European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3553

7.7.2025

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Polonja) fit-23 ta’ April 2025 – M.B. et vs AAA et

(Kawża T-310/25, Słumazeń  (1) )

(C/2025/3553)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M.B. et

Konvenuti: AAA S.A., BBB, CCC, DDD S.A.

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 2(b) u (h) moqri flimkien mal-Artikolu 3(5), mal-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (2), għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn numru ta’ segmenti ta’ titjira jiġu inklużi f’riżervazzjoni waħda, kull wieħed mit-trasportaturi li opera kwalunkwe wieħed mis-segmenti inklużi f’din ir-riżervazzjoni u li jirċievi talba minn passiġġier f’dan is-sens, huwa responsabbli għall-ħlas tal-kumpens minħabba kanċellazzjoni jew ta’ dewmien ta’ titjira jew minħabba rifjut ta’ imbark, irrispettivament minn ċirkustanzi oħra bħal pereżempju:

a.

min għamel ir-riżervazzjoni (dak it-trasportatur, trasportatur ieħor, organizzatur tal-vjaġġi, online travel agency, entità oħra) u liema hija l-entità li ħarġet il-biljett (liema trasportatur);

b.

it-trasportaturi li joperaw is-segmenti speċifiċi kienu marbuta b’xi tip ta’ relazzjoni legali (b’mod partikolari, irrispettivament minn dan, jekk kienu marbuta b’kuntratt “code-share” jew b’kuntratt “interline”);

c.

fejn bdiet u fejn intemmet it-titjira bil-konnessjoni jew fejn kienu l-postijiet fejn seħħet il-konnessjoni, jiġifieri fit-territorju tal-Istat Membru tal-Unjoni jew barra (sa fejn din għandha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament);

d.

f’liema segment seħħet il-perturbazzjoni (irregolarità, rifjut ta’ imbark) – b’mod partikolari, fl-ewwel jew fit-tieni segment tat-titjira bil-konnessjoni;

e.

jekk it-trasportatur ieħor li qed jopera s-segment tat-titjira bil-konnessjoni li fih seħħet il-perturbazzjoni huwiex trasportatur stabbilit ġewwa l-Unjoni Ewropea jew barra l-Unjoni Ewropea?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda, fid-dawl tal-Artikolu 2(f) u (g) tar-Regolament Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, online travel agency (bħal eSky.pl S.A., myTrip.com Etraveli Group) li toffri biljetti għat-trasport minn trasportatur speċifiku, għandha titqies li hija aġent awtorizzat ta’ dan it-trasportatur u, konsegwentement, riżervazzjoni magħmula permezz ta’ tali online travel agency għandha titqies li ġiet “aċċettata u rreġistrata” minn dan it-trasportatur, u, jekk le, taħt liema kundizzjonijiet dan huwa possibbli?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-punt (b) tal-ewwel domanda, liema karatteristiċi għandha tissodisfa r-relazzjoni ġuridika bejn it-trasportaturi sabiex, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(b) u (h) tar-Regolament Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, fejn numru ta’ segmenti ta’ titjira jiġu inklużi f’riżervazzjoni waħda, ikunu responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens minħabba dewmien ta’ titjira jew minħabba rifjut ta’ imbark kull wieħed mit-trasportaturi li opera kwalunkwe wieħed mis-segmenti inklużi f’din ir-riżervazzjoni u li jirċievi talba minn passiġġier f’dan is-sens, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ ftehim “interline”, bħalma huwa l-ftehim li fid-dawl tiegħu t-trasportaturi huma awtorizzati joħorġu biljetti li jinkludu s-segmenti operati minn trasportaturi oħra hija neċessarja u suffiċjenti?

4)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-punt (b) tal-ewwel domanda u fil-każ li r-risposta għad-domanda 3 tkun fis-sens li ftehim “interline” jew ftehim ieħor huwa neċessarju, fid-dawl tal-Artikolu 2(b) u (f) tar-Regolament Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, jista’ jiġi preżunt li, peress li saret riżervazzjoni waħda li tinkludi s-segmenti ta’ vjaġġ ikkostitwit minn titjiriet operati minn trasportaturi differenti (minn xi ħadd minn dawn it-trasportaturi, organizzatur tal-vjaġġi, online travel agency, entità oħra), dawn it-trasportaturi huma marbuta b’relazzjoni ġuridika li hija neċessarja sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħhom in solidum minħabba n-natura irregolari tat-titjira b’korrispondenza, irrispettivament mis-segment (operat minn wieħed minn fosthom) li fih seħħet l-irregolarità?


(1)  L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3553/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)