European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3712

17.9.2025

P9_TA(2024)0382

L-attakk bla preċedent tal-Iran fuq Iżrael, il-ħtieġa ta’ tnaqqis tat-tensjoni u rispons tal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar l-attakk bla preċedent tal-Iran fuq Iżrael, u l-ħtieġa ta' de-eskalazzjoni u r-rispons tal-UE (2024/2704(RSP))

(C/2025/3712)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-13 ta’ April 2024 dwar l-attakki mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran immirati lejn Iżrael,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 tal-14 ta’ April 2024 dwar l-attakk tal-Iran kontra Iżrael,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà f’isem l-UE tal-14 ta’ April 2024 dwar l-Iran,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta’ April 2024 tal-Portavuċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-attakk f’Damasku,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1532 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (1),

wara li kkunsidra l-lista tal-UE tat-terroristi u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK li tistabbilixxi l-kriterji għall-elenkar ta’ persuni, gruppi u entitajiet (2),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ April 2024,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

wara li kkunsidra d-dritt umanitarju internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjonijiet ta’ The Hague tal-1899 u tal-1907 u l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tal-1961,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE lill-Bord tal-Gvernaturi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) tat-12 ta’ Settembru 2023 dwar il-verifika u l-monitoraġġ fl-Iran fid-dawl tar-Riżoluzzjoni 2231 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari tal-1970,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi fit-13 ta’ April 2024, l-Iran attakka t-territorju Iżraeljan għall-ewwel darba, billi spara aktar minn 300 dron u missila; billi l-biċċa l-kbira ġew interċettati minn Iżrael, mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit u minn Franza, li pprovdew ukoll rikonjizzjoni u difiża mill-ajru mit-territorju tal-Ġordan; billi ħames missili xorta waħda spiċċaw fit-territorju Iżraeljan, fejn laqtu l-Bażi tal-Forza tal-Ajru Iżraeljana ta’ Nevatim u darbu serjament lil tifla ta’ seba’ snin mill-komunità tal-Bedwini Għarab ta’ Iżrael; billi l-170 dron u t-30 missila kruċiera kollha ġew interċettati qabel ma daħlu fit-territorju Iżraeljan, filwaqt li 105 minn 110 missili ballistiċi ġew interċettati mis-sistemi ta’ difiża kontra l-missili ta’ Iżrael; billi qabel u matul l-attakk, il-Hezbollah spara wkoll rokits lejn l-Għoljiet ta’ Golan u l-Houthi attakkaw it-territorju Iżraeljan;

B.

billi fl-1 ta’ April 2024, il-konsolat tal-Iran f’Damasku, is-Sirja ġie bbumbardjat f’attakk mill-ajru, attribwit b’mod wiesa’ lil Iżrael, liema attakk ħalla seba’ uffiċjali mejta, inklużi żewġ ġenerali superjuri Iranjani mill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC), u darab lil 13 oħra; billi huwa rrapportat li l-konsolat tal-Iran f’Damasku ntuża biex jitwettqu 150 attakk fuq bersalli Amerikani u Iżraeljani fir-reġjun; billi wara l-attakk bil-bombi, l-Iran appella għal “kastig u vendetta”; billi l-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari jagħtu protezzjoni lill-bini diplomatiku; billi l-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU esprimew tħassib u appellaw għal tnaqqis tat-tensjoni; billi l-uffiċjali tal-Istati Uniti kkonfermaw li, matul il-lejl tad-19 ta’ April 2024, Iżrael wettaq xi operazzjonijiet militari ta’ ritaljazzjoni b’attakki bid-droni fil-provinċja ċentrali ta’ Isfahan;

C.

billi l-UE, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn ikkundannaw b’mod unanimu l-attakki u appellaw liż-żewġ naħat biex inaqqsu t-tensjoni;

D.

billi l-attakki terroristiċi ta’ stmellija mill-Ħamas f’Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023, li matulhom dawk li wettquhom, b’mod brutali qatlu fil-biċċa l-kbira ċivili, ħatfu 253 persuna bħala ostaġġi u ħaduhom fl-Istrixxa ta’ Gaża, fejn minn dak iż-żmien ’l hawn 112 minnhom ġew illiberati, kellhom effetti profondi u detrimentali fuq l-istabbiltà tal-Lvant Nofsani kollu; billi l-gwerra sussegwenti ta’ Iżrael kontra t-terroristi tal-Ħamas fl-Istrixxa ta’ Gaża involviet rispons militari sproporzjonat li qatel għexieren ta’ eluf ta’ ċivili, inklużi ħafna ħaddiema umanitarji u ġurnalisti, u kkawżat sitwazzjoni umanitarja katastrofika, inklużi livelli mingħajr preċedent ta’ karestija, minħabba n-nuqqas ta’ aċċess sikur u mingħajr xkiel tal-popolazzjoni għall-għajnuna umanitarja; billi l-avvenimenti mis-7 ta’ Ottubru 2023 ’l hawn kellhom effetti profondi u detrimentali fuq l-istabbiltà tal-Lvant Nofsani kollu kemm hu;

E.

billi fit-Territorji Palestinjani Okkupati, l-Iran kien qed jappoġġja lill-organizzazzjoni terroristika tal-Ħamas mil-lat finanzjarju u dak loġistiku;

F.

billi mis-7 ta’ Ottubru 2023 ’l hawn, mijiet ta’ rokits u attakki mill-ajru mnedija mill-Hezbollah u mill-alleati tiegħu u minn Iżrael laqtu n-Nofsinhar tal-Libanu u t-Tramuntana ta’ Iżrael, u b’hekk 60 000 persuna Iżraeljana u 30 000 persuna Libaniża sfaw spostati; billi l-attakki mill-ajru ta’ Iżrael fil-Libanu kellhom fil-mira l-membri tal-Hezbollah u tal-Ħamas;

G.

billi l-Iran ġab milizzji mil-Libanu, mill-Iraq, mill-Iran u mill-Afganistan lejn is-Sirja biex irażżan id-dissens u jikkontrolla t-territorju tar-reġim Sirjan; billi mis-7 ta’ Ottubru 2023 ’l hawn, il-milizzji appoġġjati mill-Iran fis-Sirja żiedu l-isparar tad-droni u tar-rokits lejn Iżrael;

H.

billi, bejn l-2011 u l-2015, l-alleat tal-Iran fis-Sirja, ir-reġim ta’ Assad, assedja, ibbumbardja u qatel bil-ġuħ il-Kamp ta’ Yarmouk, l-akbar kamp tar-rifuġjati Palestinjani fis-Sirja, u qatel mijiet ta’ ċivili u aktar minn 200 000 rifuġjat Palestinjan sfaw spostati;

I.

billi fl-Iraq, il-milizzji appoġġjati mill-Iran imponew influwenza politika u militari krudili, u aġixxew barra mill-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali tad-difiża; billi dawn kellhom fil-mira speċifikament il-bażijiet militari tal-Istati Uniti, kif ukoll ir-reġjun Iraqi tal-Kurdistan; billi milizzja favur l-Iran fl-Iraq assumiet ir-responsabbiltà għall-attakki tal-1 ta’ April 2024 kontra bażi navali Iżraeljana f’Eilat;

J.

billi fil-Jemen, l-Iran jipprovdi appoġġ sostanzjali u huwa marbut mill-qrib mal-moviment tal-Houthi; billi l-attakki mill-Houthi ilhom minn Ottubru 2023 jimmiraw it-trasport marittimu kummerċjali internazzjonali fl-Istrett ta’ Bab el-Mandeb, u dan iħarbat ħafna t-traffiku marittimu fil-Baħar l-Aħmar u jhedded l-istabbiltà ekonomika globali; billi dawn ilhom mid-19 ta’ Novembru 2023 iżommu l-bastiment Galaxy Leader tal-Ġappun u lill-ekwipaġġ tiegħu, inklużi tliet ċittadini tal-UE, bħala ostaġġi; billi l-Istati Uniti u l-alleati Ewropej tagħha interċettaw attakki bid-droni mill-Houthi; billi fi Frar 2024 inħolqot l-Operazzjoni ASPIDES tal-Forza Navali tal-UE biex tipproteġi l-passaġġ marittimu internazzjonali; billi l-proċess ta’ paċi mmexxi min-NU fil-Jemen ilu staġnat minn Ottubru 2023; billi l-attakki Iranjani preċedenti, bħall-qbid tal-MSC Aries, bastiment tal-kontejners bil-bandiera Portugiża b’ekwipaġġ Estonjan abbord, fl-Istrett ta’ Hormuz, huma ta’ periklu għas-sigurtà marittima internazzjonali;

K.

billi l-programm nukleari tal-Iran kiser b’mod konsistenti t-termini tal-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), billi qabeż il-limitu fuq ir-riżerva tal-uranju tiegħu, filwaqt li żied l-attivitajiet ta’ arrikkiment għal 60 %, reġa’ beda l-operazzjonijiet ristretti tal-PAKK f’faċilitajiet nukleari u fixkel b’mod effettiv is-sorveljanza tal-IAEA; billi fit-13 ta’ Settembru 2023, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti esprimew tħassib serju dwar dawn l-iżviluppi lill-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA; billi l-Iran wissa lil Iżrael li jista’ jirrieżamina d-duttrina nukleari tiegħu wara l-ispekulazzjoni li Iżrael kien se jimmira l-faċilitajiet nukleari tal-Iran;

L.

billi l-Iran ipprovda assistenza militari sinifikanti, inkluż permezz tal-kostruzzjoni ta’ fabbrika tad-droni fir-Russja u billi pprovda diversi eluf ta’ droni (vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord), (artillerija) munizzjon u missili ballistiċi minn superfiċje għal superfiċje, biex jappoġġja lir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna; billi dawn l-armi ntużaw b’mod indiskriminat kontra l-popolazzjoni u l-infrastruttura ċivili tal-Ukrajna; billi fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa qafas ġdid għal miżuri restrittivi mmirati lejn l-assistenza militari Iranjana lir-Russja;

M.

billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-dimostranti paċifiċi, il-ġurnalisti, l-artisti, il-komunità LGBTIQ, l-unjonisti u ċ-champions tal-isport sofrew taħt ir-repressjoni domestika u tranżnazzjonali brutali tal-Iran, inkluż fit-territorju tal-UE, b’mod partikolari avversarji għar-reġim Iranjan, bħall-eks Viċi President tal-Parlament Ewropew Alejo Vidal-Quadras, li kien vittma ta’ sparatura, preżumibbilment mill-IRGC; billi eluf ta’ priġunieri politiċi bħalissa qed jinżammu f’kundizzjonijiet ta’ detenzjoni orribbli, ħafna minnhom ikkundannati għall-mewt; billi l-Iran huwa wieħed mill-aktar pajjiżi fid-dinja li jagħti pieni tal-mewt, hekk kif fl-2023 qatel mill-anqas 853 persuna, skont Amnesty International; billi l-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali fl-Iran għadhom jiffaċċjaw repressjoni vjolenti;

N.

billi l-kwistjoni tal-apartheid tal-ġeneru fl-Iran tqajmet minn rapporteurs speċjali tan-NU; billi minn Settembru 2022 u mill-qtil ta’ Jina Mahsa Amini, seħħew protesti storiċi għad-drittijiet tan-nisa fl-Iran; billi l-Premju Sakharov tal-2023 għal-Libertà tal-Ħsieb ingħata lil Jina Mahsa Amini u lill-moviment “Woman, Life, Freedom” tal-Iran; billi r-reġim Iranjan irreaġixxa b’ambjent legali saħansitra eħrex, filwaqt li rrestrinġa aktar l-ilbies tan-nisa u espanda s-segregazzjoni tal-ġeneri;

O.

billi l-Istati Uniti ddeżinjaw lill-IRGC bħala organizzazzjoni terroristika barranija f’April 2019; billi l-Parlament Ewropew ilu sa mill-bidu tal-2023 jitlob li l-IRGC jiżdied mal-lista tal-UE ta’ terroristi; billi l-IRGC kien ġie implikat fl-ippjanar u/jew fl-eżekuzzjoni ta’ għexieren ta’ operazzjonijiet, assassinji u attakki terroristiċi fuq it-territorju tal-UE matul dawn l-aħħar 30 sena, inkluż il-“Mykonos Plot” f’Berlin fl-1992, l-attakk bil-bombi fuq il-karozzi tal-linja u l-qtil ta’ ħames ċittadini Iżraeljani u ċittadin Bulgaru fil-Bulgarija fl-2012, il-qtil ta’ dissidenti Iranjani fin-Netherlands fl-2015 u fl-2017, attakk bil-bombi ppjanat fuq dissidenti Iranjani f’Pariġi fl-2018, assassinju ppjanat ta’ tliet dissidenti Iranjani fid-Danimarka fl-2018 u attentat ta’ attakk bi ħruq doluż kontra sinagoga f’Bochum, il-Ġermanja fl-2022; billi xi ministri tal-affarijiet barranin tal-UE għamlu talba għal sanzjonijiet kontra l-IRGC matul il-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta’ April 2024;

P.

billi madwar erbgħa u għoxrin ċittadin innoċenti tal-UE ġew detenuti b’mod arbitrarju bħala parti mid-diplomazija ta’ ostaġġi tal-Iran biex jinkisbu gwadanji politiċi; billi l-Iran ħataf lil xi wħud minn dawn id-dissidenti barra mit-territorju tiegħu stess sabiex jiġu detenuti jew jinqatlu fl-Iran;

Q.

billi, b’reazzjoni għas-sanzjonijiet imposti fuq l-Iran mill-UE, l-Iran ħa miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra l-Membri tal-Parlament Ewropew (Membri tal-PE); billi b’reazzjoni għal dan, f’Novembru 2022, il-Parlament iddeċieda li d-delegazzjonijiet u l-kumitati tiegħu mhux se jibqgħu jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet Iranjani;

R.

billi fis-17 ta’ April 2024, il-Kunsill iddeċieda li jespandi r-reġim ta’ sanzjonijiet tiegħu kontra l-Iran biex jinkludi l-produzzjoni tal-missili u tad-droni tal-Iran; billi l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti imponiet sanzjonijiet ġodda fuq il-programmi tal-missili ballistiċi u tad-droni tal-Iran;

S.

billi minkejja l-appoġġ fost parti mill-popolazzjoni Iranjana li qed jintwera mill-media tal-istat, l-attakki mir-reġim Iranjan ġew ikkritikati b’qawwa minn ħafna Iranjani fil-pajjiż u barra minnu; billi allegatament ittieħdu miżuri biex dawk li ma jaqblux jinżammu milli jesprimu kritika wara l-attakk; billi r-reġim Iranjan ma jirrappreżentax b’mod leġittimu lill-poplu tal-Iran;

1.

Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, l-attakk bla preċedent bi droni u missili mwettaq mill-Iran fuq Iżrael fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ April 2024, kif ukoll l-eskalazzjoni serja u t-theddida għas-sigurtà reġjonali li jirrappreżenta dan; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sigurtà tal-Istat ta’ Iżrael u taċ-ċittadini tiegħu; iwassal is-simpatija tiegħu lill-familja tal-vittma mill-komunità Bedwina Għarbija ta’ Iżrael, tifla ta’ seba’ snin li ndarbet serjament minn bomba; jikkundanna l-attakki simultanji mwettqa mill-proxies tal-Iran, jiġifieri l-Hezbollah fl-Għoljiet tal-Golan u l-moviment Houthi ’l barra mill-kosta tal-Jemen;

2.

Jiddeplora l-attakk fuq il-konsulat Iranjan f’Damasku fl-1 ta’ April 2024, li rriżulta f’diversi vittmi; ifakkar fl-importanza tal-prinċipju tal-invjolabbiltà tal-bini diplomatiku u konsulari, li jrid jiġi rrispettat fil-każijiet kollha skont id-dritt internazzjonali;

3.

Jistieden lill-partijiet kollha jevitaw kwalunkwe eskalazzjoni ulterjuri u jappella għal trażżin massimu u tnaqqis tat-tensjoni;

4.

Jilqa’ d-deċiżjoni tal-UE li tespandi u twessa’ r-reġim ta’ sanzjonijiet attwali stabbilit f’Lulju 2023, inkluż billi tissanzjona l-provvista u l-produzzjoni tal-Iran ta’ droni mingħajr bdot abbord u missili lir-Russja u lir-reġjun usa’ tal-Lvant Nofsani; jitlob li dawn is-sanzjonijiet jidħlu fis-seħħ b’mod urġenti; jappella li jiġu sanzjonati aktar individwi u entitajiet, bħall-Baithe Rahbari (l-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem tal-Iran), il-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati Iranjani, il-Kwartieri Ġenerali Ċentrali Khatam-al Anbiya u l-kmandant tiegħu Gholam Ali Rashid, il-flotta navali tal-IRGC, il-Ministru għad-Difiża tal-Iran Brigadier Ġeneral Mohammad-Reza Ashtiani, u d-Direttur tal-Organizzazzjoni tal-Industriji Ajruspazjali tal-Iran Seid Nooshin; jinnota li s-sanzjonijiet attwali tal-UE jinkludu biss sitt individwi u ħames entitajiet responsabbli għall-programm nukleari tal-Iran; jissottolinja li dawn is-sanzjonijiet se jkollhom jiġu estiżi wara Lulju 2024; jistieden lill-Kunsill iħejji sanzjonijiet addizzjonali fis-settur bankarju, taż-żejt u tal-avjazzjoni li għandhom jiġu imposti f’każ li r-reġim Iranjan iwassal b’mod inaċċettabbli għall-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni, u jikkomunika dawn il-miżuri preparatorji minn qabel lill-awtoritajiet Iranjani; iħeġġeġ lill-Kunsill jevalwa l-aħħar sanzjonijiet tal-Istati Uniti fil-konfront tal-Iran u jqis il-valur miżjud tas-sinkronizzazzjoni tar-reġimi tas-sanzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti, meta jkun rilevanti u possibbli; jissottolinja li s-sanzjonijiet imsemmija għandhom jiġu kkoordinati mal-Istati Uniti, mar-Renju Unit, mal-G7 u ma’ alleati oħra sa fejn ikun possibbli;

5.

Itenni l-appell li ilu jagħmel lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) biex iżidu l-IRGC mal-lista tal-UE ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi u jisħaq li din id-deċiżjoni ilha mistennija; jenfasizza l-fatt li f’dawn l-aħħar ftit snin kien hemm għexieren ta’ każijiet ta’ qtil u tentattivi mill-IRGC fuq it-territorju Ewropew;

6.

Jenfasizza r-rabtiet qawwija bejn l-Iran/l-IRGC, il-proxies tiegħu bħall-Houthi, il-milizzji u l-organizzazzjonijiet Iraqini u Sirjani fuq il-lista tal-UE ta’ terroristi, jiġifieri l-fergħa militari tal-Ħamas u tal-Hezbollah; jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ iżidu lill-Hezbollah fl-intier tiegħu mal-lista tal-UE ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi; jikkundanna l-esportazzjoni ta’ droni u munizzjon mill-Iran biex tiġi appoġġjata l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

7.

Jinsab imħasseb ħafna dwar l-eskalazzjoni dejjem tikber fir-reġjun u r-rwol destabbilizzanti li għandhom ir-reġim Iranjan u n-network tiegħu ta’ atturi mhux tal-istat fil-Lvant Nofsani; jinsab allarmat bir-riskju serju ta’ eskalazzjoni reġjonali dejjem akbar; jikkundanna l-atti kollha minn atturi statali u mhux statali li jipprovokaw jew ikebbsu ċiklu eskalatorju li qed jintensifika; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jnaqqsu t-tensjoni u jżommu lura mit-theddida jew l-użu tal-forza f’konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom, b’mod partikolari skont l-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, u jeżerċitaw l-akbar sens ta’ rażan; iħeġġeġ lill-atturi kollha jirrispettaw għalkollox id-dritt internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali f’kull waqt;

8.

Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jkomplu u jżidu l-isforzi diplomatiċi tagħhom mas-sħab internazzjonali, inkluż mal-pajjiżi tal-Golf, filwaqt li jibnu fuq inizjattivi reċenti u b’mod partikolari fuq l-ewwel Forum ta’ Livell Għoli tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni UE-Golf fil-livell ministerjali li sar fit-22 ta’ April 2024, u jinkoraġġixxu tnaqqis urġenti tat-tensjoni u djalogu sinifikanti;

9.

Jenfasizza l-effetti profondi tal-gwerra fl-Istrixxa ta’ Gaża fuq l-istabbiltà tar-reġjun; jiddeplora t-terroriżmu u d-delitti tal-gwerra mwettqa mill-Ħamas u minn gruppi terroristiċi Palestinjani oħra kontra Iżrael u kontra l-poplu Iżraeljan u Palestinjan; jitlob li l-ostaġġi kollha ta’ Iżrael miżmuma fl-Istrixxa ta’ Gaża jiġu illiberati minnufih u mingħajr kundizzjonijiet u li l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar jingħata aċċess immedjat għall-ostaġġi kollha ta’ Iżrael li jkunu qed jinżammu fl-Istrixxa ta’ Gaża sabiex ikun jista’ jagħtihom kura medika; jissottolinja l-obbligu ta’ Iżrael li jikkonforma mad-dritt internazzjonali meta jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ awtodifiża, kif stabbilit fil-Karta tan-NU; jikkundanna r-rispons militari sproporzjonat Iżraeljan, li kkawża mwiet ta’ ċivili fuq skala bla preċedent; iħeġġeġ lil Iżrael jipprovdi lill-popolazzjoni bil-ġuħ tal-Istrixxa ta’ Gaża b’aċċess sħiħ, mingħajr xkiel u sikur għall-għajnuna umanitarja u jikkonforma mal-ordnijiet tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja; jenfasizza li s-sejba ta’ soluzzjoni politika fit-tul għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina ttejjeb b’mod sinifikanti l-istabbiltà u l-prospetti tar-reġjun; ifakkar fl-appoġġ fit-tul tiegħu għal soluzzjoni negozjata ta’ żewġ Stati abbażi tal-fruntieri tal-1967 b’żewġ Stati sovrani u demokratiċi li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u fis-sigurtà garantita, b’Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, u b’rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;

10.

Jinnota li l-Iran, ir-Russja u ċ-Ċina qed jaqsmu dejjem aktar intelliġenza kruċjali u qed jikkooperaw permezz ta’ kumpaniji faċċata, sforzi biex jikkollegaw is-sistemi bankarji tagħhom u t-trasferimenti taż-żejt fuq il-baħar b’tagħmir ta’ lokazzjoni mitfi, li jirrendi s-sanzjonijiet tal-UE inqas effettivi; jappella għal infurzar imtejjeb tas-sanzjonijiet tal-UE, għal titjib urġenti tas-sistemi ta’ identifikazzjoni awtomatika biex tiġi miġġielda l-evażjoni tas-sanzjonijiet u tal-embargo, u għal aktar sorveljanza u spezzjonijiet ta’ bastimenti suspettati mill-Iran;

11.

Jikkundanna n-nuqqas ta’ konformità persistenti tal-Iran mal-obbligi ta’ salvagwardja legali tiegħu skont il-PAKK u l-avvanz tal-programm nukleari tiegħu lil hinn minn kull ġustifikazzjoni ċivili kredibbli; jisħaq li diversi sorsi kredibbli ddikjaraw li l-“breakout time” attwali tal-Iran – iż-żmien li l-Iran jeħtieġ biex jipproduċi biżżejjed plutonju għall-użu militari – huwa kwistjoni ta’ ġimgħat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw immedjatament l-obbligi tagħhom u jindirizzaw il-kwistjonijiet pendenti relatati kollha; iħeġġeġ lill-E3 (Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit) u lis-sħab tiegħu jikkunsidraw li jimponu skadenza fuq l-Iran biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu fil-qafas tal-PAKK u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, biex jinvokaw kollettivament l-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet ta’ kontinġenza skont ir-Riżoluzzjoni 2231 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

12.

billi l-Istati Uniti huma tassew imħassbin dwar il-kooperazzjoni militari bejn l-Iran u l-Korea ta’ Fuq, b’mod partikolari dwar il-missili nukleari u ballistiċi; billi hemm ukoll tħassib leġittimu dwar il-kooperazzjoni militari tal-Iran mar-Russja u mal-Pakistan, u l-kooperazzjoni msaħħa tiegħu maċ-Ċina dwar it-teknoloġija militari; billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rrapporta dwar l-iskambju ta’ teknoloġiji ta’ missili u ta’ armi ta’ medda twila bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Iran, li twasslu wkoll lill-proxies tal-Iran fil-Lvant Nofsani; billi l-Korea ta’ Fuq forniet lill-Iran b’komponenti kruċjali tal-missili, li jippermettu l-iżvilupp ta’ missili ballistiċi li huma kapaċi jolqtu bersalji ħafna aktar ’il bogħod u li, fil-fatt, jgħinu lill-Iran biex isir potenza fejn jidħlu l-missili;

13.

Ifakkar li l-Hezbollah jeħtieġ li jżarma f’konformità mar-Riżoluzzjoni 1701 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jikkundanna r-rwol attiv tiegħu fir-repressjoni tal-vuċijiet tal-oppożizzjoni fil-Libanu u fis-Sirja, inkluż permezz tal-qtil ta’ diversi informaturi li rrappurtaw dwar l-isplużjoni tal-port ta’ Bejrut f’Awwissu 2020; jikkundanna l-attakki tal-Hezbollah kontra Iżrael u l-attakki mill-ajru Iżraeljani fil-Libanu; jistieden b’mod urġenti liż-żewġ partijiet biex juru trażżin u jwaqqfu l-ostilitajiet sabiex ma jibqgħux jiżdiedu t-tensjonijiet; jistieden lill-Kunsill jiddeżinja lill-Hezbollah fl-intier tiegħu bħala organizzazzjoni terroristika;

14.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jikkonsolidaw u jintensifikaw l-isforzi kollha biex jiżguraw il-liberazzjoni sigura u immedjata tal-ostaġġi kollha meħuda mill-bastiment Galaxy Leader, inklużi żewġ ċittadini Bulgari, ċittadin Rumen u tliet ċittadini Ukreni, li ilhom mid-19 ta’ Novembru 2023 jinżammu ostaġġi mill-Houthi; iħeġġeġ lill-VP/HR u lill-Istati Membri jżidu s-sensibilizzazzjoni diplomatika tagħhom għal dan il-għan u jikkomunikaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha sabiex jiggarantixxu r-ritorn sikur tal-Ewropej maqbuda mingħajr aktar dewmien; jikkundanna bil-qawwa l-interċettazzjoni, l-imbark u d-detenzjoni illegali tal-bastiment MSC Aries bil-bandiera Portugiża, flimkien mal-ekwipaġġ tiegħu, minn entitajiet li joperaw taħt il-kontroll dirett jew indirett tal-Gvern Iranjan; jitlob b’urġenza l-liberazzjoni immedjata tagħhom; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE li jniedi l-Operazzjoni ASPIDES tal-Forza Navali tal-UE biex tissalvagwardja l-libertà tan-navigazzjoni ’l barra mill-kosta tal-Jemen, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-atturi reġjonali;

15.

Jikkundanna d-diplomazija tal-ostaġġi tal-Iran; jeżiġi l-liberazzjoni immedjata u mingħajr kundizzjonijiet ta’ Johan Floderus, ċittadin Żvediż u uffiċjal tal-UE li ġie detenut arbitrarjament f’Tehran u li għadu l-ħabs fl-Iran taħt kundizzjonijiet inumani; iħeġġeġ lill-UE tniedi strateġija biex tiġġilidha b’task force apposta biex tgħin aħjar lill-familji tad-detenuti u tipprevjeni b’mod effettiv aktar teħid ta’ ostaġġi; jappella li jiġi skoraġġut l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu miċ-ċittadini tal-UE lejn l-Iran; jistieden lill-Iran biex immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet jillibera liċ-ċittadini kollha tal-UE, inkluż lill-uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni EsternaJohan Floderus, kif ukoll lill-priġunieri politiċi l-oħra kollha;

16.

Jikkundanna s-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Iranjani kontra l-Membri tal-PE; jafferma mill-ġdid li sakemm jippersistu dawn is-sanzjonijiet fuq il-membri parlamentari Ewropej, id-djalogu interparlamentari jrid jibqa’ sospiż;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi strateġija wiesgħa biex tindirizza r-repressjoni tranżnazzjonali mir-reġim Iranjan fl-UE u jqis li l-istrateġija għandha tippromwovi għodod tekniċi għall-prevenzjoni ta’ tali repressjoni; jappella għal sanzjonijiet kontra l-membri tal-familja ta’ membri prominenti tal-IRGC li jistudjaw jew jaħdmu fl-UE u għal miżuri biex jiġi pprevenut kwalunkwe fastidju jew intimidazzjoni tad-dijaspora Iranjana fl-UE, inkluż fil-campuses; jistieden lis-servizzi tal-intelligence Ewropej, lis-CSIRTs, liċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE, lill-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u lit-Task Force East StratCom biex jikkooperaw b’mod attiv biex jiġu miġġielda u skoraġġuti d-diżinformazzjoni online Iranjana/mill-IRGC/mill-Ministeru Iranjan tal-Intelligence u l-operazzjonijiet ċibernetiċi u ta’ intimidazzjoni indirizzati kontra d-dijaspora Iranjana; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiġġieldu b’mod attiv it-tentattivi tal-Iran biex ixerred l-ideoloġija rivoluzzjonarja tiegħu fit-territorju tal-UE;

18.

Jappella lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ għaċ-ċibersigurtà u networks privati virtwali (VPNs) bla ħlas u aċċessibbli jew għodod oħra ta’ ċirkomvenzjoni lis-soċjetà ċivili u lill-oppożizzjoni fl-Iran;

19.

Jikkundanna r-repressjoni massiva fil-pajjiż kollu mill-awtoritajiet Iranjani fuq in-nisa li jiksru l-liġi esaġerata dwar il-ħiġab; jinnota bi tħassib serju l-eskalazzjoni reċenti fl-użu tal-piena tal-mewt fl-Iran u jtenni l-appell tiegħu għall-abolizzjoni tagħha;

20.

Jesprimi l-appoġġ u s-solidarjetà sħaħ tiegħu mas-soċjetà ċivili u l-forzi demokratiċi fl-Iran; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jeħtieġ li jitilqu mill-Iran, inkluż permezz ta’ aċċess rapidu għall-viżi u l-ażil, u jipprovdu appoġġ tekniku lil dawk li jgħinu lis-soċjetà ċivili Iranjana, filwaqt li jiżguraw is-sjieda Iranjana ta’ dawn l-attivitajiet;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iran u lill-Gvern u l-Parlament ta’ Iżrael.


(1)   ĠU L 186, 25.7.2023, p. 20.

(2)   ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3712/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)