European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3347

16.6.2025

Stqarrija Konġunta tal-Kunsill u l-Kummissjoni

(C/2025/3347)

1.   

Ser jiġu adottati u ppubblikati Linji Gwida mill-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 42 tar-Regolament. Dawn ser jagħtu direzzjonijiet u gwida li ma jorbtux lill-operaturi bl-għan li titħaffef l-applikazzjoni tar-Regolament. Dawn il-Linji Gwida ser jinkludu fost oħrajn informazzjoni relatata mal-prinċipji u l-proċeduri ta’ spezzjoni. Huwa mifhum li l-Linji Gwida mhux ser joħolqu drittijiet jew obbligi legali u li r-Regolament ser jibqa’ l-istrument li jorbot u li jipprevali fi kwalunkwe każ ta’ diverġenza bejn ir-Regolament u l-Linji Gwida.

2.   

Huwa mifhum li billi jsegwu l-Linji Gwida l-operaturi jkunu qed jiżguraw li huma konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament indirizzati mil-Linji Gwida.

3.   

Il-Linji Gwida kif adottati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 302/2005 (1), jiġifieri r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2005 (2006/40/Euratom) (2) ser ikomplu jiggwidaw lill-operaturi dwar l-aspetti rilevanti inkluż wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (Euratom) 2025/974 (3) sakemm jiġu adottati l-Linji Gwida aġġornati. Il-Linji Gwida aġġornati ser ikunu disponibbli qabel id-data ta’ applikazzjoni tal-Annessi III sa VII u X.

4.   

Il-Kummissjoni ser issegwi l-iżviluppi fil-qasam tas-salvagwardji u timmonitorja l-applikazzjoni tar-Regolament. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tista’ temenda l-Linji Gwida, skont kif ikun xieraq. Qabel tadotta emenda, il-Kummissjoni ser timpenja ruħha li tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati u lill-Istati Membri. Fl-adozzjoni ta’ tali emendi, il-Kummissjoni ser tqis il-pożizzjonijiet espressi f’dawn il-konsultazzjonijiet.

5.   

Huwa mifhum li l-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet Atomiċi, f’kompożizzjoni xierqa, ser ikun il-forum għall-konsultazzjoni tal-Istati Membri.

6.   

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dispożizzjonijiet partikolari u aġġornati ta’ salvagwardja għall-installazzjonijiet rilevanti huma importanti għall-implimentazzjoni tas-salvagwardji tal-Euratom. Meta jitqies li f’ħafna każijiet l-installazzjonijiet huma soġġetti wkoll għas-salvagwardji tal-IAEA, l-eżistenza ta’ mudell ta’ formola dwar il-faċilitajiet mal-IAEA hija element importanti għall-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar dispożizzjonijiet partikolari u aġġornati ta’ salvagwardji għall-installazzjoni rispettiva.

7.   

Il-Kummissjoni ser tkompli tikkomunika mal-IAEA bl-għan li jintlaħaq qbil dwar mudelli ta’ formoli dwar il-faċilitajiet għall-istallazzjonijiet kollha fil-Komunità li għalihom dan huwa rilevanti.


(1)   ĠU L 54, 28.2.2005, p. 1.

(2)   ĠU L 28, 1.2.2006, p. 1.

(3)   ĠU L, 2025/974, 16.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/974/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3347/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)