|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/4120 |
29.7.2025 |
Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping rigward l-importazzjonijiet tar-Raden tal-Poliammid li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(C/2025/4120)
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ raden tal-poliammid, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, qed ikunu l-oġġett ta’ dumping u b’hekk qed jikkawżaw dannu (2) għall-industrija tal-Unjoni.
1. Ilment
L-ilment tressaq fis-16 ta’ Ġunju 2025 mill-Koalizzjoni Ad Hoc tal-Produtturi Ewropej tar-Raden tal-Poliammid (“l-ilmentatur”). L-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni tar-raden tal-poliammid fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.
Verżjoni pubblika tal-ilment u tal-analiżi tal-livell ta’ sostenn mill-produtturi tal-Unjoni għall-ilment jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.
2. Prodott taħt investigazzjoni
Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa raden tal-filament kontinwu sintetiku tal-poliammidi alifatiċi, mhux ippreżentati għal bejgħ bl-imnut, inkluż monofilament sintetiku ta’ inqas minn 67 deċiteks (3). Il-prodott li qed jiġi investigat jinkludi l-varjanti kollha tar-raden tan-najlon jew poliammidi alifatiċi oħrajn, kemm jekk testurizzat b’kejl ta’ mhux aktar minn 50 tex għal kull radan singolu u kemm jekk mhux testurizzat, singoli, doppji, multipli (mitwija) jew immaljati, (jew varjanti tagħhom), mibruma jew mhux mibruma. (“il-prodott taħt investigazzjoni”).
Ir-radan ta’ tenaċità għolja tal-poliammid li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 5402 19 00 huwa eskluż.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (4).
3. Allegazzjoni ta’ dumping:
Il-prodott li allegatament qiegħed jiġi ddampjat huwa l-prodott taħt investigazzjoni, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet tan-NM 5402 31 00 , 5402 45 00 , 5402 51 00 u 5402 61 00 . Il-kodiċijiet NM huma pprovduti għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-investigazzjoni huwa soġġett għad-definizzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni kif tinsab fit-Taqsima 2.
L-ilmentatur sostna li mhuwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-ilmentatur qagħad fuq l-informazzjoni li tinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ (5) iddatat l-10 ta' April 2024. B’mod partikolari, l-ilmentatur afferma li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat jidhru li huma affettwati mill-fatturi msemmija, fost l-oħrajn, fil-kapitoli dwar l-industrija tal-kimika, kif ukoll fil-kapitoli dwar l-art, l-enerġija, il-kapital, il-materja prima u l-manodopera.
Barra minn hekk, l-ilmentatur irrefera għas-sorsi li ġejjin: Deskrizzjoni ġenerali tal-14-il Pjan ta’ Ħames Snin (“FYP”, Five-Year Plan) għar-RPĊ għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali u l-Objettivi fuq Distanza Twila għall-2035 miċ-Ċentru għas-sigurtà u t-teknoloġija emerġenti (6), l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tal-Assoċjazzjoni Ċiniża tal-Fibri Kimiċi, l-Opinjonijiet Gwida tal-2022 dwar l-Iżvilupp ta’ Kwalità Għolja tal-Industrija tal-Fibra Kimika maħruġa mill-Ministeru tal-Industrija u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u r-Riforma, l-edizzjoni tal-2024 tal-Katalogu għall-Gwida tal-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u r-Riforma, l-14-il FYP ta’ Shandong dwar l-iżvilupp tal-industrija kimika, l-14-il FYP ta’ Chongqing dwar l-iżvilupp ta’ kwalità għolja tal-industrija tal-manifattura, l-14-il FYP ta’ Jiangsu dwar l-iżvilupp ta’ livell għoli tal-industrija kimika, l-14-il FYP ta’ Fujian dwar l-iżvilupp ta’ kwalità għolja tal-industrija ta’ manifattura, informazzjoni fuq siti web ta’ produtturi esportaturi u żewġ rapporti ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Istati Uniti (7).
Fl-aħħar nett, l-ilmentaturi bbażaw ruħhom wkoll fuq is-sejbiet tal-Kummissjoni f’diversi investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (8) riċenti.
B’riżultat ta’ dan, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq paragun ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt investigazzjoni, meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. L-ilmentatur jindika lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali.
Il-marġnijiet tad-dumping ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dan it-tqabbil huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.
Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed provi skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li jissuġġerixxu li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
Ir-rapport tal-pajjiż jinsab fil-fajl li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (9).
4. Allegazzjoni ta’ dannu, kawżalità u distorsjonijiet tal-materja prima
4.1. Allegazzjoni ta’ dannu u kawżalità
L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.
L-evidenza pprovduta mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, il-livell tal-prezzijiet mitluba u s-sehem mis-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat ta’ effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, il-qagħda finanzjarja u l-qagħda tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.
4.2. Allegazzjoni ta’ distorsjonijiet tal-materja prima
L-ilmentatur ipprovda provi biżżejjed li jista’ jkun hemm distorsjonijiet fil-materja prima fil-pajjiż ikkonċernat fir-rigward tal-prodott taħt investigazzjoni. Skont l-evidenza fl-ilment, il-polimeri tal-poliammid, li jammontaw għal 45 % -53 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni, huma soġġetti għal ħlas ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni fil-pajjiż ikkonċernat. Abbażi ta’ studju tas-suq li jipprovdi tqabbil tal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi, partikolarment is-suq tal-Kontinent Amerikan (l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Amerika Latina), ma’ dawk fil-pajjiż ikkonċernat, l-ilment jistipula li d-distorsjonijiet fil-materja prima jidhru li jirriżultaw fi prezzijiet ferm aktar baxxi minn dawk tas-swieq internazzjonali rappreżentattivi, skont l-Artikolu 7(2a), it-tieni (2) subparagrafu tar-Regolament Bażiku.
Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni se teżamina d-distorsjonijiet allegati biex tivvaluta, jekk rilevanti, jekk dazju inferjuri għall-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jelimina d-dannu. Jekk matul l-investigazzjoni jiġu identifikati distorsjonijiet oħra koperti mill-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn id-distorsjonijiet.
5. Proċedura
Ladarba stabbiliet, wara li infurmat lill-Istati Membri, li tressaq l-ilment mill-industrija tal-Unjoni, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qed tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.
L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott taħt investigazzjoni, li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat, huwiex l-oġġett ta’ dumping, u jekk dawn l-importazzjonijiet ta’ dumping kinux ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Sabiex jiġi ddeterminat jekk japplikax l-Artikolu 7(2a), l-investigazzjoni se teżamina wkoll l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku.
5.1. Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni ta’ dumping u ta’ dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dannu u ma’ kawżalità) jew dwar kull aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping
Il-produtturi esportaturi (10) tal-prodott taħt investigazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi
(a) Kampjunar
Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex il-Kummissjoni tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, hija tista’ tillimita l-għadd ta’ produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi (“TRON”) fl-indirizz li ġej: (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD735_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER). L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8 ta’ hawn taħt.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi.
Meta jkun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, din tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlitt (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2805).
Il-kwestjonarju jkun disponibbli wkoll għal kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u għall-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex fil-kampjun”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5.3.1(b) hawn taħt, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun mhuwiex se jaqbeż il-marġni tal-medja ponderata ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (11).
(b) Marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi esportaturi li mhumiex inklużi fil-kampjun
Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ dumping individwali jridu jimlew il-kwestjonarju u jirritornawh mimli kif xieraq fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2805). Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jistgħux jingħataw dazju individwali f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.
Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun li jitolbu marġni ta’ dumping individwali jenħtieġ li jkunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw, inkluż dawk li huma parti mill-kampjun, li għandhom jiġu investigati, ikun tant kbir li tali determinazzjoni tkun ta’ piż bla bżonn u tipprevjeni t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.
5.3.2. Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti
Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fl-ilment, jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott taħt investigazzjoni f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Skont l-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti, inkluż, fejn xieraq, l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq li biħsiebha tuża għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) permezz ta’ nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet fl-investigazzjoni se jingħataw għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw dwar in-nota, f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 2(6a).
Bil-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni teżamina jekk f’dawk il-pajjiżi terzi hemmx livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħal dak fil-pajjiż ikkonċernat, jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni f’dawk il-pajjiżi terzi u jekk id-data rilevanti hijiex disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż terz wieħed rappreżentattiv, tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, it-Turkija tista’ tkun pajjiż terz rappreżentattiv xieraq.
Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, il-produtturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat huma mitluba jipprovdu informazzjoni dwar il-materja (prima u pproċessata) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD735_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM). L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8 ta’ hawn taħt.
Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku trid tiġi ppreżentata fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Jenħtieġ li tali informazzjoni fattwali tittieħed esklużivament minn sorsi pubbliċi li huma faċilment disponibbli.
5.3.3. Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (12) (13)
Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt investigazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex il-Kummissjoni tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, hija tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Meta jkun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni fl-Unjoni, li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem min-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawk il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-importaturi tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2805).
5.4. Proċedura biex jiġi stabbilit id-dannu u biex jiġu investigati l-produtturi tal-Unjoni
Kalkolu tad-dannu huwa bbażat fuq evidenza pożittiva u jinvolvi l-eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt investigazzjoni huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jikkunsidraw li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu parti mill-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2805).
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni f’każ ta’ allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet rigward il-materja prima
F’każijiet ta’ distorsjonijiet fuq il-materja prima kif identifikat fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se twettaq test dwar l-interess tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 7(2b) ta’ dan ir-Regolament.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu l-informazzjoni kollha pertinenti li tippermetti lill-Kummissjoni tiddetermina jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġi stabbilit il-livell tal-miżuri f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu kwalunkwe informazzjoni dwar il-kapaċitajiet żejda fil-pajjiż ikkonċernat, il-kompetizzjoni għall-materja prima u l-effett fuq il-ktajjen ta’ provvista għal kumpaniji fl-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li huwa f’konformità mal-interess tal-Unjoni li tapplika l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.
Fi kwalunkwe każ, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping tkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li tikkonċerna l-interessi tal-Unjoni.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fil-format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt investigazzjoni, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2805). L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali meta tiġi ppreżentata.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni.
Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li jkunu ppreżentaw informazzjoni disponibbli b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.3. u 5.4 hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni.
Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet f’dik il-paġna sabiex ikollok aċċess (14).
5.7. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-smigħ ikun limitat għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.
L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:
|
— |
Għal seduti ta’ smigħ li jsiru qabel ma tiskadi l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Is-smigħ normalment isir fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. |
|
— |
Wara l-istadju tas-sejbiet proviżorji, jenħtieġ li ssir talba fi żmien 5 ijiem mid-data tad-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni. Is-smigħ normalment isir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni. |
|
— |
Fl-istadju tas-sejbiet definittivi, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali. Is-smigħ normalment isir fil-perjodu mogħti għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Meta jkun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien l-iskadenza biex isiru l-kummenti dwar din id-divulgazzjoni. |
L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara smigħ.
5.8. Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “ Sensitive ” (15). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “ Sensitive ” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “ For inspection by interested parties ”. Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tkun tinftiehem b’mod raġonevoli.
Meta parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi t-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit web tad-DG Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
|
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza: |
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ |
|
Id-Direttorat G |
|
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
IL-BELĠJU |
TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
Indirizz elettroniku:
TRADE-AD735-POLYAMIDE-DUMPING@ec.europa.eu
TRADE-AD735-POLYAMIDE-INJURY@ec.europa.eu
5.9. Reġistrazzjoni
Il-Kummissjoni beħsiebha tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jirreġistraw l-importazzjonijiet tar-raden tal-poliammid, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fi stadju bikri ta’ din l-investigazzjoni sabiex tiġi ffaċilitata d-deċiżjoni eventwali li jinġabru d-dazji fuq l-importazzjonijiet irreġistrati. Regolament li jagħmel l-importazzjonijiet tar-raden tal-poliammid li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni se jiġi ppubblikat fi żmien debitu.
6. Skeda tal-investigazzjoni
Skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien sena, iżda mhux aktar minn 14-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, iżda fi kwalunkwe każ sa mhux iktar tard minn tmien xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati se jingħataw tlett ijiem ta’ xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm il-kalkoli huma preċiżi.
F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, bin-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazji erba’ ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar is-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Meta jkun applikabbli, id-divulgazzjoni finali addizzjonali tispeċifika l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.
7. Sottomissjoni tal-informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika biss. Jenħtieġ li l-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawn it-taqsimiet tirrispetta l-iskeda li ġejja:
|
— |
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li kull informazzjoni għall-istadju tas-sejbiet proviżorji tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. |
|
— |
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tas-sejbiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex tirribatti l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin. |
|
— |
Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni ma taċċettax iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali. |
8. Possibbiltà għal kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Jenħtieġ li tali kummenti jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:
|
— |
Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
|
— |
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar is-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
|
— |
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar isiru fi żmien jum (1) mill-iskadenza għal kummenti marbutin ma’ din id-divulgazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
Jenħtieġ li kull estensjoni tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata meta tingħata raġuni tajba.
Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni fl-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem, u bħala regola ma taqbiżx sebat (7) ijiem.
Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika tal-Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal tlett (3) ijiem dment li ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.
10. Nonkooperazzjoni
F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa sal-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Meta parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għaldaqstant is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja minnufih lill-Kummissjoni.
11. Uffiċjal tas-Smigħ
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti interessata/partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-iskeda ta’ żmien rilevanti previsti fit-Taqsima 5.7 ta’ din in-Notifika, l-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en.
12. Proċessar ta’ data personali
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).
Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W.
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew għad-dewmien materjali biex tiġi stabbilita industrija, kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.
(3) Teks u deċiteks huma unitajiet ta’ kejl għad-densità lineari tar-radan, li jindikaw il-ħxuna tar-radan. Teks jirrappreżenta l-piż fi grammi ta’ 1 000 metru radan, filwaqt li deċiteks (dtex) jirrappreżenta l-piż fi grammi ta’ 10 000 metru radan.
(4) Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jimplikaw il-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(5) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 10.04.2024, SWD (2024) 91 final, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2024)91&lang=en.
(6) Iċ-Ċentru għas-sigurtà u t-teknoloġija emerġenti, Deskrizzjoni tal-14-il Pjan ta’ Ħames Snin tar-RPĊ għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali u l-Objettivi fuq Distanza Twila għall-2035, disponibbli fuq https://cset.georgetown.edu/wp-content/uploads/t0284_14th_Five_Year_Plan_EN.pdf.
(7) Il-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, is-Sulfat tal-Ammonju miċ-Ċina, Nri tal-Investigazzjoni 701-TA-562 u 731- TA-1329 (Finali u Rieżami).
(8) L-ilmentatur isemmi b’mod partikolari r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/983 tas-17 ta’ Ġunju 2021, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/687 tat-2 ta’ Mejju 2019, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1693 tad-9 ta’ Ottubru 2019, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/983 tas-17 ta’ Ġunju 2021, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2011 tas-17 ta’ Novembru 2021 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/935 tal-11 ta’ Mejju 2023.
(9) Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba motivata kif xieraq.
(10) Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott taħt investigazzjoni lejn is-suq tal-Unjoni, direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni.
(11) Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kwalunkwe marġni żero u de minimis, u l-marġnijiet stabbiliti f’konformità maċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku se jiġu injorati.
(12) Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F'konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) huma l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma huma kkontrollati direttament jew indirettament minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw terza persuna direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(13) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll fir-rigward ta’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tad-dumping.
(14) F’każ ta’ problemi tekniċi jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Uffiċċju tas-Servizz tal-Kummerċ bil-posta elettronika trade-service-desk@ec.europa.eu jew bit-telefown + 32 2 297 97 97.
(15) Dokument “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(16) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj.
ANNESS
|
☐ |
Verżjoni Sensittiva |
|
☐ |
Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati |
|
(immarka l-kaxxa rilevanti) |
|
PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR IMPORTAZZJONIJIET TAR-RADEN TAL-POLIAMMIDU, LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għall-informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-notifika tal-bidu.
Kemm il-verżjoni Sensitive kif ukoll il-verżjoni For inspection by interested parties (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati) għandhom jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika tal-bidu.
1. IDENTITÀ U DETTALJI TA’ KUNTATT
Agħti dawn id-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:
|
Isem tal-kumpanija |
|
|
Indirizz |
|
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
|
Indirizz elettroniku |
|
|
Telefon |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat kif definit fin-notifika ta’ bidu.
|
|
Tunnellati |
Valur f’euro (EUR) |
|
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni (joriġina minn fejn joriġina) |
|
|
|
Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott taħt investigazzjoni |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott taħt investigazzjoni. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt investigazzjoni, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott taħt investigazzjoni, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
|
Isem u lokalità tal-kumpanija |
Attivitajiet |
Relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
|
|
Agħti kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis utli biex tassisti lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun. |
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fuq il-post biex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Meta l-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) huma l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom jikkontrolla direttament jew indirettament lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma kkontrollati direttament jew indirettament minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw terza persuna direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4120/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)