|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3467 |
27.6.2025 |
L-Istatuti taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudji Avvanzati dwar is-Sistemi Fluvjomarittimi – Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka
(DANUBIUS-ERIC)
(C/2025/3467)
PREAMBOLU
Ir-Repubblika tal-Awstrija (l-Awstrija),
ir-Repubblika Ċeka,
ir-Repubblika Taljana (l-Italja),
ir-Repubblika tal-Moldova (il-Moldova),
ir-Renju tan-Netherlands (in-Netherlands),
ir-Rumanija,
ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit)
(minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-membri”),
Wara li rrikonoxxew li s-sistemi fluvjomarittimi qed jesperjenzaw degradazzjoni intensa u progressiva b’reazzjoni għal ħafna fatturi, inkluż it-tibdil rapidu fil-klima u l-ambjent, u ż-żieda fil-pressjonijiet antropoġeniċi;
Wara li kkunsidraw il-karatteristiċi spazjali u temporali ta’ sistemi fluvjomarittimi kbar u l-ħtieġa ta’ mudell ġdid biex javvanzaw l-għan ta’ ġestjoni ambjentali olistika, l-ibbilanċjar tal-iżvilupp ekonomiku u l-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi naturali;
Wara li rrikonoxxew li soluzzjonijiet effettivi u sostenibbli jistgħu jinkisbu biss minn timijiet ta’ riċerkaturi interdixxiplinari, li għandhom l-għarfien espert u l-infrastruttura kollettivi biex isolvu dawn il-problemi urġenti u emerġenti;
Filwaqt li jibnu fuq il-Pjan Direzzjonali tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI, European Strategy Forum on Research Infrastructures) li identifika lil DANUBIUS bħala infrastruttura tar-riċerka distribwita pan-Ewropea li l-kompitu prinċipali tagħha huwa li tappoġġja r-riċerka interdixxiplinari fis-sistemi fluvjomarittimi.
Filwaqt li jixtiequ jipprovdu aċċess għall-infrastruttura tar-riċerka DANUBIUS għall-komunitajiet wiesgħa tal-utenti, jorbtu r-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni għall-promozzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi u jipprovdu data indipendenti għall-kontribut tal-ġestjoni sostenibbli tax-xmajjar u tal-kosti;
QABLU KIF ĠEJ:
KAPITOLU 1
ELEMENTI ESSENZJALI
Artikolu 1
Isem u sede statutorja
1. Għandu jkun hemm infrastruttura tar-riċerka distribwita Ewropea msejħa “Ċentru Internazzjonali għall-Istudji Avvanzati dwar is-Sistemi Fluvjomarittimi”, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “DANUBIUS”.
2. Id-DANUBIUS għandu jkollu l-forma legali ta’ Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC, European Research Infrastructure Consortium) skont ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 u għandu jissejjaħ “DANUBIUS-ERIC”.
3. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jkun operazzjonali fil-pajjiżi membri tad-DANUBIUS-ERIC, kif ukoll f’pajjiżi oħra fejn ikun ikkonkluda ftehimiet rilevanti.
4. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu f’Murighiol, il-Kontea ta’ Tulcea (ir-Rumanija).
Artikolu 2
Objettiv, kompitu u attivitajiet
1. L-objettiv u l-kompitu ewlenin tad-DANUBIUS-ERIC huma li jistabbilixxi u jopera infrastruttura tar-riċerka distribwita pan-Ewropea bil-għan li jiffaċilita x-xjenza eċċellenti dwar il-kontinwità minn sors tax-xmara għall-baħar u jikkontribwixxi għaliha; li joffri infrastruttura tar-riċerka tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku; u li jipprovdi l-għarfien integrat meħtieġ għall-ġestjoni u l-protezzjoni sostenibbli tas-Sistemi Fluvjomarittimi. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jkun appoġġjat mis-Sħab tad-DANUBIUS, li għandhom jipprovdu tagħmir xjentifiku ewlieni jew settijiet ta’ strumenti, faċilitajiet ta’ riċerka, riżorsi u servizzi relatati lill-Komponenti tad-DANUBIUS u permezz tagħhom lill-Utenti, li jippermettu t-twettiq ta’ riċerka tal-ogħla livell fl-oqsma rispettivi tagħhom.
2. Għal dan l-għan, id-DANUBIUS-ERIC għandu jipprovdi qafas ta’ governanza effettiv, jikkoordina u jarmonizza l-attivitajiet imwettqa mill-Komponenti tad-DANUBIUS fir-rigward tas-sistemi fluvjomarittimi. B’mod partikolari, għandu jwettaq u jikkoordina l-attivitajiet li ġejjin:
|
a) |
soġġett għall-politika ta’ aċċess, jipprovdi punt uniku ta’ aċċess għall-applikazzjonijiet għall-użu tal-Komponenti tad-DANUBIUS; |
|
b) |
jiffaċilita programmi u proġetti ta’ riċerka Ewropej u internazzjonali rilevanti; |
|
c) |
jimmobilizza l-għarfien rilevanti, il-bini tal-kapaċità tar-riċerka u l-inkoraġġiment tal-mobbiltà tar-riċerkaturi biex jiżdied il-potenzjal intellettwali Ewropew u titmexxa r-riċerka internazzjonali dwar is-sistemi fluvjomarittimi; |
|
d) |
jiżviluppa teknoloġija, standards u protokolli għall-avvanz tal-istudji fis-sistemi tal-ilma ħelu, ta’ taħt l-art u kostali, tal-baħar u tranżizzjonali; |
|
e) |
jibni kollaborazzjoni u sinerġiji ma’ infrastrutturi oħra tar-riċerka fl-Ewropa u madwar id-dinja; |
|
f) |
juża l-infrastruttura tar-riċerka u l-għarfien espert DANUBIUS b’appoġġ għar-riċerka dwar is-sistemi fluvjomarittimi madwar id-dinja; |
|
g) |
jidħol fi ftehimiet ma’ partijiet terzi sabiex jilħaq l-objettiv tiegħu u jwettaq il-kompiti tiegħu; u |
|
h) |
kwalunkwe attività relatata oħra li tippromwovi l-kisba tal-objettivi u l-kompitu ewlenin tad-DANUBIUS-ERIC. |
3. Id-DANUBIUS-ERIC, permezz tal-Komponenti tiegħu, għandu jipprovdi aċċess effettiv għall-faċilitajiet, is-servizzi, il-pariri u d-data biex jippromwovi u jixpruna r-riċerka u l-innovazzjoni interdixxiplinari fis-sistemi fluvjomarittimi. Għal dan il-fini, id-DANUBIUS-ERIC jista’ jidħol fi Ftehimiet dwar il-Livell ta’ Servizz li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet li bihom il-Komponenti tad-DANUBIUS għandhom jipprovdu riżorsi u servizzi lid-DANUBIUS-ERIC, lil Komponenti tad-DANUBIUS oħra u lill-Utenti.
4. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jwettaq il-kompitu ewlieni tiegħu fuq bażi mhux ekonomika, madankollu jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, dment li dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompitu ewlieni tiegħu u ma jipperikolawx il-kisba tiegħu. Kwalunkwe introjtu ġġenerat minn dawn l-attivitajiet ekonomiċi limitati għandu jintuża mid-DANUBIUS-ERIC biex jippromwovi l-objettivi u l-kompitu ewlenin tiegħu.
Artikolu 3
Tul ta’ żmien u stralċ
1. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jeżisti għal perjodu ta’ żmien indefinit.
2. L-istralċ tad-DANUBIUS-ERIC għandu jirrikjedi deċiżjoni mill-Assemblea Ġenerali f’konformità mal-Artikolu 17(6)(c).
3. Mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-deċiżjoni tal-istralċ, id-DANUBIUS-ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea bid-deċiżjoni tiegħu.
4. L-assi li jifdal wara l-ħlas tad-djun tad-DANUBIUS-ERIC għandhom jitqassmu fost il-membri b’mod proporzjonat għall-kontribuzzjoni annwali akkumulata tagħhom lid-DANUBIUS-ERIC matul l-aħħar 5 snin konsekuttivi qabel l-istralċ.
5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, l-obbligazzjonijiet li jifdal wara l-istralċ, għandhom jitqassmu fost il-membri b’mod proporzjonat għall-kontribuzzjoni annwali akkumulata tagħhom lid-DANUBIUS-ERIC, kif stabbilit fl-Anness 2, li ma jaqbżux l-ammont ta’ kontribuzzjoni annwali medja waħda fl-aħħar 5 snin konsekuttivi qabel is-sena meta ttieħdet id-deċiżjoni għall-istralċ tad-DANUBIUS-ERIC.
6. Fi żmien 10 ijiem wara l-għeluq tal-proċedura tal-istralċ, id-DANUBIUS-ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea b’dan.
7. Id-DANUBIUS-ERIC ma għandux jibqa’ jeżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika n-notifika xierqa f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Obbligazzjoni u assigurazzjoni
1. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.
2. Il-membri ma għandhomx ikunu responsabbli b’mod konġunt għad-djun tad-DANUBIUS-ERIC.
3. L-obbligazzjoni finanzjarja tal-membri għad-djun tad-DANUBIUS-ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni annwali rispettiva tagħhom għad-DANUBIUS-ERIC.
4. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa biex ikopri r-riskji speċifiċi għall-attivitajiet tiegħu.
Artikolu 5
Politika dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
1. Soġġetti għal kwalunkwe kuntratt bejn id-DANUBIUS-ERIC u l-Utenti, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li nħolqu, inkisbu jew ġew żviluppati mill-Utenti għandhom ikunu proprjetà ta’ dawk l-Utenti.
2. Soġġetti għal kwalunkwe kuntratt bejn id-DANUBIUS-ERIC u s-Sieħeb tad-DANUBIUS, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li nħolqu, inkisbu jew ġew żviluppati minn Sieħeb tad-DANUBIUS għandhom ikunu proprjetà tas-Sieħeb tad-DANUBIUS.
3. Soġġetti għal kwalunkwe kuntratt bejn id-DANUBIUS-ERIC u l-Komponent tad-DANUBIUS, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li nħolqu, inkisbu jew ġew żviluppati minn Komponent tad-DANUBIUS għandhom ikunu proprjetà tal-Komponent tad-DANUBIUS.
4. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li nħolqu, inkisbu jew ġew żviluppati mid-DANUBIUS-ERIC għandhom ikunu proprjetà tad-DANUBIUS-ERIC.
5. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jadotta politika dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għall-approvazzjoni mill-Assemblea Ġenerali.
Artikolu 6
Politika ta’ disseminazzjoni
1. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jkun faċilitatur tar-riċerka u għandu, bħala regola ġenerali, japplika l-prinċipji tax-xjenza miftuħa u tal-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka kif żviluppati aktar fil-politiki tad-Dritt tal-Proprjetà Intellettwali (DPI) u tad-Data tad-DANUBIUS-ERIC.
2. Bħala regola ġenerali, id-DANUBIUS-ERIC għandu jinkoraġġixxi lill-Utenti jagħmlu r-riżultati tar-riċerka tagħhom disponibbli għall-pubbliku jew jippubblikawhom f’letteratura xjentifika rieżaminata bejn il-pari, jippreżentawhom f’konferenzi xjentifiċi, kif ukoll f’mezzi oħra, soċjali jew mod ieħor, immirati lejn udjenzi akbar (inkluż mingħajr limitazzjoni l-pubbliku ġenerali, l-istampa, il-gruppi taċ-ċittadini u għal finijiet edukattivi).
3. Id-DANUBIUS-ERIC għandu juża diversi mezzi biex jilħaq l-udjenzi fil-mira, inkluż portal tal-Internet, bullettini, workshops, preżenza fil-konferenzi, artikli fir-rivisti, gazzetti ta’ kuljum u kwalunkwe media rilevanti oħra.
Artikolu 7
Politika ta’ aċċess
1. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jżomm proċeduri siguri, ġusti u trasparenti biex jipprovdi aċċess għall-Komponenti tad-DANUBIUS u għas-servizzi lill-Utenti.
2. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jadotta politika ta’ aċċess, għall-approvazzjoni mill-Assemblea Ġenerali.
Artikolu 8
Politika dwar l-Evalwazzjoni Xjentifika
1. L-attivitajiet tad-DANUBIUS-ERIC għandhom jiġu evalwati kull 5 snin minn bord indipendenti, magħmul minn esperti internazzjonali tal-ogħla kwalità, maħtura mill-Assemblea Ġenerali.
2. Il-grupp ta’ esperti għandu jevalwa l-attivitajiet, u l-orjentazzjoni xjentifika u strateġika tad-DANUBIUS-ERIC kif ukoll l-operazzjoni tal-Komponenti tad-DANUBIUS. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Utent.
3. Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet għandhom jiġu rrappurtati lill-Assemblea Ġenerali.
Artikolu 9
Politika tal-impjiegi
1. Il-politika tal-impjiegi tad-DANUBIUS-ERIC għandha tkun irregolata mil-liġijiet tal-pajjiż li fih il-persunal ikun impjegat jew li fih normalment iwettaq l-attivitajiet tiegħu.
2. Il-pożizzjonijiet vakanti fid-DANUBIUS-ERIC għandhom isegwu proċedura trasparenti u nondiskriminatorja u jħarsu l-prinċipji ta’ opportunitajiet indaqs, soġġetti għal-liġijiet tax-xogħol applikabbli.
Artikolu 10
Politika dwar l-akkwist
1. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jadotta r-regoli dwar l-akkwist tiegħu stess, li għandhom jiġu approvati mill-Assemblea Ġenerali.
2. Ir-regoli dwar l-akkwist għandhom iħarsu l-prinċipji tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni.
3. Ix-xiri li jsir mis-Sħab tad-DANUBIUS, maħsub esklużivament għall-użu mill-Komponenti tad-DANUBIUS għall-fini li jintlaħqu l-objettiv u l-kompiti tad-DANUBIUS-ERIC, għandu jingħata u jiġi organizzat f’konformità mar-regoli dwar l-akkwist tad-DANUBIUS-ERIC.
KAPITOLU 2
SĦUBIJA
Artikolu 11
Sħubija, status ta’ osservatur u entitajiet rappreżentanti
1. L-entitajiet li ġejjin jistgħu jsiru membri tad-DANUBIUS-ERIC jew jistgħu jsiru osservaturi tad-DANUBIUS-ERIC mingħajr id-drittijiet tal-vot:
|
a) |
l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea; |
|
b) |
il-Pajjiżi Assoċjati (skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 723/2009); |
|
c) |
il-pajjiżi terzi għajr il-pajjiżi assoċjati; |
|
d) |
l-organizzazzjonijiet intergovernattivi. |
2. L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot b’mod konġunt fl-Assemblea Ġenerali. L-Assemblea Ġenerali għandha tiddetermina kwalunkwe modifika tad-drittijiet tal-vot li tkun meħtieġa biex tiżgura li d-DANUBIUS-ERIC jikkonforma f’kull ħin ma’ dan ir-rekwiżit.
3. Kwalunkwe membru jew osservatur imsemmi fil-paragrafu (1)(a)-(c) jista’ jkun rappreżentat minn entità pubblika waħda jew aktar, inklużi reġjuni jew entità privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku, tal-għażla tiegħu stess u maħtura skont ir-regoli u l-proċeduri tiegħu. Kull membru jew osservatur għandu jinforma lill-Assemblea Ġenerali bi kwalunkwe bidla fl-entità rappreżentanti tiegħu, bid-drittijiet u l-obbligi speċifiċi li jkunu ġew delegati lilu jew bi kwalunkwe bidla rilevanti oħra.
4. Il-membri u l-osservaturi kif ukoll l-entitajiet rappreżentanti tagħhom huma elenkati fl-Anness 1. L-Anness 1 għandu jinżamm aġġornat mid-Direttur Ġenerali jew minn kwalunkwe persuna oħra maħtura mid-Direttur Ġenerali.
Artikolu 12
Kundizzjonijiet biex wieħed isir membru jew osservatur
1. L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 11(1), li jixtiequ jsiru membri tad-DANUBIUS-ERIC għandhom jippreżentaw applikazzjoni bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali. Tali applikazzjoni għandha tiddeskrivi kif l-entità se tikkontribwixxi għall-objettivi u l-kompitu tad-DANUBIUS-ERIC deskritti fl-Artikolu 2 u kif se tissodisfa l-obbligi msemmija fl-Artikolu 14(2) u 14(3).
2. L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 11(1) li jixtiequ jikkontribwixxu għad-DANUBIUS-ERIC iżda li għadhom mhumiex f’pożizzjoni li jissieħbu bħala membri jistgħu japplikaw għal status ta’ osservatur. L-applikanti għandhom jippreżentaw applikazzjoni bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali, li għandha tiddeskrivi kif l-applikant se jikkontribwixxi għall-objettivi u l-kompiti tad-DANUBIUS-ERIC deskritti fl-Artikolu 2 u kif se jissodisfa l-obbligi msemmija fl-Artikolu 15(2) u 15(3).
3. Meta l-Assemblea Ġenerali tivvota favur l-ammissjoni ta’ applikant bħala osservatur, dan għandu jiġi ammess bħala osservatur għal perjodu ta’ 3 snin. L-osservaturi jistgħu japplikaw darba għal estensjoni ta’ sentejn tal-istatus ta’ osservatur tagħhom. F’każijiet eċċezzjonali, l-Assemblea Ġenerali tista’ taċċetta u tapprova estensjonijiet ulterjuri ta’ status ta’ osservatur, f’liema każ, l-Assemblea Ġenerali tista’ tistabbilixxi wkoll kontribuzzjonijiet annwali ogħla għal dak l-osservatur speċifiku.
Artikolu 13
Irtirar u terminazzjoni ta’ membru jew ta’ osservatur
1. Membru jista’ jirtira s-sħubija tiegħu fi kwalunkwe ħin b’mill-inqas 12-il xahar qabel in-notifika bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali. L-irtirar se jidħol fis-seħħ wara perjodu minimu ta’ 5 snin ta’ sħubija u fi tmiem is-sena finanzjarja li jmiss li fiha jkun ingħata notifika ta’ rtirar, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara.
2. Osservatur jista’ jirtira fi kwalunkwe ħin wara 6 xhur qabel in-notifika bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali. Jekk in-notifika ssir sat-30 ta’ Ġunju fi kwalunkwe sena, l-irtirar jidħol fis-seħħ fi tmiem l-istess sena finanzjarja li fiha jkun ingħata n-notifika, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru. Jekk in-notifika ssir wara t-30 ta’ Ġunju fi kwalunkwe sena, l-irtirar jidħol fis-seħħ fi tmiem is-sena finanzjarja li jmiss li fiha jkun ingħata n-notifika, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara.
3. L-Assemblea Ġenerali tista’ ttemm is-sħubija jew l-istatus ta’ osservatur jekk tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
a) |
il-membru jew l-osservatur ikun kiser b’mod serju wieħed jew aktar mill-obbligi tiegħu jew mill-kundizzjonijiet tas-sħubija jew tal-istatus ta’ osservatur skont dawn l-Istatuti; u, |
|
b) |
il-membru jew l-osservatur ikun naqas milli jirrettifika tali ksur fi żmien 6 xhur wara li jkun irċieva notifika tal-ksur; u, |
|
c) |
il-membru jew l-osservatur jkun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu lill-Assemblea Ġenerali qabel ma tittieħed deċiżjoni. |
4. Il-membri u l-osservaturi għandhom ikomplu jħallsu t-tariffi tas-sħubija jew tal-osservaturi tagħhom u jissodisfaw l-obbligi l-oħra kollha għall-attivitajiet tad-DANUBIUS-ERIC sakemm jidħlu fis-seħħ l-irtirar jew it-terminazzjoni. La għandu jkollhom id-dritt għal restituzzjoni jew għal rimborż ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni magħmula, u lanqas id-dritt li jagħmlu kwalunkwe talba għall-assi tad-DANUBIUS-ERIC.
5. L-Assemblea Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tissospendi d-drittijiet tal-vot ta’ membru jekk dak il-membru jkollu 12-il xahar jew aktar ta’ arretrati biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 21(1), sakemm il-kontribuzzjonijiet ikunu tħallsu kollha.
6. Minkejja l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 13(2), il-membri u l-osservaturi msemmija fl-Artikolu 11(1)(b) u (c), jistgħu jirtiraw mid-DANUBIUS-ERIC wara bidliet fir-Regolament (KE) Nru 723/2009 li jaffettwaw b’mod materjali d-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-DANUBIUS-ERIC. Tali bidliet jitqiesu li jaffettwaw b’mod materjali d-drittijiet u l-obbligi tagħhom meta jimplikaw jew jimponu fuq dak il-membru jew osservatur speċifiku:
|
a) |
żieda fit-tariffi (inklużi kontribuzzjonijiet annwali ogħla jew kostijiet tad-dekummissjonar); |
|
b) |
inqas drittijiet tal-vot meta mqabbla ma’ membri jew osservaturi oħra msemmija fl-Artikolu 11(1)(a); |
|
c) |
rekwiżiti li jmorru kontra l-liġi applikabbli msemmija fl-Artikolu 29 ta’ dawn l-Istatuti jew kontra l-liġi nazzjonali tal-membru jew tal-osservatur affettwat, dment li tali liġi nazzjonali tkun ġiet ippromulgata aktar minn perjodu ta’ 6 xhur qabel il-bidla tar-Regolament (KE) Nru 723/2009; |
|
d) |
ineħħu d-dritt li wieħed ikun rappreżentat fl-Assemblea Ġenerali jew f’kumitati oħra; jew ibiddlu d-drittijiet tagħhom relatati mar-rappreżentazzjoni jew mal-użu tal-faċilità. |
Il-membru jew l-osservatur affettwat (li mhuwiex Stat Membru), jista’ jirtira mid-DANUBIUS-ERIC wara 6 xhur qabel in-notifika bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali.
KAPITOLU 3
DRITTIJIET U OBBLIGI TAL-MEMBRI U TAL-OSSERVATURI
Artikolu 14
Membri
1. Il-membri għandu jkollhom dritt:
|
a) |
li jaħtru entitajiet rappreżentanti; |
|
b) |
li jattendu u jivvutaw fl-Assemblea Ġenerali, bl-eċċezzjoni tal-votazzjoni dwar deċiżjonijiet rigward it-terminazzjoni tas-sħubija ta’ dak il-membru jew is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot; |
|
c) |
għall-komunità tar-riċerka tagħhom biex jaċċessaw il-faċilitajiet, is-servizzi u l-attivitajiet offruti mill-Komponenti tad-DANUBIUS, soġġetti għall-Politika ta’ Aċċess tad-DANUBIUS-ERIC; |
|
d) |
li jeleġġu u jiġu eletti fil-korpi ta’ governanza tad-DANUBIUS-ERIC permezz tar-rappreżentanti tiegħu; |
|
e) |
li jospitaw Komponent tad-DANUBIUS; |
|
f) |
għal kwalunkwe benefiċċju jew dritt ieħor stabbilit fir-regoli ta’ implimentazzjoni. |
2. Membru għandu:
|
a) |
jipprovdi l-kontribuzzjoni annwali tas-sħubija f’konformità mal-Anness 2; |
|
b) |
jaħtar mill-inqas rappreżentant uffiċjali wieħed, iżda mhux aktar minn tlieta, għall-Assemblea Ġenerali; |
|
c) |
jagħti s-setgħa lir-rappreżentanti tiegħu li jattendu l-Assemblea Ġenerali b’awtorità sħiħa. |
3. Membru huwa mistenni wkoll li:
|
a) |
jippromwovi l-adozzjoni ta’ standards u għodod rilevanti fl-operazzjoni tad-DANUBIUS-ERIC; |
|
b) |
jipprovdi l-infrastruttura teknika u r-riżorsi meħtieġa għall-operazzjonijiet tad-DANUBIUS-ERIC u jappoġġja l-Komponenti tad-DANUBIUS li jospita; |
|
c) |
jippromwovi l-adozzjoni tad-data u tas-servizzi kkoordinati tad-DANUBIUS-ERIC fost ir-riċerkaturi f’pajjiżhom u jippromwovu l-feedback u r-rekwiżiti tal-utenti; |
|
d) |
jappoġġja lis-Sieħeb jew lis-Sħab nazzjonali tiegħu tad-DANUBIUS u lill-Komponenti tad-DANUBIUS li jospita biex jippermettilhom iwettqu l-obbligi tagħhom kif jista’ jiġi definit fi Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz jew ftehim simili mad-DANUBIUS-ERIC. |
Artikolu 15
Osservaturi
1. L-osservaturi għandu jkollhom id-dritt:
|
a) |
li jaħtru entitajiet rappreżentanti; |
|
b) |
li jattendu l-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali, mingħajr id-dritt tal-vot; |
|
c) |
għall-komunità tar-riċerka tagħhom biex jaċċessaw il-faċilitajiet, is-servizzi u l-attivitajiet offruti mill-Komponenti tad-DANUBIUS, soġġetti għall-Politika ta’ Aċċess tad-DANUBIUS-ERIC; |
|
d) |
li jeleġġu u jiġu eletti fil-korpi ta’ governanza tad-DANUBIUS-ERIC permezz tar-rappreżentanti tagħhom, iżda mingħajr drittijiet tal-vot f’tali korpi ta’ governanza; |
|
e) |
għal kwalunkwe benefiċċju jew dritt ieħor stabbilit fir-regoli ta’ implimentazzjoni. |
2. Osservatur għandu:
|
a) |
jipprovdi l-kontribuzzjoni annwali tal-osservatur f’konformità mal-Anness 2; |
|
b) |
jissodisfa kwalunkwe obbligu ieħor innegozjat bejn l-osservatur rispettiv u d-DANUBIUS-ERIC kif miftiehem mill-Assemblea Ġenerali. |
3. Osservatur huwa mistenni wkoll li:
|
a) |
jippromwovi l-adozzjoni ta’ standards u għodod rilevanti fl-operazzjoni tad-DANUBIUS-ERIC; |
|
b) |
jippromwovi l-adozzjoni tad-data u tas-servizzi kkoordinati tad-DANUBIUS-ERIC fost ir-riċerkaturi f’pajjiżhom u jippromwovu l-feedback u r-rekwiżiti tal-utenti. |
KAPITOLU 4
GOVERNANZA
Artikolu 16
Korpi
1. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jinkludi l-korpi li ġejjin:
|
a) |
l-Assemblea Ġenerali; |
|
b) |
id-Direttur Ġenerali; |
|
c) |
il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku; u |
|
d) |
il-Kumitat għall-Infrastruttura tar-Riċerka. |
Artikolu 17
L-Assemblea Ġenerali
1. L-Assemblea Ġenerali għandha tkun il-korp governattiv tad-DANUBIUS-ERIC u għandha tkun magħmula minn rappreżentanti tal-membri u osservaturi tad-DANUBIUS-ERIC. Kull membru għandu jkollu vot wieħed u l-voti kollha għandhom ikunu tal-istess valur. Il-membri li jastjenu milli jivvutaw, jew li d-drittijiet tal-vot tagħhom ikunu ġew sospiżi, għandhom jitqiesu bħala assenti mingħajr ebda effett fuq il-kworum meħtieġ biex jikkostitwixxi l-laqgħa skont il-paragrafu 5.
2. Ir-rappreżentanti għall-Assemblea Ġenerali jistgħu jkunu akkumpanjati minn massimu ta’ żewġ esperti għal kull delegazzjoni bil-fini uniku li jagħtu pariri lid-delegazzjoni.
3. L-Assemblea Ġenerali għandha teleġġi President u Viċi President minn fost ir-rappreżentanti tal-membri għal terminu ta’ sentejn, li għall-istess perjodu jista’ jiġġedded darbtejn. Il-Viċi President għandu jissostitwixxi lill-President fl-assenza, ir-riżenja, l-inkapaċità tiegħu/tagħha li jaġixxi/taġixxi jew f’każijiet ta’ kunflitt ta’ interess li ma jkunux jistgħu jissolvew mod ieħor. Permezz tal-elezzjonijiet tagħhom, il-President u, meta jaġixxi bħala sostitut, il-Viċi President, isiru supra-parte u jħallu d-delegazzjonijiet tagħhom. Il-membru li minnu joriġina l-President jew il-Viċi President għandu jkollu d-dritt li minflok jinnomina rappreżentant ieħor.
4. L-Assemblea Ġenerali għandha titlaqqa’ mill-President mill-inqas darba fis-sena kalendarja u għandha tkun responsabbli għad-direzzjoni u s-superviżjoni ġenerali tad-DANUBIUS-ERIC, inklużi l-orjentazzjoni u l-istruttura strateġiċi tal-Komponenti tad-DANUBIUS.
5. Soġġetta għall-Artikolu 11(2), f’laqgħa għandu jitqies li jkun hemm kworum jekk mill-inqas żewġ terzi tal-membri jkunu rappreżentati fil-laqgħa. Jekk il-kworum meħtieġ ma jintlaħaqx, il-President għandu jsejjaħ laqgħa oħra, wara stedina ġdida bl-istess aġenda, u din ma tistax issir qabel 14-il jum kalendarju minn dik ta’ qabel. Soġġetta għall-Artikolu 11(2), fit-tieni laqgħa għandu jitqies li jkun hemm kworum jekk mill-inqas 50 % tal-membri jkunu rappreżentati fil-laqgħa.
6. Il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali b’vot unanimu tal-membri preżenti:
|
a) |
emenda tal-Istatuti tad-DANUBIUS-ERIC; |
|
b) |
bidliet ta’ aktar minn 4 % fl-ammont jew fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet minn membru jew osservatur. |
|
c) |
stralċ tad-DANUBIUS-ERIC f’konformità mal-Artikolu 3; |
|
d) |
terminazzjoni ta’ sħubija jew status ta’ osservatur. |
7. Il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tal-membri preżenti:
|
a) |
l-istabbiliment tal-livell tas-sħubija annwali u tal-kontribuzzjoni tal-osservaturi; |
|
b) |
bidliet sa 4 % fl-ammont jew fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet minn membru jew osservatur. |
|
c) |
l-approvazzjoni tal-baġit annwali u tal-kontijiet annwali; |
|
d) |
l-approvazzjoni tar-rapport annwali tal-attività; |
|
e) |
l-approvazzjoni tal-pjan ta’ ħidma annwali; |
|
f) |
l-approvazzjoni ta’ strateġija u pjanijiet finanzjarji ta’ 5 snin; |
|
g) |
l-adozzjoni jew l-emendar tar-regoli ta’ implimentazzjoni; |
|
h) |
l-elezzjoni ta’ President u Viċi President minn fost il-membri wara n-nomini; |
|
i) |
il-ħatra u t-tkeċċija tad-Direttur Ġenerali; |
|
j) |
il-ħatra u t-tkeċċija ta’ rappreżentanti tal-kumitati elenkati fl-Artikolu 16(1) |
|
k) |
l-aċċettazzjoni ta’ membri u osservaturi ġodda u t-tiġdid ta’ status ta’ osservatur; |
|
l) |
it-twaqqif u l-eliminazzjoni ta’ kumitati konsultattivi; |
|
m) |
l-approvazzjoni jew it-tneħħija ta’ Komponent tad-DANUBIUS; |
|
n) |
l-istabbiliment tal-livell ta’ kontribuzzjonijiet minn membru jew osservatur li huwa organizzazzjoni intergovernattiva. |
8. Id-deċiżjonijiet l-oħra kollha tal-Assemblea Ġenerali għandhom jeħtieġu maġġoranza sempliċi tal-voti tal-membri preżenti.
9. L-Assemblea Ġenerali għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha stess, li jistgħu jinkludu l-possibbiltà li jiġu adottati deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub, soġġetti għal dawn l-Istatuti.
Artikolu 18
Direttur Ġenerali
1. Id-Direttur Ġenerali tad-DANUBIUS-ERIC għandu jinħatar mill-Assemblea Ġenerali. Id-Direttur Ġenerali għandu jiġi impjegat mid-DANUBIUS-ERIC u għandu jkun ir-rappreżentant legali tad-DANUBIUS-ERIC.
2. Id-Direttur Ġenerali għandu jwettaq il-ġestjoni ta’ kuljum tad-DANUBIUS-ERIC u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Assemblea Ġenerali, inkluż il-pjan ta’ ħidma annwali u l-baġit annwali kif ukoll l-istrateġija u l-pjan finanzjarju ta’ ħames snin. Id-Direttur Ġenerali għandu jikkontribwixxi b’mod attiv għall-bini tal-komunità u għat-trawwim ta’ relazzjonijiet esterni u sħubijiet strateġiċi.
3. Il-mandat għall-ħatra tad-Direttur Ġenerali għandu jkun ta’ 5 snin. L-Assemblea Ġenerali tista’ ġġedded il-mandat darba għall-istess perjodu.
4. Id-Direttur Ġenerali għandu jkun ibbażat fil-Kwartieri Ġenerali tad-DANUBIUS-ERIC. Għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu f’konformità mat-termini ta’ referenza għad-Direttur Ġenerali.
5. It-termini ta’ referenza għad-Direttur Ġenerali għandhom jiġu approvati mill-Assemblea Ġenerali.
Artikolu 19
Kumitat Konsultattiv Xjentifiku
1. L-Assemblea Ġenerali għandha tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv Xjentifiku indipendenti, li r-rappreżentanti tiegħu għandhom jinħatru mill-Assemblea Ġenerali.
2. Il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku għandu jirrapporta lill-Assemblea Ġenerali.
3. Ir-regoli ta’ proċedura għall-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku għandhom jiġu approvati mill-Assemblea Ġenerali.
4. Il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku għandu:
|
a) |
jimmonitorja l-kwalità xjentifika tal-attività tad-DANUBIUS-ERIC u tal-Komponenti tad-DANUBIUS; |
|
b) |
jipprovdi feedback u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet biex tittejjeb l-effettività tal-eżiti tad-DANUBIUS-ERIC u tal-Komponenti tad-DANUBIUS fil-komunità xjentifika bil-ħsieb li jiġu żviluppati aktar l-attivitajiet xjentifiċi tad-DANUBIUS-ERIC; |
|
c) |
jipprovdi feedback b’rabta mal-output xjentifiku u mal-istrateġija xjentifika tad-DANUBIUS-ERIC, kif jista’ jintalab mill-Assemblea Ġenerali; |
|
d) |
jirrieżamina r-riċerka mwettqa skont id-DANUBIUS-ERIC u l-Komponenti tad-DANUBIUS fir-rigward tal-prinċipji tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Responsabbli kif ukoll kwistjonijiet etiċi u jipprovdi rakkomandazzjoni kif xieraq. |
Artikolu 20
Kumitat għall-Infrastruttura tar-Riċerka
1. L-Assemblea Ġenerali għandha tistabbilixxi Kumitat għall-Infrastruttura tar-Riċerka, magħmul minn rappreżentanti mid-diversi Komponenti tad-DANUBIUS, li għandu jinkludi tliet rappreżentanti u tliet deputati mis-Supersiti, flimkien ma’ rappreżentant wieħed u deputat wieħed minn kull wieħed mill-Komponenti tad-DANUBIUS l-oħra.
2. Il-Kumitat għall-Infrastruttura tar-Riċerka għandu jirrapporta lill-Assemblea Ġenerali.
3. Ir-regoli ta’ proċedura għall-Kumitat għall-Infrastruttura tar-Riċerka għandhom jiġu approvati mill-Assemblea Ġenerali.
4. Il-Kumitat għall-Infrastruttura tar-Riċerka għandu:
|
a) |
jitlaqqa’ mid-Direttur Ġenerali u jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena; |
|
b) |
jiġi kkonsultat mid-Direttur Ġenerali għall-kwistjonijiet ġenerali kollha inkluż it-tfassil ta’ proposti għall-Assemblea Ġenerali fl-istabbiliment u l-modifika tal-pjanijiet ta’ ħidma annwali relatati mal-Komponenti tad-DANUBIUS biex jiġu żgurati l-konsistenza, il-kwalità, il-koerenza u l-istabbiltà tas-servizzi offruti, jiġu kkoordinati l-proċeduri, l-għodod u l-prattiki, l-akkwisti, u jsiru proposti lill-Assemblea Ġenerali biex jittejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi. |
KAPITOLU 5
KONTRIBUZZJONIJIET U PRINĊIPJI TAL-FINANZI
Artikolu 21
Kontribuzzjonijiet u riżorsi
1. Il-kontribuzzjonijiet annwali fi flus għandhom jitħallsu mill-membri u mill-osservaturi f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness 2.
2. Ir-riżorsi tad-DANUBIUS-ERIC jistgħu jinkludu wkoll dan li ġej:
|
a) |
riċerka u għotjiet oħra; |
|
b) |
assistenza in natura; |
|
c) |
soġġett għall-Artikolu 2(4), l-introjtu derivat minn attivitajiet ekonomiċi limitati, inkluż l-introjtu ġġenerat mill-ispinouts u mill-uffiċċju għat-trasferiment tat-teknoloġija; |
|
d) |
kontribuzzjonijiet għajr il-kontribuzzjonijiet annwali fi flus f’konformità mal-paragrafu 1. |
|
e) |
riżorsi oħra, inklużi donazzjonijiet u rigali, fil-limiti u skont it-termini u l-kundizzjonijiet approvati mill-Assemblea Ġenerali, f’konformità mal-liġi u mar-regolamenti applikabbli. |
3. Fid-diskrezzjoni tagħha, l-Assemblea Ġenerali tista’ taċċetta kontribuzzjonijiet in natura mingħand il-Membri u l-Osservaturi, flimkien ma’ kontribuzzjonijiet fi flus, kif ukoll, f’każijiet eċċezzjonali, minflokhom. Il-metodi, il-limiti u d-dispożizzjonijiet kontabilistiċi għall-kontribuzzjonijiet in natura u fi flus għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati mill-Assemblea Ġenerali.
4. Il-kontribuzzjonijiet u r-riżorsi tad-DANUBIUS-ERIC għandhom jintużaw biex jintlaħqu l-objettiv, il-kompitu u l-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dawn l-Istatuti.
Artikolu 22
Prinċipji baġitarji, kontijiet u awditu
1. Is-sena finanzjarja tad-DANUBIUS-ERIC għandha tkun Sena Kalendarja.
2. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jopera fi ħdan il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti tal-liġi applikabbli tal-pajjiż fejn għandu s-sede statutorja tiegħu fir-rigward tat-tħejjija, il-preżentazzjoni, l-awditjar u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet. Regoli aktar dettaljati għandhom jiġu pprovduti fir-regoli ta’ implimentazzjoni tad-DANUBIUS-ERIC.
3. Il-kontijiet tad-DANUBIUS-ERIC għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja.
4. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jirreġistra l-kostijiet u d-dħul ta’ kwalunkwe attività ekonomika b’mod separat.
5. Il-kontijiet tad-DANUBIUS-ERIC għandhom jiġu awditjati minn awditur estern u indipendenti f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti applikabbli. Ir-rapporti tal-awditjar għandhom jiġu ppreżentati lill-Assemblea Ġenerali flimkien mar-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja.
6. Soġġett għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, l-awditur għandu jinħatar mill-Assemblea Ġenerali għal perjodu ta’ mhux aktar minn 4 snin u jista’ jinħatar mill-ġdid. L-awditur estern għandu jwettaq funzjonijiet addizzjonali kif stabbilit fir-regoli ta’ implimentazzjoni.
7. Id-Direttur Ġenerali għandu jipprovdi lill-awditur estern b’tali informazzjoni u assistenza, kif jista’ jkun meħtieġ, sabiex l-awditur estern iwettaq dmirijietu.
Artikolu 23
Eżenzjoni mit-taxxa u mid-dazju tas-sisa
1. L-eżenzjonijiet mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT, Value Added Tax) abbażi tal-Artikolu 143(1)(g) u l-Artikolu 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u f’konformità mal-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 għandhom jiġu applikati għax-xiri mid-DANUBIUS-ERIC u mill-membri tad-DANUBIUS-ERIC (skont it-tifsira tal-Artikolu 11(1)) tal-Istatuti tad-DANUBIUS-ERIC, li huma għall-użu uffiċjali u esklużiv mid-DANUBIUS-ERIC, dment li tali xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tad-DANUBIUS-ERIC f’konformità mal-attivitajiet tiegħu. L-eżenzjonijiet mill-VAT għandhom ikunu limitati għal xiri li jaqbeż il-valur ta’ EUR 300.
2. L-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa abbażi tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2020/262, għandhom ikunu limitati għal xiri mid-DANUBIUS-ERIC li jkun għall-użu uffiċjali u esklużiv mid-DANUBIUS-ERIC, dment li tali xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tad-DANUBIUS-ERIC f’konformità mal-attivitajiet tiegħu u li kull xiri jaqbeż il-valur ta’ EUR 300.
KAPITOLU 6
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 24
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dawn l-Istatuti, it-termini u l-espressjonijiet definiti li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:
Sena kalendarja tfisser il-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar u jintemm fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.
Komponenti tad-DANUBIUS tfisser sit jew parti kostitwenti tal-infrastruttura distribwita, li tkun tinsab fit-territorju ta’ membru, li fih jitwettqu attivitajiet relatati mad-DANUBIUS u tkun tinkludi, iżda mhux limitata għaċ-ċentru, is-supersiti, in-nodi, iċ-ċentru tad-data, l-uffiċċju għat-trasferiment tat-teknoloġija u l-uffiċċju għall-apprendiment elettroniku. Komponent tad-DANUBIUS jitmexxa minn Sieħeb wieħed tad-DANUBIUS maħtur minn membru u jkun marbut mad-DANUBIUS-ERIC permezz ta’ Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz.
Sieħeb tad-DANUBIUS tfisser faċilità ta’ riċerka, istituzzjoni, università, laboratorju, jew persuna ġuridika relatata, stabbilita fit-territorju ta’ membru jew osservatur u maħtura bħala tali minn dak il-membru jew l-osservatur. Sieħeb tad-DANUBIUS jipprovdi riżorsi u servizzi relatati lil Komponent tad-DANUBIUS wieħed jew aktar u, permezz tagħhom, lill-Utenti.
Jiem tfisser jiem kalendarji, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor.
Sede tad-DANUBIUS-ERIC tfisser l-uffiċċju ċentrali tad-DANUBIUS-ERIC, li jinsab fis-Sede Statutorja.
Proprjetà Intellettwali għandu jkollha l-istess tifsira bħall-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ffirmata fl-14 ta’ Lulju 1967.
Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz (FLS) tfisser ftehim li jiddefinixxi r-relazzjoni bejn Komponent tad-DANUBIUS u d-DANUBIUS-ERIC. Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz jista’ jiġi ffirmat minn Sieħeb ewlieni tad-DANUBIUS f’isem Komponent tad-DANUBIUS f’każijiet fejn il-Komponent tad-DANUBIUS ma jkollux personalità ġuridika.
Utenti tfisser individwi u istituzzjonijiet mill-akkademja, min-negozju, mill-industrija u mis-servizzi pubbliċi li jingħataw aċċess għall-Komponenti tad-DANUBIUS.
Artikolu 25
Lingwa ta’ ħidma
Il-lingwa ta’ ħidma tad-DANUBIUS-ERIC għandha tkun l-Ingliż.
Artikolu 26
Politika dwar id-data
1. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jippromwovi l-prinċipji ta’ sors miftuħ u ta’ aċċess miftuħ.
2. L-aċċess għad-data prodotta mid-DANUBIUS-ERIC għandu, kull fejn ikun possibbli (filwaqt li jitqiesu l-liċenzji ta’ partijiet terzi u kwalunkwe arranġament preeżistenti), ikun disponibbli mingħajr ħlas għall-istituzzjonijiet xjentifiċi kollha u għall-partijiet ikkonċernati l-oħra u għandu jkun aċċessibbli b’mod miftuħ għal kwalunkwe persuna xjentifika jew aġenzija. L-użu u l-ġbir tad-data għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet u għar-regolamenti applikabbli dwar il-privatezza tad-data.
3. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jipprovdi gwida (inkluż permezz ta’ sit web) lill-Utenti biex jiżgura li r-riċerka mwettqa bl-użu ta’ materjal li jsir aċċessibbli permezz tad-DANUBIUS-ERIC għandha titwettaq f’qafas li jirrikonoxxi d-drittijiet tas-sidien tad-data u l-privatezza tal-individwi.
4. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jiżgura li l-Utenti jaqblu mat-termini u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess u li jkun hemm fis-seħħ arranġament tas-sigurtà xieraq fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ħżin u tat-trattament.
5. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jiddefinixxi l-arranġamenti għall-investigazzjoni ta’ allegazzjonijiet ta’ ksur tas-sigurtà u ta’ żvelar tal-kunfidenzjalità fir-rigward tad-data tar-riċerka.
6. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jadotta politika dwar id-data, għall-approvazzjoni mill-Assemblea Ġenerali.
Artikolu 27
Rappurtar lill-Kummissjoni
1. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jipproduċi rapport annwali tal-attività, li jkun fih b’mod partikolari l-aspetti xjentifiċi, operazzjonali u finanzjarji tal-attivitajiet tiegħu. Ir-rapport għandu jiġi abbozzat mid-Direttur Ġenerali u approvat mill-Assemblea Ġenerali u ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fi żmien 6 xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja korrispondenti. Wara l-approvazzjoni mill-Assemblea Ġenerali, ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sit web tad-DANUBIUS-ERIC.
2. Id-DANUBIUS-ERIC għandu jinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ċirkostanza li thedded li tipperikola serjament il-kisba tal-kompiti tad-DANUBIUS-ERIC jew li tfixkel lid-DANUBIUS-ERIC milli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 723/2009.
Artikolu 28
Implimentazzjoni tar-regoli
Dawn l-Istatuti għandhom jiġu ssupplimentati b’regoli ta’ implimentazzjoni, regoli ta’ proċedura u termini ta’ referenza, li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali.
Artikolu 29
Liġi applikabbli
Id-DANUBIUS-ERIC għandu jkun irregolat minn:
|
a) |
Il-liġi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 723/2009 u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)(a) u 11(1) tar-Regolament; |
|
b) |
Il-liġi Rumena fil-każ ta’ kwistjonijiet li mhumiex irregolati mil-liġi tal-Unjoni Ewropea, jew li huma biss irregolati parzjalment; |
|
c) |
dawn l-Istatuti, u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom. |
Artikolu 30
Tilwim
1. Il-membri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jippruvaw isolvu b’mezzi bonarji kwalunkwe tilwim li jista’ jinqala’ mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni ta’ dawn l-istatuti.
2. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-litigazzjoni fost il-membri fir-rigward tad-DANUBIUS-ERIC, bejn il-membri u d-DANUBIUS-ERIC u fuq kwalunkwe litigazzjoni li l-Unjoni tkun parti minnha.
3. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġuriżdizzjoni għandha tapplika għal tilwim bejn id-DANUBIUS-ERIC u l-partijiet terzi. F’każijiet mhux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-liġi tar-Rumanija għandha tiddetermina l-ġuriżdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ tali tilwim.
Artikolu 31
Disponibbiltà tal-Istatuti
L-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tad-DANUBIUS-ERIC u fis-sede statutorja.
Artikolu 32
Dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment
1. Ir-Rumanija għandha ssejjaħ laqgħa kostituzzjonali tal-Assemblea Ġenerali mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard minn 45 jum wara li tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi d-DANUBIUS-ERIC.
2. Qabel ma ssir il-laqgħa kostituzzjonali tal-Assemblea Ġenerali, ir-Rumanija għandha tinnotifika lill-membri u lill-osservaturi bi kwalunkwe azzjoni legali urġenti speċifika li jeħtieġ li tittieħed f’isem id-DANUBIUS-ERIC. Sakemm membru ma joġġezzjonax fi żmien 5 ijiem tax-xogħol wara li jiġi nnotifikat, l-azzjoni legali għandha titwettaq minn persuna awtorizzata kif xieraq mir-Rumanija.
ANNESS 1
IL-MEMBRI U L-OSSERVATURI U L-ENTITAJIET RAPPREŻENTANTI ATTWALI TAGĦHOM
Dan l-anness jelenka l-membri u l-osservaturi, u l-entitajiet li jirrappreżentawhom.
|
Stati Membri |
Entitajiet rappreżentanti |
|
Ir-Repubblika tal-Awstrija (l-Awstrija) |
Bundesministerium für Bildung, Wissenschaft und Forschung / Il-Ministeru Federali Awstrijak għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u r-Riċerka |
|
Ir-Repubblika Ċeka |
Ministerstvo Školství, Mládeže a Tělovýchovy / Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport |
|
Ir-Repubblika Taljana (l-Italja) |
Consiglio Nazionale delle Ricerche-CNR / Il-Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka |
|
Ir-Repubblika tal-Moldova (il-Moldova) |
Ministerul Educației si Cercetării al Republicii Moldova / Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u r-Riċerka tar-Repubblika tal-Moldova |
|
Ir-Renju tan-Netherlands (in-Netherlands) |
Ministerie van Infrastructuur en Waterstaat / Il-Ministeru għall-Infrastruttura u l-Ġestjoni tal-Ilma |
|
Ir-Rumanija |
Autoritatea Națională pentru Cercetara / L-Awtorità Nazzjonali għar-Riċerka |
|
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) |
Id-Dipartiment għax-Xjenza, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija |
ANNESS 2
KONTRIBUZZJONIJIET ANNWALI
Dan l-anness jistabbilixxi l-bażi għall-miżati tas-sħubija kif miftiehem mill-Bord tar-Rappreżentanti Governattivi (BGR, Board of Governmental Representatives).
Il-pajjiżi Membri kollha tad-DANUBIUS-ERIC, kemm jekk Membri Fundaturi kif ukoll jekk jissieħbu aktar tard, se jħallsu miżati tas-sħubija annwali abbażi ta’ sistema ta’ punti:
Membru tal-ERIC: Punt wieħed
Osservatur tal-ERIC: 0,5 punti
Kull komponent tad-DANUBIUS-RI (in-Nodu, is-Supersit, iċ-Ċentru tad-Data): Punt wieħed
Ċentru: 2 punti
Il-kost ta’ kull punt huwa ta’ EUR 18 500. Dan ifisser li pajjiż Membru mingħajr ebda komponent se jħallas EUR 18 500. U, bħala eżempju, ir-Rumanija, li hija membru iżda li se tospita wkoll iċ-Ċentru, iċ-Ċentru tad-Data, in-Nodu ta’ Analiżi u Supersit wieħed, se tħallas EUR 111 000. It-Tabella ta’ hawn taħt tippreżenta l-miżati tas-sħubija annwali tal-Membri Fundaturi li pparteċipaw fil-BGR u ġiet approvata fil-laqgħa tal-10 ta’ Marzu 2022. It-tabella ġiet emendata fi Frar 2024, billi ġew aċċettati l-komponenti l-ġodda, filwaqt li jinżamm l-istess valur għal kull punt kif miftiehem f’Marzu 2022. Il-pajjiżi kollha elenkati huma kkunsidrati bħala Membri Fundaturi.
Il-membri tad-DANUBIUS-ERIC biss jistgħu jospitaw komponent tad-DANUBIUS-RI.
Il-mudell huwa mibni b’tali mod li s-somma tal-miżati tas-sħubija individwali kollha tal-ERIC tappoġġja l-ħtiġijiet finanzjarji annwali tad-DANUBIUS-ERIC. Ma jqisx il-kostijiet operatorji tal-komponenti tad-DANUBIUS-RI. Madankollu, jekk jogħġbok innota li s-sħab tad-DANUBIUS-RI impenjaw ruħhom għal kontribuzzjonijiet in natura li huma meħtieġa biex id-DANUBIUS-RI u d-DANUBIUS-ERIC jiffunzjonaw kif ippjanat.
|
Membru tal-ERIC |
Miżata tas-sħubija annwali tal-ERIC |
|
L-Awstrija |
EUR 37 000 |
|
Iċ-Ċekja |
EUR 37 000 |
|
L-Italja |
EUR 55 500 |
|
Il-Moldova |
EUR 18 500 |
|
In-Netherlands |
EUR 55 500 |
|
Ir-Rumanija |
EUR 111 000 |
|
Ir-Renju Unit |
EUR 74 000 |
Total – 388 500 EUR/Sena
Jekk pajjiż Membru jibdel l-għadd tal-komponenti tiegħu, imbagħad l-għadd tal-punti u l-miżata tas-sħubija jiġu aġġustati kif xieraq.
L-Assemblea Ġenerali tad-DANUBIUS-ERIC se żżomm il-miżati tas-sħubija taħt rieżami u tista’ tbiddel il-valur ta’ punt fil-futur.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3467/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)