European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3834

10.7.2025

Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(C/2025/3834)

Image 1

Naħa nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida ta’ EUR 2 maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mil-Lussemburgu

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro kollha. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha bil-għan li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009  (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti ta’ EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż emittenti: il-Lussemburgu

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-75 anniversarju tad-dikjarazzjoni ta’ Robert Schuman tad-9 ta’ Mejju 1950

Id-deskrizzjoni tad-disinn: Fin-naħa t’isfel tad-disinn hemm id b’lapes qed tikteb fuq biċċa karta. Il-parti ta’ fuq tal-lapes tispiċċa f’fergħa taż-żebbuġ li tinbidel f’ħamiem, żewġ simboli tal-paċi. Il-ħamiem qed itir lejn l-orizzont fejn hemm sitt stilel, li jirrappreżentaw is-sitt Stati Membri li aktar tard ffirmaw it-Trattat li stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li l-bażi tiegħu kienet id-dikjarazzjoni ta’ Schuman. Il-parti ta’ fuq tad-disinn turi t-test “DECLARATION SCHUMAN” kif ukoll id-data tagħha, id-“09.05.1950”. Taħtha n-numru “75” jirrappreżenta s-snin tal-anniversarju tad-dikjarazzjoni. L-isem tal-pajjiż emittenti “LUXEMBOURG” kif ukoll is-sena tal-ħruġ “2025” jidhru fuq il-lemin tad-disinn. Il-monogramm (l-ittra “H” b’kuruna) hija rappreżentazzjoni tal-Gran Duka Henri.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd estimat ta’ muniti li se jinħarġu: 200 000

Id-data tal-ħruġ: Frar 2025


(1)  Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3834/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)