt li tiġi żgurata s-solidarjetà fost l-Istati Membri, speċjalment dawk li l-pożizzjoni ġeografika tagħhom tħallihom esposti direttament għal theddid u sfidi imminenti, u irrispettivament minn jekk humiex membri tan-NATO; jappella għal passi konkreti lejn l-iżvilupp ta’ politika ta’ solidarjetà reali tal-UE, inkluż billi jiġu ċċarati l-arranġamenti prattiċi fil-każ li Stat Membru jattiva l-Artikolu 42(7) tat-TUE u l-koerenza bejn l-Artikolu 42(7) tat-TUE u l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana; |
|
10. |
Jinnota l-progress ġenerali limitat u n-nuqqas ta’ investiment fl-iżvilupp ta’ kapaċità tad-difiża Ewropea komuni, ta’ kapaċità industrijali u ta’ stat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża sa mill-istabbiliment tal-PSDK 25 sena ilu; jinnota, b’dispjaċir, li minkejja l-ambizzjoni li titfassal politika tad-difiża komuni tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 42(2) tat-TUE, il-passi konkreti għadhom neqsin; |
|
11. |
Jissottolinja li, filwaqt li qed insaħħu d-difiża tagħna stess, l-alleanza u l-kooperazzjoni tagħna mal-Istati Uniti għadhom estremament importanti, kif inhi ukoll il-koordinazzjoni man-NATO, kemm fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet kif ukoll fl-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata; jirrikonoxxi l-fatt li l-prijoritajiet tas-sigurtà tal-Istati Uniti nbidlu minħabba sfidi f’reġjuni oħra, li jirrikjedu li l-Ewropa tieħu responsabbiltà sħiħa tad-difiża tagħha stess; |
|
12. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ approċċ, politiki u sforzi konġunti verament komuni fil-qasam tad-difiża kif ukoll bidla fundamentali fil-PSDK tal-UE li tippermetti lill-UE taġixxi b’mod deċiżiv u effettiv fil-viċinat tagħha u fix-xena globali, tissalvagwardja l-valuri, l-interessi u ċ-ċittadini tagħha u tippromwovi l-objettivi strateġiċi tagħha; jissottolinja l-importanza li l-UE tiġi ppreżentata bħala attur internazzjonali b’saħħitha u magħquda, li kapaċi taġixxi b’mod aktar strateġiku u awtonomu, tiddefendi lilha nnifisha kontra l-attakki potenzjali mill-għedewwa u tappoġġja lis-sħab tagħha, u ġġib il-paċi, l-iżvilupp sostenibbli u d-demokrazija; jisħaq li hu estremament importanti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jaħdmu fuq li joħolqu kultura strateġika komuni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jissottolinja l-ħtieġa li l-Istati Membri jirriflettu b’mod kollettiv dwar il-futur tal-politiki u d-duttrini ta’ deterrenza tagħhom, kif ukoll l-adattament tagħhom għall-ambjent tas-sigurtà li qed jinbidel fl-Ewropa; jenfasizza, barra minn hekk, li sabiex jiġu żviluppati politiki barranin u tad-difiża koerenti, l-UE jeħtiġilha ssaħħaħ l-istrutturi demokratiċi u indipendenti tagħha, il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-awtonomija operattiva tagħha; |
|
13. |
Jilqa’ l-objettiv tal-President tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal era ġdida għad-difiża u s-sigurtà Ewropej, billi tibni unjoni Ewropea tad-difiża vera u proprja; jilqa’ l-ħatra ta’ Andrius Kubilius, l-ewwel Kummissarju għad-Difiża u għall-Ispazju li qatt inħatar, inkarigat milli jaħdem b’mod konġunt mal-VP/RGħ; jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-white paper dwar il-futur tad-difiża Ewropea; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha, filwaqt li jaġixxu biex jiddefinixxu l-unjoni Ewropea tad-difiża, jieħdu miżuri ta’ prijorità u jħejju azzjonijiet futuri sabiex jiżguraw l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tat-theddida ppreżentata mir-Russja, u jirfdu d-deterrenza u jsaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali bħala għodda tad-difiża fi żmien ta’ gwerra, filwaqt li jissodisfaw il-ħtiġijiet ċivili u umanitarji, u b’hekk jisfruttaw il-kunċett ta’ “użu doppju”; |
|
14. |
Jilqa’ l-pjan “ReArm Europe” b’ħames punti propost mill-President tal-Kummissjoni fl-4 ta’ Marzu 2025; |
|
15. |
Jilqa’ l-eżiti tal-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025 u l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Marzu 2025; |
|
16. |
Jilqa’ l-fatt li l-white paper qieset it-talbiet insistenti tal-Parlament rigward il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-fruntieri tal-art, tal-ajru u marittimi tal-UE kontra t-theddid militari u ibridu; ifaħħar l-approvazzjoni ta’ Tarka tal-Fruntiera tal-Lvant u jtenni l-appoġġ tiegħu għal-Linja tad-Difiża tal-Baltiku; |
|
17. |
Jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-istrateġija tal-UE għal unjoni tal-preparatezza u jenfasizza li l-azzjonijiet tal-UE jridu jkunu olistiċi u jindirizzaw id-dimensjonijiet kollha tas-sigurtà, jiġifieri dawk esterni, interni, soċjali u ekonomiċi; jemmen bil-qawwa li tali approċċ komprensiv biss se jiżgura appoġġ pubbliku kostanti fit-tul; jissottolinja li l-miżuri deskritti fil-White Paper u fl-istrateġija tal-UE għal unjoni tal-preparatezza jridu jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin; |
|
18. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jħaffu l-pass tal-impenji li huma ħadu fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles u jassumu responsabbiltà akbar għad-difiża u s-sigurtà tagħhom, inkluż billi jiksbu awtonomija strateġika akbar u billi jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża u ta’ deterrenza, b’mod partikolari fil-fruntieri tal-Lvant tagħha; jisħaq li n-NATO u s-sħubija transatlantika mal-Istati Uniti jibqgħu l-pedamenti tad-difiża kollettiva Ewropea u li l-UE u n-NATO għandhom rwoli komplementari, koerenti u li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku fl-appoġġ għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; ifakkar li UE aktar b’saħħitha u aktar kapaċi fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża ser tikkontribwixxi b’mod pożittiv għas-sigurtà globali u trans-Atlantika u hija komplementari għan-NATO; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri tal-UE u l-UE kollha kemm hi jżidu l-isforzi tagħhom permezz ta’ investimenti konġunti akbar u mmirati, akkwist konġunt ta’ prodotti tad-difiża li huma, fil-biċċa l-kbira, iddisinjati u manifatturati fl-UE, u l-iżvilupp ta’ aktar kapaċitajiet konġunti, permezz ta’, fost oħrajn, l-akkomunament u l-kondiviżjoni, u b’hekk isaħħu l-forzi armati tagħhom kemm jekk għal skopijiet operattivi nazzjonali, tan-NATO jew tal-UE; jisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jiżguraw li parti sostanzjali u akbar tat-tagħmir militari tagħhom ma tkunx soġġetta għal regolamenti restrittivi ta’ pajjiżi terzi; |
|
19. |
Jaqbel mal-ambizzjoni li jissaħħaħ il-pilastru Ewropew fi ħdan in-NATO u jisħaq li l-iżvilupp ta’ unjoni Ewropea tad-difiża għandu jimxi id f’id mal-approfondiment tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, filwaqt li jsir użu sħiħ tal-kapaċitajiet uniċi ta’ kull organizzazzjoni; |
|
20. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni mill-qrib dwar id-deterrenza u l-kollaborazzjoni bejn l-UE u n-NATO fir-rigward tal-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ difiża koerenti, komplementari u interoperabbli u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni industrijali; jisħaq li pilastru Ewropew fi ħdan in-NATO jikkonsisti b’mod partikolari fl-akkwist konġunt ta’ faċilitaturi strateġiċi jew sistemi ta’ armi strateġiċi, li spiss ikunu għaljin wisq għal Stat Membru wieħed, bħall-kapaċità ta’ riforniment tal-fjuwil fl-ajru, il-kapaċità ta’ kmand u kontroll, l-armi ipersoniċi, id-difiża tal-ajru b’diversi saffi, il-kapaċitajiet tal-gwerra elettronika u s-sistemi ta’ difiża tal-ajru u tal-missili; jemmen li l-valur miżjud Ewropew jinsab fl-iżvilupp jew ix-xiri konġunt ta’ dawn il-faċilitaturi u sistemi li l-Istati Membri individwali tal-UE huma serjament nieqsa minnhom; jirrimarka li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE jsaħħaħ il-pilastru Ewropew fi ħdan in-NATO u bħala konsegwenza jikkontribwixxi għas-sigurtà transatlantika; jitlob li tiġi stabbilita konferenza regolari bejn l-UE u n-NATO sabiex jiġu żgurati koordinazzjoni u komplementarjetà mill-qrib bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet u l-istati membri tagħhom fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-armamenti, filwaqt li jevitataw id-duplikazzjoni bla bżonn u li ma tiffunzjonax tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-isforzi tal-UE fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża jkunu koerenti mal-objettivi tal-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO; jitlob, barra minn hekk, li l-appoġġ kollu tal-EPF għall-forniment tat-tagħmir jitwettaq f’koordinazzjoni man-NATO biex tiżdied l-effiċjenza u tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn; |
It-tisħiħ tas-sigurtà Ewropea: l-appoġġ għall-Ukrajna billi jingħatawlha kapaċitajiet militari bil-għan li tintemm il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja
|
21. |
Jinsisti li l-UE jeħtiġilha tassumi impenji fil-qasam tas-sigurtà fir-rigward tal-Ukrajna, kif rakkomandat fil-Patt tas-Sigurtà ta’ Kiev, sabiex tiskoraġġixxi aggressjoni Russa ulterjuri; |
|
22. |
Jirrileva l-fatt li l-appoġġ finanzjarju pprovdut mill-UE u l-Istati Membri tagħha lill-Ukrajna jisboq lil dak ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor, u dan jirrifletti l-impenn mingħajr paragun tal-UE lejn l-Ukrajna; jissottolinja li r-rwol tal-UE fi kwalunkwe negozjati li għandhom impatt fuq is-sigurtà tal-Ewropa jrid ikun proporzjonat mal-piż politiku u ekonomiku tagħha; jafferma mill-ġdid li ma jistax ikun hemm negozjati li jaċċennaw għas-sigurtà Ewropea mingħajr ma l-UE tkun mal-mejda; |
|
23. |
Itenni l-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Marzu 2025 li tapprova l-prinċipju tal-“paċi permezz tas-saħħa” u jissottolinja li l-Ukrajna jeħtiġilha tkun fl-aktar pożizzjoni b’saħħitha possibbli sabiex eventwalment tinnegozja mar-Russja; |
|
24. |
Jenfasizza li ftehim komprensiv ta’ paċi, li jirrispetta l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn garanziji tas-sigurtà robusti u kredibbli għall-Ukrajna sabiex l-aggressjoni Russa futura tiġi skoraġġuta; jilqa’ l-isforzi li nbdew f’dan ir-rigward mas-sħab tal-istess fehma u tan-NATO; jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Marzu 2025 li jissottolinjaw li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma lesti li jikkontribwixxu għall-garanziji tas-sigurtà, b’mod partikolari billi jappoġġjaw il-kapaċità tal-Ukrajna li tiddefendi lilha nnifisha b’mod effettiv; |
|
25. |
Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha juru solidarjetà mal-Ukrajna quddiem dik li hi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u jfornu lill-Ukrajna l-mezzi militari neċessarji u fiż-żmien li għandha bżonn biex tiddefendi lilha nnifisha, timbotta ’l hemm il-Forzi Armati Russi u d-delegati tagħhom, ittemm il-kunflitt, tipproteġi s-sovranità tagħha u terġa’ tistabbilixxi l-integrità territorjali tagħha fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti fil-livell internazzjonali; japprova bis-sħiħ, għalhekk, il-“istrateġija porkuspin” għall-Ukrajna, kif spjegata fil-white paper; jilqa’ l-impenji konġunti fil-qasam tas-sigurtà bejn l-UE u l-Ukrajna, u l-ftehimiet bilaterali dwar is-sigurtà konklużi mill-Ukrajna ma’ diversi Stati Membri; jissottolinja li tali impenji u ftehimiet huma parti minn pakkett usa’ kkoordinat internazzjonalment ta’ garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna, inkluż il-varar mill-G7 ta’ qafas multilaterali għan-negozjar ta’ impenji u arranġamenti bilaterali fil-qasam tas-sigurtà għall-Ukrajna; jemmen li mingħajr appoġġ militari deċiżiv tal-UE, l-Ukrajna mhux se tkun tista’ tikseb rebħa kontra r-Russja; itenni bil-qawwa t-talba tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex jissodisfaw b’mod urġenti l-impenji tagħhom u jwasslu armi, inġenji tal-ajru tal-ġlied, droni, difiża tal-ajru, sistemi ta’ armi u munizzjon lill-Ukrajna, inklużi missili kruċiera varati mill-ajru u sistemi mill-art għall-art, u biex iżidu b’mod sinifikanti l-kwantitajiet rilevanti; jinnota l-konsenja b’suċċess ta’ 1 miljun balla ta’ munizzjon tal-artillerija lill-Ukrajna kif miftiehem f’Marzu 2023 mill-Kunsill, minkejja d-dewmien deplorabbli ta’ disa’ xhur; jirrikonoxxi l-avvanzi notevoli fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-munizzjon tal-artillerija tal-UE, li jikkontribwixxu għall-preparatezza tal-UE u l-abbiltà tagħha li tappoġġja lill-Ukrajna; jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Ukrajna kontra d-droni bħala element kritiku fil-ġlieda kontra t-theddid mill-ajru u fiż-żamma tas-sigurtà operazzjonali; jappella għall-forniment ta’ tagħmir speċjalizzat u għarfien espert biex il-forzi Ukreni jkunu jistgħu malajr jidentifikaw, jittraċċaw u jirrispondu għall-attivitajiet ostili tad-droni, filwaqt li jiżguraw protezzjoni robusta kemm għall-infrastruttura militari kif ukoll għal dik ċivili; jistieden lill-Istati Membri jneħħu r-restrizzjonijiet kollha li jimpedixxu lill-Ukrajna milli tuża sistemi tal-armi tal-Punent kontra objettivi militari leġittimi fir-Russja, f’konformità mad-dritt internazzjonali; jistieden lill-Kunsill jimpenja ruħu li jittrasferixxi t-tagħmir militari jew il-munizzjon kollu li ġie kkonfiskat mill-operazzjonijiet u l-missjonijiet tal-UE fl-UE u barra minnha lejn l-Ukrajna; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Istati Membri kollha tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom jimpenjaw ruħhom b’mod kollettiv u individwali biex jappoġġjaw lill-Ukrajna b’mod militari b’mhux anqas minn 0,25 % tal-PDG tagħhom kull sena; |
|
26. |
Itenni d-dritt inerenti tal-Ukraina li tagħżel id-destin tagħha stess u jfakkar fit-talba insistenti tiegħu għall-involviment xieraq tal-Ukrajna u tal-UE fin-negozjati li għaddejjin bejn l-Istati Uniti u r-Russja; |
|
27. |
Ifaħħar il-mudell Daniż tal-appoġġ lill-Ukrajna, li jikkonsisti fl-akkwist ta’ kapaċitajiet ta’ difiża prodotti direttament fl-Ukrajna; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw bis-sħiħ dan il-mudell u jagħmlu użu sħiħ tal-potenzjal tiegħu, peress li l-kapaċità industrijali tad-difiża tal-Ukrajna, stmata li hi ta’ madwar 50 %, mhix utilizzata biżżejjed, u l-mudell iġib bosta vantaġġi għaż-żewġ naħat, bħal tagħmir orħos, loġistika aktar veloċi u aktar sikura, u faċilità akbar ta’ taħriġ u manutenzjoni; |
|
28. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lill-Ukrajna biex twessa’ l-koalizzjoni internazzjonali għas-sostenn tal-pjan għar-rebħa u l-formula ta’ paċi tagħha li ppreżenta l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy, bħala l-unika triq vijabbli biex jerġgħu jiġu stabbiliti s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukajna abbażi tad-dritt internazzjonali, biex b’hekk ir-Russja, it-tmexxija tagħha u l-kompliċi tagħha, b’mod partikolari r-reġim tal-Belarussja, jkollhom jagħtu kont talli mexxew gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u talli wettqu delitti tal-gwerra u d-delitt tal-aggressjoni, u biex jiġu żgurati r-riżarċimenti Russi u pagamenti oħra għad-danni enormi kkawżati fl-Ukrajna; jenfasizza li l-inizjattivi kollha mmirati biex itemmu l-kunflitt irid ikollhom l-appoġġ tal-Ukrajna u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-poplu tagħha; |
|
29. |
Jistieden lill-VP/RGħ timmobilizza aktar appoġġ diplomatiku għall-Ukrajna u s-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja, bl-użu tal-ispettru sħiħ tas-sett ta’ għodod diplomatiċi, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jikkunsidraw li jimponu sanzjonijiet sekondarji; jiddeplora l-fatt li xi komponenti li oriġinaw mill-Punent instabu f’armi u f’sistemi ta’ armi użati mir-Russja kontra l-Ukrajna, u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw is-sanzjonijiet aktar rigorużi; jappella għal aktar azzjoni mill-Istati Membri u kooperazzjoni bejniethom biex titwaqqaf il-flotta mistura Russa; |
|
30. |
Jikkundanna bil-qawwa r-rwol li għandha l-Korea ta’ Fuq li tgħin il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna permezz tat-taħriġ ta’ truppi tal-Korea ta’ Fuq u l-iskjerament tagħhom fir-Russja biex tipparteċipa direttament fil-gwerra jew tappoġġja lill-Forzi Armati Russi; jikkundanna wkoll, bl-aktar mod qawwi possibbli, il-fatt li l-Korea ta’ Fuq tforni tagħmir militari u armi li huma skjerati b’mod attiv fil-kamp tal-battalja, u l-involviment tagħha fl-evażjoni tas-sanzjonijiet; iqis l-azzjonijiet tal-Korea ta’ Fuq bħala ksur sfaċċat tan-normi internazzjonali u jwissi dwar ir-riskju perikoluż u sinifikanti ta’ eskalazzjoni li dawn joħolqu għall-Ewropa u għall-komunità internazzjonali usa’; jissottolinja, bi tħassib serju, ir-riskju li l-Korea ta’ Fuq qed tuża l-kamp tal-battalja fl-Ukrajna bħala pjattaforma biex tistudja tattiċi avvanzati tal-ġlied, inkluża l-gwerra bid-droni, bl-intenzjoni li tapplika dawn it-tekniki f’kunflitti futuri potenzjali; jesprimi r-rabja tiegħu għall-fatt li diversi stati diżonesti oħra qed jappoġġjaw b’mod attiv il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inkluż l-Iran, fost oħrajn; jikkundanna, f’dan ir-rigward, it-trasferiment mill-Iran ta’ droni Shahed, munizzjon u missili ballistiċi lejn ir-Russja, fatt li jżid ir-riskju ta’ intervent militari potenzjali mill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jemmen bis-sħiħ li l-UE u l-komunità internazzjonali jeħtiġilhom jirrispondu b’fermezza għal dan b’taħlita ta’ miżuri diplomatiċi, militari u ekonomiċi, u, l-aktar importanti, billi jipprovdu aktar appoġġ lill-Ukrajna biex issaħħaħ id-difiża tagħha kontra din l-alleanza ta’ stati diżonesti li r-Russja bniet; jissottolinja l-importanza ta’ kollegament mill-qrib mal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti 2025-2029 f’dan ir-rigward; |
|
31. |
Jisħaq fuq l-importanza tal-EPF, li ħareġ strumentali fl-appoġġ mogħti lill-forniment ta’ kapaċitajiet militari u taħriġ lill-Forzi Armati Ukreni, filwaqt li żgura l-koordinament għall-partijiet ikkonċernati kollha permezz tal-mekkaniżmu ta’ koordinament fi ħdan l-Istat Maġġur tal-UE; jilqa’ l-istabbiliment ta’ Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna maħsub apposta fl-ambitu tal-EPF u jitlob li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji għall-assistenza militari għall-Ukrajna permezz ta’ dan l-istrument, filwaqt li tiġi pprovduta perspettiva finanzjarja għat-terminu medju; iħeġġeġ lill-Gvern Ungeriż iwaqqaf minnufih l-isforzi tiegħu biex ixekkel l-azzjonijiet tal-UE b’appoġġ għall-Ukrajna u jneħħi l-veto tiegħu minn fuq l-estensjoni tal-perjodu ta’ tiġdid tas-sanzjonijiet tal-UE u l-appoġġ militari tal-EPF lill-Ukrajna, inkluż ir-rimborż miftiehem lill-Istati Membri tal-UE għall-għajnuna militari li jkunu taw; jesprimi t-tħassib serju tiegħu li l-veto mill-Gvern Ungeriż imblokka l-ftuħ ta’ porzjon ġdid ta’ nefqa biex jappoġġa l-Forzi Armati Ukreni u impedixxa r-rilaxx ta’ EUR 6,6 biljun f’rimborż parzjali lill-Istati Membri tal-UE li jipprovdu appoġġ militari lill-Ukrajna; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ isibu soluzzjonijiet innovattivi li kapaċi jneħħu dan l-imblukkar u jikkumpensaw għal dan it-tnaqqis fil-finanzjament; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw inventarji prevedibbli u bbażati fuq xenarji, tal-kapaċitajiet militari li jistgħu jiġu pprovduti fl-ambitu tal-EPF biex jiġi żgurat li l-forniment ta’ kapaċitajiet fuq terminu qasir jinkiseb b’mod rapidu mill-Istati Membri u jitwassal mingħajr dewmien, u li l-forniment fit-tul tal-kapaċitajiet li jassistu lill-Ukrajna fir-restawr tad-deterrenza jiġi pprovdut f’perjodu ta’ żmien prevedibbli, f’koordinazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE, meta jkun meħtieġ; japprezza li l-assistenza militari kollha u l-kunsinni kollha tal-armi fl-ambitu tal-EPF kienu jikkonformaw bis-sħiħ mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjonijiet tal-armi, il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, filwaqt li jiżguraw trasparenza u obbligu ta’ rendikont adegwati; |
|
32. |
Ma jaqbilx mal-politika tal-Gvern Ungeriż rigward ir-Russja, l-użu tiegħu tal-veto kontra s-sanzjonijiet tal-UE u l-imblukkar tiegħu tal-għajnuna finanzjarja u tad-difiża tal-UE għall-Ukrajna; jemmen li l-azzjonijiet tal-Gvern Ungeriż jimminaw l-unità u s-solidarjetà fl-Ewropa; ifakkar li, fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF), il-pajjiżi huma intitolati għal kumpens finanzjarju għall-konsenji ta’ tagħmir lill-Ukrajna u jissottolinja, fid-dawl ta’ dan, li l-imblokki attwali tar-rimborżi lil 25 Stat Membru, li minn fosthom tispikka l-Polonja b’total ta’ EUR 450 miljun f’kumpens mhux imħallas, jeħtieġ li jitneħħew minnufih; |
|
33. |
Jenfasizza l-eżitu tas-Summit ta’ Washington tan-NATO, li afferma mill-ġdid li l-futur tal-Ukrajna jinsab fin-NATO u li l-alleanza tappoġġja d-dritt tal-Ukrajna li tagħżel l-arranġamenti tas-sigurtà tagħha stess u li tiddeċiedi l-futur tagħha stess, ħielsa minn interferenza esterna; jaqbel li kemm l-UE u kemm in-NATO wrew għaqda politika f’solidarjetà mal-Ukrajna u b’impenn li jappoġġjawha; itenni l-fehma tiegħu li l-Ukrajna tinsab fi triq irriversibbli lejn is-sħubija man-NATO; jilqa’ l-wegħda tal-alleati ta’ assistenza fil-qasam tas-sigurtà fit-tul għall-forniment ta’ tagħmir militari, assistenza u taħriġ għall-Ukrajna; jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tan-NATO, il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u l-alleati tan-NATO bħall-Istati Uniti u r-Renju Unit, fil-koordinazzjoni tal-isforzi biex l-Ukrajna tiġi appoġġjata militarment mhux biss permezz tal-forniment ta’ armi, munizzjon u tagħmir, iżda wkoll bil-forniment ta’ intelligence u data; |
|
34. |
Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2024, li tiżgura li l-profitti netti li jirriżultaw minn dħul straordinarju ġġenerat mill-assi immobilizzati tal-Bank Ċentrali tar-Russja (RCB) fl-UE, bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE, jintużaw għal appoġġ militari ulterjuri lill-Ukrajna, kif ukoll għall-kapaċitajiet tal-industrija tad-difiża u għar-rikostruzzjoni tagħha; jilqa’ wkoll il-ftehim milħuq mal-Kunsill, li wassal għad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 li jadotta pakkett ta’ assistenza finanzjarja, inkluż self eċċezzjonali ta’ assistenza makrofinanzjarja li jilħaq il-EUR 35 biljun u l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna li se juża kontribuzzjonijiet miġbura mill-profitti tal-assi immobilizzati tal-Bank Ċentrali tar-Russja u se jappoġġja lill-Ukrajna biex tħallas lura selfiet li jilħqu l-EUR 45 biljun mill-UE u mis-sħab tagħha tal-G7; ifakkar, madankollu, li l-mobilizzazzjoni ta’ din l-assistenza finanzjarja se tkun għad-detriment tas-somma allokata għall-appoġġ militari tal-UE permezz tal-Faċilità għall-Ukrajna, li issa se tibbenefika biss minn massimu ta’ 15 % tal-profitti mill-assi immobilizzati tal-Bank Ċentrali tar-Russja; |
|
35. |
Jilqa’ l-kisbiet tal-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM), li, sal-lum, ħarrġet aktar minn 70 000 suldat Ukren fit-territorju tal-UE, u b’hekk għamlet lill-UE l-akbar fornitur ta’ taħriġ militari lill-Ukrajna u kkontribwiet b’mod sinifikanti għat-tisħiħ tal-kapaċità militari tal-Forzi Armati Ukreni; jieħu nota tal-għan il-ġdid li jitħarrġu 75 000 suldat Ukren sa tmiem ix-xitwa 2024/2025; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2024 li jestendi l-mandati tal-missjonijiet għal sentejn; jitlob li r-riżorsi finanzjarji, loġistiċi u umani tal-EUMAM jiżdiedu u jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta’ taħriġ militari li qed jevolvu tal-Forzi Armati Ukreni, inkluż fl-oqsma tad-difiża tal-ajru u dik marittima, kif ukoll għall-isforzi ta’ riforma fit-tul mitluba f’konformità mal-impenji konġunti fil-qasam tas-sigurtà bejn l-UE u l-Ukrajna; jilqa’ l-parteċipazzjoni qawwija tal-Istati Membri fl-EUMAM, li tista’ tiġi deskritta bħala mudell għall-missjonijiet ta’ taħriġ militari futuri, li javvanzaw id-deterrenza billi jsaħħu b’mod sinifikanti l-interoperabbiltà bejn l-Istati Membri u s-sħab, u jistieden lill-Istati Membri juru ambizzjoni u kontributi simili għal missjonijiet u operazzjonijiet oħra attwali u futuri tal-PSDK; jenfasizza li l-EUMAM għandha taġixxi wkoll bħala pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki biex jiġi żgurat li l-forzi Ewropej jibbenefikaw ukoll mit-tagħlimiet meħuda fil-kamp tal-battalja mill-Forzi Armati Ukreni; jilqa’ l-varar tal-kmand tan-NATO ta’ Assistenza u Taħriġ fil-Qasam tas-Sigurtà għall-Ukrajna (NSATU), imħabbra fis-Summit ta’ Washington tan-NATO, li jikkoordina l-forniment tat-taħriġ u t-tagħmir militari għall-Ukrajna mill-alleati u s-sħab tan-NATO u jipprovdi appoġġ loġistiku; jisħaq fuq l-importanza ta’ koordinazzjoni mill-qrib bejn l-EUMAM u l-NSATU; |
|
36. |
Ifaħħar il-ħidma tal-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea fl-Ukrajna (EUAM) fl-implimentazzjoni, f’kundizzjonijiet diffiċli, tal-mandat il-ġdid imsaħħaħ tagħha; jappella lill-UE tiżgura li l-EUAM tkun tista’ topera b’riżorsi finanzjarji, loġistiċi u ta’ persunal espert adegwati ħalli tissodisfa l-ħtiġijiet tal-Ukrajna, u jilqa’ l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi f’dan ir-rigward; jisħaq fuq l-importanza tal-EUAM u r-rwol tagħha bħala l-akbar impronta tal-UE fuq il-post, li tipprovdi pariri strateġiċi lill-awtoritajiet tas-sigurtà nazzjonali u tal-istat tal-Ukrajna; jenfasizza l-kompiti ewlenin tal-EUAM fil-ġlieda kontra r-reati organizzati u transfruntiera, fir-restawr tas-servizzi pubbliċi f’territorji liberati u fl-appoġġ għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar- reati internazzjonali, filwaqt li tibni fuq il-preżenza u l-għarfien espert tal-EUAM; |
|
37. |
Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni mal-industrija tad-difiża Ukrena u l-integrazzjoni gradwali tagħha fil-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża (EDTIB) tal-UE u, għal dan il-għan, jitlob li d-difiża tal-Ukrajna titqies bis-sħiħ fit-tħejjija tal-inizjattivi leġiżlattivi l-ġodda tal-Kummissjoni mmirati għat-tisħiħ tal-EDTIB; jisħaq li għandhom jittieħdu passi konkreti lejn l-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-politiki u l-programmi tad-difiża tal-UE matul il-proċess tal-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE, inkluż billi l-Forzi Armati Ukreni jiġu adattati għar-rekwiżiti tal-kapaċitajiet tal-UE u jiġu involuti fil-proġetti u l-programmi ta’ kooperazzjoni industrijali u teknoloġika tad-difiża transfruntiera; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ftuħ tal-Uffiċċju tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża fl-Ukrajna biex jidentifika l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet Ukreni fl-innovazzjoni tad-difiża, jiffaċilita inizjattivi konġunti u jippromwovi l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-partijiet ikkonċernati tal-industrija tad-difiża tal-UE u tal-Ukrajna, u jkun punt fokali għas-sħab Ukreni, kif ukoll ċentru ta’ koordinazzjoni u informazzjoni; jilqa’ l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa ta’ għadd ta’ Stati Membri tal-UE biex tiġi approfondita l-kooperazzjoni mal-Ukrajna fil-qasam tar-riċerka dwar id-difiża u fil-qasam tal-produzzjoni industrijali, u jappella li jsir użu ulterjuri tal-potenzjal innovattiv tal-Ukrajna fil-qasam tad-difiża biex tiżviluppa l-armi u l-munizzjon u taċċellera l-produzzjoni tagħhom f’kooperazzjoni mill-qrib mal-UE u ma’ sħab oħra tal-Punent, bl-użu tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ disponibbli; jistieden lill-industriji militari tal-Istati Membri jonoraw l-impenn tagħhom li jistabbilixxu produzzjoni militari fit-territorju Ukren; |
|
38. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet tat-tneħħija tal-mini fl-Ukrajna biex tiġi indirizzata l-preżenza mifruxa ta’ munizzjon u mini tal-art mhux sploduti, kif ukoll biex jitneħħew il-mini mill-ilmijiet tal-baħar tal-Ukrajna fil-Baħar l-Iswed; jesprimi ruħu favur l-allokazzjoni ta’ riżorsi ddedikati għall-appoġġ ta’ taħriġ komprensiv fit-tneħħija tal-mini, inklużi tekniki avvanzati ta’ detezzjoni u rimi; jinnota li kapaċità msaħħa għat-tneħħija tal-mini mhux biss se tiffaċilita operazzjonijiet militari aktar sikuri, iżda se tappoġġja wkoll l-irkupru u s-sikurezza taż-żoni ċivili affettwati mill-gwerra; |
Ngħaqqdu l-forzi biex inżidu l-kapaċitajiet ta’ difiża
|
39. |
Jilqa’ l-ambizzjoni spjegata fl-EDIS li jintlaħaq l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u li tingħata spinta lill-EDTIB; iqis li l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi programm għall-industrija tad-difiża Ewropea (EDIP) hija vitali f’dak ir-rigward; jappoġġja l-objettivi tat-tisħiħ tal-preparatezza tal-industrija tad-difiża tal-UE, it-titjib tal-ippjanar konġunt tad-difiża u l-iffaċilitar ulterjuri tal-akkwist konġunt mill-Istati Membri f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjan ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet (CDP) u l-oqsma għall-kooperazzjoni identifikati fir-rieżami annwali kkoordinat dwar id-difiża sabiex jiġu varati proġetti Ewropej fil-qasam tad-difiża ta’ interess komuni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kapaċitajiet strateġiċi, bħad-difiża tal-ajru u ta’ kontra l-missili, kif ukoll biex jiġu żgurati s-sigurtà tal-provvista u l-aċċess għall-materja prima kritika u biex jiġu pprevenuti l-iskarsezzi fil-produzzjoni fil-qasam tad-difiża; jappoġġja bil-qawwa l-idea li tintuża b’mod predominanti l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE fis-settur industrijali tad-difiża Ewropew, u jappoġġja l-miri kwantifikati konkreti għall-kooperazzjoni ppreżentati fl-EDIS, li jiffukaw b’mod partikolari fuq l-akkwist konġunt, b’mod speċifiku, li l-Istati Membri jiġu mistiedna jakkwistaw mill-inqas 40 % tat-tagħmir tad-difiża b’mod kollaborattiv sal-2030, biex jiġi żgurat li, sal-2030, il-valur tal-kummerċ fil-qasam tad-difiża intra-UE jkun jirrappreżenta mill-inqas 35 % tal-valur tas-suq tad-difiża tal-UE, u li jakkwistaw mill-inqas 50 % tal-investimenti tagħhom fid-difiża fl-UE sal-2030 u 60 % sal-2035; |
|
40. |
Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) għat-titjib u l-armonizzazzjoni tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-UE; jinnota għal darb’ oħra, b’dispjaċir, li l-Istati Membri qed ikomplu ma jużawx bis-sħiħ il-qafas tal-PESCO u li r-riżultati tanġibbli fi ħdan is-66 proġett li għaddejjin bħalissa għadhom limitati; jinnota wkoll b’dispjaċir in-nuqqas ta’ informazzjoni pprovduta lill-Parlament dwar ir-raġunijiet għall-għeluq ta’ sitt proġetti u r-riżultati possibbli tagħhom; jirrimarka li l-Istati Membri parteċipanti aċċettaw 20 impenn vinkolanti sabiex jissodisfaw l-ambizzjoni tal-UE fil-qasam tad-difiża; iqis li huwa meħtieġ li jitwettaq rieżami bir-reqqa tal-proġetti PESCO fir-rigward tar-riżultati u l-prospetti, bil-ħsieb li s-sett attwali ta’ proġetti jiġi ssimplifikat għal sett żgħir ta’ proġetti prijoritarji filwaqt li l-proġetti li ma jagħmlux progress biżżejjed jingħalqu; jissuġġerixxi li tiġi stabbilita skema ta’ prijorità fi ħdan il-PESCO sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv il-lakuni u l-prijoritajiet identifikati fil-kapaċitajiet; |
|
41. |
Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal EDIP; jinnota bi tħassib il-valutazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li l-pakkett finanzjarju tal-EDIP mhuwiex biżżejjed minħabba l-objettivi tiegħu, u għalhekk itenni t-talba tiegħu biex jiġi żgurat il-finanzjament meħtieġ għad-difiża; jisħaq li se jkunu meħtieġa sforzi baġitarji sostanzjali biex l-EDIP ikollu effett sinifikanti fuq l-appoġġ militari għall-Ukrajna, l-iżvilupp ta’ kapaċità tad-difiża ġenwina tal-UE u EDTIB kompetittiva; jilqa’ r-reviżjoni tal-2023 tas-CDP; jesprimi dispjaċir għall-progress limitat li sar fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet mill-ewwel CDP fl-2008; jistieden lill-Istati Membri jżidu b’mod sinifikanti l-isforzi konġunti biex jiksbu progress sostanzjali f’waqtu billi jagħmlu użu sħiħ u koerenti mill-istrumenti tal-UE, inklużi l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), il-PESCO u r-rieżami annwali kkoordinat dwar id-difiża, kif ukoll l-istrumenti mressqa fil-proposta tal-EDIP; |
|
42. |
Jilqa’ l-isforzi konġunti li saru s’issa biex jissaħħaħ l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-UE permezz ta’ miżuri li jsaħħu u jappoġġjaw l-adattament tal-EDTIB, b’mod partikolari permezz tar-regolamenti EDIRPA u ASAP, u jappella għall-implimentazzjoni rapida tagħhom; jiddispjaċih li l-pakkett finanzjarju tal-EDIRPA għadu limitat u jirrimarka li r-rwol tal-ASAP fir-rigward tal-ambizzjoni li l-Ukrajna tiġi pprovduta b’miljun biċċa ta’ munizzjon kien ristrett mill-oġġezzjoni tal-Kunsill għall-elementi regolatorji tiegħu; |
|
43. |
Jilqa’ l-isforzi u l-investimenti li saru s’issa mill-kumpaniji tal-EDTIB biex isaħħu l-kapaċità industrijali, inkluż bl-appoġġ tal-istrumenti tal-UE; jenfasizza li t-tisħiħ ulterjuri u dejjiemi tal-kapaċità tal-EDTIB jirrikjedi l-ewwel u qabel kollox ordnijiet mill-Istati Membri, li għandhom jitwettqu b’mod konġunt sabiex tiġi żgurata t-tħejjija tad-difiża tal-Unjoni, tittejjeb l-interoperabbiltà bejn il-forzi armati tal-Istati Membri u jinkisbu ekonomiji ta’ skala, u b’hekk isir l-aħjar użu mill-flus tal-kontribwenti tal-UE; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tal-akkwist konġunt f’konformità mal-lakuni fil-kapaċitajiet identifikati fl-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investiment fid-Difiża u l-prijoritajiet tal-kapaċità tas-CDP; jissottolinja li l-akkwist konġunt effettiv fir-rigward ta’ proġetti ta’ żvilupp, speċjalment fil-qafas tal-FEŻ, jirrikjedi definizzjoni konġunta tar-rekwiżiti militari tas-sistemi rispettivi sabiex jinkisbu ekonomiji ta’ skala adegwati; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tibbaża fuq l-għarfien espert tal-Kumitat Militari tal-UE biex tipproduċi din id-definizzjoni konġunta sabiex tiġi żgurata l-koerenza militari fil-livell industrijali; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom f’akkwist konġunt bil-għan li jistabbilixxu ktajjen tal-valur pan-Ewropej billi jiddistribwixxu l-produzzjoni madwar l-Unjoni u b’hekk iżidu l-attraenza ekonomika tal-akkwist konġunt, filwaqt li jinbnew duplikazzjonijiet strateġiċi (strategic redundancies) fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni biex ikun hemm reżiljenza akbar f’każ ta’ kunflitt armat; jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimmiraw għal tisħiħ ulterjuri tal-mekkaniżmi tal-akkwist konġunt u koordinazzjoni suffiċjenti mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; |
|
44. |
Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi appoġġjata aktar it-tranżizzjoni ta’ proġetti ta’ żvilupp għal soluzzjonijiet kummerċjabbli u jilqa’ d-dispożizzjoni fil-proposta tal-EDIP f’dak ir-rigward; jiddeplora d-duplikazzjoni mhux meħtieġa u mhux funzjonali tal-isforzi fir-rigward tal-proġetti dwar il-karru armat ewlieni futur u l-interċettur ipersoniku; jesprimi t-tħassib tiegħu li tali duplikazzjonijiet jikkontrobattu l-ambizzjoni stabbilita fl-EDIS li sal-2035 ikun hemm akkwist ta’ 60 % mill-EDTIB, peress li r-riżorsi mifruxa se jestendu ż-żmien meħtieġ biex jinkisbu soluzzjonijiet kummerċjabbli, u b’hekk x’aktarx iwasslu għal akkwist mill-Istati Uniti; jiddispjaċih, bl-istess mod, dwar id-dewmien li qed jiżdied fil-proġetti ta’ kapaċità essenzjali, b’mod partikolari l-proġett Franko-Ġermaniż dwar is-Sistema Ewlenija tal-Kumbattiment fuq l-Art u l-proġett Franko-Ġermaniż-Spanjol dwar is-Sistema Futura tal-Kumbattiment bl-Ajru, li jinvolvi wkoll ir-riskju tal-akkwist fil-ġejjieni ta’ soluzzjonijiet mill-Istati Uniti; jenfasizza li għandhom jintużaw is-sinerġiji kollha possibbli mal-FEŻ, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi; |
|
45. |
Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza tar-riżultati bejn il-proċessi rispettivi tal-ippjanar tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE u tan-NATO; jitlob li tittejjeb l-interoperabbiltà tat-tagħmir militari mill-Istati Membri tal-UE u mill-Alleati tan-NATO u li titrawwem il-kooperazzjoni industrijali billi jiġi żgurat li l-istandards legali futuri tal-UE għall-komponenti tal-prodotti tad-difiża u l-munizzjon ikunu bbażati fuq l-istandards tan-NATO; |
|
46. |
Jilqa’ l-proposta għal proġetti Ewropej għad-difiża ta’ interess komuni dwar l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet komuni li jmorru lil hinn mill-mezzi finanzjarji ta’ Stat Membru wieħed; jemmen li dawn il-proġetti għandhom jintużaw biex jappoġġjaw il-kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi li jirfdu l-prijoritajiet komuni ewlenin ta’ għadd ta’ Stati Membri, u f’oqsma bħall-protezzjoni tal-fruntieri esterni u d-difiża, b’mod partikolari fis-settur tal-art, u biex jingħata appoġġ lill-faċilitaturi strateġiċi, b’mod partikolari fl-ispazju u fid-difiża tal-ajru Ewropea, biex jaġixxu fuq l-ispettru kollu tat-theddidiet, biex tissaħħaħ il-mobbiltà militari, speċifikament it-trasport bl-ajru strateġiku u tattiku, id-DeepStrikes (l-attakki fil-profond), it-teknoloġiji tad-droni u ta’ kontra d-droni, il-missili u l-munizzjon, u l-intelliġenza artifiċjali, sabiex jiżviluppaw infrastruttura sovrana u faċilitaturi kritiċi; jenfasizza li, minħabba l-għadd kbir ta’ prijoritajiet u l-ħtieġa li jiġu mobilizzati riżorsi ġodda, il-pragmatiżmu jeħtieġ li jipprevali; iqis, f’dak ir-rigward, li l-UE għandha tiffoka, meta jkun possibbli, fuq teknoloġiji Ewropej ippruvati u disponibbli malajr, li jnaqqsu gradwalment id-dipendenzi tal-UE u jtejbu s-sigurtà tagħa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur pan-Ewropej fil-kooperazzjoni tad-difiża tal-UE billi jiġu inkorporati kumpaniji madwar l-UE u li tingħata spinta lill-kompetittività fis-settur b’mezzi differenti, bħall-fużjonijiet u l-impriżi ta’ eċċellenza; iqis, barra minn hekk, li minflok ma jiffukaw fuq redditu ġust, il-politiki tad-difiża tal-UE għandhom jinkoraġġixxu t-tkabbir taċ-ċentri ta’ eċċellenza tal-UE; |
|
47. |
Jenfasizza l-ħtieġa vitali li tingħeleb il-frammentazzjoni fl-isfera industrijali tad-difiża tal-UE u li finalment tinkiseb l-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-UE għall-prodotti tad-difiża, peress li l-istruttura attwali twassal għal duplikazzjonijiet bla bżonn u għall-multiplikazzjoni tal-ineffiċjenzi fl-investimenti fid-difiża u l-użu tagħhom, u xxekkel b’mod strutturali t-tisħiħ tal-istat ta’ tħejjija għad-difiża; jinsab imħasseb li s-suq intern għall-prodotti tad-difiża għadu kompromess mill-applikazzjoni mhux armonizzata biżżejjed tar-regoli tiegħu mill-Istati Membri u mill-użu sproporzjonat tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 346 tat-TFUE; japprova t-talba għall-ħolqien ta’ suq uniku reali għall-prodotti u s-servizzi tad-difiża, kif ippreżentat ukoll fir-rapport tas-Sur Niinistö; jenfasizza l-ħtieġa ta’ qafas regolatorju aġġornat u effettiv li jkun immirat biex inaqqas l-ostakli għad-dħul fis-suq tal-prodotti tad-difiża, biex jippermetti l-konsolidazzjoni industrijali tad-difiża tal-UE u li jippermetti lill-kumpaniji tal-UE jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tan-negozju, jinkoraġġixxi l-innovazzjoni u kooperazzjoni transfruntiera, ċivili u militari mkabbra u bla xkiel, jagħti spinta lill-produzzjoni, iżid is-sigurtà tal-provvista u jiżgura investimenti pubbliċi aktar intelliġenti u effiċjenti fl-EDTIB; jissottolinja, fl-istess ħin, l-importanza li tinżamm kompetizzjoni produttiva bejn kompetituri differenti u li jiġu evitati l-oligopolji li fihom fornituri individwali jkunu jistgħu jiddeterminaw liberament il-prezzijiet u d-disponibbiltà tal-prodotti tad-difiża; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tlesti s-suq intern tal-UE għad-difiża, b’mod partikolari abbażi ta’ valutazzjoni tar-regoli tal-UE relatati mal-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża u mat-trasferiment tal-prodotti tad-difiża, u tal-identifikazzjoni u tal-analiżi tal-limitazzjonijiet u tal-lakuni fil-qafas ġuridiku attwali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tagħmel suġġerimenti għal interpretazzjoni tal-Artikolu 346 tat-TFUE f’konformità mar-realtà attwali ta’ arkitettura tas-sigurtà interdipendenti fl-UE; jitlob li tittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà sensittiva (26) u d-Direttiva 2009/43/KE dwar trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża (27) (id-Direttiva dwar it-Trasferimenti), u fejn meħtieġ, fid-dawl tal-EDIS, biex jiġu ppreżentati proposti għar-reviżjoni ta’ dawn id-direttivi; |
|
48. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat sforz ibbilanċjat bejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali eżistenti fil-qasam tal-armamenti tal-Istati Membri fit-terminu qasir u medju u l-appoġġ favur ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-tagħmir militari u armamenti ġodda u innovattivi speċifiċi għall-bżonnijiet preżenti u futuri tal-forzi armati tal-Istati Membri u għall-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE, bħal dawk meħtieġa mill-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u l-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu (RDC) tal-UE; jenfasizza li għandha tingħata prijorità liż-żamma u t-tisħiħ tal-vantaġġ teknoloġiku permezz ta’ proġetti strateġiċi mmirati bħala element ewlieni ta’ deterrenza fir-rigward tal-avversarji u l-kompetituri tagħna; jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri kollha jiġu inklużi fl-istrateġiji tas-sigurtà u d-difiża, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp tal-industrija tad-difiża; |
|
49. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata politika effettiva dwar l-armamenti fil-livell tal-UE li tinkludi l-istabbiliment ta’ dimensjoni kummerċjali esterna effettiva u li tiffunzjona, li jkollha l-għan li tappoġġja lis-sħab li jiffaċċjaw theddid minn reġimi awtoritarji aggressivi, u tipprevjeni l-konsenji tal-armi lil reġimi aggressivi mhux demokratiċi f’konformità mat-tmien kriterji eżistenti tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħeleb l-interpretazzjoni dejqa ħafna u nazzjonali tal-Artikolu 346 tat-TFUE f’dan ir-rigward; |
|
50. |
Jisħaq li l-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali fis-settur tad-difiża għandha tkun limitata għal sħab tal-istess fehma u ma għandhiex tikser l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; ifakkar li d-dipendenzi fuq fornituri b’riskju kbir ta’ prodotti kritiċi u b’elementi diġitali joħolqu riskju strateġiku li għandu jiġi indirizzat fil-livell tal-Unjoni; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jirriflettu dwar kif inaqqsu dawn id-dipendenzi u jwettqu valutazzjoni u rieżami immedjati tal-investimenti Ċiniżi eżistenti fl-infrastruttura kritika, inklużi l-grilji tal-enerġija, in-network tat-trasport u s-sistemi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, biex jidentifikaw kwalunkwe vulnerabbiltà li jista’ jkollha impatt fuq is-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni; |
|
51. |
Jilqa’ r-reviżjoni tar-Regolament tal-UE dwar l-Investiment Dirett Barrani (IDB); jisħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-proċeduri ta’ skrinjar tal-IDB billi jiġu inkorporati standards ta’ diliġenza dovuta biex jiġu identifikati każijiet fejn il-gvernijiet tal-istati jħaddmu effett ta’ lieva fuq l-investituri fl-infrastruttura kritika tal-UE, bħall-portijiet Ewropej, u f’kejbils taħt il-baħar fil-Baħar Baltiku, fil-Mediterran u fl-ibħra Artiċi b’modi li jmorru kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, kif stabbilit fil-qafas tal-PESK skont it-Titolu V tat-TUE; jissottolinja li dan l-approċċ għandu jiġi applikat ukoll għall-pajjiżi kandidati; jemmen li hemm bżonn ta’ leġiżlazzjoni addizzjonali biex tiġi protetta b’mod effettiv is-sigurtà tal-katina tal-provvista tal-ICT Ewropea minn bejjiegħa ta’ riskji għoli u biex ikun hemm protezzjoni mis-serq tal-proprjetà intellettwali permezz taċ-ċiberteknoloġija; jappella għall-ħolqien ta’ qafas Ewropew li jkollu l-għan li jirregola mill-qrib u jistabbilixxi standards u kundizzjonijiet minimi għall-esportazzjoni ta’ proprjetà intellettwali u teknoloġiji li huma kritiċi għas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni, inkluż fost l-oħrajn, oġġetti b’użu doppju; |
Riċerka u żvilupp għat-teknoloġija u t-tagħmir tad-difiża
|
52. |
Jappoġġja żieda sinifikanti fl-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp tad-difiża, b’enfasi partikolari fuq inizjattivi kollaborattivi, u b’hekk jissaħħu t-tmexxija teknoloġika u l-kompetittività tal-UE fid-difiża u jiġi żgurat effett konsegwenzjali fis-suq ċivili; jinnota, f’dan ir-rigward, li fl-2022, l-Istati Membri investew madwar EUR 10,7 biljun fir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża; jissottolinja li l-avvanz teknoloġiku f’oqsma kritiċi – tal-ajru, fuq l-art, marittimi, spazjali u ċibernetiċi – jirrikjedi investiment stabbli fit-tul fl-Istati Membri kollha biex inżommu mar-ritmu tal-innovazzjoni rapida dinjija; |
|
53. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-istrumenti u l-finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp jintużaw bl-aktar mod effettiv possibbli sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fil-kapaċitajiet u jkun hemm rispons għall-prijoritajiet fil-ħin, kif stabbilit fl-Analiżi tad-Diskrepanza fl-Investiment fid-Difiża u fis-CDP; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallinjaw il-proġetti u l-finanzjament tal-FEŻ mal-ħtiġijiet ta’ kapaċità urġenti tal-UE u jipprijoritizzawhom fuq din il-bażi, u jiffukaw fuq l-aktar attivitajiet ta’ riċerka rilevanti u promettenti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tibda rieżami bir-reqqa tal-FEŻ bil-ħsieb ta’ strument finanzjarju ta’ segwitu rivedut għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw approċċ li jinkorpora impronta tal-enerġija, tal-karbonju u ambjentali baxxa skont id-disinn meta jimplimentaw il-fondi rilevanti tal-UE, u jirrapportaw regolarment dwar il-progress; ifakkar li l-azzjonijiet fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp jistgħu jiġu diretti lejn soluzzjonijiet biex tittejjeb l-effiċjenza, titnaqqas l-impronta tal-karbonju u jinkisbu l-aħjar prattiki sostenibbli; jilqa’ l-investiment rilevanti ta’ EUR 133 miljun previst fl-ewwel programm ta’ ħidma annwali, iżda jinnota li dan jirrappreżenta biss 11 % tal-baġit annwali ġenerali tal-FEŻ; ifakkar fir-rwol ta’ Next Generation EU fl-azzjoni dwar il-klima u jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi mill-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru tagħhom sabiex jinvestu fis-sostenibbiltà tal-infrastruttura militari tagħhom; |
Teknoloġiji b’użu doppju u teknoloġiji emerġenti u fixkiela
|
54. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat rwol aktar proattiv għall-UE fis-sostenn tal-investiment f’teknoloġiji b’użu doppju, li jista’ jiġi applikat kemm f’kuntesti ċivili kif ukoll militari, bħala mezz biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE kontra theddid ibridu u emerġenti; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi appoġġjat, b’mod partikolari, l-ittestjar ta’ prototipi ta’ prodotti ġodda u li ssir enfasi fuq teknoloġiji ġodda f’kooperazzjoni mill-qrib mal-atturi tad-difiża u teknoloġiċi Ukreni; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-vijabbiltà finanzjarja tal-kumpaniji, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li jinvestu f’tali innovazzjoni; huwa favur il-promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ċivili ta’ dawn it-teknoloġiji bħala mod kif jiġu estiżi l-opportunitajiet tas-suq u tissaħħaħ il-bażi industrijali Ewropea, filwaqt li jitrawmu sinerġiji bejn l-iżvilupp militari u ċivili; |
|
55. |
Jenfasizza r-rwol importanti li t-teknoloġiji fixkiela emerġenti, bħall-intelliġenza artifiċjali, il-computing kwantistiku, il-cloud computing u r-robotika, għandhom fid-difiża; jisħaq li l-iżvilupp u l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji fid-difiża jirrikjedu aktar investiment u sforzi ta’ riċerka kkoordinati mill-UE sabiex il-fornituri tat-tagħmir tad-difiża fl-UE jibqgħu fuq quddiem nett tal-innovazzjoni; jinnota li skont ir-Regolament attwali tal-FEŻ, biċ-ċikli twal ta’ implimentazzjoni tiegħu, ma jħallix lill-Kummissjoni tipprovdi finanzjament għal proġetti ta’ riċerka fil-ħin; jappella, għalhekk, għal approċċ aktar flessibbli u aktar rapidu għall-proġetti ta’ riċerka dwar teknoloġiji fixkiela emerġenti, li jirrifletti l-pass dejjem akbar tal-iżviluppi f’dan il-qasam, li jibni fuq il-ħidma taċ-Ċentru Ewropew ta’ Innovazzjoni fid-Difiża tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u li jibbaża fuq il-ħidma tal-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Proġetti ta’ Riċerka Avvanzata għad-Difiża; jistieden ukoll lill-UE taqdi rwol ewlieni fil-promozzjoni tar-riċerka dwar l-applikazzjonijiet militari tal-intelliġenza artifiċjali u fl-istabbiliment ta’ oqfsa ta’ governanza għall-iżvilupp u l-użu responsabbli ta’ din it-teknoloġija; |
|
56. |
Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex taqsam mal-Parlament analiżi dettaljata tar-riskji marbuta mal-użu ħażin, mill-avversarji tagħna, ta’ teknoloġiji bħas-semikondutturi, il-computing kwantistiku, il-blockchains, l-ispazju, l-intelliġenza artifiċjali u l-bijoteknoloġiji, inkluża l-ġenomika, kif ukoll il-lista ta’ azzjonijiet proposti tal-UE f’dawn l-oqsma, f’konformità mal-istrateġija tas-sigurtà ekonomika tal-UE; jinsab imħasseb dwar ir-rwol tal-kumpaniji Ċiniżi marbuta mal-militar fil-ġbir tad-data ġenetika taċ-ċittadini tal-UE; |
|
57. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi pakkett tal-UE dwar id-droni, li jiffoka fuq sistemi tad-droni u ta’ kontra d-droni u kapaċitajiet awżiljarji, li jkun fih pjanijiet u fondi biex jiġu stimulati r-riċerka u l-iżvilupp, li jieħu t-tagħlimiet mill-esperjenza tal-Ukrajna, u jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-kumpaniji innovattivi ħafna tal-Ukrajna, kif ukoll programm industrijali ddedikat għall-iżvilupp konġunt, il-produzzjoni u l-akkwist ta’ sistemi tad-droni u ta’ kontra d-droni, u regolament dwar l-użu tad-droni f’kuntesti ċivili u militari; |
SMEs fil-qasam tad-difiża
|
58. |
Itenni li l-SMEs li jaħdmu fil-qasam tad-difiża fl-Unjoni kollha huma s-sinsla tal-industrija tad-difiża u tal-ktajjen tal-provvista Ewropej u huma kruċjali għall-innovazzjoni f’dawn l-oqsma, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ lill-SMEs u lin-negozji ġodda, b’mod partikolari, fis-settur tad-difiża u tal-użu doppju; jisħaq li l-EDIS u l-EDIP iridu jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha tal-industrija tad-difiża madwar l-Unjoni u jippromwovu l-kooperazzjoni bejn kumpaniji akbar u iżgħar mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jiżguraw li l-industrija ma tkunx iddominata minn xi kumpaniji kbar minn għadd limitat ta’ Stati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu opportunitajiet speċjali għall-SMEs fis-settur tad-difiża Ewropew biex jipparteċipaw fil-proċess tal-offerti permezz ta’ miżuri bħall-ħolqien ta’ lista approvata minn qabel ta’ kumpaniji biex jiġi ffaċilitat proċess ta’ involviment aktar rapidu, l-introduzzjoni ta’ ditti ta’ ekwità privata li jinvestu fl-SMEs fil-proċess tal-akkwist, l-assistenza lit-tkabbir tal-SMEs permezz ta’ inkubazzjoni u investiment kapitali, it-tnaqqis tal-kumplessitajiet tal-offerti għall-kuntratti, u l-implimentazzjoni ta’ miżuri interni għar-riforma tal-ammont ta’ żmien meħud biex jiġu pproċessati d-dettalji tal-kuntratti; |
Mobbiltà militari
|
59. |
Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata, miżmuma u protetta l-infrastruttura meħtieġa biex tiġi żgurata l-mobbiltà militari rapida u effiċjenti tal-forzi armati tagħna madwar l-Istati Membri; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żgurata r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika li tippermetti l-mobbiltà militari u l-forniment ta’ servizzi essenzjali; jirrikonoxxi li l-loġistika militari tista’ tikkontribwixxi għad-deterrenza billi tindika t-tħejjija militari ġenerali tal-UE; jantiċipa li dawn il-punti se jkunu riflessi b’mod ċar fil-komunikazzjoni konġunta mħabbra ta’ Ġunju 2025 dwar il-Mobbiltà Militari; |
|
60. |
Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jissaħħu u li jsir investiment sostanzjali fil-mobbiltà militari, filwaqt li jingħata prijorità lill-investimenti u jitneħħew l-ostakli u l-konnessjonijiet neqsin; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq l-importanza li l-proġetti u l-miżuri regolatorji jiġu implimentati malajr f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Mobbiltà Militari 2.0; jappoġġja l-investimenti strateġiċi l-ġodda fl-infrastruttura ċivili u militari, bħall-portijiet, l-ajruporti u l-awtostradi, li se jippermettu wkoll it-trasferiment bla xkiel ta’ unitajiet u provvisti militari, inklużi forzi ta’ reazzjoni rapida, tagħmir tqil, merkanzija u għajnuna umanitarja; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-QEA tal-2025 dwar il-Mobbiltà Militari u tagħti importanza akbar lill-valutazzjoni militari matul il-proċess tal-għażla għall-proġetti b’użu doppju (28); |
|
61. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ integrat għall-mobbiltà u l-loġistika militari li jiżgura li l-wegħda tal-Kunsill li jneħħi l-ostakli kollha li fadal sal-2026 tiġi rispettata, u li jikkoinċidi ma’ investiment ħafna ogħla tal-UE fl-aspetti ewlenin tal-mobbiltà militari; jitlob ukoll li jiġi żgurat il-finanzjament xieraq tal-UE għall-proġetti ta’ mobbiltà militari li għaddejjin u meħtieġa fil-QFP li jmiss; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jieħdu azzjoni biex jissimplifikaw u jarmonizzaw il-proċeduri għall-mobbiltà militari u jqassru ż-żmien għall-għoti ta’ permessi biex l-Istati Membri tal-UE jkunu jistgħu jaġixxu aktar malajr u jżidu l-effiċjenza tar-rispons tagħhom, f’konformità mal-ħtiġijiet u r-responsabbiltajiet tad-difiża tagħhom, kemm fil-kuntest tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, kif ukoll f’attivitajiet nazzjonali u multinazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-ftehim PESCO ma’ pajjiżi terzi dwar il-mobbiltà militari bħala mudell għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab, b’enfasi fuq it-tfassil tal-proġetti tal-PESCO għall-ħtiġijiet tal-missjonijiet tal-PSDK; |
|
62. |
Japprezza l-isforzi tal-pajjiżi li jmissu mal-Ukrajna biex jipprovdu assistenza militari lill-Ukrajna b’mod sigur u effiċjenti; jinnota li l-esperjenza u l-potenzjal tal-mobbiltà militari tal-Polonja, inkluż il-Port tal-Komunikazzjoni Ċentrali ppjanat, huma essenzjali għas-sigurtà tax-xaqliba tal-Lvant kollha kemm hi; |
Boxxla Strateġika aġġornata: promozzjoni ta’ viżjoni strateġika u koerenza komuni, u titjib tal-proċess deċiżjonali tal-UE fil-kwistjonijiet ta’ difiża fil-qafas istituzzjonali tal-UE
Boxxla Strateġika
|
63. |
Jisħaq li l-iżviluppi u t-theddidiet ġeopolitiċi komplew jevolvu malajr minn mindu l-Istati Membri adottaw il-Boxxla Strateġika f’Marzu 2022; jitlob, għalhekk, rieżami tal-valutazzjoni konġunta komprensiva tat-theddidiet minquxa fil-Boxxla Strateġika, li minnha għandhom jiġu derivati l-prijoritajiet għall-azzjoni tal-UE; jemmen li dan l-eżerċizzju ta’ rieżami għandu jservi biex jiddefinixxi fehmiet komuni dwar lakuni fil-kapaċità madwar l-Ewropa kollha, li għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ programmi, fondi, proġetti u strumenti bilaterali, multinazzjonali jew fil-livell tal-UE, u jistabbilixxi l-perjodu ta’ żmien li fih dan għandu jsir; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jippreżentaw miżuri aġġornati għall-Boxxla Strateġika wara dan l-eżerċizzju ta’ rieżami, jekk ikun meħtieġ, u li dan l-eżerċizzju jinforma t-tħejjija tal-white paper dwar il-futur tad-difiża Ewropea; itenni li l-għanijiet u l-istadji importanti ambizzjużi tal-Boxxla Strateġika jistgħu jintlaħqu biss b’rieda politika u b’azzjoni korrispondenti f’isem l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ koerenza u kompatibbiltà bejn il-Boxxla Strateġika u l-Kunċett Strateġiku tan-NATO; |
|
64. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżguraw li l-Pjan Direzzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża jiġi implimentat bis-sħiħ u jittejjeb fil-kuntest ta’ miżuri aġġornati skont il-Boxxla Strateġika; jitlob li l-perjodi ta’ żmien għar-rieżami tal-Pjan Direzzjonali jiġu kkunsidrati mill-ġdid u, b’mod partikolari, li l-objettivi ġenerali jiġu rieżaminati ferm qabel l-2030; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali b’appoġġ għall-objettivi; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tipproponi lill-Istati Membri programm ta’ azzjoni magħmul minn azzjonijiet ta’ prijorità ppreżentati fil-Pjan Direzzjonali li jistgħu jiġu implimentati fi żmien qasir; |
Governanza fil-qasam tad-difiża: il-konsolidament tal-qafas istituzzjonali u tal-proċess deċiżjonali fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà
|
65. |
Jissuġġerixxi li l-Kunsill jirrieżamina l-oqfsa istituzzjonali tal-organi deċiżjonali tiegħu li huma kompetenti għad-difiża u s-sigurtà, u jikkunsidra li jwaqqaf organu deċiżjonali permanenti ġdid magħmul mill-ministri għad-difiża tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għad-distribuzzjoni rispettiva tal-kompetenzi fi ħdan il-ministeri nazzjonali f’dan ir-rigward; |
|
66. |
Jenfasizza li l-kooperazzjoni effettiva fil-livell tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża u reazzjonijiet rapidi u kkoordinati għall-isfidi tas-sigurtà jeħtieġu koerenza bejn l-istrutturi differenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, jiġu ggarantiti investimenti pubbliċi effiċjenti, jiġu indirizzati l-lakuni fil-kapaċitajiet kritiċi u jiġu żviluppati strateġiji ta’ sigurtà koerenti fir-rigward tas-sħab, tal-pajjiżi terzi u ta’ diversi reġjuni tad-dinja, kemm fil-proċessi tat-tfassil tal-politika kif ukoll fl-inizjattivi attwali u futuri; jinnota d-diviżjoni mhux ċara tal-portafolli u t-trikkib potenzjali tal-kompetenzi fost il-kummissarji fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża wara l-ħolqien tal-pożizzjoni ta’ Kummissarju għad-Difiża u l-Ispazju, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiddelinja b’mod ċar il-kompetenzi tal-kummissarji f’dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami intern tad-diversi strutturi tagħha, inkluż id-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju (DĠ DEFIS) u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, u tal-mandati tagħhom, sabiex tiżgura l-komplementarjetà u l-amministrazzjoni effiċjenti tal-inizjattivi attwali u futuri fl-ambitu tal-PSDK; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiddedikaw aktar riżorsi finanzjarji u umani lis-SEAE biex jiżguraw li dan ikun jista’ jwettaq b’mod effettiv ir-rwol tiegħu bħala s-servizz diplomatiku tal-UE fid-dawl tal-kuntest ġeopolitiku kompetittiv ħafna u d-domandi akbar fuq il-kapaċitajiet limitati tiegħu f’dawn l-aħħar snin; |
|
67. |
Jafferma mill-ġdid li, sabiex issir attur ġeopolitiku kredibbli, l-UE għandha tirriforma l-proċess tagħha għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-PESK/PSDK u jissottolinja, f’dan ir-rigward, li għandhom jiġu kkunsidrati riflessjonijiet istituzzjonali dwar it-tneħħija tar-rekwiżit tal-unanimità f’dan il-proċess; ifakkar li l-qafas tat-Trattat tal-UE diġà jippermetti għadd ta’ forom istituzzjonali differenti ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-politika estera, ta’ sigurtà u ta’ difiża u jinnota b’dispjaċir li l-potenzjal għal azzjoni rapida f’dan il-qasam, kif previst fil-“klawżoli passerelle” tat-TUE, intuża biss b’mod limitat ħafna; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-possibilitajiet kollha biex isaħħaħ u japprofondixxi l-proċess tiegħu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-PESK/PSDK bil-għan li jintlaħaq il-potenzjal mhux sfruttat fi ħdan it-Trattati; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex gradwalment jaqleb għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għad-deċiżjonijiet dwar il-PESK u l-PSDK, tal-anqas f’dawk l-oqsma li ma għandhomx implikazzjonijiet militari; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-Kunsill ifittex li jagħmel użu sħiħ mill-klawżoli “passerelle” u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-artikoli li jsaħħu s-solidarjetà u l-assistenza reċiproka tal-UE f’każ ta’ kriżijiet; |
|
68. |
Itenni b’saħħa l-appell tiegħu biex tissaħħaħ il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija tal-UE (MPCC) u biex jinkiseb l-istat ta’ tħejjija operattiv sħiħ tagħha, anki permezz tal-forniment ta’ binjiet, persunal, kmand u kontroll imsaħħa u sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni effikaċi għall-missjonijiet u għall-operazzjonijiet tal-PSDK kollha; jisħaq fuq il-ħtieġa li jinkisbu riżultati f’waqthom fir-rigward tal-MPCC, minħabba l-ambizzjoni tal-Boxxla Strateġika li l-MPCC għandha tiffunzjona bħala l-istruttura ta’ kmand u kontroll preferuta tal-UE u tkun kapaċi tippjana u twettaq il-missjonijiet militari mhux eżekuttivi kollha u żewġ operazzjonijiet eżekuttivi fuq skala żgħira jew waħda fuq skala medja, kif ukoll eżerċizzji reali; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-MPCC tiffaċilita s-sinerġiji bejn l-istrumenti ċivili u militari u jappella li, għaż-żmien fit-tul u fuq livell Ewropew, jitwaqqfu kwartieri ċivili-militari konġunti li jikkombinaw l-istrumenti ċivili u militari, sabiex isir użu sħiħ mill-approċċ integrat tal-UE fil-ġestjoni tal-kriżijiet, mill-ippjanar strateġiku sat-twettiq effettiv tal-missjoni jew tal-operazzjoni; huwa tal-fehma li l-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) tal-UE għandha tikkunsidra kif tipproteġi forza skjerata kontra theddidiet ibridi multipli u twettaq operazzjonijiet avvanzati f’livell ferm ogħla ta’ riskju milli fil-kuntesti attwali; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-MPCC, lis-CPCC, lill-Kumitat Militari tal-UE u lill-Persunal Militari tal-UE jrawmu kultura ġdida ta’ fehim bejn is-sħab ċivili u militari, jiżviluppaw kooperazzjoni bejn l-aġenziji u jiżguraw it-trasferiment tal-aħjar prattiki fl-ippjanar tal-missjonijiet u l-kunċetti assoċjati, inkluż billi jiżviluppaw mudell għall-ġenerazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; |
|
69. |
Itenni l-appoġġ totali tiegħu għall-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu (RDC) biex tikseb kapaċità operattiva sħiħa sa mhux aktar tard mill-ewwel nofs tal-2025, b’tal-anqas 5 000 truppa disponibbli għal kompiti ta’ salvataġġ u evakwazzjoni, operazzjonijiet ta’ dħul inizjali u ta’ stabbilizzazzjoni jew ir-rinforz temporanju tal-missjonijiet; jinnota li l-Gruppi Tattiċi tal-UE, li qatt ma ġew skjerati minkejja li ilhom operattivi mill-2007, se jkunu parti integrali mill-qafas usa’ tal-RDC tal-UE; jilqa’ l-ippjanar u t-twettiq ta’ eżerċizzji reali fil-qafas tal-RDC u jinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni ta’ inizjattivi bħal dawn; |
|
70. |
Iqis li l-RDC hija element ewlieni għall-kisba tal-livell ta’ ambizzjoni tal-UE u jemmen li truppi u elementi ta’ forza addizzjonali għandhom gradwalment jiġu assenjati lilha, b’referenza għall-Objettiv Primarju ta’ Ħelsinki tal-1999; jemmen li jkun jagħmel sens li l-proċess tal-White Paper jintuża biex titnieda diskussjoni dwar il-ħolqien ta’ unitajiet militari multinazzjonali u permanenti addizzjonali tal-UE li jistgħu jwettqu kompiti komplementari għall-RDC; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar involviment man-NATO dwar l-istabbiliment tal-RDC, f’konformità mal-prinċipju tas-sett uniku ta’ forzi; |
|
71. |
Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 44 tat-TUE matul l-operazzjonalizzazzjoni tal-RDC, kif ukoll f’missjonijiet oħra tal-PSDK, sabiex grupp ta’ Stati Membri disposti u kapaċi jkunu jistgħu jippjanaw u jwettqu missjoni jew operazzjoni fil-qafas tal-UE, biex b’hekk jiffaċilitaw l-attivazzjoni malajr tal-RDC; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom fi zmien xieraq li jnaqqsu sostanzjalment id-diskrepanzi kritiċi fil-faċilitaturi strateġiċi, b’mod partikolari dawk marbuta mal-RDC, bħat-trasport bl-ajru strateġiku, is-sistemi ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni siguri, l-assi mediċi, il-kapaċitajiet ta’ difiża ċibernetika u l-intelliġenza u r-rikonjizzjoni; jistieden lill-Kummissarju għad-Difiża u l-Ispazju jikkunsidra li jinkludi, fil-proposti tiegħu ta’ proġetti Ewropej ta’ difiża ta’ interess komuni, inizjattivi mmirati biex jipprovdu l-faċilitaturi strateġiċi meħtieġa li jiffaċilitaw il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u l-RDC; |
Żieda fir-riżorsi ddedikati għall-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni
|
72. |
Jinsisti li l-ħtiġijiet urġenti ma jistgħux jistennew il-QFP li jmiss; jinsisti li jridu jiġu esplorati mingħajr dewmien soluzzjonijiet innovattivi biex jinstab finanzjament addizzjonali, bħall-investiment fis-settur tad-difiża, li jsir aktar faċli u aktar rapidu li l-fondi jiġu adattati mill-ġdid minn proġett għal ieħor, u li tiġi esplorata l-possibbiltà li l-kriterji ta’ finanzjament tal-UE jiġu aġġustati biex tingħata prominenza ġdida lill-kriterji tas-sigurtà fl-allokazzjoni tal-infiq; |
|
73. |
Jilqa’ ż-żieda fil-baġits u fl-investimenti fil-qasam tad-difiża min-naħa tal-Istati Membri kif ukoll iż-żieda, għad li ċkejkna, fil-baġit tal-UE għall-PSDK fl-2024; jemmen bis-sħiħ li, fid-dawl tat-theddidiet għas-sigurtà mingħajr preċedent, l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jilħqu b’mod urġenti livell ta’ nfiq għad-difiża, bħala proporzjon tal-PDG tagħhom, li huwa ferm ogħla mill-mira attwali tan-NATO ta’ 2 %; jirrikonoxxi li 23 mit-32 Alleat tan-NATO, inklużi 16-il pajjiż li huma membri kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO, kienu mistennija li jissodisfaw il-mira ta’ nfiq tan-NATO li jiddedikaw 2 % tal-PDG tagħhom għan-nefqa fuq id-difiża sa tmiem l-2024; jirrimarka li dan żdied b’sitt darbiet mill-2014, meta ttieħed l-impenn għal din il-mira; jinnota li l-baġit attwali tal-UE għas-sigurtà u d-difiża minħabba t-taqlib ġeopolitiku attwali u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, mhuwiex ugwali għall-isfidi li jridu jiġu indirizzati fuq terminu qasir u twil; jirrakkomanda, fid-dawl tal-ħtieġa stmata ta’ EUR 500 biljun ta’ investiment fid-difiża sal-2035 u abbażi ta’ analiżi kontinwa tal-ħtiġijiet u l-lakuni fil-kapaċitajiet, li l-Istati Membri jkomplu jżidu l-investimenti fid-difiża, b’mod partikolari għall-akkwist konġunt tal-kapaċitajiet tad-difiża, u jappoġġja bis-sħiħ il-miri stabbiliti fl-ambitu tal-EDIS f’dan ir-rigward; |
|
74. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew diskussjoni miftuħa abbażi, fost affarijiet oħra, tar-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fir-rapporti mis-Sur Draghi u s-Sur Niinistö, inkluż li jiżdiedu r-riżorsi allokati għas-sigurtà u d-difiża fil-QFP li jmiss u li jiġu esplorati l-għażliet ta’ finanzjament effettivi kollha għal dan l-għan, u l-ippuljar ta’ partijiet mill-baġits tad-difiża nazzjonali fil-livell tal-UE sabiex jiġu ġġenerati ekonomiji ta’ skala; jistieden ukoll lill-Istati Membri jemendaw il-proċess ta’ finanzjament tal-EPF bil-għan li jiżguraw appoġġ adegwat u sostenibbli għas-sħab u għall-alleati u, fl-istess ħin, jallinjaw mal-missjonijiet u mal-operazzjonijiet tal-PSDK; jitlob li titfassal strateġija bil-għan li jinħolqu ċentri ta’ eċċellenza f’reġjuni differenti tal-UE, mingħajr ma tiġi dduplikata l-ħidma tan-NATO f’dawn l-oqsma, sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha, filwaqt li jiġi żgurat li l-kapaċitajiet u l-għarfien speċjalizzat ta’ kull Stat Membru jikkontribwixxu għal bażi industrijali tad-difiża aktar koeżiva u integrata; |
|
75. |
Jilqa’ l-istrument finanzjarju l-ġdid ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li ż-żieda fl-investiment fil-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ewropa tirrispetta l-kunċett ta’ “ixtri aktar, ixtri aħjar, ixtri flimkien, ixtri Ewropew”; jiddispjaċih dwar l-użu tal-Artikolu 122 u n-nuqqas konsegwenti ta’ involviment tal-Parlament fl-approvazzjoni ta’ dan l-istrument; |
|
76. |
Jilqa’ l-istrateġija tal-Unjoni għat-tfaddil u l-investimenti, u jesprimi l-aspettattiva tiegħu li se tagħmilha aktar faċli li t-tfaddil privat jiġi mobilizzat lejn swieq kapitali aktar effiċjenti u li l-investiment jiġi dirett lejn is-settur tad-difiża; |
|
77. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw l-istabbiliment ta’ bank tad-difiża, is-sigurtà u r-reżiljenza biex iservi ta’ istituzzjoni multilaterali ta’ self imfassla biex tipprovdi self fit-tul b’imgħax baxx li jista’ jappoġġja l-prijoritajiet ewlenin tas-sigurtà nazzjonali bħar-riarmament, il-modernizzazzjoni tad-difiża, l-isforzi tal-bini mill-ġdid fl-Ukrajna u x-xiri lura tal-infrastruttura kritika li bħalissa hija kkontrollata minn pajjiżi ostili mhux tal-UE; |
|
78. |
Ifakkar li l-objettivi tal-UE ta’ solidarjetà, koeżjoni u konverġenza japplikaw ukoll għad-difiża; jenfasizza li l-mezzi finanzjarji meħtieġa biex nibnu mill-ġdid u nespandu l-kapaċitajiet ta’ difiża tagħna fid-deċennju li ġej se jkollhom impatt sinifikanti fuq is-solidità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, u għalhekk jirrikjedu kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-livell tal-UE permezz ta’ politika ekonomika tad-difiża ġenwina; jissottolinja li ż-żidiet fl-investiment fid-difiża ma għandhomx jikkompetu ma’ prijoritajiet oħra ta’ investiment, inkluża l-koeżjoni soċjali; ifakkar ukoll li l-orjentazzjonijiet ta’ finanzjament għandhom ikunu ankrati f’approċċ tas-soċjetà kollha għar-reżiljenza u għalhekk jeħtieġ li jiġu appoġġati b’mod wiesa’ miċ-ċittadini Ewropej, u li dan l-appoġġ jeħtieġ li jkun sostenibbli fit-tul; jenfasizza li l-piż finanzjarju għandu għalhekk jinqasam b’mod ġust, speċjalment minn kumpaniji profittabbli li diġà jibbenefikaw minn parteċipazzjoni pubblika jew għajnuniet mill-Istat; jenfasizza, barra minn hekk, li l-infiq pubbliku għandu jiġi kkomplementat minn żieda fil-finanzjament privat; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar toroq fiskali possibbli li jippermettu distribuzzjoni aktar ġusta tal-piż finanzjarju u jillimitaw id-disturbi fil-kompetizzjoni fl-EDTIB ikkawżati minn għajnuniet mill-Istat u proċessi ta’ sejħiet għall-offerti li jfixklu s-suq; |
|
79. |
Jitlob li l-QFP li jmiss jipprovdi ġenwinament il-mezzi għal unjoni tad-difiża; jappoġġja proposti biex jiġi pprovdut investiment finanzjarju massiv tal-UE fid-difiża Ewropea u biex jiġu stimulati r-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika, kif ukoll il-proġetti b’użu doppju fl-industrija tad-difiża Ewropea, u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tagħha u jiġu promossi avvanzi li jikkontribwixxu kemm għas-sigurtà kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli; jissottolinja li l-investiment fid-difiża mill-baġit tal-UE għandu jikkomplementa biss, iżda mhux jissostitwixxi, l-isforzi finanzjarji mill-Istati Membri, speċjalment fir-rigward tal-ambizzjoni tal-pajjiżi li huma membri kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO li jinvestu 2 % tal-PDG tagħhom fid-difiża; jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw il-valutazzjoni mill-ġdid tal-ambitu u d-definizzjoni tal-ispejjeż komuni biex itejbu s-solidarjetà u jistimulaw il-parteċipazzjoni f’missjonijiet u f’operazzjonijiet militari tal-PSDK, u tal-ispejjeż relatati mal-eżerċizzji, f’konformità mal-Boxxla Strateġika; |
|
80. |
Jistieden lill-Kummissjoni tidħol għal dejn komuni sabiex tagħti lill-Unjoni l-kapaċità fiskali li tissellef f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali u ta’ kriżi, preżenti u futuri, filwaqt li jitqiesu l-esperjenza u t-tagħlimiet meħuda minn NextGenerationEU, peress li issa qed ngħixu ħtieġa urġenti li tingħata spinta lis-sigurtà u lid-difiża biex jiġu protetti ċ-ċittadini tal-UE, terġa’ tinġieb id-deterrenza u jiġu appoġġjati l-alleati tal-UE, l-ewwel u qabel kollox l-Ukrajna; jenfasizza li l-piż ta’ tali azzjoni jrid jinqasam b’mod ġust; |
|
81. |
Jitlob li l-QFP li jmiss jipprovdi aktar appoġġ finanzjarju biex tiġi żgurata l-provvista f’waqtha ta’ prodotti tad-difiża permezz tal-akkwist konġunt, il-koordinazzjoni industrijali, il-kumulazzjoni ta’ riżerva, l-appoġġ għall-SMEs u l-espansjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni; jenfasizza li dan il-finanzjament għandu jagħti prijorità b’mod partikolari lill-Istati Membri bi fruntiera mal-Ukrajna biex itejbu l-protezzjoni tagħha, kif ukoll lill-Istati Membri li jiffaċċjaw riskju għoli ta’ theddid militari konvenzjonali, bħal dawk bi fruntiera mar-Russja u mal-Belarussja; |
|
82. |
Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ finanzjament privat tant meħtieġ għall-EDTIB, b’mod partikolari għall-SMEs, li jista’ jirriżulta minn nuqqas ta’ kuntratti tal-gvern fit-tul jew minn interpretazzjoni ristretta żżejjed tal-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza; jilqa’, għalhekk, il-kjarifika pprovduta mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fl-14 ta’ Mejju 2024 li tgħid li huma biss il-kumpaniji involuti f’armi pprojbiti skont il-liġi internazzjonali li huma awtomatikament esklużi mill-aċċess għall-fondi; jilqa’ l-proposti li saru fir-rapport tas-Sur Niinistö biex tiġi evitata l-frammentazzjoni fl-infiq għad-difiża, jiġu kkombinati l-flussi ta’ finanzjament rilevanti u jiġi stimulat aktar investiment mis-settur privat; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-rakkomandazzjonijiet u tressaq proposti konkreti; jenfasizza l-ħtieġa li l-industrija tad-difiża tikseb aċċess aħjar għas-swieq kapitali; |
Politika ta’ self tal-BEI għas-settur tad-difiża
|
83. |
Jisħaq fuq l-importanza, għas-settur tad-difiża, li jkollu aċċess għas-self ipprovdut mill-BEI bħala katalist għall-investiment privat fl-industrija tad-difiża Ewropea; jilqa’ l-estensjoni ulterjuri tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-BEI għal oġġetti b’użu doppju u jistieden lill-BEI jieħu miżuri ulterjuri f’dan ir-rigward; jenfasizza li, b’kont meħud tal-objettiv tal-BEI li jippromwovi l-iżvilupp tal-UE u jappoġġja l-politiki tiegħu, b’mod partikolari l-politika ta’ difiża u t-tisħiħ tal-EDTIB, f’konformità mal-Artikolu 309 tat-TFUE, il-BEI għandu jkompli jirrieżamina l-politika ta’ self tiegħu u jadattaha kontinwament; jistieden lill-BEI jwettaq rieżami tal-impatt tal-estensjoni tal-politika tiegħu dwar l-oġġetti b’użu doppju u jirriforma l-lista ta’ eliġibbiltà tiegħu kif xieraq sabiex il-munizzjon u t-tagħmir militari li jmorru lil hinn mill-applikazzjoni b’użu doppju ma jibqgħux esklużi mill-finanzjament tal-BEI; jilqa’ l-Inizjattiva Strateġika għas-Sigurtà Ewropea tal-2022 tal-BEI li għandha l-għan li tappoġġja r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni b’użu doppju, l-infrastruttura tas-sigurtà u l-proġetti teknoloġiċi ffukati fuq iċ-ċibersigurtà, l-Ispazju Ġdid, l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġiji kwantistiċi; |
Kontribut aktar effikaċi għas-sigurtà fid-dinja permezz tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tal-UE u tisħiħ tar-rwol tal-UE bħala attur fil-qasam tas-sigurtà
Tnaqqis tat-tensjonijiet, prevenzjoni tal-gwerer u appoġġ għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti
|
84. |
Jesprimi t-tħassib qawwi u l-kundanna tiegħu għall-appoġġ taċ-Ċina lir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni ta’ din tal-aħħar kontra l-Ukrajna, b’mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni mal-bażi industrijali u teknoloġika militari tar-Russja, l-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju lejn ir-Russja, u l-involviment kontinwat tal-kumpaniji bbażati fiċ-Ċina fl-evażjoni u fiċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jesprimi, f’dan ir-rigward, tħassib serju dwar rapporti reċenti li jiddikjaraw li ċ-Ċina qed tipproduċi droni ta’ attakk fuq distanza twila għall-użu mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, u jitlob li jekk iċ-Ċina tkompli tappoġġa l-isforzi ta’ armament tar-Russja, dan irid ikollu konsegwenzi serji għall-politika esterna tal-UE lejn iċ-Ċina; jiddeplora s-sħubija “bla limiti” bejn ir-Russja u ċ-Ċina u jesprimi tħassib serju dwar l-impenn imġedded miċ-Ċina u r-Russja biex ikomplu jsaħħu r-rabtiet tagħhom; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi sanzjonijiet fuq kumpaniji Ċiniżi talli appoġġjaw il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna; |
|
85. |
Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda fl-investimenti taċ-Ċina fil-kapaċitajiet militari u l-militarizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tagħha biex issaħħaħ l-industrija tagħha filwaqt li tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet politiċi u ekonomiċi maħluqa mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jinsab imħasseb ħafna wkoll dwar l-effett li d-dipendenzi Ewropej fuq iċ-Ċina għandhom fuq il-kredibbiltà tal-kapaċità tal-Istati Membri li jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali tagħhom u tal-kapaċità tal-UE kollha kemm hi li tikkritika u tiġġieled b’mod effettiv il-koerċizzjoni ekonomika taċ-Ċina, l-eskalazzjoni ulterjuri possibbli mat-Tajwan u l-appoġġ għar-Russja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b’mod serju politika ta’ “tneħħija tar-riskji” bil-għan li jimmaniġġjaw ir-riskji li jirriżultaw mill-impenn ekonomiku u teknoloġiku maċ-Ċina; jitlob, f’dan ir-rigward, li jiġu indirizzati r-riskji maħluqa mill-fornituri Ċiniżi fl-infrastruttura kritika tal-UE, u li l-ebda fond jew sussidju tal-UE ma jiġi dirett lejn l-avvanz tal-pożizzjoni ta’ dawn il-fornituri fl-Ewropa; |
|
86. |
Jikkundanna bil-qawwa l-eżerċizzji militari mhux ġustifikati taċ-Ċina tal-14 ta’ Ottubru 2024 madwar it-Tajwan; jikkundanna wkoll l-għadd dejjem akbar ta’ atti ostili li qed tagħmel iċ-Ċina fil-konfront tat-Tajwan, fosthom attakki ċibernetiċi, kampanji ta’ influwenza, id-dħul ta’ ajruplani tal-gwerra Ċiniżi fiż-Żona ta’ Identifikazzjoni tad-Difiża tal-Ajru tat-Tajwan u l-qtugħ ta’ kejbils sottomarini; jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu li jippreserva l-istatus quo fl-Istrett tat-Tajwan u jenfasizza li kwalunkwe tentattiv biex dan jinbidel unilateralment, b’mod partikolari permezz tal-forza jew il-koerċizzjoni, mhux se jiġi aċċettat u se jiġi mwieġeb b’reazzjoni deċiżiva u soda; ifaħħar ir-reazzjoni mrażżna u dixxiplinata tal-awtoritajiet Tajwaniżi u jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jeżerċitaw trażżin u jevitaw kwalunkwe azzjoni li tista’ tkompli teskala t-tensjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Istrett; jappella għal skambji regolari bejn l-UE u l-kontropartijiet Tajwaniżi tagħha dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà rilevanti u għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil barrani; jisħaq li kwalunkwe eskalazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan ikollha effetti detrimentali fuq is-sigurtà u l-ekonomija tal-Ewropa u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda tiżviluppa ppjanar ta’ kontinġenza u miżuri ta’ mitigazzjoni abbażi ta’ xenarji ta’ eskalazzjoni probabbli, bħal imblokk ekonomiku tat-Tajwan miċ-Ċina; |
|
87. |
Jesprimi tħassib serju dwar l-azzjonijiet dejjem aktar aggressivi taċ-Ċina fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fir-reġjun Indo-Paċifiku, jiġifieri l-użu tagħha ta’ koerċizzjoni militari u ekonomika, it-tattiki tal-gwerra ibridi, il-manuvri perikolużi mwettqa mill-gwardja navali u tal-kosta tagħha kontra l-ġirien u l-bini ta’ gżejjer tagħha, sabiex tavvanza pretensjonijiet marittimi illegali u thedded il-korsiji marittimi; jirrimarka li bastiment b’rabtiet maċ-Ċina qatgħa kejbil taħt il-baħar Tajwaniż fil-bidu ta’ Jannar 2025, u jitlob li ssir investigazzjoni bir-reqqa dwar il-kwistjoni; jistieden, barra minn hekk, lit-Tajwan u lill-UE jikkondividu informazzjoni dwar inċidenti bħal dawn; itenni l-interess qawwi tiegħu u l-appoġġ għal-libertà tan-navigazzjoni u s-sigurtà marittima kullimkien, u b’mod partikolari fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jġibu fi tmiemhom l-azzjonijiet aggressivi u provokattivi kollha, b’mod partikolari l-operazzjonijiet marittimi u tal-ajru fl-Istrett tat-Tajwan u fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, li jqiegħdu fil-periklu l-istabbilità fir-reġjun Indo-Paċifiku u b’hekk jikkompromettu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, is-sovranità tal-pajjiżi fir-reġjun, is-sikurezza tal-ħajja fil-baħar u l-libertà ta’ navigazzjoni, f’konformità sħiħa mal-UNCLOS; ifaħħar iż-żieda fl-eżerċizzji ta’ libertà tan-navigazzjoni mwettqa minn għadd ta’ pajjiżi tal-UE, inklużi Franza, in-Netherlands u l-Ġermanja; jinnota li dawn l-attivitajiet huma konformi mad-dritt internazzjonali u jappella għal aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni mas-sħab reġjonali, inkluż permezz ta’ Preżenzi Marittimi Koordinati fil-Majjistral tal-Oċean Indjan, fost żoni oħra, sabiex tiżdied il-libertà tal-operazzjonijiet tan-navigazzjoni fir-reġjun; |
|
88. |
Jibqa’ mħasseb dwar il-pressjoni politika u ekonomika li qed tiġi eżerċitata miċ-Ċina u mir-Russja fl-Asja Ċentrali u jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-preżenza tal-UE fir-reġjun b’rispons għal dan; jissottolinja l-interess tal-UE li ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà, ir-relazzjonijiet ekonomiċi u r-rabtiet politiċi mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, inkluż sabiex tiġi indirizzata ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja u l-Belarussja; |
|
89. |
Jikkundanna bl-aktar mod qawwi lill-Iran għall-attivitajiet destabbilizzanti tiegħu fir-reġjun tal-Lvant Nofsani, inkluż permezz tal-aġenti bi prokura tiegħu, u għall-appoġġ kontinwu li jagħti lill-gruppi terroristiċi, li jirrappreżentaw theddida diretta għas-sigurtà reġjonali, Ewropea u dinjija; jikkundanna l-kooperazzjoni militari dejjem tikber bejn l-Iran u r-Russja, b’mod partikolari l-intenzjoni tagħhom li jiffirmaw trattat dwar sħubija strateġika komprensiva; jesprimi, madankollu, l-appoġġ sħiħ u s-solidarjetà tiegħu mas-soċjetà ċivili u l-forzi demokratiċi tal-Iran u jappella għal aktar sforzi internazzjonali biex jappoġġaw lil dawn il-gruppi fil-ġlieda tagħhom għal-libertà u d-drittijiet tal-bniedem; jilqa’ d-deċiżjoni tal-UE li ġġedded s-sanzjonijiet kontra l-Iran sa Lulju 2025, anki billi timponi sanzjonijiet fuq il-produzzjoni Iranjana tad-droni u l-missili kif ukoll il-forniment tagħhom lir-Russja u lir-reġjun tal-Lvant Nofsani kollu kemm hu; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fost l-għażliet f’termini ta’ sanzjonijiet li għadhom ma ġewx eżawriti hemm approċċ ferm aktar restrittiv għat-trasferimenti tat-teknoloġija permezz tal-esportazzjonijiet ta’ prodotti li mhumiex klassifikati bħala “b’użu doppju”; |
|
90. |
Jikkundanna b’mod inekwivoku lill-Gvern Iranjan talli għen u appoġġa lil organizzazzjonijiet u networks terroristiċi rikonoxxuti internazzjonalment, bħall-Ħamas u l-Hezbollah, u n-networks li wettqu jew ippruvaw iwettqu attakki fl-UE, li huma ta’ theddida diretta għas-sigurtà, is-sovranità u l-istabbiltà tal-Ewropa; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika kien involut fl-ippjanar u t-twettiq ta’ għexieren ta’ qtil u attakki terroristiċi, inkluż fit-territorju tal-UE, matul dawn l-aħħar 30 sena u, aktar reċentement, f’attakki kontra sinagogi u individwi Lhud, kif ukoll kontra ambaxxati Iżraeljani f’diversi Stati Membri; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu l-kondiviżjoni tal-intelligence u l-miżuri kontra t-terroriżmu biex jipprevjenu kwalunkwe attakk futur; itenni t-talba li ilu jagħmel biex il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika jiżdied mal-lista tal-UE ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi u jappoġġja l-inizjattivi meħuda minn xi Stati Membri f’dan ir-rigward; |
|
91. |
Iqis il-programm tal-armi nukleari tal-Iran bħala wieħed mit-theddidiet ewlenin għas-sigurtà globali u jenfasizza li jekk l-Iran jirnexxielu jakkwista kapaċità ta’ armi nukleari, jirriskja li jintensifika fil-belliġerenza u jintensifika l-isponsorizzazzjoni statali tiegħu tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni ta’ missili u droni; |
|
92. |
Itenni bl-aktar mod qawwi l-kundanna tiegħu tal-attakki terroristiċi ta’ stmellija kommessi mill-organizzazzjoni terroristika Ħamas kontra Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023, li kkontribwew għad-destabbilizzazzjoni ulterjuri tal-Lvant Nofsani, li ġiet intensifikata mill-aggressjonijiet kontra Iżrael min-naħa tal-forzi bi prokura Iranjani (pereżempju Hezbollah fil-Libanu u l-Houthi fil-Jemen) u mir-reġim Iranjan stess; itenni li Iżrael għandu d-dritt li jiddefendi lilu nnifsu, kif minqux fid-dritt internazzjonali u kif limitat minnu; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ostaġġi kollha li fadal miżmuma mill-Ħamas; jitlob lill-partijiet kollha jtemmu minnufih l-ostilitajiet kollha u jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali; jesprimi tħassib serju ħafna dwar il-kollass reċenti tal-waqfien mill-ġlied f’Gaża u jappella għal ritorn immedjat għalih; jenfasizza li dan ikun jirrappreżenta pass sinifikanti għat-taffija tat-tbatija enormi mġarrba miċ-ċivili fuq iż-żewġ naħat matul dawn l-aħħar xhur; ifaħħar l-impenn tal-medjaturi, fosthom l-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Qatar, li l-isforzi tagħhom kienu kruċjali biex jinkiseb l-ewwel waqfien mill-ġlied; iħeġġeġ lill-atturi Ewropej u internazzjonali kollha jikkontribwixxu b’mod attiv għal żvolta ġdida, jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-waqfien mill-ġlied u jżommu responsabbli lil dawk li jonqsu milli jikkonformaw miegħu; |
|
93. |
Jilqa’ r-riallokazzjoni tal-Missjoni tal-UE ta’ Assistenza fil-Fruntiera lejn Rafah fil-31 ta’ Jannar 2025 biex tappoġġja lill-Awtorità Palestinjana fl-iffaċilitar ta’ passaġġ sikur għall-evakwazzjonijiet mediċi waqt il-Fażi I tal-waqfien mill-ġlied; jinsab lest li jidħol f’diskussjonijiet dwar kontributi konkreti futuri għall-appoġġ lill-waqfien mill-ġlied; |
|
94. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-eskalazzjoni militari fil-Lvant Nofsani, li tikkontribwixxi għal aktar destabbilizzazzjoni fir-reġjun; jiddeplora l-għadd inaċċettabbli ta’ vittmi ċivili, l-ispostament furzat ikkawżat mill-vjolenza li qed tiżdied u l-użu persistenti tal-forza militari; jesprimi tħassib serju, barra minn hekk, dwar l-azzjoni militari kontinwata mill-Forzi tad-Difiża Iżraeljani fl-Istrixxa ta’ Gaża u fix-Xatt tal-Punent; jikkundanna l-attakki mill-Forzi tad-Difiża Iżraeljani kontra l-Forza Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu (UNIFIL), li jikkostitwixxu ksur gravi tad-dritt internazzjonali; jafferma mill-ġdid ir-rwol ta’ stabbilizzazzjoni essenzjali tal-UNIFIL fin-Nofsinhar tal-Libanu, li għalih jikkontribwixxu 16-il Stat Membru; jitlob waqfien immedjat mill-ġlied kemm f’Gaża kif ukoll fil-Libanu, it-tmiem tal-ostilitajiet, l-implimentazzjoni sħiħa u simetrika tar-Riżoluzzjoni 1701 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili; jenfasizzaw l-ħtieġa li l-UE u atturi internazzjonali oħra jassumu responsabbiltà akbar u jassistu lill-gvernijiet u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Lvant Nofsani biex jilħqu paċi dejjiema u sostenibbli, b’mod partikolari billi jkomplu jappoġġjaw soluzzjoni ta’ żewġ Stati bejn Iżrael u l-Palestina, kif ukoll billi jiġġieldu kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni fir-reġjun; jenfasizza li l-evoluzzjoni tal-kunflitti fir-reġjun għandha riperkussjonijiet fuq ir-reġjuni ġirien u fuq l-Ewropa u toħloq sfidi ta’ sigurtà għall-UE fir-rigward tal-futur tad-deterrenza, il-liġi umanitarja u l-ġestjoni tal-kriżijiet; |
|
95. |
Jilqa’ l-Pjan Għarbi ta’ Rkupru u Rikostruzzjoni ppreżentat fis-Summit tal-Kajr fl-4 ta’ Marzu 2025, li jirrappreżenta bażi serja għad-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Istrixxa ta’ Gaża; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Kummissarju għall-Mediterran jimpenjaw ruħhom b’mod kostruttiv mas-sħab Għarab biex jipprovdu soluzzjonijiet kredibbli għar-rikostruzzjoni, il-governanza u s-sigurtà ta’ Gaża; jirrifjuta, min-naħa l-oħra, il-proposta ta’ “Gaża ta’ Trump”, li tinjora l-kundizzjonijiet volatili tas-sigurtà fil-Lvant Nofsani kollu; huwa tal-fehma li l-firxa tal-qerda u t-tbatija umana f’Gaża teħtieġ impenn internazzjonali komprensiv, bl-Istati Uniti, l-UE, in-NU, l-istati Għarab u sħab internazzjonali oħra li jikkomplementaw l-isforzi ta’ xulxin sabiex in-negozjati jissoktaw u jkunu kostruttivi; huwa impenjat favur l-isforzi futuri ta’ normalizzazzjoni bejn Iżrael u l-Istati Għarab fir-reġjun; |
|
96. |
Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiddeżinjaw lill-Hezbollah, fl-intier tiegħu, bħala organizzazzjoni terroristika u jinsistu għad-diżarm sħiħ tiegħu f’konformità mar-Riżoluzzjoni 1701 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jenfasizza d-deċiżjonijiet reċenti meħuda minn diversi stati, inklużi l-Istati Uniti u l-Kanada, biex Samidoun tiġi ddeżinjata bħala organizzazzjoni terroristika li taġixxi bħala aġent bi prokura tal-Front Popolari għal-Liberazzjoni tal-Palestina; jenfasizza li Samidoun ġiet ipprojbita fil-Ġermanja fl-2023 u jistieden lil Stati Membri oħra tal-UE jieħdu miżuri simili billi jipprojbixxu l-organizzazzjoni fit-territorju tagħhom; |
|
97. |
Jinnota li l-fruntiera bejn il-Ġordan u s-Sirja qed tintuża bħala punt ta’ qsim għat-traffikar tal-armi u tad-drogi; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkompli tappoġġja lill-Ġordan, li safa mdgħajjef mill-kriżi attwali fil-Lvant Nofsani, u jitlob li jiżdied l-użu tal-EPF biex tiġi protetta l-fruntiera bejn il-Ġordan u s-Sirja; |
|
98. |
Jirrikonoxxi li t-Turkija hija pajjiż ta’ rilevanza strateġika għall-UE; jinnota li t-Turkija hija dejjem aktar preżenti f’oqsma fejn l-UE għandha interessi ta’ sigurtà ewlenin u missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, u jinnota b’dispjaċir ir-rwol li għandha t-Turkija biex tiddestabbilizza ċerti oqsma ta’ tħassib għall-UE u fil-viċinati tagħha; jiġbed l-attenzjoni għall-attivitajiet illegali tat-Turkija kontra l-interessi tal-UE fil-Lvant tal-Mediterran, li jiksru d-dritt internazzjonali, inkluża l-UNCLOS; jikkundanna, għal darb’oħra l-iffirmar taż-żewġ memoranda ta’ qbil bejn it-Turkija u l-Libja dwar kooperazzjoni komprensiva fl-oqsma militari u tas-sigurtà u dwar id-delimitazzjoni taż-żoni marittimi, li huma interkonnessi u jikkostitwixxu ksur ċar tad-dritt internazzjonali, tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-drittijiet sovrani tal-Istati Membri tal-UE; jiddeplora l-fatt li t-Turkija timmina l-effettività tas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u jtenni l-appell tiegħu lit-Turkija biex tallinja ruħha bis-sħiħ magħhom; jistieden lit-Turkija toqgħod lura milli timmina l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE; itenni l-appell tiegħu lit-Turkija biex tissodisfa l-obbligu tagħha rigward l-implimentazzjoni sħiħa u nondiskriminatorja tal-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta’ Ankara fir-rigward tal-Istati Membri kollha, inkluża r-Repubblika ta’ Ċipru; |
|
99. |
Jiddeplora l-fatt li minkejja l-isforzi ta’ tnaqqis tat-tensjoni, it-Turkija għadha żżomm it-theddida ta’ casus belli kontra l-Greċja u tokkupa illegalment il-parti tat-Tramuntana tar-Repubblika ta’ Ċipru; jikkundanna bil-qawwa l-attivitajiet illegali tat-Turkija f’Ċipru, inkluż il-ksur tagħha tal-istatus taż-żona ta’ lqugħ, il-militarizzazzjoni dejjem akbar tagħha taż-żoni okkupati tar-Repubblika ta’ Ċipru u l-isforzi tagħha biex issaħħaħ l-entità seċessjonista fiż-żona okkupata ta’ Ċipru bi ksur tad-dritt internazzjonali, filwaqt li jinnota li dawn l-attivitajiet li ma jwasslux għat-tkomplija tan-negozjati mmexxija min-NU; jikkundanna l-ksur kontinwu mit-Turkija tar-riżoluzzjonijiet 550 (1984) u 789 (1992) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jistiednu lit-Turkija tittrasferixxi ż-żona ta’ Varosha lill-abitanti legali tagħha taħt l-amministrazzjoni temporanja tan-NU, billi tappoġġa l-ftuħ tal-belt ta’ Varosha għall-pubbliku; iħeġġeġ bil-qawwa lit-Turkija, għal darb’oħra, biex treġġa’ lura l-azzjonijiet illegali u unilaterali tagħha f’Varosha; jistieden ukoll lit-Turkija tirtira t-truppi tagħha minn Ċipru; |
|
100. |
Jitlob b’urġenza li jerġgħu jibdew in-negozjati dwar ir-riunifikazzjoni ta’ Ċipru taħt l-awspiċi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u jafferma mill-ġdid l-appoġġ mingħajr kundizzjonijiet tiegħu għal Ċipru biex tissolva l-kwistjoni; jistieden lit-Turkija taċċetta soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli għal din il-kwistjoni; |
|
101. |
Jilqa’ l-laqgħa estiża informali msejħa mis-Segretarju Ġenerali tan-NU fit-18 ta’ Marzu 2025 f’Ġinevra bl-għan li titwitta t-triq għall-issoktar tan-negozjati dwar il-problema ta’ Ċipru b’mod sod fi ħdan il-qafas miftiehem tan-NU, l-uniku qafas aċċettat mill-UE u mill-komunità internazzjonali, u f’konformità mad-dritt, il-valuri u l-prinċipji tal-UE; ifakkar li r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru hija prijorità għall-UE, li tinsab lesta li żżid u tassumi rwol attiv fl-għoti tal-appoġġ lill-proċess immexxi min-NU bl-għodod kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha; jistieden lit-Turkija timpenja ruħha b’mod kostruttiv fin-negozjati u terġa’ lura mal-mejda tan-negozjati in bona fide; |
|
102. |
Jitlob li l-UE jkollha rwol sinifikanti fil-Mediterran, u li ssir attur ta’ sigurtà bil-kapaċità li tiggarantixxi l-istabbiltà tar-reġjun u r-rispett tal-liġi internazzjonali u tal-UNCLOS; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Mediterran, li jaħdem taħt il-gwida u t-tmexxija politika tal-VP/RGħ; jenfasizza l-ħtieġa li l-VP/RGħ, f’kooperazzjoni mal-Kummissarju għall-Mediterran fejn ikun meħtieġ, u f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, tiżviluppa strateġija ta’ sigurtà koerenti fir-rigward tar-reġjun tal-Mediterran u l-pajjiżi ġirien tiegħu, inkluż fl-Afrika ta’ Fuq, il-Levante u s-Saħel; jappella għal kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi sħab fil-Mediterran fil-ġlieda kontra l-estremiżmu, it-terroriżmu, il-kummerċ illeċitu tal-armi u t-traffikar tal-bnedmin; |
|
103. |
Jinnota bi tħassib il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-migranti fil-Libja, kif enfasizzat fir-Riżoluzzjoni 2755 (2024) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eżaminat ir-rwol tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK – EUBAM Libja u EUNAVFOR IRINI – fil-ġlieda effettiva kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin, u l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-migranti; |
|
104. |
Jinnota li l-kollass rapidu tar-reġim kriminali ta’ Bashar al-Assad fis-Sirja, li ilu appoġġjat mill-Kremlin mill-2015, jikkostitwixxi telfa politika sinifikanti għal Vladimir Putin u jhedded il-preżenza strateġika u militari tar-Russja fis-Sirja; ifakkar li mill-2015, il-bażijiet militari ta’ Khmeimim u Tartus servew bħala punti ewlenin għall-projezzjoni tal-poter Russu fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika; jinnota wkoll li l-bażijiet militari ta’ Khmeimim u Tartus kienu vitali għall-provvista u t-trasport ta’ armi u tagħmir tqal lill-kumpaniji militari privati tar-Russja, bħall-Grupp Wagner u l-operazzjonijiet tiegħu fil-Libja, il-Mali, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, u s-Sudan; jenfasizza li t-telf ta’ bażijiet militari fis-Sirja jista’ jdgħajjef il-kapaċità operattiva u l-influwenza tar-Russja fl-Afrika; jistieden, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni fis-Sirja, jagħmlu li r-rabtiet mar-reġim Sirjan il-ġdid ikunu bil-kundizzjoni li jkun hemm irtirar sħiħ tar-Russja mill-pajjiż, u jipprevjenu lir-Russja milli tistabbilixxi bażijiet militari ġodda xi mkien ieħor fir-reġjun; jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, l-influwenza sinifikanti tal-UE fir-rigward tas-Sirja f’termini ta’ rikonoxximent politiku, l-iffaċilitar tas-sanzjonijiet, il-ftehimiet kummerċjali, u l-appoġġ finanzjarju għar-rikostruzzjoni, u jqiegħdu lill-UE bħala alternattiva għat-Turkija fit-tiswir tal-futur tas-Sirja; |
|
105. |
Jesprimi t-tħassib dejjem jikber tiegħu dwar it-tentattivi kontinwi mir-Russja biex tiddestabbilizza l-pajjiżi fil-viċinat tal-Lvant tal-UE permezz tal-użu tal-FIMI, qtil politiku, theddidiet u okkupazzjonijiet territorjali bil-għan li jkollhom impatt negattiv fuq l-aspirazzjonijiet Ewropej u l-istabbiltà tagħhom, u jikkundanna dawn it-tentattivi; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-UE biex tiddefendi u tiżviluppa soċjetajiet demokratiċi u bbażati fuq il-valuri fil-pajjiżi fil-viċinat tal-Lvant tal-UE; |
|
106. |
Jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tappoġġa s-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-isforzi biex tintlaħaq soluzzjoni politika paċifika, dejjiema u komprensiva tal-kunflitt Transnistrijan; jikkundanna bil-qawwa t-tentattivi kostanti u kkoordinati mir-Russja, mill-oligarki favur ir-Russja u mill-aġenti bi prokura lokali sponsorjati mir-Russja biex jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova, jiżirgħu d-diviżjonijiet fis-soċjetà tal-Moldova u jxekklu t-trajettorja Ewropea tal-pajjiż permezz ta’ attakki ibridi, l-użu tal-provvisti tal-enerġija bħala arma, id-diżinformazzjoni, it-theddid ta’ bombi u protesti fi stadji, kif ukoll it-theddida jew l-użu tal-vjolenza; jinnota li s-Servizz tas-Sigurtà u tal-Intelligence tar-Repubblika tal-Moldova rrapporta livell bla preċedent ta’ intensità fl-azzjonijiet meħuda mir-Russja intiżi biex tankra lill-Moldova fl-isfera ta’ influwenza tagħha; jissottolinja li din it-theddida ibrida hija mmirata lejn il-proċessi demokratiċi u ddgħajjef l-integrazzjoni Ewropea, inkluż billi tamplifika t-tendenzi separatisti radikali fin-Nofsinhar tal-pajjiż, b’mod partikolari f’Gagauzia, permezz tal-propaganda, il-manipulazzjoni tal-ispazju tal-informazzjoni, indħil fil-proċess elettorali u t-twettiq ta’ operazzjonijiet sovversivi; |
|
107. |
Itenni l-appelli tiegħu lir-Russja biex tirtira l-forzi u t-tagħmir militari tagħha mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova, tiżgura l-qerda sħiħa tal-munizzjon u t-tagħmir kollu fil-maħżen ta’ Cobasna taħt sorveljanza internazzjonali u tappoġġja riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitt Transnistrijan, f’konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali; jappella għal appoġġ imsaħħaħ tal-UE għall-Moldova fil-ġlieda kontra l-FIMI, it-theddidiet ibridi u l-attakki ċibernetiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għall-EPF biex isaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Moldova; |
|
108. |
Jirrikonoxxi li l-Georgia kienet l-ewwel objettiv, fl-2008, tal-aggressjoni militari fuq skala kbira tar-Russja u tat-tentattivi tagħha li tiddefinixxi mill-ġdid bil-forza l-fruntieri ta’ stat sovran fl-Ewropa; jisħaq li mill-2008, ir-Russja ppersistiet fl-okkupazzjoni illegali u fil-kontroll effettiv tagħha fuq ir-reġjuni okkupati tal-Georgia; jissottolinja li l-preżenza militari tar-Russja u t-tisħiħ sinifikanti tal-forzi militari tagħha fir-reġjuni okkupati, l-attivitajiet illegali tagħha, l-attivitajiet kontinwi ta’ definizzjoni tal-fruntieri tagħha tul il-konfini amministrattivi u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem tagħha fil-Georgia joħolqu riskju serju għas-sigurtà tal-pajjiż u għall-qafas usa’ tas-sigurtà tal-Ewropa; itenni s-sejħa tiegħu lill-Federazzjoni Russa biex tirtira l-forzi u t-tagħmir militari tagħha mit-territorju tal-Georgia; |
|
109. |
Jikkundanna bil-qawwa t-twaqqigħ mir-Russja tat-titjira 8243 tal-Ażerbajġan Airlines fil-25 ta’ Diċembru 2024, li ħalla mejta 38 mis-67 passiġġier abbord; jissottolinja li dan jenfasizza għal darb’oħra n-natura brutali u belliġerenti tar-reġim Russu; |
|
110. |
Iħeġġeġ lill-UE tkompli bl-impenn attiv tagħha u tieħu passi deċiżivi, permezz tal-istrumenti importanti tagħha, biex tiżgura li r-Russja tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied medjat mill-UE tat-12 ta’ Awwissu 2008, b’mod partikolari l-obbligi tagħha li tirtira l-forzi militari kollha tagħha mir-reġjuni okkupati tal-Georgia, tippermetti l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ sigurtà internazzjonali kemm fir-reġjuni Georgjani u tagħti aċċess mingħajr xkiel lill-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-UE għat-territorju kollu tal-Georgia, u tinvolvi ruħha b’mod kostruttiv fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta’ Ġinevra u fil-Mekkaniżmi għall-Prevenzjoni u r-Rispons għall-Inċidenti; jistieden lis-SEAE jħejji rapport komprensiv dwar il-ksur tal-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied tat-12 ta’ Awwissu 2008, jidentifika u jikkomunika b’mod ċar id-dispożizzjonijiet li għadhom ma ġewx issodisfati mir-Russja u jippreżenta rakkomandazzjonijiet; |
|
111. |
Jilqa’ l-aħbar reċenti tal-konklużjoni b’suċċess tan-negozjati bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan dwar it-test sħiħ tal-abbozz ta’ Ftehim dwar il-Paċi u l-Istabbiliment ta’ Relazzjonijiet Interstatali, ifaħħar lill-Armenja talli wittiet it-triq għall-finalizzazzjoni tat-test u jħeġġeġ lit-tmexxija tal-Ażerbajġan tiffirma u timplimenta, in bona fide, il-ftehim ta’ paċi kif konkluż fin-negozjati; |
|
112. |
Jikkundanna lill-Ażerbajġan għall-isforzi kontinwi tiegħu biex jimmina l-possibbiltà ta’ paċi reġjonali u t-theddid kontinwu tiegħu kontra l-Armenja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jissospendu kwalunkwe assistenza ta’ sigurtà, teknika jew finanzjarja pprovduta lill-Ażerbajġan, inkluż permezz ta’ diversi strumenti tal-UE, li tista’ tikkontribwixxi għaż-żieda tal-kapaċitajiet offensivi tal-Ażerbajġan jew tipperikola s-sigurtà, l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Armenja; |
|
113. |
Ifakkar li għaddiet sena mindu l-Ażerbajġan ħataf in-Nagorno-Karabakh, li rriżulta fl-ispostament furzat ta’ aktar minn 140 000 Armen mir-reġjun; jikkundanna l-appoġġ militari u l-provvista ta’ armi mogħtija minn pajjiżi terzi lill-Ażerbajġan; jirrimarka li l-Ażerbajġan huwa ħati ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nagorno-Karabakh; jikkundanna l-qerda tal-wirt kulturali Armen fir-reġjun mill-Ażerbajġan; jitlob il-ħelsien tat-23 ostaġġ Armen kollha detenuti fl-Ażerbajġan, inklużi l-eks uffiċjali de facto tan-Nagorno-Karabakh u l-priġunieri tal-gwerra mill-gwerra tal-2020; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jimponi sanzjonijiet immirati u individwali kontra dawk responsabbli għall-ksur tal-waqfien mill-ġlied u għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nagorno-Karabakh; |
|
114. |
Jilqa’ d-deċiżjoni li tiġi adottata l-ewwel miżura ta’ assistenza fl-ambitu tal-EPF b’appoġġ għall-forzi armati Armeni, peress li din issaħħaħ ir-reżiljenza tal-Armenja fil-kuntest tal-iżgurar tas-sigurtà, l-indipendenza u s-sovranità; jappella biex tibqa’ tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Armenja u l-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, b’mod partikolari fil-qasam tat-tneħħija tal-mini, inkluż permezz tal-użu tal-EPF, filwaqt li titqies ir-rikunsiderazzjoni tal-Armenja tas-sħubija tagħha fl-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva; jilqa’ l-azzjonijiet meħuda minn diversi Stati Membri biex jiġi pprovdut appoġġ militari difensiv lill-Armenja u jħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra jikkunsidraw inizjattivi simili; |
|
115. |
Jenfasizza li l-UE għandha tirrevedi b’urġenza l-istrateġija reġjonali tagħha għas-Saħel, wara d-diversi kolpi ta’ stat fir-reġjun; jiddeplora bil-qawwa t-tluq furzat tat-truppi Franċiżi u tal-forzi taż-żamma tal-paċi tan-NU mir-reġjun u jikkundanna l-preżenza minflokhom ta’ kumpaniji militari privati u forzi bi prokura sponsorjati mill-istat bħall-Korp Afrikan (li qabel kien il-Grupp Wagner); jenfasizza li dawn il-kumpaniji militari privati kellhom rwol destabbilizzanti fis-Saħel u appoġġjaw diversi reġimi repressivi f’tentattiv biex tiżdied l-influwenza tar-Russja fl-Afrika; jiġbed l-attenzjoni għall-provvista ta’ armi mir-Russja lir-reġimi militari tas-Saħel; jinnota wkoll li atturi oħra, bħat-Turkija, huma dejjem aktar preżenti fir-reġjun; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Saħel u lill-Istati Membri jżommu l-impenn diplomatiku u jkomplu jappoġġjaw lis-soċjetà ċivili u l-infiq fuq l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja; |
|
116. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ koerenza fir-rispons tal-UE għall-kriżijiet fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar u jistieden lill-Kunsill jivvaluta mill-ġdid l-Istrateġija tal-UE għal-Lagi l-Kbar mġedda tiegħu adottata fl-20 ta’ Frar 2023; jirrikonoxxi l-importanza ta’ impenn ġenwin mill-UE għall-paċi fir-reġjun; jinnota bi tħassib ir-rwol li r-Rwanda kellha fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) u jistieden lill-UE timponi kundizzjonijiet fuq kwalunkwe appoġġ militari lir-Rwanda; jikkundanna bil-qawwa l-qbid mill-M23 ta’ territorji fil-Lvant tar-RDK, inklużi l-bliet kapitali reġjonali ta’ Goma u Bukavu, li wassal direttament għall-mewt ta’ madwar 3 000 persuna ċivili; jikkundanna l-ksur tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Lvant tar-RDK mir-ribelli tal-M23; jinsab ferm imħasseb dwar is-sitwazzjoni umanitarja ta’ miljuni ta’ persuni spostati fiż-żona u dwar l-użu tal-istupru bħala arma strateġika tal-gwerra; iħeġġeġ lill-VP/RGħ timpenja ruħha f’azzjonijiet ċari f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għal-Lagi l-Kbar sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-istabbiltà u jkun hemm kooperazzjoni mal-Missjoni għall-Istabbilizzazzjoni tal-ONU fir-RDK (MONUSCO) biex jiġu protetti ċ-ċivili fil-Lvant tar-RDK; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Rwanda jirtira t-truppi tiegħu mit-territorju tar-RDK u jwaqqaf il-kooperazzjoni mar-ribelli tal-M23, inkluż il-forniment ta’ armi u truppi u l-appoġġ loġistiku; jitlob li l-UE tissospendi kemm il-Memorandum ta’ Qbil tagħha dwar il-materja prima kif ukoll il-kooperazzjoni militari kollha mar-Rwanda inkluż permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) jew kwalunkwe mekkaniżmu ieħor, sa meta r-Rwanda ttemm l-appoġġ illegali tagħha għall-gruppi armati u tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tar-RDK; bl-istess mod jistieden lir-RDK twaqqaf il-kooperazzjoni tagħha mal-gruppi ribelli fir-reġjun; jappoġġja l-proċess ta’ paċi ta’ Luanda u Nairobi biex tinkiseb soluzzjoni politika għall-kunflitt b’mezzi diplomatiċi u jħeġġeġ lill-VP/RGħ tkompli s-sensibilizzazzjoni diplomatika tal-partijiet involuti fil-kunflitt u tal-partijiet l-oħra fir-reġjun u żżid il-pressjoni fuq il-partijiet biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom f’negozjati paċifiċi, inkluż billi tipposponi l-Konsultazzjonijiet tal-UE mar-Rwanda dwar is-Sigurtà u d-Difiża u tadotta sanzjonijiet, skont is-sitwazzjoni fuq il-post u l-progress li jkun sar fil-proċessi ta’ medjazzjoni reġjonali li għaddejjin bħalissa; |
|
117. |
Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar is-sospensjoni tal-attivitajiet tal-US Agency for International Development (Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali - USAID) u jissottolinja li dan iżid b’mod sinifikanti l-isfidi tas-sigurtà u tad-difiża, peress li l-investimenti kritiċi fir-reżiljenza, l-adattament, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi issa tnaqqsu, u għalhekk jitlob lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jiżguraw li l-vojt li tħalla wara din is-sospensjoni ma jintużax mill-avversarji tagħna billi nirriflettu b’mod strateġiku dwar kif għandu jittieħed kontroll ta’ ċerti programmi li tħallew mingħajr finanzjament b’riżultat tal-azzjonijiet tal-Gvern tal-Istati Uniti; |
|
118. |
Jinsab imħasseb dwar ir-rwol limitat li għandha l-UE fil-Qarn tal-Afrika, filwaqt li l-involviment ta’ atturi barranin oħra qed jikber; jitlob rieżami tal-istrateġija tal-UE fir-reġjun, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-UE li tippromwovi l-paċi, l-istabbiltà, u l-iżvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli fir-reġjun; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jirriflettu dwar kif l-aħjar jużaw il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK skjerati fir-reġjun biex jippromwovu dawn l-għanijiet u jsaħħu l-attivitajiet tal-UE; |
|
119. |
Jirrikonoxxi li r-reġjun tal-Artiku għandu importanza strateġika u ġeopolitika sinifikanti minħabba r-rotot marittimi emerġenti tiegħu, il-minjiera kbira ta’ riżorsi naturali u l-opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku miftuħa mit-tisħin globali, filwaqt li qed jiġi dejjem aktar ikkontestat; jinsab allarmat dwar l-intensifikazzjoni tal-militarizzazzjoni u l-kompetizzjoni tar-riżorsi xprunata mill-attivitajiet Russi u Ċiniżi fir-reġjun; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet ripetuti tal-President tal-Istati Uniti dwar l-għan tiegħu li l-Istati Uniti jieħdu kontroll ta’ Greenland; |
|
120. |
jissottolinja l-importanza li jiġu ppreżervati s-sigurtà, l-istabbiltà u l-kooperazzjoni fl-Artiku; jisħaq li r-reġjun irid jibqa’ liberu mit-tensjonijiet militari u l-isfruttament tar-riżorsi naturali, u li d-drittijiet tal-popli indiġeni jridu jiġu rrispettati; itenni l-ħtieġa li l-politika tal-Unjoni dwar l-Artiku tiġi inkluża fil-PSDK u li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ deterrenza u ta’ difiża f’koordinazzjoni mill-qrib man-NATO; jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO hija essenzjali biex tikkontrobilanċja l-influwenza dejjem tikber tar-Russja u taċ-Ċina fir-reġjun; jitlob li l-kwistjonijiet ta’ interess għall-Artiku jiġi indirizzat b’mod regolari fil-laqgħat tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà u tal-Kunsill; |
Id-dimensjoni tal-ġeneru u r-rwol tan-nisa fil-paċi u s-sigurtà
|
121. |
Jenfasizza l-impatt sproporzjonat u uniku tal-kunflitti armati fuq in-nisa u l-bniet, speċjalment f’termini ta’ vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti; jenfasizza l-ħtieġa imperattiva li jiġu żgurati l-forniment u l-aċċessibbiltà tal-kura tas-saħħa xierqa f’kunflitti armati, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kunflitti armati jiġu kkunsidrati minn perspettiva tal-ġeneru; |
|
122. |
Ifakkar li l-integrazzjoni u l-operazzjonalizzazzjoni tal-perspettivi tal-ġeneru fir-relazzjonijiet esterni u l-implimentazzjoni tal-aġenda dwar “in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà” f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti huma prijoritajiet fit-tul għall-UE; ifakkar, f’dan ir-rigward, fl-importanza li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fin-negozjati għall-paċi, fil-konsolidazzjoni tal-paċi u fiż-żamma tal-paċi, fl-azzjoni umanitarja u fir-rikostruzzjoni wara kunflitt; |
|
123. |
Jisħaq li l-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru fl-attivitajiet esterni u interni kollha tal-PSDK tgħin biex tittejjeb l-effettività operazzjonali tal-PSDK u tixpruna l-kredibbiltà tal-UE bħala proponent tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri madwar id-dinja; jinsisti għalhekk fuq l-importanza li jitwettqu l-impenji kollha li ħadet l-UE, inklużi dawk fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (GAP) III (2020-2024) u fil-Boxxla Strateġika; jinsisti wkoll li l-aġġornament tal-Kumpass Strateġiku jipproponi miżuri ulterjuri biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikattiva tan-nisa fil-PSDK, speċjalment f’missjonijiet militari; |
|
124. |
Jilqa’ l-inklużjoni tal-perspettivi tal-ġeneru u tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħatra ta’ konsulenti dwar il-ġeneru fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha tal-PSDK u l-istabbiliment ta’ network ta’ punti fokali tal-ġeneru; jitlob li l-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK il-ġdid jintuża biex issir ħidma għall-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u sinifikanti tan-nisa fil-PSDK ċivili; |
Missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK
|
125. |
Jissottolinja l-importanza ta’ għanijiet ċari u li jistgħu jintlaħqu, ta’ ftuħ għall-perspettivi u s-sjieda tal-pajjiż ospitanti, kif ukoll ta’ tagħmir u r-riżorsi finanzjarji, loġistiċi u umani meħtieġa għal kull missjoni u operazzjoni tal-PSDK; jissottolinja wkoll id-deterjorament tal-ambjent tas-sigurtà fejn huma preżenti ħafna missjonijiet tal-PSDK; jitlob titjib fil-governanza tal-evalwazzjoni u l-kontroll tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; itenni t-talba tiegħu għal valutazzjonijiet komprensivi tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, b’mod partikolari tar-realiżmu tal-mandati tagħhom fir-rigward tar-riżorsi u t-tagħmir allokati, il-ġestjoni tagħhom, il-metodi ta’ reklutaġġ tal-persunal tagħhom u t-tlaqqigħ tal-profili mal-ħiliet meħtieġa, it-trasparenza fis-sejħiet għall-offerti, l-attivitajiet u r-riżultati miksuba, it-tagħlimiet meħuda dwar prattiki tajbin u d-diffikultajiet iffaċċjati; jisħaq fuq il-ħtieġa partikolari li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha jkollhom dispożizzjonijiet ta’ estinzjoni biex jippermettu terminazzjoni sostenibbli jekk din tkun meħtieġa; Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jkomplu jfasslu l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK b’mod effettiv, inklużi mandati robusti, orjentati lejn ir-riżultati, flessibbli u modulari, biex jadattaw għall-kuntest tas-sigurtà li qed jinbidel u għall-bżonnijiet tal-pajjiżi ospitanti, u jżommu sħubija soda mal-gvernijiet ospitanti, mas-soċjetà ċivili u mal-popolazzjonijiet lokali, u jiżguraw il-ħolqien tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-missjonijiet u l-operazzjonijiet jiksbu l-għanijiet tagħhom fit-tul; jitlob li l-Istati Membri jużaw il-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK il-ġdid biex isaħħu l-viżjoni strateġika tagħhom tal-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet billi jiċċaraw ir-rwol, l-effettività u l-valur miżjud tal-PSDK ċivili, u billi jiddefinixxu livell ta’ ambizzjoni kondiviż għall-immaniġġjar ċivili ta’ kriżijiet; jitlob ukoll li jinbnew is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn id-dimensjonijiet ċivili u militari tal-PSDK; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw, flimkien mal-Istati Membri, Proċess ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet ċivili strutturat u regolari biex jivvaluta d-disponibbiltajiet tal-ħtiġijiet ta’ kapaċità tal-Istati Membri, jiżviluppa rekwiżiti, iwettaq analiżi tal-lakuni u jirrevedi l-progress perjodikament; jemmen li hemm bżonn li tiġi stabbilita politika soda dwar it-tagħmir u s-servizzi meħtieġa mill-pajjiżi sħab fejn isiru l-missjonijiet ċivili tal-PSDK; |
|
126. |
Jinnota li l-baġit tal-PESK għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK żdied biss marġinalment bejn il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020 u l-QFP 2021-2027, filwaqt li fl-istess ħin l-għadd ta’ missjonijiet u l-kompiti u l-kostijiet tagħhom żdiedu; jitlob żieda sostantiva fil-finanzjament għall-baġit tal-PESK, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-fondi allokati għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK, sabiex jiġi żgurat li dawn jirrispondu b’mod effettiv għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi u avvenimenti mhux previsti; jitlob li tiġi stabbilita linja baġitarja dedikata jew “faċilità ta’ appoġġ ċivili” biex il-pajjiżi sħab jingħataw it-tagħmir u s-servizzi meħtieġa biex itejbu l-kapaċitajiet ċivili tagħhom; |
|
127. |
Itenni t-talba tiegħu lis-SEAE biex jieħu azzjoni konkreta biex jappoġġja l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK li jiddefendu kontra l-attakki ċibernetiċi u ibridi u jiġġieldu l-FIMI f’pajjiżi fejn jiġu skjerati l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, b’mod partikolari fil-Balkani tal-Punent u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK meta tifformula t-Tarka Ewropea għad-Demokrazija tagħha sabiex tantiċipa t-theddid li għandu l-għan li jiskredita l-azzjonijiet esterni tal-UE u jissalvagwardja l-persunal tal-UE skjerat barra mill-pajjiż; jinsisti fuq il-ħtieġa li wieħed jibni fuq it-tagħlimiet meħuda fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet differenti tal-PSDK, kif ukoll li jkun hemm kooperazzjoni mal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex it-theddid jiġi kkomunikat u identifikat aħjar sabiex jiġi antiċipat jew indirizzat fil-ħin meta jkun meħtieġ; jappella għal kapaċità ta’ rispons imtejba, komunikazzjoni strateġika u sensibilizzazzjoni mtejba fl-oqsma tal-iskjerament – bl-użu tal-lingwi lokali rilevanti – sabiex il-popolazzjoni lokali tiġi infurmata aħjar dwar ir-raġunijiet, il-benefiċċji u r-rwoli tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fir-reġjuni rispettivi tagħhom, filwaqt li jiġu infurmati wkoll dwar il-konsegwenzi ta’ dipendenza fuq l-appoġġ ta’ atturi oħra li għandhom l-għan li jiddestabbilizzawhom, b’mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżidu l-viżibbiltà tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant billi jinkluduhom fil-messaġġi politiċi tagħhom, jagħmlu d-dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku u jinvolvu ruħhom mal-istampa internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jaġġustaw il-mandati konsultattivi tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK biex jinkludu taħriġ speċjalizzat dwar il-ġlieda kontra l-attivitajiet tal-gwerra ibrida, il-gwerra ċibernetika u l-analiżi tal-intelligence minn sorsi miftuħa (OSINT); jistieden lis-SEAE jżid il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tiegħu ma’ missjonijiet u operazzjonijiet oħra ta’ sħab u organizzazzjonijiet tal-istess fehma, inklużi l-Operazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-Żamma tal-Paċi, fil-ġlieda kontra l-operazzjonijiet tal-FIMI f’dan il-qasam; |
|
128. |
Jisħaq li l-korruzzjoni fil-post tal-operazzjonijiet jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK billi tesponihom għal ħsara għar-reputazzjoni, ħela ta’ riżorsi, u taggrava l-governanza fqira u l-amministrazzjoni ħażina, kif ukoll iżżid il-livelli lokali ta’ tixħim, frodi, estorsjoni u nepotiżmu; jitlob li jiġu implimentati strateġiji għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jiġu żviluppati għarfien espert u għarfien kontra l-korruzzjoni u jiżdiedu l-isforzi biex jittaffew ir-riskji ta’ korruzzjoni fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet attwali u futuri tal-PSDK; |
|
129. |
Jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE jinkludu komponent għall-protezzjoni tal-wirt kulturali fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tagħhom sabiex jipprovdu assistenza u edukazzjoni lis-sħab lokali dwar l-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà relatati mal-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali; jinnota li l-inklużjoni tal-protezzjoni tal-wirt kulturali u d-djalogu interkulturali fil-mandati tal-missjonijiet tkun ta’ benefiċċju għall-proċess tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u r-rikonċiljazzjoni; |
|
130. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu estiżi l-mandati tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK skjerati fil-pajjiżi ġirien tal-Ewropa tal-Lvant, fejn theddid akbar għas-sigurtà jiġġustifika preżenza msaħħa tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jibagħtu persunal għal dawk il-missjonijiet u l-operazzjonijiet; iħeġġeġ ukoll parteċipazzjoni akbar ta’ pajjiżi terzi f’dawn il-missjonijiet, b’mod partikolari minn pajjiżi terzi li ospitaw b’suċċess missjonijiet tal-PSDK li tlestew; jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw kif missjonijiet u operazzjonijiet ġodda tal-PSDK jistgħu jiġu stabbiliti fil-pajjiżi kandidati tal-UE, jekk ikun meħtieġ, u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom; jistieden lis-SEAE jiżgura li l-appoġġ tal-missjonijiet tal-PSDK għar-riformi tas-settur tas-sigurtà jinkludi taħriġ għall-uffiċjali ministerjali; jitlob li s-SEAE u l-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża jgħinu fl-iżvilupp tal-għarfien espert tal-persunal ċivili u tad-difiża li jappoġġja l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u li huwa skjerat fihom; jirrikonoxxi l-opportunità għall-pajjiżi terzi li jospitaw missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK biex jgħinu lill-UE tikseb l-objettivi tal-PSDK u juru l-kapaċità tagħhom li jipprovdu sigurtà lill-oħrajn permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK barra miż-żona; |
|
131. |
Jilqa’ l-estensjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-mandat tal-Operazzjoni Althea tal-Forza tal-Unjoni Ewropea (EUFOR) fil-Bożnija-Ħerzegovina (BiH) lil hinn mill-2025, bħala missjoni għaż-żamma tal-paċi stabbilita u ppruvata li kkontribwiet b’mod sinifikanti għall-istabbiltà kemm tal-pajjiż kif ukoll tar-reġjun; jilqa’ wkoll ir-rispons pożittiv tal-missjoni għat-talba mill-Aġenzija tal-Protezzjoni Ċivili tal-Ministeru tas-Sigurtà tal-Bożnija-Ħerzegovina, li toffri assistenza lill-awtoritajiet nazzjonali dwar l-indirizzar tal-impatt tal-għargħar reċenti; huwa tal-fehma li din l-estensjoni tirrifletti l-impenn kondiviż fl-ispettru politiku kollu fil-Bożnija-Ħerzegovina biex jinżammu l-paċi u s-sigurtà f’kooperazzjoni mal-UE; jilqa’ l-wasla tal-forzi ta’ riżerva tal-EUFOR ALTHEA fil-Bożnija-Ħerzegovina f’nofs Marzu u jtenni l-appell tiegħu lill-atturi kollha fil-Bożnija-Ħerzegovina biex iżommu lura minn kwalunkwe theddida politika u azzjonijiet oħra potenzjalment dannużi, jirrispettaw il-kostituzzjoni tal-pajjiż u jaħdmu biex jiżguraw it-triq tal-integrazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-UE; jilqa’ l-preżenza kontinwa tal-Forza tal-Kosovo (KFOR) u tal-Missjoni tal-UE għall-Istat tad-Dritt (EULEX) fil-Kosovo u jfaħħar ir-rwol li għandha fit-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà; jistieden lill-partijiet kollha involuti jaderixxu mar-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali, irażżnu u jipprevjenu kwalunkwe azzjoni ta’ tfixkil milli jiddestabbilizzaw ir-reġjun tat-Tramuntana tal-Kosovo; iħeġġiġhom jinvolvu ruħhom fid-djalogu strutturat medjat mill-UE; jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakk terroristiku mill-paramilitari Serbi kontra l-pulizija tal-Kosovo u l-attakk terroristiku terribbli fuq infrastruttura kritika qrib Zubin Potok fit-Tramuntana tal-Kosovo; jisħaq li l-atturi ta’ dawn l-attakki terroristiċi deplorabbli jridu jinżammu responsabbli u jiffaċċjaw il-ġustizzja mingħajr dewmien; jappella għat-tisħiħ kemm tal-Operazzjoni Althea kif ukoll tal-KFOR tal-EUFOR permezz ta’ riżorsi addizzjonali; |
|
132. |
Ifaħħar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-Missjoni ta’ Sħubija tal-UE fil-Moldova (EUPM Moldova), li kkontribwiet għat-tisħiħ tal-istrutturi ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-pajjiż u għat-titjib fir-reżiljenza tiegħu għat-theddid ċibernetiku u ibridu, u għall-ġlieda kontra l-FIMI; jitlob li l-mandat tal-missjoni jiġi estiż lil hinn minn Mejju 2025, li tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-mezzi, il-metodi u r-riżorsi tagħha fir-rigward tal-objettivi tal-missjoni u li r-riżorsi tagħha jiġu adattati fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni sabiex tissaħħaħ l-effettività tagħha; jirrikonoxxi r-rwol importanti li għandha l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM) biex tgħin fil-ftuħ mill-ġdid tal-merkanzija bil-ferrovija permezz tat-Transnistrija u biex ixxekkel operazzjonijiet multipli ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin; iħeġġeġ lill-EUBAM tespandi l-kollaborazzjoni tagħha ma’ bosta organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-Europol, il-Frontex u l-OSKE permezz tal-Grupp ta’ Ħidma tagħha dwar l-Armi, l-Operazzjonijiet Konġunti ORIO II u l-inizjattivi “EU 4 Border Security”; |
|
133. |
Jilqa’ r-rwol tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-UE (EUMM) fil-Ġeorġja fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni fil-Linja ta’ Demarkazzjoni Amministrattiva tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar; jikkundanna d-detenzjoni temporanja ta’ uffiċjali tal-EUMM minn atturi tas-sigurtà waqt li jwettqu pattulja ta’ rutina tul il-Linja ta’ Demarkazzjoni Amministrattiva (ABL); jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar kwalunkwe azzjoni li tostakola l-azzjonijiet tal-EUMM u li tfittex li ddgħajjef l-isforzi biex tinbena l-fiduċja; iħeġġeġ lill-Kunsill u lis-SEAE jimmonitorjaw is-sitwazzjoni mill-qrib, jippromwovu l-aċċess mingħajr xkiel tal-EUMM għat-territorji tal-Georgia okkupati mir-Russja skont il-mandat tal-missjoni, jappoġġjaw l-estensjoni tal-mandat tagħha u jsaħħu l-kapaċitajiet tagħha sabiex jindirizzaw kif xieraq il-ħtiġijiet umanitarji u ta’ sigurtà tal-popolazzjoni lokali fiż-żoni milquta mill-kunflitti; |
|
134. |
Jilqa’ u jappoġġja bil-qawwa l-attivitajiet tal-Missjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) fl-ambitu tal-PSDK, li qed tgħin biex tiżdied is-sigurtà fir-reġjun billi tnaqqas b’mod sostanzjali l-għadd ta’ inċidenti fiż-żoni affettwati mill-kunflitti u fiż-żoni tal-fruntiera, filwaqt li tibni l-fiduċja u tnaqqas il-livell ta’ riskji għall-popolazzjoni li tgħix f’dawn iż-żoni; jilqa’ l-assistenza tal-Armenja għall-attivitajiet tal-EUMA fit-territorju tagħha; ifaħħar lill-Kunsill għad-deċiżjoni li jagħti spinta lill-kapaċità tal-missjoni u jżid l-għadd ta’ osservaturi skjerati kif ukoll li jestendi l-perjodu ta’ żmien ta’ skjerament tagħha, u jappella għal espansjoni ulterjuri u preżenza aktar b’saħħitha fir-reġjun sabiex jinħoloq ambjent li jwassal għal sforzi ta’ normalizzazzjoni appoġġjati mill-UE bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jippermetti lill-osservaturi tal-UE fuq in-naħa tal-fruntiera tiegħu wkoll; jikkundanna t-theddid tal-Ażerbajġan u n-narrattiva negattiva tar-Russja kontra l-EUMA; |
|
135. |
Iqis li ż-żewġ missjonijiet ċivili tal-UE tal-PSDK – il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) u l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EUBAM Rafah) jistgħu jaqdu rwol essenzjali biex jappoġġjaw l-isforzi Palestinjani għall-bini tal-istat. jappoġġja rwol aktar b’saħħtu għall-EUPOL COPPS u l-EUBAM Rafah, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta’ Marzu 2024 u abbażi tal-prinċipju tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati u l-vijabbiltà ta’ stat Palestinjan futur, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-faċilitazzjoni tat-twassil ta’ assistenza umanitarja lill-Istrixxa ta’ Gaża, itejbu l-effiċjenza tal-awtorità Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, u jippreparaw għar-ritorn tal-awtorità lejn l-Istrixxa ta’ Gaża; jenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-riattivazzjoni sħiħa tal-EUBAM Rafah biex tkun tista’ taġixxi bħala parti terza newtrali fil-punt ta’ qsim ta’ Rafah, f’koordinazzjoni mal-Awtorità Palestinjana kif ukoll mal-awtoritajiet Iżraeljani u Eġizzjani; jistenna li t-tisħiħ tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-mandati tal-EUPOL COPPS u tal-EUBAM Rafah fuq il-post jiġu inklużi bħala prijoritajiet ewlenin tal-Istrateġija UE-Lvant Nofsani li jmiss; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-mandati taż-żewġ missjonijiet sat-30 ta’ Ġunju 2025; |
|
136. |
Jieħu nota li l-mandati tal-EUTM Mali, tal-EUMPM fin-Niġer u tal-missjoni fuq il-post tal-persunal mill-EUCAP Sahel Niger intemmu fl-2024, filwaqt li l-Missjoni ta’ Kapaċità tal-UE Sahel Mali (EUCAP Sahel Mali) u ċ-Ċellula ta’ Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali tal-UE (EU RACC) għas-Saħel għadhom għaddejjin; jirrikonoxxi li d-diversi missjonijiet internazzjonali ma rnexxilhomx jilħqu l-għan tagħhom li jistabbilizzaw ir-reġjun u d-demokraziji fraġli tiegħu jew li jiżguraw il-paċi fir-reġjun; jinsab imħasseb dwar il-falliment tal-istrateġija tal-UE fis-Saħel f’termini ta’ sigurtà u difiża; jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li sejra għall-agħar, il-falliment kontinwu tal-istati u l-qawmien mill-ġdid tat-terroriżmu fis-Saħel; jieħu nota tal-ħolqien ta’ tip ġdid ta’ Inizjattiva ibrida ċivili-militari tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża fil-Golf tal-Guinea (EUSDI Golf tal-Guinea), stabbilita f’Awwissu 2023, bl-għan li tagħti s-setgħa lill-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Kosta tal-Avorju, il-Ghana, it-Togo u l-Benin biex itejbu l-istabbiltà u r-reżiljenza taż-żoni tal-fruntiera tat-Tramuntana tagħhom; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jeżaminaw mill-qrib il-mandat tal-missjonijiet kollha tal-PSDK fl-Afrika, bl-għan li jipprovdu għanijiet u stadji importanti li jistgħu jintlaħqu għal kull missjoni fid-dawl tal-kuntest politiku attwali, kif ukoll li jesploraw jekk dawn il-missjonijiet jistgħux jiġu emendati sabiex jaqdu b’mod aktar effettiv strateġija tal-UE ġdida riveduta u multidimensjonali għall-Afrika u għas-Saħel bħala parti mill-approċċ integrat tagħha; jitlob, f’dan ir-rigward, li jsir rieżami, bħala kwistjoni ta’ prijorità, tal-mandat u r-riżorsi tal-EUCAP Sahel Mali u tal-EU RACC għas-Saħel, u li jiġu proposti bidliet fihom u tiġi kkunsidrata t-terminazzjoni tagħhom jekk ikun meħtieġ; |
|
137. |
Jilqa’ l-ħolqien fi Frar 2024 tal-EUNAVFOR ASPIDES bħala operazzjoni militari tal-UE b’reazzjoni għall-attakki tal-Houthi fuq it-tbaħħir internazzjonali fil-Baħar l-Aħmar, sabiex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-libertà tan-navigazzjoni u s-salvagwardja tas-sigurtà marittima, speċjalment għall-bastimenti tal-merkanzija u kummerċjali fil-Baħar l-Aħmar, l-Oċean Indjan u l-Golf Persjan; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kapaċitajiet tal-operazzjoni EUNAVFOR ASPIDES u jikkunsidraw li jgħaqqduha mal-operazzjoni militari EU ATALANTA, kif previst oriġinarjament, biex tittejjeb l-effiċjenza taż-żewġ operazzjonijiet; |
Titjib tal-kapaċità tal-UE li tindirizza l-isfidi marbuta mas-sigurtà
Kapaċità ta’ intelligence
|
138. |
Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu l-kondiviżjoni tal-intelligence u l-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament, biex jiġi miġġieled l-indħil barrani, jittejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni u jkun jista’ jiġi antiċipat u miġġieled aħjar it-theddid għas-sigurtà kollettiva u jiġu definiti linji ta’ azzjoni komuni fl-ambitu tal-PSDK, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet; |
|
139. |
Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tagħmel użu sħiħ mill-informazzjoni diretta meħtieġa dwar kwistjonijiet globali li jseħħu barra mill-fruntieri tagħha fid-dawl tal-isfidi ġeopolitiċi u l-kriżijiet li qed jiżdiedu madwar id-dinja; ifaħħar l-isforzi taċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN tal-UE) u tad-Direttorat tal-Intelligence tal-Persunal Militari tal-UE, li jikkooperaw fil-qafas tal-Kapaċità Unika ta’ Analiżi tal-Intelligence (SIAC), kif ukoll taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SatCen), biex jipproduċu valutazzjonijiet tal-intelligence mis-sorsi kollha; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jsaħħu l-INTCEN tal-UE, is-SIAC, iċ-Ċentru ta’ Rispons għall-Kriżijiet tas-SEAE u s-SatCen tal-UE billi jsaħħu l-persunal u r-riżorsi finanzjarji tagħhom, kif ukoll il-kapaċitajiet u s-sigurtà tal-informazzjoni; iħeġġeġ lil dawn iċ-ċentri, dment li jkollhom dispożizzjonijiet adegwati dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, jisiltu tagħlimiet mir-rwol tan-NATO fl-iffaċilitar tal-kondiviżjoni pubblika-privata tal-intelligence dwar it-theddid ċibernetiku, u japplikaw dan fil-qasam tagħhom, biex b’hekk joffru valur miżjud lill-Istati Membri; |
|
140. |
Jistieden lill-Istati Membri jużaw l-INTCEN tal-UE bħala korp effettiv għall-kondiviżjoni tal-intelligence sabiex jikkondividu l-intelligence b’mod sikur, jifformulaw kultura strateġika u ta’ sigurtà komuni u jipprovdu informazzjoni strateġika; jisħaq li abbażi tal-intelligence miġbura, l-INTCEN tal-UE għandu jkun involut aktar fil-valutazzjonijiet tat-theddid imwettqa mill-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll fl-attribuzzjoni ta’ operazzjonijiet diġitali u evażjonijiet ta’ sanzjonijiet; itenni t-talba tiegħu li jiġi promoss l-istabbiliment ta’ sistema għall-fluss regolari u kontinwu ta’ intelligence mill-Istati Membri lejn is-SEAE u bejn l-Istati Membri tal-UE dwar kwistjonijiet barranin u ta’ sigurtà li jseħħu barra mill-Unjoni; jissottolinja l-importanza ta’ komunikazzjonijiet siguri u livell għoli ta’ sigurtà tal-informazzjoni għal intelligence affidabbli u jappella għal sforzi biex jiġu mtejba u ssimplifikati r-regoli u r-regolamenti tas-sigurtà li għandhom jiġu segwiti f’dan ir-rigward biex l-informazzjoni sensittiva, l-infrastruttura u s-sistemi tal-komunikazzjoni jiġu protetti aħjar mill-indħil u mill-attakki barranin; |
|
141. |
Jappella għal valutazzjonijiet konġunti regolari tat-theddid b’kontribut mis-servizzi tal-intelligence tal-Istati Membri sabiex il-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-PSDK jiġu infurmati u jtenni t-talba tiegħu għall-iskjerament ta’ kapaċitajiet ta’ ġbir ta’ intelligence fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha tal-PSDK, li jipprovdu informazzjoni lill-INTCEN tal-UE, lill-Persunal Militari tal-UE (EUMS), lill-MPCC u lis-CPCC; |
Difiża mill-attakki ibridi u mid-diżinformazzjoni
|
142. |
Jesprimi tħassib serju dwar l-isfidi dejjem akbar marbuta mas-sigurtà rrappreżentati mill-attakki ċibernetiċi u ibridi, kif ukoll mill-FIMI, li huma kollha mmirati, fost l-oħrajn, li jdgħajfu l-istabbiltà tas-soċjetajiet demokratiċi tal-UE, b’mod partikolari f’territorji tal-UE li jinsabu ’l bogħod mill-kontinent tagħhom, l-alleanzi tal-Istati Membri tal-UE, u jrawmu l-polarizzazzjoni, speċjalment fil-perjodu qabel l-elezzjonijiet; jisħaq li l-Istati Membri, b’mod partikolari dawk fil-fruntiera esterna tal-Lvant tal-UE, huma vulnerabbli għal tali influwenzi ostili mir-Russja u mill-Belarussja; jilqa’ l-kooperazzjoni istituzzjonali stabbilita fil-livell amministrattiv bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-Parlament matul il-kampanja elettorali Ewropea li għaddiet biex jiġi evitat użu massiv tal-FIMI minn atturi ta’ stati terzi u mhux statali malizzjużi; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-amministrazzjoni tal-Parlament isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom li jżidu r-reżiljenza kontra l-attakki ibridi u l-FIMI; jirrimarka f’dan ir-rigward id-deċiżjoni reċenti mill-qorti kostituzzjonali Rumena li tannulla l-ewwel ċiklu tal-elezzjonijiet presidenzjali wara rapporti ta’ attakki ibridi massivi mir-Russja, speċjalment permezz ta’ pjattaformi tal-media soċjali; jistieden ukoll lill-amministrazzjonijiet tas-SEAE u tal-Parlament jikkooperaw mill-qrib mas-settur privat, mas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-komunità akkademika u xjentifika fil-ġlieda kontra l-kampanji ta’ influwenza malinna u t-theddid ibridu, inkluż l-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħala arma; |
|
143. |
Jappoġġja l-istabbiliment imwiegħed ta’ “Tarka Ewropea għad-Demokrazija” u jtenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jikkunsidraw il-ħolqien ta’ struttura b’riżorsi tajbin u indipendenti inkarigata li tidentifika, tanalizza u tiddokumenta t-theddid tal-FIMI kontra l-UE kollha kemm hi, jidentifikaw, jittraċċaw u jitolbu it-tneħħija ta’ kontenut qarrieqi online, iżidu l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kondiviżjoni tal-intelligence dwar it-theddid, u jiżviluppaw kapaċitajiet ta’ attribuzzjoni u kontromiżuri fir-rigward tal-FIMI; iqis li din l-istruttura tkun isservi bħala punt ta’ referenza u ċentru ta’ għarfien speċjalizzat biex tiffaċilita u trawwem l-iskambju operattiv bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE; jisħaq li l-istruttura għandha tiċċara u ttejjeb ir-rwol tat-Taqsima tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE u t-taskforces tagħha bħala l-korp strateġiku tas-servizz diplomatiku tal-UE u tipprevjeni d-duplikazzjoni tal-attivitajiet; jenfasizza d-deċiżjoni tiegħu stess li jistabbilixxi kumitat speċjali dwar it-Tarka tad-Demokrazija tal-UE fil-Parlament Ewropew u jqis li huwa mod importanti kif jiġu kkonsolidati l-isforzi Ewropej f’dan il-qasam; |
|
144. |
Jenfasizza l-importanza li jiġu intensifikati l-isforzi biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni promossa minn atturi barranin li għandhom l-għan li jdgħajfu l-kredibbiltà tal-UE, b’mod partikolari fil-pajjiżi u r-reġjuni kandidati jew ġirien tal-UE fejn għaddejjin missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK; jissottolinja li l-koordinazzjoni bejn is-SEAE u l-aġenziji rilevanti tal-UE, inkluża l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u l-awtoritajiet rilevanti fil-livell tal-Istati Membri, trid tiżdied b’mod sinifikanti sabiex jiġu żviluppati strateġiji koerenti u effiċjenti kontra l-FIMI; jissottolinja f’dan ir-rigward il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni strateġika u preventiva, u jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jaħdmu id f’id mas-SEAE, biex isaħħu l-viżibbiltà, il-perċezzjoni pożittiva u l-leġittimità tal-azzjonijiet esterni tal-UE; |
|
145. |
Iqis li t-theddid ibridu fis-snin li ġejjin se jara l-kombinazzjoni tal-gwerra tal-informazzjoni, il-manuvri tal-forza aġli, il-gwerra ċibernetika tal-massa u t-teknoloġiji emerġenti u ta’ tfixkil, minn qiegħ il-baħar sal-ispazju, bil-varar ta’ sistemi ta’ sorveljanza u ta’ attakk tal-ajru u tal-ispazju, li kollha posssibilment jiġu permessi permezz tal-IA, il-computing kwantistiku, it-teknoloġiji dejjem aktar intelliġenti ta’ drone swarms, il-kapaċitajiet ċibernetiċi offensivi, is-sistemi ta’ missili ipersoniċi, in-nanoteknoloġiji u l-gwerra bijoloġika; jirrikonoxxi b’mod partikolari r-rwol dejjem akbar tal-IA fil-gwerra ibrida u l-użu potenzjali tagħha biex iddgħajjef l-istituzzjonijiet demokratiċi, ixxerred id-diżinformazzjoni, ixxekkel l-infrastruttura kritika, kif ukoll tinfluwenza l-opinjoni pubblika permezz ta’ operazzjonijiet awtomatizzati u mmexxija mid-data; |
|
146. |
Jappella għal miżuri strateġiċi, proattivi u kkoordinati fil-livell tal-UE biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu u jissaħħu s-sigurtà u l-integrità tal-infrastruttura kritika fl-UE, it-tneħħija tar-riskji u l-promozzjoni tal-vantaġġ teknoloġiku tal-UE f’setturi kritiċi, inklużi miżuri biex jiġu ristretti jew esklużi fornituri ta’ riskju għoli; jisħaq f’dan ir-rigward fuq l-importanza tal-proġett PESCO li għandu l-għan li jappoġġja liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tal-Qasam Ċibernetiku u tal-Informazzjoni (CIDCC) biex jiffaċilita l-ippjanar u t-twettiq tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE b’kapaċitajiet fil-qasam taċ-ċibersigurtà u tal-informazzjoni kif ukoll isaħħaħ ir-reżiljenza ġenerali tal-UE f’dan il-qasam; jappella, għalhekk, għall-integrazzjoni permanenti tiegħu fil-PSDK; |
|
147. |
Jikkundanna l-azzjonijiet malizzjużi kontinwi mir-Russja u l-Belarussja li għandhom l-għan li jiddestabbilizzaw lill-UE billi jġiegħlu lill-migranti jidħlu bil-forza fil-pajjiżi tal-UE, li jikkostitwixxu attakk ibridu; jistieden lill-UE tirrieżamina u taġġorna l-politiki tagħha dwar it-tisħiħ tal-fruntieri esterni tagħha, inkluż permezz tal-finanzjament ta’ ostakoli fiżiċi, sabiex issaħħaħ is-sigurtà tal-Unjoni kollha kemm hi; |
Ċibersigurtà
|
148. |
Jilqa’ l-Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà (29) u l-importanza tiegħu għall-kapaċitajiet ta’ ċiberdifiża tal-Istati Membri; jappoġġja l-promozzjoni ta’ pjattaformi għall-kondiviżjoni u l-analiżi tal-informazzjoni u jitlob li dan jiġi estiż biex jinkludi l-forniment ta’ intelligence dwar it-theddid jew il-vulnerabbiltà ma’ ċentri tal-operazzjonijiet tas-sigurtà transfruntiera (SOCs); jappella għal pjan ta’ finanzjament aktar ċar li jispeċifika l-ammont ta’ fondi li se jintużaw biex jiġi implimentat l-att; |
|
149. |
Jinsab imħasseb dwar id-dewmien minn ħafna Stati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni (Direttiva NIS 2) (30) u jappella għal implimentazzjoni rapida biex tiġi żgurata l-infrastruttura kritika Ewropea; jistieden lill-VP/RGħ tissinkronizza aħjar is-sett ta’ għodod ta’ sanzjonijiet ċibernetiċi, ibridi u tal-FIMI u tużahom b’mod aktar attiv filwaqt li tesplora wkoll kif is-sanzjonijiet settorjali jistgħu jiġu implimentati; |
Spazju
|
150. |
Jilqa’ l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ Mario Draghi dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea, li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaġġornaw il-governanza u r-regoli relatati mal-investimenti fil-qasam tal-ispazju, b’mod partikolari fl-oqsma relatati mad-difiża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu b’mod xieraq f’dan il-qasam fil-kuntest tal-QFP li jmiss u anke billi jikkunsidraw kwalunkwe strument ta’ finanzjament ieħor; jenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġi żviluppat aktar il-Programm Spazjali Ewropew b’kunsiderazzjoni tal-konnessjonijiet b’saħħithom bejn is-setturi tal-ispazju u tad-difiża u s-sigurtà meta jiġi ppjanat il-QFP il-ġdid; jissottolinja l-importanza li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Aġenzija Spazjali Ewropea biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġi żgurat użu aktar effiċjenti tar-riżorsi; jitlob li jitrawmu l-kooperazzjoni transatlantika u s-sinerġiji man-NATO biex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-ispazju u tad-difiża; |
|
151. |
Jenfasizza li l-pilastri attwali tal-programm spazjali tal-UE – il-programm globali ta’ navigazzjoni bis-satellita Galileo u l-programm ta’ osservazzjoni tad-Dinja Copernicus – għandhom potenzjal ċar ta’ użu doppju fl-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet u servizzi spazjali; jisħaq fuq l-importanza li tiġi stabbilita, bħala t-tielet pilastru tal-programm spazjali tal-UE, il-kostellazzjoni satellitari IRIS2 biex jiġu pprovduti servizzi ta’ komunikazzjoni siguri lill-UE u lill-Istati Membri tagħha kif ukoll konnettività tal-broadband liċ-ċittadini Ewropej, lill-kumpaniji privati u lill-awtoritajiet governattivi; jirrakkomanda li t-Tajwan u l-Ukrajna jingħataw aċċess għall-Konstellazzjoni bis-Satellita IRIS2; jenfasizza li, lil hinn mill-komunikazzjonijiet bis-satellita, setturi bħall-pożizzjonament, in-navigazzjoni, il-ħin, kif ukoll l-osservazzjoni tad-dinja, huma essenzjali fit-tisħiħ tal-awtonomija strateġika u r-reżiljenza tal-UE; jisħaq li l-iżvilupp ta’ dawn il-kapaċitajiet jikkontribwixxi direttament għal rispons effettiv għall-kriżijiet u għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika; jitlob għalhekk li jiġu kkunsidrati programmi spazjali ġodda tal-UE, li jippermettu lill-UE ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha u l-istatus tagħha bħala potenza spazjali globali; |
|
152. |
Jirrikonoxxi l-inadegwatezza tal-kapaċitajiet tal-lanċjatur u tal-komunikazzjoni bis-satellita fl-UE; jissottolinja l-importanza strateġika li dawn il-kapaċitajiet jiġu avvanzati u mtejba biex l-UE tkun tista’ tappoġġja b’mod effettiv il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-PSDK, filwaqt li żżomm pożizzjoni reżiljenti u awtonoma; jisħaq li l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet immexxija mill-UE f’dan il-qasam huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u biex tiġi żgurata preżenza sigura u kompetittiva fis-settur spazjali; |
|
153. |
Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw it-theddida dejjem akbar tal-użu tal-ispazju bħala arma, b’mod partikolari r-rapporti dwar il-progress tar-Russja fit-teknoloġija tal-armi nukleari bbażata fl-ispazju, li tikkostitwixxi ksur sfaċċat tat-Trattat dwar l-Ispazju Ekstratmosferiku tal-1967; |
Qasam marittimu
|
154. |
Jisħaq li, minħabba t-tensjonijiet marittimi ġeopolitiċi li qed jikbru, l-UE trid iżżid l-attivitajiet tagħha fuq il-baħar, billi tkun minn fuq ta’ quddiem fis-sensibilizzazzjoni dwar il-qasam marittimu, tipproteġi l-infrastruttura kritika, tiżgura li l-fruntieri marittimi esterni tagħha jiġu mmonitorjati b’mod effettiv sabiex jiġu miġġielda l-organizzazzjonijiet kriminali li japprofittaw mill-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali ġol-Istati Membri tal-UE, b’mod partikolari fil-Baħar Mediterran u fl-Oċean Atlantiku, u tikkontribwixxi biex jiġu żgurati l-libertà tan-navigazzjoni, is-sikurezza tal-linji ta’ komunikazzjoni marittimi u tal-bastimenti u l-ekwipaġġi, u biex jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat; |
|
155. |
Jissottolinja l-impenn li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala garanti tas-sigurtà marittima internazzjonali; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-kunċett ta’ Preżenza Marittima Koordinata (CMP), li jsaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà marittima globali u l-viżibbiltà tagħha f’reġjuni marittimi ewlenin, jenfasizza l-attivitajiet tas-CMPs fil-Golf tal-Guinea u fil-Majjistral tal-Oċean Indjan; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b’mod attiv f’dawk l-inizjattivi u jibnu l-kapaċitajiet navali militari tagħhom bil-għan li jtejbu l-preżenza u l-viżibbiltà tal-UE fis-settur marittimu globali; jirrakkomanda li s-CMPs jiġu estiżi għal żoni marittimi ewlenin oħra madwar id-dinja; |
|
156. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sorveljanza u s-sabotaġġ ta’ infrastruttura marittima kritika mir-Russja u miċ-Ċina, bħall-kejbils ta’ komunikazzjoni f’qiegħ il-baħar u l-faċilitajiet tal-enerġija lil hinn mill-kosta; jesprimi b’mod partikolari t-tħassib serju tiegħu dwar il-ħsara lil żewġ kejbils ta’ komunikazzjoni taħt il-baħar, wieħed li jgħaqqad il-Finlandja mal-Ġermanja u l-ieħor li jgħaqqad l-Iżvezja mal-Litwanja, f’inqas minn 24 siegħa fis-17 u t-18 ta’ Novembru 2024, u dwar il-ħsara minn tanker li jappartjeni għall-flotta mistura Russa ta’ EstLink2, li jgħaqqad l-Estonja u l-Finlandja, fil-25 ta’ Diċembru 2024; jistieden lill-UE tistabbilixxi sistemi effettivi ta’ monitoraġġ u sorveljanza u kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta reġjonali biex jiġu żgurati l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni rapida ta’ attakki kontra tali infrastruttura; jilqa’, f’dan ir-rigward, it-tnedija tal-operazzjoni “Baltic Sentry” min-NATO, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi Stati Membri, biex tittejjeb is-sigurtà tal-infrastruttura kritika taħt il-baħar fil-Baħar Baltiku; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji tad-dikjarazzjoni ta’ New York dwar is-Sigurtà u r-Reżiljenza tal-Kejbils ta’ Taħt il-Baħar, inkluż l-akkwist ta’ tagħmir tal-kejbils sottomarini minn kumpaniji f’pajjiżi alleati biss; jistieden lill-Kummissjoni talloka riżorsi adegwati għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ assi ta’ taħt l-ilma u tagħmir ta’ difiża avvanzati biex il-gżejjer jiġu protetti minn żbarki u attakki possibbli minn forzi minn pajjiżi terzi; |
|
157. |
Jitlob lill-UE u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jieħdu miżuri urġenti u deċiżivi kontra l-flotta mistura Russa fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar l-Iswed, u għalhekk jilqa’ l-aħbar li, fl-21 ta’ Marzu 2025, il-Ġermanja ħadet f’idejha s-sjieda tal-bastiment Eventin, li kien intuża biex jiġu ċċirkumventati s-sanzjonijiet tal-UE fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt Russu; |
Kontroll tal-armi, nonproliferazzjoni u diżarm
|
158. |
Jiddeplora d-dgħufija tar-reġimi tan-nonproliferazzjoni u tal-kontroll tal-armi matul dawn iż-żminijiet ġeopolitiċi instabbli u jitlob l-irduppjar tal-isforzi biex din it-tendenza titreġġa’ lura; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa kritika u sostanzjali li jiżdied l-investiment fil-kontroll reġjonali u globali tal-armi, in-nonproliferazzjoni u d-diżarm, b’enfasi partikolari fuq strateġiji multilaterali; jisħaq li dawk l-istrateġiji għandhom jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ordinanza mhux sploduta u armi kimiċi mormija fis-seklu preċedenti, li huma ta’ theddida għas-sigurtà, l-ambjent, is-saħħa u l-ekonomija, b’mod partikolari fl-ibħra tal-Baltiku, tal-Adrijatiku u tat-Tramuntana; |
|
159. |
Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu għall-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) u jirrikonoxxih bħala l-pedament tal-qafas tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm nukleari globali; ifakkar li r-Russja rtirat ir-ratifika tagħha tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari f’Ottubru 2023; |
|
160. |
Jinnota li, bħala riżultat tat-theddida bla preċedent ta’ aggressjoni Russa kontra t-territorju tal-UE, l-Istati Membri, speċjalment dawk li għandhom prossimità ġeografika mar-Russja u l-alleat tagħha l-Belarussja, qed jiffaċċjaw deċiżjonijiet diffiċli rigward il-politika tagħhom dwar l-armamenti, inkluża r-reviżjoni ta’ politiki preċedenti u l-parteċipazzjoni fi trattati internazzjonali; itenni l-kundanna tiegħu għat-theddid Russu li wassal lil xi Stati Membri biex jikkunsidraw li jirtiraw mit-Trattat ta’ Ottawa u jinnota li, filwaqt li dan ma jinvolvix bidla ġenerali fil-politika tal-UE, din ir-rikunsiderazzjoni tissottolinja s-serjetà tat-theddida Russa u l-ħtieġa li ċ-ċittadini tagħna jiġu protetti b’mod adegwat; |
|
161. |
Ifakkar li n-negozjati internazzjonali relatati man-nonproliferazzjoni u mar-reġimi ta’ kontroll tal-armi u l-eżiti tagħhom għandhom impatt fuq l-Ewropa, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri tal-UE; jenfasizza l-importanza li jingħata impetu mġedded biex jerġgħu jitqajmu dawk ir-reġimi; jisħaq ukoll fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-UE tieħu rwol attiv u kostruttiv fl-avvanz u t-tisħiħ tal-isforzi internazzjonali bbażati fuq ir-regoli lejn arkitettura ta’ nonproliferazzjoni, kontroll tal-armi u diżarm, b’mod partikolari fil-qasam tal-armi ta’ qerda massiva u l-għodod ta’ sorveljanza u manipulazzjoni diġitali b’użu doppju; |
|
162. |
jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw bis-sħiħ mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK)2019/1560, u biex jimplimentaw b’mod strett il-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali; |
|
163. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi evitat li teknoloġiji emerġenti sensittivi u oġġetti kruċjali b’użu doppju, speċjalment dawk li huma kritiċi għas-sigurtà tal-UE, jiġu trasferiti lejn destinazzjonijiet ta’ tħassib barra mill-UE; jitlob li jiġu stabbiliti u implimentati sistemi elettroniċi ta’ liċenzjar doganali u tal-esportazzjoni fl-UE kollha, bħala pass kritiku biex il-kontrolli tal-esportazzjoni mill-Istati Membri ta’ dawk it-teknoloġiji u l-oġġetti jsiru aktar effettivi; |
Difiża u soċjetà u preparatezza u tħejjija ċivili u militari
|
164. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta’ fehim usa’ tat-theddid u r-riskji għas-sigurtà fost iċ-ċittadini tal-UE biex jiġu żviluppati fehim u allinjament kondiviżi tal-perċezzjonijiet tat-theddid madwar l-Ewropa u biex jinħoloq kunċett komprensiv ta’ difiża Ewropea; jisħaq li l-iżgurar tal-appoġġ mill-istituzzjonijiet demokratiċi u konsegwentement miċ-ċittadini huwa essenzjali biex tiġi żviluppata difiża tal-UE fit-tul ta’ suċċess u koerenti, li tirrikjedi dibattitu pubbliku infurmat; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw programmi ta’ sensibilizzazzjoni u edukattivi, speċjalment għaż-żgħażagħ, bl-għan li jtejbu l-għarfien u jiffaċilitaw id-dibattiti dwar is-sigurtà, id-difiża u l-importanza tal-forzi armati u jsaħħu r-reżiljenza u l-preparatezza tas-soċjetajiet biex jiffaċċjaw sfidi ta’ sigurtà, filwaqt li jippermettu kontroll u skrutinju pubbliku u demokratiku akbar tas-settur tad-difiża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw dawk il-programmi fil-qafas tat-Tarka għad-Demokrazija Ewropea, filwaqt li jibnu fuq il-mudell ta’ programmi nazzjonali, bħall-Inizjattiva ta’ Kontinġenza Ċivili Żvediża; |
|
165. |
Jilqa’ l-isforzi biex jissaħħu l-preparatezza u t-tħejjija ċivili u militari tal-Ewropa, kif propost ukoll fir-rapport tas-Sur Niinistö; jirrikonoxxi l-importanza kritika taċ-ċittadini fil-preparatezza u r-rispons għall-kriżijiet, b’mod partikolari r-reżiljenza psikoloġika tal-individwi u l-preparatezza tal-unitajiet domestiċi; jirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-infrastrutturi tal-protezzjoni ċivili u l-ippjanar għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza; jappoġġja approċċ tas-soċjetà kollha għar-reżiljenza, li jinvolvi l-involviment attiv tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili, u ċ-ċittadini individwali fit-tisħiħ tal-qafas tas-sigurtà tal-UE; jisħaq li l-korpi deċiżjonali tal-PSDK responsabbli għall-ippjanar, ir-riżorsi u l-loġistika għandhom il-potenzjal li jsiru l-faċilitaturi primarji tal-ġestjoni ċivili tal-kriżijiet matul sitwazzjonijiet ta’ emerġenza; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jeżaminaw mill-qrib ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport u jiżviluppaw valutazzjoni tar-riskju u strateġija ta’ preparatezza tal-UE, eżerċizzji konġunti, interfaċċa ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-UE u n-NATO fid-dawl ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi; jitlob li tiġi żviluppata infrastruttura adegwata għall-protezzjoni ċivili u ppjanar bir-reqqa f’każ ta’ emerġenza u li jiġu żgurati l-investimenti meħtieġa għal dawn il-finijiet, inkluż permezz ta’ programm ta’ garanzija ta’ investiment iddedikat tal-BEI għal infrastruttura tad-difiża ċivili reżistenti għall-kriżijiet; |
|
166. |
Ifakkar li t-terroriżmu, inkluż it-terroriżmu ġiħadista, joħloq theddida persistenti għas-sigurtà tal-UE u tas-sħab tagħha; jistieden lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex tipprevjeni din it-theddida b’determinazzjoni u solidarjetà sħiħa, b’mod partikolari permezz ta’ koordinazzjoni akbar biex ittejjeb l-għarfien, tiżviluppa kapaċitajiet ta’ preparatezza u ta’ rispons, u tiżgura interazzjoni aktar mill-qrib mas-sħab u ma’ atturi internazzjonali oħra; |
|
167. |
Jirrimarka li l-politiki ta’ difiża tal-UE għandhom jirriflettu l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità, jippromwovu ambjenti militari inklużivi li jirriflettu l-valuri u d-diversità tas-soċjetà Ewropea filwaqt li jiżguraw li l-membri kollha tal-forzi armati Ewropej, irrispettivament mill-ġeneru jew l-isfond, ikollhom opportunitajiet indaqs u aċċess għall-appoġġ; itenni r-rwol importanti taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fiż-żamma u fil-promozzjoni tal-paċi u tas-sigurtà u jistieden lis-SEAE jimpenja ruħu biex jintegra b’mod aktar sistematiku liż-żgħażagħ fl-aġenda tiegħu għaż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà (YPS); jitlob ukoll li jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ għal min iħarreġ u kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tad-difiża u l-universitajiet tal-Istati Membri tal-UE, bħal korsijiet militari, eżerċizzji u attivitajiet ta’ taħriġ għall-istudenti ċivili; |
|
168. |
Jisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jindirizzaw l-isfidi kritiċi ta’ reklutaġġ u żamma fil-militar billi jiżviluppaw azzjonijiet nazzjonali u fil-livell tal-UE kkoordinati sabiex jiżguraw forza tax-xogħol militari sostenibbli; jirrakkomanda li l-UE għandha tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ politiki li jtejbu l-attraenza tal-karriera u l-istrateġiji ta’ żamma fit-tul; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) jipprovdi segwitu għall-kompitu tiegħu li jiġbor u janalizza data madwar l-Istati Membri tal-UE dwar il-kwistjonijiet ta’ reklutaġġ u żamma, sabiex jiġu identifikati miżuri possibbli li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet; jenfasizza li l-appoġġ għas-saħħa mentali u għall-benesseri tal-persunal militari, b’enfasi fuq l-iżvilupp professjonali u l-kura fit-tul għall-veterani, irid jitqies b’mod adegwat fl-iżvilupp ulterjuri tal-Unjoni tad-Difiża; |
|
169. |
Ifakkar fl-importanza li jiġu organizzati taħriġ u eżerċizzji konġunti bejn il-forzi armati Ewropej, biex b’hekk tiġi promossa l-interoperabbiltà, bil-għan li tiġi massimizzata l-preparatezza tal-missjonijiet u tiġi indirizzata firxa wiesgħa ta’ theddid, kemm konvenzjonali kif ukoll mhux konvenzjonali; jitlob l-iżvilupp u l-ħolqien ta’ programmi ta’ skambju fil-livell tal-UE għall-persunal militari mill-Istati Membri, immirati biex jipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ u esperjenza f’ambjenti u strutturi militari Ewropej differenti u b’hekk irawmu fehim reċiproku, koeżjoni u interoperabbiltà, bejn il-forzi armati tal-UE; itenni f’dan ir-rigward l-appoġġ tiegħu għall-Inizjattiva Ewropea għall-Iskambju ta’ Uffiċjali Militari Żgħażagħ (Erasmus Militari – EMILYO), operata mill-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża; |
Tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża u tas-sħubijiet
|
170. |
Jissottolinja l-importanza tad-dimensjoni tas-sħubija tal-Boxxla Strateġika biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-alleati u s-sħab tagħha madwar id-dinja abbażi ta’ valuri komuni u rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija, sabiex tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-prinċipju tad-deterrenza u jiġu miġġielda l-istrateġiji barranin immirati li jdgħajfu lill-UE u lis-sħab tagħħa u jiddestabbilizzaw l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli; jistieden lill-UE tkompli tinvolvi ruħha f’kooperazzjoni dwar is-sigurtà mas-sħab fl-oqsma ta’ prijorità kollha identifikati fil-Boxxla Strateġika, b’mod partikolari fit-tisħiħ tar-reżiljenza tas-setturi tas-sigurtà lokali fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet, fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu kif ukoll fit-titjib tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet taċ-ċibersigurtà; jappella wkoll għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-organizzazzjonijiet rilevanti mis-sħab maċ-Ċentru Satellitari tal-UE, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA); jemmen li l-parteċipazzjoni tas-sħab u tal-Alleati tan-NATO fi proġetti PESCO, soġġetta għall-ftehim mill-Istati Membri tal-UE, tikkontribwixxi għat-titjib tal-kompatibbiltà bejn l-istandards tagħhom fis-settur tad-difiża kif ukoll għall-kondiviżjoni tal-esperjenza, l-intelligence u l-għarfien espert tekniku f’diversi oqsma; |
|
171. |
Jafferma mill-ġdid li l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) tal-UE trid dejjem tosserva b’mod strett il-liġi internazzjonali u d-deċiżjonijiet multilaterali meħuda mill-istituzzjonijiet internazzjonali; jilqa’ l-adozzjoni tal-politika ta’ diliġenza dovuta tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali dwar l-appoġġ għas-settur tas-sigurtà lil partijiet terzi (EU HRDDP), li sservi bħala bażi għas-sigurtà u l-kooperazzjoni militari ma’ pajjiżi terzi b’mod li jkun aktar konformi mad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali (IHL); jitlob l-implimentazzjoni bir-reqqa tiegħu; itenni t-talba għal kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħal, iżda mhux biss, in-NU, l-Unjoni Afrikana, u l-missjonijiet tagħhom għaż-żamma tal-paċi fi sferi konġunti, u l-OSKE dwar is-sigurtà; |
|
172. |
Jilqa’ d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri tad-Difiża tal-G7 tad-19 ta’ Ottubru 2024 u d-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tagħhom li jżidu l-kooperazzjoni fis-settur tad-difiża; jisħaq fuq l-interess qawwi għall-UE li tiżviluppa sħubijiet internazzjonali ma’ sħab tal-istess fehma f’dan il-qasam u l-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi tal-UE biex jiġi żgurat li l-pajjiżi li darba kienu sħab strateġiċi, u li magħhom xi Stati Membri jżommu rabtiet kulturali b’saħħithom, ma jiġux inklużi fl-isfera ta’ influwenza tar-rivali sistemiċi; ifakkar li d-diplomazija ekonomika għandha rwol kruċjali f’dan l-isforz, u sservi bħala għodda essenzjali biex jissaħħu r-rabtiet kooperattivi, tiġi promossa l-prosperità reċiproka, u jiġu kkonsolidati l-preżenza u l-influwenza tal-UE, filwaqt li tikkontribwixxi għar-reżiljenza tas-sħab kontra pressjonijiet esterni; |
|
173. |
Jemmen li jrid isir kull sforz biex tinżamm u, jekk possibbli, titrawwem il-kooperazzjoni transatlantika f’kull qasam tas-setturi militari u tad-difiża, filwaqt li jfakkar fil-ħtieġa li titrawwem id-difiża Ewropea u tiġi żviluppata sovranità akbar; |
Kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO
|
174. |
Jisħaq fuq l-importanza tas-sħubija strateġika tal-UE man-NATO, b’rispett sħiħ tal-prinċipji gwida maqbula tat-trasparenza, ir-reċiproċità u l-inklużività, kif ukoll ir-rispett għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-proċeduri ta’ kull organizzazzjoni; jenfasizza li n-NATO u l-UE għandhom rwoli komplementari, koerenti u li jsaħħu lil xulxin biex jappoġġjaw is-sigurtà u l-paċi internazzjonali u b’hekk jevitaw id-duplikazzjoni tal-isforzi fil-qasam tad-difiża, filwaqt li jżommu kooperazzjoni mill-qrib b’saħħitha; jilqa’ l-adeżjoni tal-Iżvezja man-NATO fl-2024, u dik tal-Finlandja fl-2023, li jirrappreżentaw pass storiku ’l quddiem fit-tisħiħ tas-sigurtà fl-Ewropa, b’mod partikolari fir-reġjun tal-Baħar Baltiku; jistieden lill-VP/RGħ topera f’koordinazzjoni u unità mill-qrib mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO; |
|
175. |
Jappella għal aktar approfondiment tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO billi jibni fuq il-Boxxla Strateġika tal-UE u l-Kunċett Strateġiku l-ġdid tan-NATO, inkluż fl-oqsma taċ-ċibersigurtà, il-gwerra ibrida, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-mobbiltà militari, l-infrastruttura b’użu doppju, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà militari, il-ġlieda kontra l-indħil barrani malizzjuż minn pajjiżi terzi, approċċ ikkoordinat fl-Indo-Paċifiku, kif ukoll żieda fl-azzjoni komuni fix-xena internazzjonali biex tiġi protetta d-demokrazija; jappoġġja bil-qawwa l-Politika dwar il-Bibien Miftuħa tan-NATO; jistieden lill-UE u lin-NATO jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità tas-sħab komuni; |
|
176. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa kostanti ta’ allinjament fost l-istati li huma membri kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO u l-obbligu skont l-Artikoli 1 u 3 tal-Karta tan-NATO għall-kooperazzjoni, l-awtoassistenza u l-għajnuna reċiproka; jistieden lill-UE żżid l-isforzi tagħha dwar inizjattivi ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni kull fejn mhemmx ekwivalenti għan-NATO, iżżid l-istandardizzazzjoni, ittejjeb l-interoperabbiltà u tiżviluppa proċeduri operattivi komuni bejn il-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Istati Membri u tal-UE; |
|
177. |
Ifaħħar il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO fil-Balkani tal-Punent, inkluż permezz tal-Operazzjoni Althea tal-EUFOR u l-operazzjonijiet militari tal-KFOR, li jiggarantixxu l-istabbiltà meħtieġa għall-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo u r-reġjun usa’; |
|
178. |
Jenfasizza r-rwol vitali tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed fix-xenarju Ewropew tas-sigurtà u jistieden lill-UE tikkollabora man-NATO fil-formulazzjoni ta’ strateġija komprensiva għal dan ir-reġjun, li għandha tindirizza l-isfidi tas-sigurtà, tiġġieled it-theddid ibridu, ittejjeb il-kooperazzjoni marittima u ssaħħaħ is-sħubijiet reġjonali; |
|
179. |
Jilqa’ l-ħatra tar-Rappreżentant Speċjali tan-NATO għall-Viċinat tan-Nofsinhar u l-enfasi tan-NATO fuq dan ir-reġjun; iqis li huwa xieraq li jissaħħu l-koordinazzjoni u l-konsultazzjoni bejn l-uffiċjali tal-UE inkarigati mill-politika għall-Viċinat tan-Nofsinhar u s-Saħel u l-kontropartijiet tagħhom tan-NATO, sabiex jiġu evitati l-pubbliċità u l-frammentazzjoni tal-isforzi u r-riżorsi; |
|
180. |
Jilqa’ l-proposta tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO (NATO PA) biex jissaħħaħ l-istatus tal-Parlament bħala “sieħeb” fl-ambitu tar-riforma tas-sħubijiet li għaddejja; jistieden lid-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO (DNAT) tagħmel użu sħiħ mill-privileġġi attwali u futuri tal-Parlament; iqis id-DNAT bħala strument importanti tad-diplomazija tal-Parlament fi sħubija msaħħa bejn l-UE u n-NATO li għandha l-għan li ssaħħaħ il-pilastru Ewropew tan-NATO u tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-Alleanza; huwa tal-fehma li d-DNAT jista’ jkollha rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, fit-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika tal-pajjiżi tal-adeżjoni u tas-sħab ewlenin, kif ukoll, b’mod ġenerali, fit-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari ta’ din is-sħubija essenzjali; |
Sħubija mal-Amerika ta’ Fuq
|
181. |
Iqis li huwa essenzjali li tiġi żviluppata aktar ir-relazzjoni mill-qrib tal-UE mal-Istati Uniti, li hija bbażata fuq ir-rispett reċiproku, il-valuri komuni tad-demokrazija, tal-libertà u tal-istat tad-dritt, kif ukoll firxa wiesgħa ta’ interessi komuni jew konverġenti; japprezza l-impenn tal-Istati Uniti favur id-difiża territorjali tal-Ewropa kif ukoll l-involviment tagħhom fiha, f’konformità mat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u l-Artikolu 5 tiegħu, speċjalment fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jinkoraġġixxi inizjattivi reċiproċi ta’ sigurtà u difiża, u kooperazzjoni fl-oqsma tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni, l-impatt ta’ teknoloġiji fixkiela, it-tibdil fil-klima, it-theddid ibridu, iċ-ċiberdifiża, il-mobbiltà militari, il-ġestjoni tal-kriżijiet u r-relazzjoni ma’ kompetituri strateġiċi; jappella għal aktar tisħiħ tad-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-sigurtà u d-difiża bħala strument importanti f’kooperazzjoni transatlantika aktar mill-qrib; |
|
182. |
Jinnota li l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti komplew iżidu t-tħassib dwar il-pożizzjoni futura tal-Istati Uniti fir-rigward tar-Russja, in-NATO u s-sigurtà tal-Ewropa; jiddispjaċih, f’dan ir-rigward, dwar il-voti tal-Gvern tal-Istati Uniti, allinjati mal-Gvern Russu, fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-rigward ta’ riżoluzzjonijiet dwar it-tielet anniversarju tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; jappella biex il-Kummissjoni tagħmel sforzi biex issaħħaħ mill-ġdid id-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-sigurtà u d-difiża bħala strument importanti f’kooperazzjoni transatlantika aktar mill-qrib; |
|
183. |
Jinnota l-importanza ta’ kollaborazzjoni akbar fil-produzzjoni u fl-akkwist tad-difiża, inkluż permezz ta’ aċċess ugwali għaż-żewġ industriji tad-difiża; jieħu nota tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Industrija tad-Difiża tal-Istati Uniti ta’ Jannar 2024 u l-ambizzjoni tagħha li tapprofondixxi l-kooperazzjoni industrijali mas-sħab; jirrikonoxxi l-firxa vasta ta’ oqsma possibbli ta’ kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku fid-difiża u l-implikazzjonijiet pożittivi tagħha għal sħubija trans-Atlantika aktar b’saħħitha fi żminijiet ta’ kompetizzjoni ġeopolitika dejjem akbar; jisħaq, madankollu, li tali kooperazzjoni tirrikjedi kundizzjonijiet ekwi, u dan huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Istati Uniti dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Armi; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tniedi djalogu mal-Istati Uniti biex tesplora l-possibbiltajiet li tiġi żviluppata kooperazzjoni industrijali tad-difiża ta’ benefiċċju reċiproku bbażata fuq qafas legali li jiżgura kundizzjonijiet transatlantiċi ekwi; |
|
184. |
Jissottolinja li l-kooperazzjoni mal-Kanada hija fundamentali għas-sigurtà tal-UE u jilqa’ r-rwol attiv li l-Kanada kellha biex tipprovdi appoġġ lill-Ukrajna; jemmen li d-djalogu bilaterali dwar is-sigurtà u d-difiża kif ukoll is-sħubija li jmiss dwar is-sigurtà u d-difiża jipprovdu l-bażi għal kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, inkluż dwar inizjattivi rispettivi biex tingħata spinta lill-produzzjoni tal-industrija tad-difiża; |
Sħubija mar-Renju Unit
|
185. |
Jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet sinifikanti tar-Renju Unit għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Ewropa, kif ukoll l-impenn tiegħu għal objettivi ta’ difiża kondiviżi, li jsaħħu s-sigurtà kollettiva madwar l-Ewropa; jilqa’ l-kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-UE, l-Istati Membri tal-UE u r-Renju Unit fir-rigward tal-appoġġ lill-Ukrajna, kif ukoll ftehimiet bilaterali bħall-ftehim Trinity House bejn ir-Renju Unit u l-Ġermanja biex tiġi approfondita l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża; jilqa’ l-parteċipazzjoni tas-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, il-Commonwealth u l-Iżvilupp fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE f’Ottubru 2024; jistieden lill-UE u lir-Renju Unit itejbu malajr il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża u jsiru sħab tas-sigurtà aktar mill-qrib billi jiffirmaw dikjarazzjoni konġunta b’impenji konkreti u djalogu strutturat biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit dwar il-firxa sħiħa ta’ sfidi barranin u ta’ sigurtà li jiffaċċjaw l-UE u r-Renju Unit fil-kontinent Ewropew; jissottolinja f’dan ir-rigward l-importanza ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-intelligence, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-mobbiltà militari, l-inizjattivi ta’ sigurtà u difiża, il-ġestjoni tal-kriżijiet, iċ-ċiberdifiża, it-theddid ibridu u l-FIMI, u dwar l-indirizzar konġunt ta’ theddid kondiviż, bħall-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva; |
|
186. |
Iqis essenzjali li jsir progress dwar kooperazzjoni prattika billi tiġi formalizzata dikjarazzjoni konġunta dwar sħubija ta’ sigurtà u ta’ difiża mar-Renju Unit bħala mezz kif jissaħħu s-sigurtà Ewropea u l-pilastru Ewropew tan-NATO, b’mod partikolari fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; iħeġġeġ lir-RGħ/VP tistieden b’mod regolari lir-Renju Unit għal laqgħat informali tal-Kunsill tal-ministri tal-affarijiet barranin (u tad-difiża) biex jiskambjaw fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ tħassib komuni filwaqt li jissalvagwardjaw bis-sħiħ l-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE; |
Sħubija mas-sħab tal-Balkani tal-Punent u tal-Ewropa tal-Lvant
|
187. |
Jemmen li s-sigurtà tal-UE hija marbuta mill-qrib mas-sigurtà tal-ġirien Ewropej immedjati tagħha u li l-UE għandha interess li tagħti prijorità lill-politika tat-tkabbir tagħha u ssaħħaħ l-istabbiltà tal-ġirien tax-Xlokk u tal-Lvant tagħha, b’mod partikolari l-pajjiżi kandidati; jappella għal kooperazzjoni ta’ sigurtà militari aktar b’saħħitha, inklużi s-sigurtà ċivili u militari kif ukoll is-sigurtà politika u militari, kooperazzjoni mal-pajjiżi kandidati u mas-sħab, b’mod partikolari f’oqsma bħar-reżiljenza, iċ-ċibersigurtà, it-theddid ibridu, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; itenni l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mill-qrib man-NATO f’dan ir-rigward; jilqa’ l-iffirmar tas-Sħubijiet ta’ Sigurtà u ta’ Difiża fid-19 ta’ Novembru u fit-18 ta’ Diċembru 2024 bejn l-UE u l-Maċedonja ta’ Fuq u l-Albanija rispettivament; |
|
188. |
Jenfasizza li l-Unjoni għandha tiffaċilita l-parteċipazzjoni tas-sħab Ewropej b’livell għoli ta’ allinjament ma’ kwistjonijiet tal-PSDK, b’mod partikolari l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, fil-programmi attwali u futuri marbuta mas-settur tad-difiża; jafferma mill-ġdid li involviment bir-reqqa tal-pajjiżi kandidati jiffaċilita b’mod sostanzjali l-proċess ta’ adeżjoni tagħhom billi jżid il-kapaċitajiet industrijali u operattivi tagħhom fis-settur tad-difiża, u b’hekk iżid l-interoperabbiltà mal-forzi armati tal-Istati Membri tal-UE; huwa tal-fehma li l-inklużjoni komprensiva tal-pajjiżi kandidati tal-Balkani tal-Punent fl-inizjattivi tad-difiża tal-UE tirrappreżenta investiment strateġiku, kif ukoll parti integrali mill-isforzi tal-UE biex tiġġieled l-assertività dejjem akbar u l-indħil barrani orkestrat f’dawk il-pajjiżi; |
|
189. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jutilizzaw il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għat-taħriġ u l-għoti ta’ servizzi ta’ sigurtà lis-sħab tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa li jospitaw missjonijiet tal-PSDK, b’mod partikolari l-pulizija militari, l-infrastruttura medika u tal-infurzar tal-liġi u jżidu l-kapaċitajiet ta’ skambju ta’ intelligence permezz ta’ linji ta’ komunikazzjoni siguri; |
Sħubija mal-Unjoni Afrikana u l-pajjiżi Afrikanid
|
190. |
Jenfasizza l-importanza tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Afrika għas-sigurtà Ewropea; iqis li huwa essenzjali li jiżdiedu b’mod sinifikanti s-sħubijiet tal-UE mal-pajjiżi Afrikani; |
Sħubija mar-reġjun Indo-Paċifiku
|
191. |
Jisħaq fuq is-sinifikat strateġiku tar-reġjun Indo-Paċifiku fi ħdan il-qafas tad-difiża tal-UE, u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tħassib dejjem akbar dwar is-sigurtà marbut mal-attivitajiet reġjonali taċ-Ċina u l-implikazzjonijiet usa’ tagħhom għall-istabbiltà globali; iqis li huwa essenzjali li jissaħħu l-preżenza u s-sħubijiet tal-UE f’dan ir-reġjun; huwa konxju wkoll tar-rwol ewlieni tat-Tajwan fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji avvanzati, u l-esperjenza estensiva tiegħu li jiddefendi lilu nnifsu kontra l-attakki ibridi, id-diżinformazzjoni u l-FIMI taċ-Ċina, li għandhom ikunu kunsiderazzjoni ewlenija meta jiġu vvalutati l-possibbiltajiet li jissaħħu l-iskambji u l-kooperazzjoni multilaterali; |
|
192. |
Jenfasizza li huwa imperattiv għall-UE li tistabbilixxi sigurtà kollettiva aktar dejjiema permezz ta’ network ta’ alleati u sħab reġjonali, li jiffurmaw il-pedament konvenzjonali tal-involviment tagħha fir-reġjun; jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-iffirmar reċenti tas-Sħubijiet ta’ Sigurtà u ta’ Difiża fl-1 u fl-4 ta’ Novembru 2024 bejn l-UE u l-Ġappun u l-Korea t’Isfel rispettivament;; jemmen li approfondiment ulterjuri tas-sħubijiet strateġiċi u tad-difiża tal-UE mal-Ġappun u mal-Korea t’Isfel, u l-iżvilupp ta’ djalogu regolari, kooperazzjoni, u bini tal-kapaċità ma’ pajjiżi oħra tal-istess fehma fir-reġjun Indo-Paċifiku, bħall-Awstralja, New Zealand u t-Tajwan, huma fundamentali biex javvanzaw is-sigurtà komuni; itenni t-talba tiegħu lill-UE għal aktar involviment mas-sħab strateġiċi emerġenti fir-reġjun, bħall-Indoneżja u l-Vjetnam; |
|
193. |
Jissottolinja l-importanza tas-sħubija bejn l-UE u l-Indja u jemmen li ż-żjara importanti tal-President tal-Kummissjoni u tal-Kulleġġ tal-Kummissarji fl-Indja fis-27 u t-28 ta’ Frar 2025 immarkat il-bidu ta’ kapitolu ġdid fl-istorja tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja u affermat mill-ġdid ir-rabta strateġika u l-potenzjal mhux sfruttat tagħha; jissottolinja l-potenzjal li napprofondixxu s-sħubija tagħna, inkluż permezz ta’ konsultazzjonijiet imsaħħa dwar is-sigurtà u d-difiża; |
Involviment akbar tal-Parlament Ewropew fil-PSDK
|
194. |
Jisħaq li t-tisħiħ tal-PSDK bħala prijorità politika fl-għaxar leġiżlatura u ż-żieda fl-infiq fuq politiki u programmi ta’ difiża fil-livell tal-UE u mill-Istati Membri jeħtieġu skrutinju parlamentari u obbligu ta’ rendikont sħaħ; |
|
195. |
Jitlob, f’dan ir-rigward, li jissaħħaħ ir-rwol ta’ skrutinju, leġiżlattiv u baġitarju tal-Parlament fuq firxa dejjem akbar ta’ inizjattivi ta’ difiża fl-istituzzjonijiet tal-UE u b’mod partikolari l-ħidma mwettqa fl-ambitu tal-PSDK, inkluż billi jissaħħaħ id-djalogu regolari, l-iskambju ta’ informazzjoni u ż-żamma ta’ kanali ta’ komunikazzjoni permanenti miftuħa bejn il-VP/RGħ, il-Kummissarju għad-Difiża u l-Ispazju u l-korpi kompetenti tal-Parlament; jirrakkomanda l-inklużjoni ta’ aġġornamenti regolari tal-intelligence lill-kumitati parlamentari rilevanti; |
|
196. |
Jiddeplora l-fatt li n-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni jfisser li l-Parlament mhuwiex f’pożizzjoni li jiskrutinizza kif xieraq il-proġetti tal-PESCO; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jippreżentaw rapport ta’ implimentazzjoni dwar il-proġetti PESCO lill-Parlament tal-anqas darbtejn fis-sena; itenni wkoll l-appell tiegħu lis-SEAE biex jirrapporta regolarment u b’mod komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika, inizjattivi u programmi oħra ta’ sigurtà u ta’ difiża u l-valutazzjoni tagħhom lill-Kumitat tal-Parlament għas-Sigurtà u d-Difiża; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejjeb l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tar-regolamenti industrijali tad-difiża permezz tal-introduzzjoni tal-proċedura għal atti delegati; ° ° ° |
|
197. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-President tal-Kummissjoni u lill-Kummissarji kompetenti, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE għas-sigurtà u għad-difiża u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi sħab. |
(1) ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2315/oj.
(2) ĠU L 270, 18.10.2022, p. 85, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1968/oj.
(3) ĠU L 270, 18.10.2022, p. 93, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1970/oj.
(4) ĠU L 325, 20.12.2022, p. 110, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2507/oj.
(5) ĠU L 22, 24.1.2023, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/162/oj.
(6) ĠU L, 2024/890, 19.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/890/oj.
(7) ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/452/oj.
(8) ĠU L 170, 12.5.2021, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/697/oj.
(9) ĠU L 185, 24.7.2023, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1525/oj.
(10) ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2418/oj.
(11) ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj.
(12) ĠU L, 2023/2113, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2113/oj.
(13) ĠU C 493, 27.12.2022, p. 136.
(14) ĠU C 167, 11.5.2023, p. 105.
(15) ĠU C 167, 11.5.2023, p. 18.
(16) ĠU C, C/2023/1226, 21.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1226/oj.
(17) Testi adottati, P9_TA(2024)0105.
(18) ĠU C, C/2024/6745, 26.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6745/oj.
(19) ĠU C, C/2024/6129, 22.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6129/oj.
(20) ĠU C, C/2024/7214, 10.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7214/oj.
(21) ĠU C, C/2024/5719, 17.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5719/oj.
(22) ĠU C, C/2025/488, 29.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/488/oj.
(23) ĠU C, C/2025/487, 29.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/487/oj.
(24) Studju, “Mapping threats to peace and democracy worldwide – Normandy Index 2024” (Immappjar tat-theddid għall-paċi u d-demokrazija fid-dinja kollha – l-Indiċi tan-Normandija 2024), Parlament Ewropew, Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, Settembru 2024.
(25) JOIN(2025)0120.
(26) Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj).
(27) Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/43/oj).
(28) Rapport Speċjali 04/2025 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “Il-mobbiltà militari tal-UE – Ma nkisbitx il-ħeffa massima minħabba dgħufijiet fit-tfassil u ostakli tul ir-rotta”.
(29) Ir-Regolament (UE) 2025/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jistabbilixxi miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u l-kapaċitajiet fl-Unjoni tal-identifikazzjoni, tat-tħejjija u tar-rispons għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà) (ĠU L, 2025/38, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/38/oj).
(30) Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4389/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)