European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3209

13.6.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/3209)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(L-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Clementine del Golfo di Taranto”

PGI-IT-0247-AM01 — 20.3.2025

1.   Isem il-prodott

“Clementine del Golfo di Taranto”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP)

☒

Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP)

☐

Indikazzjoni Ġeografika (IĠ)

3.   Settur

☒

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

L-Italja

5.   Isem tal-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew tal-grupp ta’ produtturi stabbilit jew residenti f’pajjiż terz li jikkomunika l-emenda standard lill-Kummissjoni

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sovranità tal-Ikel u l-Forestrija – Promozzjoni tal-Kwalità Agroalimentari (PQA, Promozione della Qualità Agroalimentare) 1

6.   Kwalifika bħala emenda standard

Din hija emenda standard skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 peress li ma tinkludix bidla fl-isem, ma tirriskjax li xxejjen ir-rabta u ma tinvolvix aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

1.   Tneħħija tar-referenza għar-Regolament (KEE) Nru 2081/92

Ir-referenza għar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 fl-Artikolu 1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tneħħiet.

L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

2.   Emendi tal-Artikolu 4 dwar il-karatteristiċi tat-tkabbir: iż-żbir

L-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġie emendat billi tneħħa r-rekwiżit taż-żbir annwali. Iż-żbir issa jista’ jsir ukoll kull sentejn u ż-żbir tat-taħfif huwa permess ukoll.

Din l-attività kellha bżonn tiġi ssimplifikata minħabba n-nuqqas dejjem jikber ta’ ħaddiema għaż-żbir speċjalizzat taċ-ċitru. Għalhekk, iż-żbir jista’ jsir fi snin alternattivi fejn il-kundizzjonijiet tat-tkabbir tal-pjanta jippermettu dan, filwaqt li ż-żbir tat-taħfif għandu l-għan li jibbilanċja l-produzzjoni.

L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

3.   Emendi tal-Artikolu 4 dwar il-karatteristiċi tat-tkabbir: l-irrigazzjoni

L-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġie emendat bid-diżakkoppjament tal-irrigazzjoni u n-nuqqas ta’ xita, u bl-inklużjoni ta’ metodi ta’ irrigazzjoni taħt l-art.

Dan il-metodu ta’ irrigazzjoni ġie inkluż fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott b’reazzjoni għall-ħtieġa dejjem tikber li l-użu tal-ilma jsir aktar effiċjenti.

L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

4.   Emendi tal-Artikolu 4 dwar il-karatteristiċi tat-tkabbir: il-ħdim tar-raba’

L-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġie emendat billi ġiet inkluża l-għażla li jintużaw tekniki tat-tkabbir tal-ħaxix immaniġġjati.

L-użu ta’ tekniki tat-tkabbir tal-ħaxix ġie inkluż fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott minħabba l-ħtieġa attwali u dejjem akbar li jiġi protett kontra t-telf ta’ materja organika fil-ħamrija u li tiġi ppreservata l-bijodiversità tal-fawna tal-insetti ta’ benefiċċju.

L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

5.   Emendi tal-Artikolu 4 dwar il-karatteristiċi tat-tkabbir: l-ispazju bejn il-pjanti

L-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġie emendat billi ġie ssimplifikat it-test dwar ir-rekwiżiti għall-ispazju bejn il-pjanti, li jippermetti densitajiet differenti tat-tħawwil sa massimu ta’ 750 pjanta/ha. Qabel, dan il-limitu kien permess biss fi pjantaġġuni li kienu jeżistu qabel ma ġiet rikonoxxuta l-IĠP.

L-għadd massimu ta’ pjanti għal kull ettaru żdied minħabba l-introduzzjoni ta’ spazji dinamiċi bejn il-pjanti u ta’ rbit tal-ħamrija f’tekniki standard tat-tkabbir taċ-ċitru matul l-aħħar żewġ deċennji.

L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

6.   Emendi tal-Artikolu 4 dwar il-karatteristiċi tat-tkabbir: definizzjoni tas-salvaġġ

L-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġie emendat billi ġiet introdotta l-għażla li jintuża s-salvaġġ previst fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ bħala alternattiva għas-Citrus aurantium L., magħruf l-aktar bħala “larinġ tal-bakkaljaw”.

Ir-raġuni għall-introduzzjoni tal-għażla li jintuża s-salvaġġ għajr is-Citrus aurantium hija strettament għal raġunijiet ta’ saħħa tal-pjanti.

L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

7.   Artikolu 6: Introduzzjoni ta’ speċifikazzjonijiet għal prodott maħsub għall-ipproċessar

L-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġie emendat billi ġew introdotti speċifikazzjonijiet għal prodott maħsub għall-ipproċessar, li jippermettu l-użu ta’ frott li jista’ jkollu l-ħsara, mingħajr taħsir u/jew ta’ daqs minimu ta’ 7 (41-48 mm), mingħajr preġudizzju għall-karatteristiċi l-oħra stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Tali frott jista’ juża l-IĠP “Clementine del Golfo di Taranto”, iżda ma jistax jinbiegħ lill-konsumatur finali fil-forma mhux ipproċessata tiegħu.

L-inklużjoni ta’ regoli għal prodotti pproċessati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott hija ġġustifikata mill-interess dejjem jikber mill-industrija tal-ipproċessar fi prodotti bi status protett. Id-daqs minimu tnaqqas b’kategorija waħda biss għal prodott maħsub għall-ipproċessar minħabba ż-żieda fl-interess mill-industrija tal-ipproċessar fi prodotti bi status protett. Dan ma jaffettwax is-sehem tal-prodott maħsub għall-konsum dirett.

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

8.   Artikolu 7: Inserzjoni tal-artikolu dwar ir-rabta

Ir-rabta ġiet inkluża fl-Artikolu 7, u l-ispeċifikazzjonijiet tat-tikkettar u tal-imballaġġ tmexxew għall-Artikolu 8.

It-test li żdied jirriproduċi b’mod sħiħ u mingħajr ebda emenda l-informazzjoni li diġà kienet tinsab fil-punti 4.4 u 4.6 tas-sommarju fis-seħħ qabel din l-emenda.

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

9.   Artikolu 8: Deskrizzjoni u preżentazzjoni

Żdied l-Artikolu 8 mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet relatati mad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tmexxew għalih mill-Artikolu 7, li issa jkopri r-rabta.

Il-piż massimu tal-imballaġġi tneħħa u ġie sostitwit b’piż minimu. Il-perċentwal ta’ frott f’imballaġġ li jrid ikollu l-logo tad-denominazzjoni nbidel minn 90 % għal 60 %. Barra minn hekk, l-informazzjoni obbligatorja tista’ tiġi inkluża fuq it-tikketta u/jew l-imballaġġ minflok ma jkollha bżonn tkun kollha raggruppata fuq naħa waħda tal-imballaġġ.

L-espansjoni tas-suq ta’ referenza għall-bejgħ ta’ prodotti b’isem protett irriżultat f’xejriet differenti ta’ xiri fost il-konsumaturi finali. Għalhekk, sabiex jiġu ssodisfati d-domandi differenti tas-suq, il-piż massimu ġie sostitwit b’piż minimu għall-imballaġġi ssiġillati u tneħħa d-daqs minimu u massimu tal-imballaġġi mhux issiġillati. Dan se jippermetti aktar għażliet ta’ imballaġġ.

Il-perċentwal ta’ frott li jeħtieġ li jkollu stiker f’imballaġġi mhux issiġillati tnaqqas sabiex jitħaffu l-operazzjonijiet ta’ imballaġġ għan-negozji żgħar tal-bejgħ, li ma għandhomx tagħmir għali biex jawtomatizzaw kompletament l-applikazzjoni tal-istikers, u għalhekk dan isir b’mod manwali.

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

10.   Artikolu 8: Deskrizzjoni u preżentazzjoni

Fl-Artikolu 8, tħassar ir-rekwiżit li l-kliem “Indicazione Geografica Protetta” [Indikazzjoni Ġeografika Protetta] jiġi inkluż kollu kemm hu, u dan ġie ssostitwit bl-abbrevjazzjoni “IGP” [IĠP], u żdiedu l-ispeċifikazzjonijiet għall-identifikazzjoni u t-tikkettar tal-prodott maħsub għall-ipproċessar b’mod esklużiv.

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

11.   Artikolu 8: Deskrizzjoni u preżentazzjoni

Il-logo tad-denominazzjoni, li qabel għalih kienet tingħata biss deskrizzjoni grafika, issa ġie inkluż.

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/Ismijiet

“Clementine del Golfo di Taranto”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

3.1.   Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda

—

08 — FROTT U ĠEWŻ TAJBIN GĦALL-IKEL; QOXRA TAL-FROTT TAĊ-ĊITRU JEW TAL-BETTIEĦ

0805 — Frott taċ-ċitru, frisk jew imnixxef

0805 21 — Mandolin (inkluż tanġerini u satsumas)

0805 22 — Klementini

—

20 — PREPARATI TA’ ĦAXIX, FROTT, ĠEWŻ JEW PARTIJIET OĦRAJN TA’ PJANTI

2008 — frott, ġewż u partijiet oħrajn tal-pjanti tajbin għall-ikel, ippreparati jew ippreservati mod ieħor, kemm jekk fihom iz-zokkor jew dolċifikant ieħor jew spirtu miżjud u kemm jekk le, li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra

2008 30 — Frott taċ-ċitru

2008 30 55 — Mandolin (inkluż tanġerini u satsumas); klementini, wilkings u ibridi oħrajn simili taċ-ċitru

2008 30 75 — Mandolin (inkluż tanġerini u satsumas); klementini, wilkings u ibridi oħrajn simili taċ-ċitru

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem reġistrat

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) “Clementine del Golfo di Taranto” tirreferi b’mod esklużiv għall-klementini mill-ispeċi Citrus clementine Hort. ex Tanaka tal-kultivari u l-għażliet klonali li ġejjin: Comune, Fedele, Precoce di Massacra (Spinoso), Grosso Puglia, ISA, SRA 63, SRA 89.

L-Indikazzjoni Ġeografika protetta “Clementine del Golfo di Taranto” trid tissodisfa, minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-istandards ta’ kwalità komuni fis-seħħ, il-karatteristiċi li ġejjin:

Forma: tonda, kemxejn iċċattjata fin-naħa ta’ fuq u ta’ isfel;

Qoxra: lixxa jew kemxejn imkemmxa, ta’ kulur oranġjo b’massimu ta’ 30 % ta’ kulur aħdar;

Il-kulur tal-polpa: oranġjo;

Daqs minimu: 6 (43-52 mm);

Kontenut minimu ta’ meraq: 40 % tal-piż tal-frotta meta tingħasar bl-idejn;

Riħa: intensa u dejjiema;

Proporzjon tas-sajran: minimu ta’ 6:1, li jirriżulta mill-proporzjon bejn il-kontenut ta’ solidi solubbli espress fi gradi Brix u l-aċidi totali espressi bħala aċidu ċitriku

Bla żerriegħa, b’massimu ta’ 5 % tal-klementini li jkun fihom mhux aktar minn tliet żrieragħ.

Meta l-prodott ikun maħsub għall-ipproċessar, huwa permess li jintuża frott li jista’ jkun bil-ħsara, mingħajr taħsir u/jew ta’ daqs minimu ta’ 7 (41-48 mm), mingħajr preġudizzju għall-karatteristiċi l-oħra stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Tali frott jista’ juża l-IĠP “Clementine del Golfo di Taranto”, iżda ma jistax jinbiegħ lill-konsumatur finali fil-forma mhux ipproċessata tiegħu.

3.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) “Clementine del Golfo di Taranto” tirreferi għall-klementini mill-kultivari u l-għażliet klonali li ġejjin: Comune, Fedele, Precoce di Massacra (Spinoso), Grosso Puglia, ISA, SRA 63, SRA 89.

Il-klementini inkwistjoni jistgħu jiġu fornuti biss friski lill-konsumatur u jridu jiġu prodotti fit-territorju tal-muniċipalitajiet tal-provinċja ta’ Taranto msemmija fil-punt 4.

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

L-istadji tal-produzzjoni tal-“Clementine del Golfo di Taranto” jridu jsiru fiż-żona tal-produzzjoni identifikata fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Il-“Clementine del Golfo di Taranto” jridu jkunu disponibbli għall-konsumaturi: f’kontenituri ssiġillati sabiex jiġi evitat li l-kontenut jitneħħa mingħajr ma jinqasam is-siġill, b’piż minimu ta’ 0,5 kg; f’kontenituri mhux issiġillati, bil-logo tad-denominazzjoni deskritt hawn taħt applikat għal mill-inqas 60 % tal-frott fil-imballaġġ.

Meta l-prodott tal-IĠP ikun maħsub esklussivament għall-ipproċessar, u ma jkunx jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur finali fl-istat naturali tiegħu, l-identifikazzjoni trid tidher fuq l-imballaġġ jew fuq il-kontenituri li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Ma jistgħux jintużaw aġġettivi li jelevaw karatteristiċi kummerċjali jew jesprimu opinjonijiet kummerċjali addizzjonali.

Il-kliem “I.G.P. Clementine del Golfo di Taranto” jrid jidher fuq l-imballaġġ b’ittri ċari li jintgħarfu faċilment minn kwalunkwe informazzjoni oħra, b’karattri li jkunu mill-inqas id-doppju tad-daqs tat-test l-ieħor kollu.

Huwa permess li jiġi inkluż test li jirreferi għal: ismijiet, ismijiet ta’ kumpaniji, u marki privati li jkollhom kodiċi ta’ identifikazzjoni, sakemm dawn ma jqarrqux bil-konsumatur jew jelevaw il-karatteristiċi tal-frott.

Meta l-prodott tal-IĠP ikun maħsub esklussivament għall-ipproċessar, u ma jkunx jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur finali fl-istat naturali tiegħu, l-identifikazzjoni trid tidher fuq l-imballaġġ jew fuq il-kontenituri li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni. Dawn irid ikollhom il-kliem “Clementine del Golfo di Taranto IGP, destinate alla trasformazione” [IĠP Clementine del Golfo di Taranto maħsuba għall-ipproċessar]. Il-logo speċifiku u ċar, li jrid jintuża flimkien mal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta, huwa ċirkolari, u huwa ffurmat minn żewġ ċrieki konċentriċi li huma ta’ kulur aħdar Pantone 356 CV. Fl-ispazju bejn iż-żewġ ċrieki hemm il-kliem li ġej bl-istess kulur aħdar Pantone 356 CV: Indicazione Geografica Protetta [Indikazzjoni Ġeografika Protetta]. Fin-nofs, hemm sema blu (bil-Pantone 306 CV), u klementina oranġjo intens (bl-oranġjo Pantone 021 CV), b’zokk u werqa ħodor (bil-Pantone 356 CV). Taħt l-immaġni tal-frotta hemm il-kliem “Clementine del Golfo di Taranto” bil-kulur oranġjo Pantone 021 CV. Bejn iż-żewġ ċrieki, fil-qiegħ, hemm l-abbrevjazzjoni “I.G.P.” [IĠP] bil-kulur aħdar (Pantone 356 CV).

Image 1

4.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Clementine del Golfo di Taranto” tinkludi t-territorju kollu tal-muniċipalitajiet ta’ Palagiano, Massafra, Ginosa, Castellaneta, Palagianello, Taranto u Statte.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-oriġini tal-klementina mhijiex ċara. Skont xi sorsi, hija ibridu li seħħ b’mod naturali fl-Alġerija fl-1898, filwaqt li skont Tanaka huwa frott taċ-ċitru simili għall-mandolin Kantoniż (Citrus clementine Hort.) li jikber fiċ-Ċina kollha kemm hi. Ġie introdott għall-ewwel darba fil-provinċja ta’ Taranto fis-seklu 18, iżda hemmhekk, ma sarx għalla taċ-ċitru speċjalizzata mifruxa qabel is-seklu 20. Iċ-ċentru ġeografiku u soċjoekonomiku taż-żona koperta mid-denominazzjoni jinsab fil-muniċipalitajiet tal-provinċja ta’ Taranto li jmissu mal-gulf tal-istess isem. Fis-snin ħamsin, b’riżultat tal-iskoperta, il-ġbir u l-provvista ta’ riżorsi xierqa ta’ irrigazzjoni li ġew bir-riforma tal-art, it-tkabbir taċ-ċitru sar, wara perjodu ta’ espansjoni u speċjalizzazzjoni, għalla ewlenija fiż-żona definita. Il-klima sħuna, xemxija u pjuttost xotta tal-Golf ta’ Taranto tħeġġeġ it-tkabbir u l-maturazzjoni tal-frott u tgħin biex tagħtih karatteristiċi eċċellenti f’termini ta’ kulur, togħma u ħajja fuq l-ixkaffa. It-traċċabbiltà tal-prodott hija bbażata fuq il-fatt li l-kultivaturi tal-“Clementine del Golfo di Taranto” jeħtiġilhom jirreġistraw l-imsaġar taċ-ċitru tagħhom f’reġistru maħluq, miżmum u aġġornat mill-korp ta’ spezzjoni. Huma meħtieġa jipprovdu d-dettalji rilevanti tar-reġistru tal-artijiet, sabiex l-imsaġar taċ-ċitru jkunu jistgħu jiġu identifikati, flimkien mal-erja tas-superfiċje tagħhom u t-tqassim u s-sena tat-tħawwil.

L-art li tmiss mal-Golf ta’ Taranto għandha titqies ideali għat-tkabbir taċ-ċitru peress li, minbarra li hija uniformi u kważi dejjem ċatta, hija fertili, fonda u xotta ħafna. L-espożizzjoni eċċellenti tagħha fin-Nofsinhar u l-Murgia, xifer bl-għoljiet li jipprovdi protezzjoni mill-irjieħ kesħin tat-Tramuntana, huma karatteristiċi taż-żona ta’ produzzjoni. Bl-użu ta’ pjanti u xbieki, il-kultivaturi spiss jibnu lqugħ kontra r-riħ biex jipproteġu l-klementini mis-sirocco, il-libeccio u rjieħ oħra min-Nofsinhar li, peress li jiġu mill-baħar, jistgħu jagħmlu ħsara lis-siġar. It-temperaturi huma adattati sew għat-tkabbir taċ-ċitru peress li dawn rari jaqgħu taħt iż-0 °C. Barra minn hekk, il-varjazzjoni sinifikanti bejn it-temperaturi ta’ matul il-ġurnata u ta’ billejl matul il-perjodu tas-sajran tikkontribwixxi għall-karatteristiċi estetiċi u organolettiċi tal-frotta. Il-mutazzjonijiet spontanji tal-varjetà mkabbra inizjalment u abitwalment (Comune) seħħew fiż-żona ta’ produzzjoni parzjalment bis-saħħa tal-adegwatezza tat-temp. Fid-dawl tal-karatteristiċi morfoloġiċi u kwalitattivi tagħhom, dawn il-mutazzjonijiet – li f’xi każijiet ħadu l-isem tal-lokalità ġeografika (eż. Grosso Puglia u Precoce di Massafra) – kisbu rwol ewlieni fil-produzzjoni. Il-kultivazzjoni tal-ispeċi issa hija speċjalizzata ħafna fiż-żona, u kisbet aktar importanza. Il-konferma tal-importanza ekonomika u soċjali tal-klementini tinsab fis-Sagra del Mandarino, li tmur lura għall-1970 u tipprovdi opportunità għal dibattitu u diskussjoni dwar is-suġġett tal-għalla u l-prospetti tagħha hekk kif il-prodott isir dejjem aktar stabbilit fis-swieq domestiċi dwar is-saħħa tal-karatteristiċi kwalitattivi (organolettiċi u kummerċjali) tiegħu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeAttachment.php/L/IT/D/1%252F4%252Fe%252FD.a7e2182d713c002a0eaf/P/BLOB%3AID%3D3343/E/pdf?mode=download


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3209/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)