|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3328 |
1.7.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-5 ta’ Mejju 2025
li tistabbilixxi r-Regoli dwar il-kundizzjonalità u dwar id-dikjarazzjoni u pubblikazzjoni tal-laqgħat tal-Maniġers tal-Parlament ma’ rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess u ma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi
(C/2025/3328)
IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Reġistru Obbligatorju ta’ Trasparenza (1), |
|
— |
wara li kkonsulta lis-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew, lill-Kumitat tal-Persunal tal-Parlament Ewropew, lill-Kumitat għall-Ugwaljanza tal-Opportunità bejn l-irġiel u n-nisa u għad-Diversità tal-Parlament Ewropew, u lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew, |
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 11(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jeżiġi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, permezz ta’ mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jikkomunikaw u jiskambjaw pubblikament il-fehmiet tagħhom fl-oqsma ta’ azzjoni kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(2) TUE jeżiġi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili. |
|
(2) |
L-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li, sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ. |
|
(3) |
It-Titolu II tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (2) jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali, filwaqt li jiddeskrivi b’mod espliċitu l-imġiba u d-dmirijiet tagħhom. |
|
(4) |
Il-Parlament jimpenja ruħu li jiżgura l-integrità, l-indipendenza u l-obbligu ta’ rendikont tiegħu, li huma essenzjali biex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-leġittimità tal-proċessi politiċi, leġiżlattivi u amministrattivi tal-Unjoni. Jenħtieġ li dak l-impenn jissarraf f’rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-laqgħat tal-maniġers tal-Parlament f’impjieg attiv fis-Segretarjat Ġenerali tiegħu. |
|
(5) |
L-istituzzjonijiet firmatarji tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Reġistru Obbligatorju ta’ Trasparenza (il-“FII dwar reġistru obbligatorju ta’ trasparenza”) impenjaw ruħhom għall-“kundizzjonalità”, il-prinċipju li permezz tiegħu r-reġistrazzjoni fir-reġistru tat-trasparenza tkun prekundizzjoni meħtieġa għar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess biex ikunu jistgħu jwettqu ċerti attivitajiet koperti. L-istituzzjonijiet firmatarji jimplimentaw dak il-prinċipju permezz ta’ deċiżjonijiet individwali abbażi tas-setgħat tagħhom ta’ organizzazzjoni interna. |
|
(6) |
Jenħtieġ li il-prinċipju tal-kundizzjonalità japplika għal-laqgħat skedati bejn ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess u l-maniġers tal-amministrazzjoni tal-Parlament fir-rigward tal-ħidma parlamentari. |
|
(7) |
Il-laqgħat skedati tal-maniġers mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess u mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-ħidma parlamentari jenħtieġ li jkunu ddikjarati u ppubblikati b’mod li jiżgura li l-amministrazzjoni tal-Parlament tkun miftuħa, effiċjenti u indipendenti. |
|
(8) |
Ċerti attivitajiet u korpi elenkati fl-Artikolu 4 tal-FII dwar reġistru obbligatorju ta’ trasparenza ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-FII u għaldaqstant jenħtieġ li ma jkunux koperti mid-definizzjoni ta’ “rappreżentant ta’ grupp ta’ interess” f’din id-Deċiżjoni. |
|
(9) |
Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jżuru l-bini tal-Parlament, il-petizzjonanti u l-ġurnalisti li jipparteċipaw f’konferenzi stampa jew f’attivitajiet ta’ informazzjoni oħra organizzati għall-benefiċċju tagħhom jenħtieġ li majitqiesux bħala “rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess” kif definit f’din id-Deċiżjoni. Bl-istess mod, is-sessjonijiet ta’ informazzjoni ġenerali u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tas-servizzi tal-Parlament li għandhom l-għan li jilħqu udjenzi li jikkonsistu minn multiplikaturi jenħtieġ li ma jitqiesux bħala laqgħat skedati ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess għal finijiet ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(10) |
Fid-dawl tal-impenn tal-Parlament biex jiżgura l-integrità, l-indipendenza u l-obbligu ta’ rendikont u f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tiegħu, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu ppublikati l-ismijiet tal-maniġers li jkunu ddikjaraw laqgħa skedata skont din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:
|
(a) |
“maniġer” tfisser is-Segretarju Ġenerali, Direttur Ġenerali, Direttur, Kap ta’ Unità, Kap ta’ Uffiċċju ta’ Kollegament jew Kap ta’ Tim, inkluż fil-kapaċità ta’ aġent; |
|
(b) |
“rappreżentant ta’ grupp ta’ interess” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew grupp, assoċjazzjoni jew network formali jew informali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FII dwar reġistru obbligatorju ta’ trasparenza, li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet koperti skont l-Artikolu 3 tal-FII dwar reġistru obbligatorju ta’ trasparenza, soġġetti għall-eżenzjonijiet għall-attivitajiet u l-korpi mhux koperti skont l-Artikolu 4 tal-FII dwar reġistru obbligatorju ta’ trasparenza; |
|
(c) |
“rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi” tfisser ir-rappreżentanti kollha, fil-livell nazzjonali jew sottonazzjonali, ta’ pajjiżi terzi u l-missjonijiet diplomatiċi, l-ambaxxati, il-konsolati, il-mibgħuta kummerċjali, l-entitajiet kummerċjali u rappreżentanzi oħrajn tagħhom. |
|
(d) |
“laqgħa skedata” tfisser laqgħa ppjanata ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess jew ma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi bil-preżenza fiżika jew mill-bogħod, li ġiet organizzata bil-quddiem, u li teskludi fost l-oħrajn, l-inkontri spontanji jew soċjali u l-parteċipazzjoni f’dibattiti pubbliċi, u teskludi l-laqgħat li jsiru fl-ambitu ta’ proċedura amministrattiva stabbilita mit-TUE, mit-TFUE jew mill-atti tal-Unjoni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-maniġer,, jew laqgħat li jiffurmaw parti mill-programm ta’ korp uffiċjali tal-Parlament; |
|
(e) |
“kundizzjonalità” tfisser il-prinċipju li permezz tiegħu r-reġistrazzjoni fir-reġistru tat-trasparenza tkun prekundizzjoni għar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess biex ikunu jistgħu jwettqu ċerti attivitajiet koperti. |
Artikolu 2
Kundizzjonalità
1. Il-laqgħat skedati fir-rigward tal-ħidma parlamentari organizzati bejn rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess u maniġers għandhom ikunu kundizzjonali għar-reġistrazzjoni minn qabel tar-rappreżentanti ta’ grupp ta’ interess fir-reġistru tat-trasparenza.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, is-Segretarju Ġenerali, jew il-President fil-każ ta’ laqgħat skedati tas-Segretarju Ġenerali, jista’ jiddeċiedi li laqgħa skedata ma’ rappreżentant ta’ grupp ta’ interess tista’ isir mingħajr reġistrazzjoni fir-reġistru tat-trasparenza jekk ir-reġistrazzjoni tkun tipperikola l-ħajja, l-integrità fiżika jew il-libertà ta’ individwu jew fejn ikun hemm raġunijiet konvinċenti oħra biex ma tiġix irreġistrata.
Artikolu 3
Dikjarazzjoni u pubblikazzjoni tal-laqgħat
1. Il-maniġers għandhom jiddikjaraw il-laqgħat skedati kollha fir-rigward tal-ħidma parlamentari ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess u ma’ rappreżentanti ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi li jipparteċipaw fihom.
2. Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru mill-maniġers sa mhux aktar tard minn tletin jum kalendarju minn meta tkun saret il-laqgħa skedata. Dawn għandhom isiru bl-użu ta’ formola elettronika ddedikata. Dik il-formola elettronika għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-isem u l-funzjoni tal-maniġer; |
|
(b) |
isem l-organizzazzjoni jew il-funzjoni jew l-interessi tal-individwi li magħhom saret il-laqgħa, mingħajr ma jiġu identifikati b’isimhom; |
|
(c) |
id-data u l-post tal-laqgħa; |
|
(d) |
il-ħidma parlamentari (rapport, opinjoni, riżoluzzjoni, dibattitu plenarju jew urġenza) li magħha hija relatata l-laqgħa. |
3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi ppubblikata mill-Parlament.
4. B’deroga mill-paragrafi 2 u 3, laqgħa skedata li d-divulgazzjoni tagħha tkun tipperikola l-ħajja, l-integrità fiżika jew il-libertà ta’ individwu jew laqgħa skedata li fir-rigward tagħha jkun hemm raġunijiet konvinċenti oħra biex tinżamm il-kunfidenzjalità għandha tiġi ddikjarata b’mod xieraq, sa mhux aktar tard minn tletin jum kalendarju minn meta saret, lis-Segretarju Ġenerali, jew fil-każ ta’ laqgħa skedata tas-Segretarju Ġenerali, lill-President. Is-Segretarju Ġenerali, jew, meta applikabbli, il-President, għandu mbagħad jiddeċiedi jżommx dik id-dikjarazzjoni kunfidenzjali jew jippubblikahiex b’mod sħiħ jew f’forma anonima, inkluż b’mod differit meta jkun xieraq.
Artikolu 4
Evalwazzjoni
L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tkun evalwata sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tagħha.
Artikolu 5
Gruppi politiċi
Il-gruppi politiċi jistgħu jiddeċiedu li japplikaw, mutatis mutandis, din id-Deċiżjoni fl-intier tagħha. Wara notifika f’dak is-sens lis-Segretarju Ġenerali, il-Parlament għandu jagħmel l-mezzi tekniċi neċessarji disponibbli.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u pubblikazzjoni
1. Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2025.
2. F’konformità mal-Artikolu 5(3) tal-FII dwar reġistru obbligatorju ta’ trasparenza, din id-Deċiżjoni għandha ssir pubblika fuq is-sit web tar-reġistru tat-trasparenza.
3. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(1) ĠU L 207, 11.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2021/611/oj.
(2) ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1968/259(1)/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3328/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)