|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3960 |
20.8.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta’ Lulju 2025
li tippermetti lill-Belġju jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263
(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)
(C/2025/3960)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263, flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), u mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat tal-governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u aktar koerenti tar-regoli. |
|
(2) |
Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti f’rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 17(1) jew mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/1263 huma r-referenza operazzjonali unika għas-sorveljanza fiskali annwali ta’ kull Stat Membru u huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika. Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti f’dik ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jistabbilixxu restrizzjoni baġitarja għal erba’ jew ħames snin, li hija bbażata fuq perjodu ta’ aġġustament ta’ erba’ snin li jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ massimu ta’ tliet snin. |
|
(3) |
Il-qafas jipprevedi flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tal-Istati Membri, u li għandhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Fil-każ tal-aħħar, wara talba minn Stat Membru u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni bbażata fuq l-analiżi tagħha, fi żmien erba’ ġimgħat mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tippermetti lil Stat Membru jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta tiegħu kif stabbilit mill-Kunsill, fejn (i) ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-Istat Membru, (ii) ikollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, u (iii) dment li tali devjazzjoni ma tkunx ta’ periklu għas-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Il-Kunsill għandu jispeċifika limitu ta’ żmien għal tali devjazzjoni. |
|
(4) |
Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE, li ltaqgħu f’Versailles fl-10 u fil-11 ta’ Marzu 2022, impenjaw ruħhom li jsaħħu l-kapaċitajiet Ewropej tad-difiża minħabba l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawn l-għanijiet ġew imtennija fil-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar id-difiża Ewropea tas-6 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrakkomanda l-attivazzjoni, b’mod koordinat u bħala miżura immedjata, tal-klawżola liberatorja nazzjonali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. |
|
(5) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Marzu 2025 (4), il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha jagħmlu użu mill-flessibbiltà prevista fil-klawżola liberatorja nazzjonali b’mod ikkoordinat bil-ħsieb li jiġi massimizzat l-impatt fuq il-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE. Din il-flessibbiltà għandha l-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn livelli ogħla ta’ nfiq fid-difiża dment li ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Dik il-Komunikazzjoni tispjega li l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill meta japprova l-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju jew meta jistabbilixxi l-perkorsi korrettivi skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, sakemm id-devjazzjoni tkun iġġustifikata minn żieda fl-infiq fid-difiża meta mqabbel mas-sena ta’ referenza, u li l-eċċess annwali sal-2028 ma jaqbiżx il-1,5 % tal-PDG. Żidiet lil hinn minn dak l-ammont ikunu soġġetti għall-valutazzjonijiet normali tal-konformità. Massimu bħal dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li s-sostenibbiltà fiskali ma tiġix ipperikolata, filwaqt li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-flessibbiltà hekk kif jimxu lejn livell ogħla ta’ nefqa fid-difiża. L-ammonti eżatti ser jiġu ddeterminati meta d-data tal-eżitu ssir disponibbli, biex jiġi żgurat li l-flessibbiltà addizzjonali tintuża biss għall-iskop maħsub. |
|
(6) |
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2025 (5) approvat il-perkors tan-nefqa netta tal-Belġju. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2025 (6) stabbiliet perkors korrettiv rivedut għall-Belġju. |
|
(7) |
Fit-30 ta’ April 2025, il-Belġju ressaq talba lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, biex jattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali. |
|
(8) |
Fit-talba tiegħu, il-Belġju jistipula li, f’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi akbar, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għadha għaddejja kontra l-Ukrajna u t-theddida tagħha għas-sigurtà Ewropea jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni, li tirrikjedi żieda sinifikanti fl-infiq fid-difiża. Din hija sitwazzjoni eċċezzjonali barra mill-kontroll ta’ kull Stat Membru. |
|
(9) |
Fit-talba tiegħu, il-Belġju jirrapporta data dwar in-nefqa totali fid-difiża (it-Tabella 1). Barra minn hekk, il-Belġju jipprevedi li jżid b’mod sostanzjali n-nefqa fid-difiża tiegħu bil-ħsieb li jilħaq il-mira tan-NATO ta’ 2 % tal-PDG fl-2025 u li jżomm iż-żieda fin-nefqa fid-difiża matul il-leġiżlatura attwali. Għalhekk, iż-żieda fin-nefqa fid-difiża għandha impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Belġju. Tabella 1: L-infiq totali fid-difiża fil-Belġju
|
||||||||||||||||||
|
(10) |
Il-Belġju jistma li ż-żieda fin-nefqa totali fid-difiża bħala proporzjon mal-PDG mill-2021 sal-2025 ser tkun ta’ madwar 1,1 punt perċentwali u għalhekk tikkontribwixxi għad-deterjorament tal-bilanċ tal-gvern u għaż-żieda tad-dejn tal-gvern. |
|
(11) |
Jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jibqgħu l-istess, żieda fin-nefqa matul il-perjodu kopert mill-klawżola liberatorja nazzjonali ser twassal għal dejn ogħla tal-gvern u għal defiċit ogħla sa tmiem dak il-perjodu. Il-projezzjonijiet indikattivi tal-Kummissjoni u s-suppożizzjoni li sal-2028 jkun hemm adozzjoni lineari taż-żieda sħiħa fin-nefqa tal-gvern permessa minn din ir-rakkomandazzjoni jissuġġerixxu li l-proporzjoni tad-defiċit għall-PDG u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2028 ikunu 1,1 pps. u 1,9 pps. ogħla, rispettivament, milli jekk in-nefqa netta tikber skont il-gwida preċedenti (7). Dan x’aktarx ikun jeħtieġ aġġustament fiskali addizzjonali wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-qafas fiskali, inkluż biex jiġi żgurat li l-proporzjon tad-dejn jitqiegħed jew jibqa’ fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-defiċit jibqa’ jew jinġieb taħt it-3 % tal-PDG u jinżamm taħt il-valur referenzjarju fuq terminu medju. Il-Belġju jirrikonoxxi li, fil-futur, nefqa strutturali ogħla fid-difiża tista’ tirrikjedi politiki li jippreservaw is-sostenibbiltà fiskali u l-konformità mar-regoli fiskali fuq terminu medju. Iż-żieda limitata projettata fil-livelli tad-defiċit u tad-dejn ikkawżata mill-klawżola liberatorja nazzjonali, flimkien mal-impenn tal-awtoritajiet li jimplimentaw l-aġġustament meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha tal-qafas fiskali fiċ-ċiklu ta’ pjanijiet li jmiss, jiżguraw li s-sostenibbiltà fiskali tiġi ppreservata fuq terminu medju. |
|
(12) |
Id-data dwar in-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż tiġi kkompilata u rrilaxxata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u mill-Eurostat skont il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Funzjonijiet tal-Gvern (COFOG) (8) fil-qafas tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali (ESA2010) (9). Din id-data hija xierqa biex jiġi vvalutat l-impatt tal-infiq fid-difiża fuq id-defiċit, id-dejn u n-nefqa netta tal-gvern, u kunċetti relatati. L-Eurostat, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, ser jistabbilixxi proċess ta’ ġbir ta’ data. Il-punt tat-tluq għandu jkun il-kategoriji ta’ difiża tal-COFOG, filwaqt li titqies ukoll id-definizzjoni tan-NATO u tinżamm il-possibbiltà li jiġu indirizzati anomaliji li jistgħu jkunu attribwibbli għal differenzi fis-sistemi ta’ rapportar annwali rispettivi. Il-proċess tal-ġbir tad-data jeħtieġ li jkun allinjat mal-iskadenzi għar-rapportar tal-PDE. |
|
(13) |
Barra minn hekk, xi wħud mill-kuntratti għal tagħmir militari ffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali jistgħu jinvolvu konsenji fi stadju aktar tard, u b’hekk ikollhom impatt fuq il-finanzi pubbliċi biss wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola. Sabiex tiġi indirizzata din l-eventwalità, il-flessibbiltà mogħtija skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għandha tapplika wkoll għan-nefqa fid-difiża marbuta ma’ tali konsenja aktar tard, dment li l-kuntratti korrispondenti jkunu ġew iffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola u li dan l-infiq ittardjat fid-difiża jibqa’ fil-limitu ġenerali msemmi. |
|
(14) |
In-nefqa ffinanzjata mis-self ipprovdut mill-istrument il-ġdid ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) (10) għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża, ser tibbenefika awtomatikament mill-flessibbiltà msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jirrapportaw lill-Eurostat in-nefqiet kollha relatati mad-difiża, li jsiru fil-qafas tal-Istrument SAFE, taħt il-kategoriji “prodotti tad-difiża” u “prodotti oħra għal skopijiet ta’ difiża” kif definiti fil-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Istrument SAFE. |
|
(15) |
Din ir-rakkomandazzjoni ma timmodifikax id-definizzjonijiet ta’ defiċit, dejn u nefqa netta tal-gvern, u kunċetti relatati. Id-data bbażata fuq dawn il-kunċetti għandha tiġi kkompilata u rrapportata mill-Belġju f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2024/1263, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (11) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 549/2013. |
B’DAN JIRRAKKOMANDA:
|
1. |
Matul il-perjodu 2025-2028, il-Belġju jitħalla jiddevja minn, u jaqbeż, ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2025/3698 sa fejn in-nefqa netta li taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir ma tkunx aktar minn:
|
|
2. |
Fis-snin wara l-2028, il-Belġju xorta jista’ jiddevja minn, u jaqbeż, ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta stabbiliti minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 17 jew 19 tar-Regolament (UE) 2024/1263, sa fejn in-nefqa netta li taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir tkun relatata mal-konsenji ta’ tagħmir militari kkuntrattat qabel tmiem l-2028 u tibqa’ fil-limitu massimu kumplessiv imsemmi hawn fuq. |
|
3. |
F’konformità mal-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) 2024/1263, id-devjazzjonijiet mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill li huma permessi b’din ir-Rakkomandazzjoni mhux ser jiġu rreġistrati bħala debiti fil-kont ta’ kontroll tal-Belġju. |
|
4. |
Sabiex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni korretta tan-nefqa addizzjonali, il-Belġju għandu jinkludi data attwali u ppjanata dwar in-nefqa totali fid-difiża (id-diviżjoni 02 tal-COFOG), inkluż l-investiment fid-difiża (id-diviżjoni 02 p. 51 tal-COFOG) u kwalunkwe nefqa li għandha tiġi ffinanzjata mis-self SAFE li mhix koperta fil-COFOG-02:
|
Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Belġju.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
S. LOSE
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/2024-04-30).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/2024-04-30).
(4) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (C (2025) 2000 final) tad-19 ta’ Marzu 2025.
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Belġju (ĠU C, C/2025/3698, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3698/oj).
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Belġju, ST 10166/25.
(7) Disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#belgium.
(8) Manwal dwar is-sorsi u l-metodi għall-kompilazzjoni tal-istatistika tal-COFOG – Klassifikazzjoni tal-Funzjonijiet tal-Gvern (COFOG) – edizzjoni tal-2019.
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj).
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3960/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)