|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3570 |
30.6.2025 |
Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ferrosiliċju li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
(C/2025/3570)
Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ferrosiliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa (“il-pajjiżi kkonċernati”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal rieżami
It-talba ġiet ippreżentata fit-28 ta’ Marzu 2025 minn Euroalliages (“l-applikant”) f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-ferrosiliċju fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.
Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-livell ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-file mill-partijiet interessati.
2. Prodott taħt rieżami
Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa l-ferrosiliċju (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 7202 21 00 , 7202 29 10 u 7202 29 90 . Il-kodiċijiet NM u TARIC huma pprovduti għall-informazzjoni biss mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.
3. Miżuri eżistenti
Il-miżuri li hemm fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2020/909 (3). Miżuri anti-dumping ġew imposti l-ewwel fuq importazzjonijiet ta’ ferrosiliċju mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-“RPĊ”), l-Eġittu, il-Każakistan, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u r-Russja fl-2008 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 172/2008 (4). Fl-2009, ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1297/2009 (5) rrevoka d-dazju tal-antidumping impost mir-Regolament (KE) Nru 172/2008 fuq importazzjonijiet tal-ferrosiliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. Fl-2013, il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 172/2008 fuq l-importazzjonijiet tal-ferrosiliċju li joriġinaw mill-Eġittu u mill-Każakistan skadew peress li ma tressqet l-ebda talba sostanzjata kif xieraq għal rieżami fil-limitu ta’ żmien (6).
4. Raġunijiet għar-rieżami
It-talba hija bbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri aktarx li twassal għall-kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
4.1. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping
4.1.1. Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping mill-Federazzjoni Russa
L-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping għall-Federazzjoni Russa hija bbażata fuq tqabbil fil-livell ex-works tal-kummerċ tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Indja, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, it-Turkija u l-Vjetnam, fid-dawl tan-nuqqas attwali ta’ volumi sinifikanti ta’ importazzjoni mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni.
Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri li l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet lejn swieq terzi huma aktar baxxi mill-valur normali, l-applikant qed jallega li hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping mill-Federazzjoni Russa jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
4.1.2. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping jew rikorrenza ta’ dumping mir-RPĊ
L-applikant sostna li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku.
Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-applikant ibbaża fuq l-informazzjoni li tinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-RPĊ għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ bid-data tal-10 ta’ April 2024 (7). B’mod partikolari, l-applikant irrefera għal distorsjonijiet bħala preżenza tal-istat b’mod ġenerali u b’mod aktar speċifiku li jaffettwaw is-setturi tal-azzar, tal-aluminju u tal-kimika li jikkorrispondu għall-materja prima li tintuża fil-produzzjoni tal-ferrosiliċju, u għal kapitoli dwar distorsjonijiet ġenerali tal-art u tax-xogħol.
B’hekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq paragun fil-livell kummerċjali ta’ kif joħroġ mill-fabbrika ta’ valur normali maħdum għall-prodott simili fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni mal-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. L-ilmentatur jindika lill-Brażil bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq biex jinħadem il-valur normali.
Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għar-RPĊ.
Madankollu, fid-dawl tan-nuqqas attwali ta’ volumi sinifikanti ta’ importazzjoni mir-RPĊ, l-applikanti ipprovdew ukoll evidenza ta’ dumping tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn il-Ġappun, il-Korea t’Isfel u l-Indonesja.
Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri li l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet lejn swieq terzi huma aktar baxxi min-normal ukoll, l-applikant qed jallega li hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping mir-RPĊ jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
4.2. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu
B’mod ġenerali, l-industrija tal-Unjoni bħalissa tinsab f’sitwazzjoni dannuża. Madankollu, fid-dawl tan-nuqqas attwali ta’ volumi sinifikanti ta’ importazzjoni mill-Federazzjoni Russa u mir-RPĊ, l-applikant jallega l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu kkawżat oriġinarjament mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. F’dan ir-rigward l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ u mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata tal-faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati. Barra minn hekk, l-applikant innota l-għeluq ta’ xi swieq importanti bħall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Eġittu fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati.
Fl-aħħar nett, l-applikant jallega li kwalunkwe rikorrenza ta’ importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u mill-Federazzjoni Russa x’aktarx li twassal għal rikorrenza ta’ dannu kkawżat oriġinarjament mill-importazzjonijiet Ċiniżi u Russi jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
5. Proċedura
Wara li ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping (8) u dannu biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.
Ir-rieżami ta’ skadenza jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping tal-prodott soġġett għal rieżami li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati u għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
5.1. Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inkluż il-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-rikorrenza tad-dannu u mal-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9).
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping
F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiżi kkonċernati hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni aktarx jitkomplew jew jirrikorru jekk jiskadu l-miżuri.
Għalhekk, il-produtturi kollha (10) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi kkonċernati, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ il-kampjunar, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-rieżami preżenti, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R837_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa u tar-RPĊ u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fil-pajjiżi kkonċernati, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk xieraq, dwar il-kumpaniji li jintgħażlu biex ikunu fil-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija se tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun se jkollhom jibagħtu kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se żżid nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tliet (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Se tkun disponibbli kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun, fis-sit web tad-DĠ tal-Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2803.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw.
5.3.2. Proċedura addizzjonali fir-rigward tar-RPĊ li hija soġġetta għal distorsjonijiet sinifikanti
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fit-talba (11), jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott taħt rieżami f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali fil-PRC skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikopri s-sorsi kollha, inkluż l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq fejn adegwat. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem mid-data li fiha din in-nota tiżdied fil-file, sabiex jippreżentaw il-kummenti.
Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, f’dan il-każ il-Brażil huwa pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għar-RPĊ. Bil-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni teżamina jekk hemmx pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħar-RPĊ, li fihom isiru l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt rieżami u li għandhom data rilevanti disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan, tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi li għandhom livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.
Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-produtturi kollha fir-RPĊ huma mitluba jipprovdu informazzjoni dwar il-materji (primi u dawk ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R837_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.
Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku trid tiġi ppreżentata fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Jenħtieġ li tali informazzjoni fattwali tittieħed esklużivament minn sorsi disponibbli għall-pubbliku.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li għandha bżonn għall-investigazzjoni fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll kwestjonarju lill-Gvern tar-RPĊ.
5.3.3. Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (12) (13)
Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tliet (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Sabiex tikseb informazzjoni li tqis bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
5.4. Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami jipparteċipaw fl-investigazzjoni.
Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.
Il-partijiet interessati huma b’dan mistednin jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż il-produtturi tal-Unjoni li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni(jiet) li tkun wasslet/jkunu wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jkunu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufin kollha bil-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2803
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tad-dannu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jipprovdu informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni lill-Kummissjoni.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fil-format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.
Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2803. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.3 u 5.4 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-file disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet f’dik il-paġna sabiex ikollok aċċess (14).
5.7. Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.8. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-smigħ ikun limitat għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-file. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara smigħ.
5.9. Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “ Sensitive ” (15). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “ For inspection by interested parties ”. Dawn is-sommarji jridu jkunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni ġusta għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi t-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Il-partijiet interessati, meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ) ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika mogħti jkun indirizz tal-posta elettronika kummerċjali uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Trade |
|
Directorate G |
|
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
Indirizz elettroniku: TRADE-R837-FESI-DUMPING@ec.europa.eu,
TRADE-R837-FESI-INJURY@ec.europa.eu
6. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.
7. Preżentazzjoni ta’ informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.
Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni ma taċċettax iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.
8. Possibbiltà għal kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħrajn b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet definittivi jiġu ppreżentati fi żmien 5 ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
Kwalunkwe estensjoni għal-limiti taż-żmien previsti f’din in-Notifika għandha tiġi mitluba biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni fl-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal 3 ijiem, u bħala regola ma taqbiżx 7 ijiem. Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika tal-Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal 3 ijiem dment li ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.
10. Nonkooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa sal-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Meta parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għaldaqstant is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.
11. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Smigħ jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduti ta' smigħ u jagħmilha ta' medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ malajr kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet ikunu saru tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_mt.
12. Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku
Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda se jwasslu biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.
Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.
13. Proċessar ta’ data personali
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).
Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W
(1) ĠU C, C/2024/6156, 16.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6156/oj.
(2) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2020/909 tat-30 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ferrosiliċju li joriġinaw mir-Russja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU L 208, 1.7.2020, p. 2).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 172/2008 tal- 25 ta’ Frar 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ferrosiċilju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Eġittu, il-Każakistan, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u r-Russja (ĠU L 55, 28.2.2008, p. 6).
(5) Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1297/2009 tat- 22 ta’ Diċembru 2009 li jirrevoka d-dazju tal-antidumping impost mir-Regolament (KE) Nru 172/2008 fuq importazzjonijiet tal-ferrosiċilju li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja (ĠU L 351, 30.12.2009, p. 1).
(6) Notifika tal-iskadenza ta’ ċerti miżuri tal-antidumping (ĠU C 58, 28.2.2013, p. 5).
(7) Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 10.4.2024, SWD(2024) 91 final, disponibbli hawn: https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2024)91&lang=mt.
(8) Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza li għandha t-tendenza turi li, minħabba distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u għalhekk huwa ġġustifikat li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
(9) Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
(10) Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluż kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, il-bejgħ domestiku jew l-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.
(11) Informazzjoni dwar il-kodiċijiet SA tingħata wkoll fis-sommarju eżekuttiv tat-talba għal rieżami, disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2803.
(12) Huma biss l-importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati li jistgħu jiddaħħlu fil-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) huma l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma huma kkontrollati direttament jew indirettament minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(13) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll fir-rigward ta’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tad-dumping.
(14) F’każ ta’ problemi tekniċi jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Uffiċċju tas-Servizz tal-Kummerċ bil-posta elettronika trade-service-desk@ec.europa.eu jew bit-telefown + 32 22979797.
(15) Dokument “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(16) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ANNESS
|
☐ |
Verżjoni Sensittiva |
|
☐ |
Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati |
|
(immarka l-kaxxa xierqa) |
|
RIEŻAMI TA’ SKADENZA TAL-MIŻURI ANTI-DUMPING APPLIKABBLI GĦALL-IMPORTAZZJONIJIET TA’ FERROSILIĊJU LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA U MILL-FEDERAZZJONI RUSSA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-tagħrif dwar it-teħid ta' kampjuni mitlub fil-punt 5.3.3. tan-notifika ta' bidu.
Kemm il-verżjoni Sensittiva kif ukoll il-verżjoni Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati għandhom jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika tal-bidu.
1. IDENTITÀ U DETTALJI TA’ KUNTATT
Agħti d-dettalji segwenti dwar il-kumpanija tiegħek:
|
Isem tal-kumpanija |
|
|
Indirizz |
|
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
|
Indirizz tal-email |
|
|
Telefown |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) u mill-Federazzjoni Russa, matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami tal-prodott taħt rieżami kif definit fin-notifika ta’ bidu.
|
|
Volum f’tunnellati |
Valur f’euro (EUR) |
|
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mir-RPĊ |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (kwalunkwe oriġini) |
|
|
|
Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-RPĊ tal-prodott taħt rieżami |
|
|
|
Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Federazzjoni Russa tal-prodott investigat |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott taħt rieżami, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
|
Isem u lokalità tal-kumpanija |
Attivitajiet |
Relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
|
|
Agħti kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis utli biex tassisti lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun. |
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Billi tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fuq il-post biex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Meta l-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u kariga tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) huma l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma huma kkontrollati direttament jew indirettament minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3570/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)