European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2983

27.5.2025

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Gwida dwar il-miri tal-konsum tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika fis-setturi tal-industrija u tat-trasport kif stabbilit fl-Artikoli 22a, 22b u 25 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413

(C/2025/2983)

Werrej

1.

Introduzzjoni 2

2.

Ambitu tal-mira tal-RFNBO fl-Artikolu 22a 3

3.

Relazzjoni bejn il-mira tal-RFNBO u l-mira ġenerali tal-UE għall-enerġija rinnovabbli tal-Artikolu 3 7

4.

Artikolu 22b 8

5.

Il-mira tal-RFNBOs fl-Artikolu 25 8

1.   Introduzzjoni

Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2023. Id-Direttiva emendatorja tintroduċi bidliet fil-qafas leġiżlattiv li jirregola l-enerġija rinnovabbli sal-2030 u lil hinn. Din il-gwida tirreferi għall-aħħar verżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, kif emendata fl-2023, bħala “RED riveduta” jew “Direttiva riveduta”.

Ir-RED riveduta hi sies tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tar-REPowerEU biex titwettaq l-ambizzjoni tal-Unjoni li tiġġieled it-tibdil fil-klima u tnaqqas id-dipendenza enerġetika tal-Unjoni fuq ir-Russja. Din iżżid sostanzjalment il-livell ta’ ambizzjoni tal-enerġija rinnovabbli, mhux biss billi żżid il-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli li jeħtieġ tintlaħaq b’mod kollettiv sal-2030 minn 32 % għal 42,5 % (b’aspirazzjoni li tilħaq il-45 %), iżda anki billi żżid u ssaħħaħ is-sottomiri għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jridu jilħqu diversi setturi, inkluż l-industrija.

L-industrija tirrappreżenta madwar 25 % tal-konsum tal-enerġija tal-Unjoni (3) u hi konsumatur ewlieni tal-fjuwils fossili, speċjalment għall-finijiet ta’ tisħin u tkessiħ. Barra minn hekk, il-fjuwils fossili jintużaw bħala materja prima għall-produzzjoni tal-prodotti industrijali, bħal fertilizzanti, sustanzi kimiċi jew azzar. Minħabba s-sehem sinifikanti tal-industrija fil-konsum tal-enerġija tal-Unjoni, hemm bżonn żieda sostanzjali fil-penetrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli f’dan is-settur madwar l-Unjoni biex din tilħaq l-objettivi tal-enerġija rinnovabbli tagħha. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet dwar l-investiment industrijali li jittieħdu llum se jiddeterminaw il-proċessi industrijali futuri u l-alternattivi tal-enerġija li jkunu jistgħu jitqiesu mill-industrija, u għalhekk hu importanti li dawk id-deċiżjonijiet dwar l-investiment ikunu validi għall-futur u jevitaw il-ħolqien ta’ assi mhux rekuperabbli (il-Premessa 59 tar-RED riveduta).

Ir-RED riveduta tinkludi żewġ dispożizzjonijiet speċifiċi (l-Artikoli 22a u 22b) iffukati fuq l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-industrija. Tipprovdi inċentivi u obbligi biex l-Istati Membri jiżguraw li l-industrija tagħhom tkun tista’ taqleb għal proċessi tal-produzzjoni li jużaw l-enerġija rinnovabbli, bħal fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs), bħala fjuwil jew materja prima, flok il-fjuwils fossili. F’dan ir-rigward, tajjeb jiġi nnutat li r-RED riveduta tintroduċi definizzjoni ġdida tal-RFNBOs fl-Artikolu 2, il-punt 36, li tinkludi l-użi kollha tal-RFNBOs, u mhux biss l-użu tal-RFNBOs bħala fjuwil tat-trasport kif kien il-każ fid-definizzjoni preċedenti fir-RED tal-2018.

Minbarra mira indikattiva biex jiżdied is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fis-settur tal-industrija, l-Artikolu 22a jipprevedi obbligu li l-Istati Membri jiżguraw li l-RFNBOs jissostitwixxu parzjalment l-ekwivalenti tal-fjuwils fossili tagħhom għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija fis-settur tal-industrija tagħhom. Dan l-obbligu għandu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp ta’ suq għall-konsum tal-RFNBOs fl-użi industrijali, li hu meħtieġ peress li bħalissa l-RFNBOs huma aktar għaljin mill-ekwivalenti tagħhom ibbażati fuq il-fossili u aktarx ma jiġux prodotti u mibjugħa bit-termini tas-suq waħedhom mingħajr intervent regolatorju. Ir-RED riveduta tipprovdi l-alternattiva li titnaqqas il-mira tal-RFNBO fi Stat Membru, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22b.

L-iskadenza ġenerali għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità mar-RED riveduta — inkluż l-Artikoli 22a u 22b – hi l-21 ta’ Mejju 2025.

Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll miri vinkolanti għas-settur tat-trasport. Apparti li jintlaħqu l-miri ġenerali ta’ sehem ta’ 29 % tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport jew li tonqos l-intensità tal-emissjonijiet tal-fjuwils tat-trasport b’14,5 % sal-2030, l-Istati Membri jeħtieġ iżidu s-sehem tal-RFNBOs għal imqar 1 %. L-RFNBOs jikkontribwixxu wkoll għal mira kkombinata ta’ 5,5 % għall-RFNBOs u għall-bijofjuwils avvanzati. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli dwar kif l-RFNBOs jikkontribwixxu għall-miri u kif l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport b’obbligu fuq il-fornituri tal-fjuwils.

Dan l-Avviż hu maħsub purament bħala dokument ta’ gwida għall-finijiet tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni tar-RED riveduta. Ma tipprovdix interpretazzjoni fil-kuntest ta’ atti legali oħra.

It-test tal-leġiżlazzjoni tal-UE nnifsu biss għandu saħħa legali. Kwalunkwe qari awtorevoli tal-liġi għandu jiġi derivat mit-test tad-Direttiva u direttament mid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

2.   Ambitu tal-mira tal-RFNBO fl-Artikolu 22a

L-Artikolu 22a tar-RED riveduta jipprevedi li “ L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontribut tal-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati għal finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija għandu jkun ta’ mill-anqas 42 % tal-idroġenu użat għal finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija fl-industrija sal-2030, u 60 % sal-2035.

Fir-rigward tal-ambitu tal-mira obbligatorja l-ġdida għall-RFNBOs fl-industrija stabbilita fl-Artikolu 22a, is-subtaqsimiet li ġejjin jiċċaraw il-kunċetti li ġejjin: (i) il-kunċett tal-industrija (it-taqsima 2.1), (ii) id-destinatarji tal-mira tal-RFNBO (it-taqsima 2.2), (iii) il-kalkolu tan-numeratur (it-taqsima 2.3) u (iv) il-kalkolu tad-denominatur għall-finijiet ta’ konformità mal-mira (it-taqsima 2.4).

2.1.   Definizzjoni tal-industrija

L-Artikolu 2(18a) tar-RED riveduta jiddefinixxi “industrija” bħala “l-impriżi u l-prodotti li jaqgħu fit-taqsimiet B, C, u F u fit-taqsima J, id-diviżjoni (63) tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi (NACE REV.2), kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. ”  (4).

It-taqsimiet B, C u F jinkludu rispettivament “Minjieri u Barrieri”, “Manifattura” u “Kostruzzjoni”. It-Taqsima J, diviżjoni (63) tinkludi “Attivitajiet ta’ servizzi tal-informazzjoni”. Mill-attivitajiet tal-aħħar, iċ-ċentri tad-data jirrappreżentaw l-aktar attività intensiva fl-enerġija u għalhekk huma settur ewlieni għall-finijiet tal-mira indikattiva fl-Artikolu 22a. Id-definizzjoni tal-industrija skont l-Artikolu 2(18a) tar-RED riveduta tmur lil hinn mill-ambitu tal-linji gwida tal-Eurostat għall-konsum finali tal-enerġija fl-industrija għax tkopri wkoll it-Taqsima J, id-diviżjoni (63) li mhix koperta mil-linji gwida tal-Eurostat dwar ir-rapportar tal-konsum tal-enerġija mill-industrija. Il-linji gwida tal-Eurostat jeżiġu rapportar obbligatorju għall-industrija skont it-Taqsimiet B, C u F (b’rapportar volontarju għad-Diviżjonijiet 41, 42 u 43 tiegħu) (5). Ir-rapportar obbligatorju tal-konsum finali tal-enerġija għaċ-ċentri tad-data huwa kopert mil-linji gwida għall-konsum finali tal-enerġija fis-servizzi (6). Il-linji gwida statistiċi dwar iż-żejt u l-gass jeħtieġu l-ġbir ta’ data dwar l-użu taż-żejt u l-gass għall-finijiiet mhux tal-enerġija fl-industrija (7).

Ir-raffineriji huma inklużi fid-definizzjoni tal-industrija (it-Taqsima C tan-NACE REV.2). Iżda dawn għandhom status speċjali fejn jidħol il-konsum tal-RFNBOs u kif dawn jitqiesu skont il-miri differenti tar-RED riveduta, jiġifieri l-miri għaż-żieda tal-enerġija rinnovabbli fl-industrija u fis-setturi tat-trasport stabbiliti skont l-Artikoli 22a u 25 tar-RED riveduta. Ħafna mill-fjuwils prodotti fir-raffineriji jintużaw bħala fjuwils tat-trasport u għalhekk jingħaddu għall-miri tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport. Iżda hemm ukoll raffineriji li jipproduċu fjuwils li jintużaw għall-ġenerazzjoni tal-enerġija (jiġifieri żjut tal-fjuwil tqal), prodotti taż-żejt għas-settur tal-kimika u anki materjali solidi (bħall-kokk) li jintużaw fil-produzzjoni tal-aluminju, tal-azzar, jew tal-fertilizzanti. Hemm numru żgħir ta’ prodotti tar-raffineriji li jintużaw bħala fjuwils tat-trasport kif ukoll bħala prodotti industrijali, bħall-MTBE (il-Metil-terz-butil-etere) u l-metanol.

L-allokazzjoni tal-konsum tal-idroġenu fil-livell tar-raffineriji għandha ssir abbażi tal-prodotti differenti kollha prodotti bl-idroġenu fi tmiem il-proċess, abbażi tal-kontenut tal-enerġija, u kull sena fil-livell tar-raffineriji. Din jenħtieġ li ssir wara l-esklużjoni tal-idroġenu prodott bħala prodott sekondarju u kkunsmat fir-raffinerija. Jekk ir-raffinerija ma jkollhiex ċarezza dwar jekk prodott jintużax fis-settur tat-trasport jew bħala prodott industrijali, l-Istati Membri għandhom jużaw data fil-livell tal-UE biex jiddeterminaw il-proporzjon tal-prodotti użati għall-fjuwils tat-trasport jew bħala prodott industrijali.

Għalhekk, il-RFNBOs użati fir-raffineriji jikkontribwixxu parzjalment għall-mira tal-konsum tal-RFNBOs fit-trasport kif stabbilit fl-Artikolu 25.2.(a) tar-RED riveduta u parzjalment għall-mira tal-konsum tal-RFNBOs fl-industrija stabbilita fl-Artikolu 22a tar-RED riveduta. Is-sehem tal-kontribut jista’ jiġi stabbilit abbażi tal-proporzjon annwali tal-prodotti tar-raffineriji użati fit-trasport u fl-industrija, mingħajr ma jinqabeż l-ammont tal-konsum tal-idroġenu allokat lill-industrija fil-livell tar-raffineriji.

It-Taqsima D (Provvista ta’ elettriku, gass, fwar u arja kkundizzjonata) mhix inkluża. Għalhekk, l-idroġenu użat bħala fjuwil fl-impjanti tal-enerġija ċentrali jew l-idroġenu użat għall-produzzjoni tal-fwar kummerċjali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22a, inkluż il-mira tal-RFNBO.

Minn Jannar 2022 ’il quddiem, ir-Regolament dwar l-Istatistika tal-Enerġija (8) beda jkopri wkoll il-ġbir tad-data dwar il-produzzjoni u l-konsum tal-idroġenu, u minn Jannar 2024 ’il quddiem beda jkopri t-trasformazzjonijiet bejn l-idroġenu u fjuwils oħra. It-taħlitiet tal-idroġenu u gassijiet oħra għadhom mhumiex inklużi fl-istruzzjonijiet tar-rapportar tal-Eurostat dwar l-idroġenu (9).

Biex tiġi kkalkolata l-mira tal-RFNBO għall-industrija, hu importanti li l-idroġenu użat fil-proċessi industrijali u ttrasportat fil-forma ta’ taħlita jingħadd fil-kalkolu tal-ammont ta’ RNFBOs li jiġu kkunsmati fl-industrija: b’mod partikolari, l-idroġenu fil-gass sintetiku (taħlita ta’ idroġenu u monossidu tal-karbonju) użat bħala materja prima għall-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi, u l-idroġenu f’taħlita ta’ idroġenu u nitroġenu (N2) użat bħala materja prima għall-produzzjoni tal-ammonijaka.

L-istatistika nazzjonali diġà qed tiġbor data dwar l-idroġenu b’mod volontarju, għalkemm ir-rekwiżit tar-rapportar japplika biss mill-2024 ’il quddiem. L-istruzzjonijiet tar-rapportar tal-Eurostat dwar l-idroġenu (10) bħalissa jippermettu rapportar volontarju tal-konsum tal-ammonijaka, u għadhom ma jinkludux rapportar volontarju dwar il-metanol. L-ammonijaka u anki l-metanol huma prodotti derivattivi tal-idroġenu, u r-rapportar volontarju mill-Istati Membri diġà hu mħeġġeġ.

Il-Kummissjoni se tappoġġa minnufih it-traċċar tas-sehem tal-RFNBO fil-konsum tal-idroġenu industrijali permezz tal-għodda għal Valutazzjoni Qasira tas-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli (SHARES) (11).

2.2.   Obbligu għall-Istati Membri

Il-mira tal-RFNBO inkluża fl-Artikolu 22a tar-RED riveduta tapplika għall-Istati Membri, u dan ifisser li l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li l-kontribut tal-RFNBOs jilħaq il-mira. Dan joħroġ ċar mit-test tal-Artikolu 22a u hu msejjes fuq iż-żewġ raġunijiet li ġejjin: l-ewwel, illum m’hemm l-ebda suq tal-RFNBOs għax il-produzzjoni tal-RFNBOs hi limitata u dawn għadhom relattivament għaljin meta mqabbla mal-ekwivalenti bbażati fuq il-fossili. Għalhekk hemm bżonn inċentivi regolatorji fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali biex l-RFNBOs isiru disponibbli għall-industrija u jitrawwem il-ħolqien ta’ suq ta’ dawn il-prodotti. L-Istati Membri għandhom ifasslu l-miżuri biex jilħqu l-mira tal-RFNBOs għall-industrija skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, filwaqt li jqisu l-livelli differenti tal-użu tal-idroġenu f’setturi differenti kif ukoll kif id-disponibbiltà tal-RFNBOs għal ċerti konsumaturi industrijali tista’ tappoġġa t-tranżizzjoni tagħhom lejn proċessi tal-produzzjoni bbażati fuq sorsi rinnovabbli. It-tieni, il-volum tal-konsum tal-idroġenu fl-industrija u n-numru ta’ konsumaturi industrijali tal-idroġenu jvarjaw ġmielhom fost l-Istati Membri. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jadattaw il-politiki tagħhom skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom stess u jistgħu jiżguraw li fl-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu jiżguraw ambjent ekwu għall-konsumaturi tal-idroġenu.

Għalhekk, l-obbligu ma japplikax direttament għall-konsumaturi tal-idroġenu. Dan ma jwaqqafx lill-Istati Membri milli jistabbilixxu kwoti obbligatorji għall-konsum tal-RFNBOs bħala waħda mill-miżuri possibbli biex tintlaħaq il-mira. F’każ bħal dan, hu importanti li l-Istati Membri jqisu l-impatt li l-kwoti obbligatorji jistgħu jħallu fuq il-kompetittività tal-konsumaturi industrijali tal-idroġenu. Il-kwoti li ma jkunux sostnuti b’miżuri regolatorji xierqa u b’mekkaniżmi ta’ appoġġ konformi mal-għajnuna mill-Istat biex jikkumpensaw id-differenza fil-kost bejn l-RFNBOs u l-fjuwils ibbażati fuq il-fossili jistgħu jwasslu għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u għal importazzjonijiet addizzjonali intra-UE jew minn barra mill-UE ta’ prodotti magħmulin bl-idroġenu bbażat fuq il-fossili. Dan ikun jikkontradixxi l-objettiv tal-Artikolu 22a ta’ dekarbonizzazzjoni tas-settur industrijali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali kollha għandhom jitfasslu mingħajr preġudizzju għat-TFUE u b’mod partikolari għall-Artikolu 28.

2.3.   Kalkolu tan-numeratur

Il-paragrafu 1(b) tal-Artikolu 22a jipprevedi li “għall-kalkolu tan-numeratur, għandu jitqies il-kontenut enerġetiku tal-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika kkunsmati fis-settur tal-industrija għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija, minbarra l-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni ta’ karburanti tat-trasport konvenzjonali u bijokarburanti.

Għalhekk, l-idroġenu rinnovabbli u d-derivattivi tiegħu li jaqgħu fid-definizzjoni ta’ RFNBOs fir-RED riveduta (12) u li jintużaw fl-industrija biss jistgħu jikkontribwixxu għan-numeratur, abbażi tal-kontenut enerġetiku tagħhom. L-RFNBOs jinkludu l-idroġenu rinnovabbli u d-derivattivi tiegħu li huma konformi mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(36) tar-RED riveduta u mal-atti delegati tal-RFNBOs (13). Għall-finijiet tal-kalkolu tan-numeratur, id-derivattivi jitqiesu bħala prodotti miksuba bħala derivattivi diretti tal-idroġenu, jiġifieri li jirriżultaw minn rabta kimika bejn l-idroġenu u molekuli oħra. Il-prodotti li fihom l-idroġenu iżda li mhumiex derivattivi diretti tal-idroġenu (eż. fertilizzanti), jew il-prodotti manifatturati bl-idroġenu bħala aġent riduċenti (eż. ħadid mir-riduzzjoni diretta (14)) ma jitqisux bħala RFNBOs.

Il-paragrafu 1(b) jirreferi għall-RFNBOs “ikkunsmati fis-settur tal-industrija” u għalhekk il-mira tal-RFNBOs stabbilita fl-Artikolu 22a hija mira tal-“konsum”. Dan ifisser li l-RFNBOs jitqiesu fin-numeratur tal-Istat Membru fejn jiġu kkunsmati fil-forma finali tagħhom fis-settur tal-industrija. Fil-każ tal-RFNBOs li huma derivattivi tal-idroġenu rinnovabbli, l-idroġenu rinnovabbli użat għall-produzzjoni tagħhom ma jridx jiġi inkluż fin-numeratur tal-Istat Membru produttur (15) (kemm jekk dan ikun l-istess Stat Membru fejn jiġu kkunsmati l-RFNBOs kif ukoll jekk ikun wieħed differenti). Għaldaqstant, meta ċerti RFNBOs (eż. ammonijaka rinnovabbli) jiġu prodotti fi Stat Membru u mbagħad jiġu esportati lejn Stat Membru ieħor, l-Istat Membru importatur għandu jgħodd l-RFNBO għall-mira tal-industrija tiegħu fin-numeratur filwaqt li l-Istat Membru esportatur ma għandux jikkunsidra l-idroġenu rinnovabbli użat biex jipproduċih fin-numeratur.

Għat-traċċar tal-idroġenu rinnovabbli ċċertifikat bħala RFNBOs li jiġi injettat fl-infrastruttura interkonnessa tal-gass tal-Unjoni, tista’ tiġi applikata sistema tal-ibbilanċjar tal-massa f’konformità mal-Artikolu 30 tar-RED, diment li l-konsumatur jissepara fiżikament l-idroġenu mit-taħlita tal-gassijiet. Allokazzjoni tal-karatteristiċi tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-idroġenu għall-gass naturali ma tkunx tista’ ssir meta ma ssirx din is-separazzjoni fiżika tal-idroġenu rinnovabbli mit-taħlita tal-gassijiet. Barra minn hekk, għall-ibbilanċjar tal-massa japplikaw l-istess regoli. Il-volumi rilevanti tal-RFNBOs iridu jiddaħħlu fil-Bażi tad-Data tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 31a tar-RED.

L-RFNBOs użati fir-raffineriji, inkluż bħala prodott intermedju, għall-produzzjoni tal-fjuwils tat-trasport konvenzjonali (16) u tal-bijofjuwils (17) ma jingħaddux mal-mira tal-industrija skont l-Artikolu 22a, iżda mat-trasport skont l-Artikolu 25 (ara hawn taħt). Iżda l-RFNBOs użati fir-raffineriji biex jipproduċu prodotti industrijali kkunsmati fis-settur tal-industrija jistgħu jingħaddu mal-mira tal-industrija.

L-idroġenu li jiġi prodott bħala prodott sekondarju u li jkun konformi mad-definizzjoni ta’ RFNBO (18) jista’ jitqies fin-numeratur.

2.4.   Kalkolu tad-denominatur

Il-paragrafu 1, il-ħames subparagrafu, il-punt a) tal-Artikolu 22a jipprevedi li “ għall-kalkolu tad-denominatur, għandu jitqies il-kontenut enerġetiku tal-idroġenu għal finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija, minbarra: (i) l-idroġenu użat bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni ta’ karburanti tat-trasport konvenzjonali u bijokarburanti; (ii) l-idroġenu li jiġi prodott bid-dekarbonizzazzjoni tal-gass residwu industrijali u li jintuża biex jissostitwixxi l-gass speċifiku li jiġi prodott minnu; (iii) l-idroġenu prodott bħala prodott sekondarju jew derivat minn prodotti sekondarji f’installazzjonijiet industrijali”.

Għalkemm dan il-paragrafu jsemmi l-idroġenu użat għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija mingħajr ma jsemmi s-settur li jikkunsmah, mill-ħames subparagrafu tal-paragrafu 1 jirriżulta li d-denominatur jirreferi biss għall-idroġenu kkunsmat fis-settur tal-industrija billi jistabbilixxi l-mira ta’ “ 42 % tal-idroġenu użat għal finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija fl-industrija sal-2030. ” Għalhekk, id-denominatur jinkludi biss l-idroġenu kkunsmat fis-settur tal-industrija kif definit fl-Artikolu 2(18a) u mhux l-idroġenu kkunsmat fis-setturi kollha.

Barra minn hekk, id-denominatur ma jagħmilx distinzjoni bejn is-sors tal-enerġija tal-produzzjoni tal-idroġenu, u jinkludi l-idroġenu prodott mir-rotot differenti kollha. Jinkludi wkoll l-idroġenu li jiġi kkunsmat apposta bħala parti minn taħlita, pereżempju s-sehem tal-idroġenu fil-gass sintetiku (taħlita komuni ta’ idroġenu u monossidu tal-karbonju użata fl-industrija tal-kimika) jew is-sehem tal-idroġenu f’taħlita man-nitroġenu (N2) għall-produzzjoni tal-ammonijaka.

Il-paragrafu 1, il-ħames subparagrafu, il-punt (a), tal-Artikolu 22a jipprevedi li t-tliet każijiet li ġejjin tal-konsum tal-idroġenu fl-industrija huma esklużi mid-denominatur:

i)

l-idroġenu użat bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni ta’ karburanti tat-trasport konvenzjonali u bijokarburanti.” Dan jinkludi l-idroġenu li jiġi kkunsmat għad-desulfurizzazzjoni jew għall-idroġenizzazzjoni tal-fjuwils u l-bijofjuwils tat-trasport. Din l-esklużjoni se tapplika l-aktar għall-konsum tal-idroġenu fir-raffineriji. Ir-raffineriji li jipproduċu l-fjuwils tat-trasport kif ukoll il-prodotti industrijali għandhom jeskludu biss l-idroġenu kkunsmat għall-produzzjoni tal-fjuwils u tal-bijofjuwils tat-trasport konvenzjonali.

ii)

l-idroġenu li jiġi prodott bid-dekarbonizzazzjoni tal-gass residwu industrijali u li jintuża biex jissostitwixxi l-gass speċifiku li jiġi prodott minnu.” Dan jinkludi l-idroġenu li jiġi prodott mill-gassijiet residwi, u li sussegwentement jerġa’ jiddaħħal fil-proċess industrijali biex jissostitwixxi l-gass residwu li minnu jkun ġie prodott. Din l-esklużjoni hija subkategorija koperta wkoll mill-esklużjoni usa’ għall-“idroġenu prodott bħala prodott sekondarju jew derivat minn prodotti sekondarji f’installazzjonijiet industrijali” (ara hawn taħt).

iii)

l-idroġenu prodott bħala prodott sekondarju jew derivat minn prodotti sekondarji f’installazzjonijiet industrijali.” Din l-eċċezzjoni tkopri l-idroġenu li jiġi prodott bħala konsegwenza inevitabbli u mhux intenzjonata tal-produzzjoni tal-prodott ewlieni, jew l-idroġenu li jiġi prodott mill-gassijiet residwi li huma l-konsegwenza inevitabbli u mhux intenzjonata tal-produzzjoni tal-prodott ewlieni. Din il-kategorija tinkludi l-idroġenu li jiġi prodott fil-proċessi tal-produzzjoni tal-kloroalkali jew tal-klorat tas-sodju, l-idroġenu li jiġi prodott bħala prodott sekondarju tal-qsim tal-fjuwils fossili għall-produzzjoni tal-alkani jew tal-alkeni, l-idroġenu li jiġi prodott fil-proċess tad-deidroġenazzjoni għall-produzzjoni tal-istiren jew tal-etilen, jew l-idroġenu li jiġi prodott fil-proċess tal-produzzjoni tal-gass tal-forn tal-kokk jew tal-forn tal-blast waqt il-produzzjoni tal-ħadid/tal-azzar.

L-istruzzjonijiet tar-rapportar tal-Eurostat dwar l-istatistika tal-idroġenu jinkludu l-produzzjoni tal-idroġenu kemm jekk intenzjonata u esklużiva kif ukoll jekk bħala prodott sekondarju.

Minbarra l-esklużjonijiet ta’ hawn fuq, il-premessa 62 tar-RED riveduta tirrikonoxxi r-rwol ta’ dawk li kienu minn tal-ewwel li ddeċidew li jinvestu biex jimmodifikaw il-faċilitajiet li kellhom tal-produzzjoni tal-idroġenu bbażati fuq teknoloġija li tbiddel il-metan bil-istim ħalli jiddekarbonizzaw il-produzzjoni tal-idroġenu. Tajjeb jiġi nnutat li r-rikonoxximent f’din il-premessa hu limitat biss għall-proġetti li ngħataw għotja mill-Fond għall-Innovazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-RED riveduta, jiġifieri qabel l-20 ta’ Novembru 2023. Għalhekk dan ma japplikax għall-proġetti l-ġodda li d-deċiżjoni tal-għotja għalihom ittieħdet wara din id-data.

Fir-rigward tal-ambitu tad-denominatur, il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22a jirreferi għall-idroġenu użat għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija fl-industrija. Dan jikkuntrasta mal-formulazzjoni użata fl-Artikolu 22b li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tnaqqis fil-mira tal-RFNBO fis-settur tal-industrija (kif spjegat f’aktar dettall fit-taqsima 4 ta’ din il-gwida). L-Artikolu 22b jippermetti lill-Istati Membri jnaqqsu l-mira tal-RFNBO fis-settur tal-industrija jekk dawn jikkunsmaw sehem limitat tal-idroġenu jew tad-derivattivi tiegħu prodotti mill-fjuwils fossili.

L-użu tar-referenza għall-“idroġenu” fl-Artikolu 22a biss jidher li turi r-rieda intenzjonata tal-koleġiżlaturi li jqisu biss il-konsum tal-idroġenu fid-denominatur u mhux il-konsum tad-derivattivi tiegħu u b’hekk jindika l-intenzjoni li jimmiraw speċifikament id-dekarbonizzazzjoni tal-idroġenu fl-UE. L-idroġenu użat għall-produzzjoni tad-derivattivi (irrispettivament minn jekk jikkwalifikawx bħala RFNBOs jew le) jingħadd fid-denominatur fl-Istat Membru fejn jiġi prodott id-derivattiv. Pereżempju, jekk l-idroġenu jintuża fi Stat Membru (Stat Membru A) għall-produzzjoni tal-ammonijaka, li mbagħad tiġi esportata lejn Stat Membru ieħor (Stat Membru B), l-idroġenu użat għall-produzzjoni tal-ammonijaka se jingħadd fid-denominatur fl-Istat Membru A filwaqt li l-ammonijaka li tirriżulta ma tingħaddx fid-denominatur fl-Istat Membru B.

Filwaqt li r-regoli ta’ hawn fuq dwar id-denominatur japplikaw għall-Istati Membri kollha għall-finijiet tal-kontabbiltà tal-konsum tal-idroġenu fl-industrija biex tiġi vverifikata l-konformità mal-mira stabbilita fl-Artikolu 22a, l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jistabbilixxu mira aktar stretta li tinkludi l-konsum tad-derivattivi fid-denominatur u li għalhekk iżżid id-denominatur u anki l-mira tal-RFNBOs. F’dan il-każ, iżda, għandhom jirrapportaw lill-Eurostat id-data allinjata mar-regoli dwar il-kontabbiltà tad-denominatur spjegati fil-paragrafi preċedenti.

3.   Relazzjoni bejn il-mira tal-RFNBO u l-mira ġenerali tal-UE għall-enerġija rinnovabbli tal-Artikolu 3

L-Artikolu 2(4) tar-RED riveduta jiddefinixxi l-konsum finali gross tal-enerġija bħala “ il-prodotti tal-enerġija li għal finijiet tal-enerġija jiġu kkunsinnati lill-industrija, it-trasport, l-unitajiet domestiċi, is-servizzi inkluż is-servizzi pubbliċi, l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd, l-konsum tal-elettriku u tas-sħana mill-fergħa tal-enerġija għall-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana, u t-telf tal-elettriku u tas-sħana fid-distribuzzjoni u fit-trażmissjoni. ” Il-mira ġenerali tal-konsum tal-enerġija rinnovabbli stabbilita fl-Artikolu 3 tar-RED riveduta tirreferi għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli mill-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni. Dan ifisser li huma biss il-prodotti tal-enerġija rinnovabbli (inkluż l-RFNBOs) użati għall-finijiet tal-enerġija li jistgħu jikkontribwixxu għall-mira iżda mhux dawk użati għall-finijiet mhux tal-enerġija.

L-RFNBOs użati għall-finijiet mhux tal-enerġija jikkontribwixxu għall-mira indikattiva għaż-żieda tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-industrija stabbilita fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 22a, li jirreferu għas-“ sehem tas-sorsi rinnovabbli fl-ammont tas-sorsi tal-enerġija użati għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija fis-settur tal-industrija ” u b’hekk jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira tal-RFNBO stabbilita fl-istess Artikolu. Madankollu, abbażi tal-Artikolu 3 tar-RED riveduta, dawn ma jikkontribwixxux għall-mira ġenerali tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030 ta’ mill-inqas 42,5 %.

Barra minn hekk, l-elettriku rinnovabbli użat għall-produzzjoni tal-RFNBOs mhux se jingħadd għall-mira ġenerali tal-enerġija rinnovabbli tal-UE (kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-RED). L-RFNBOs użati għall-finijiet tal-enerġija jingħaddu għall-mira ġenerali tal-enerġija rinnovabbli, u fis-settur li jikkunsmahom. L-elettriku rinnovabbli prodott mill-RFNBOs se jingħadd ukoll għall-mira ġenerali tal-enerġija rinnovabbli.

4.   Artikolu 22b

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 22b(1) jiddikjara li “ Stat Membru jista’ jnaqqas il-kontribut tal-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija msemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22a(1), il-ħames subparagrafu, b’20 % fl-2030, diment li:

(a)

dak l-Istat Membru jkun fit-triq it-tajba lejn il-kontribuzzjoni nazzjonali tiegħu għall-mira kumplessiva vinkolanti tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, li tkun mill-anqas ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet nazzjonali mistennija tiegħu skont il-formula msemmija fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999; u

(b)

is-sehem tal-idroġenu, jew tad-derivattivi tiegħu, prodotti mill-karburanti fossili li jiġi kkonsmat f’dak l-Istat Membru u ma jkunx aktar minn 23 % fl-2030 u 20 % fl-2035.

L-Artikolu 22a tar-RED riveduta jeżiġi li l-Istati Membri, mill-2030 ’il quddiem, jiksbu sehem tal-konsum tal-RFNBOs fl-industrija li jkun daqs 42 % tal-konsum totali tal-idroġenu fis-settur tal-industrija. Dan il-persentaġġ jiżdied għal 60 % sal-2035. L-Artikolu 22b jintroduċi flessibbiltà biex tintlaħaq din il-mira billi jippermetti lill-Istati Membri jnaqqsuha b’20 % f’żewġ mumenti, jiġifieri fl-2030 u fl-2035, diment li jkunu fit-triq it-tajba tal-kontribut nazzjonali tagħhom għall-mira ġenerali vinkolanti tal-Unjoni u li s-sehem tagħhom tal-idroġenu u tad-derivattivi tiegħu prodotti mill-fjuwils fossili ma jkunx iżjed minn 23 % fl-2030 u minn 20 % fl-2035. Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv, il-mira tal-RFNBO stabbilita fl-Artikolu 22a tista’ titnaqqas għal 33,6 % fl-2030 u 48 % fl-2035.

In-numeratur għall-kalkolu tas-sehem tal-idroġenu u taderivattivi tiegħu prodotti mill-fjuwils fossili u kkunsmati fis-settur industrijali jinkludi l-proċessi kollha tal-produzzjoni tal-idroġenu li jużaw sorsi fossili, inkluż dawk meta jinqabad is-CO2 u jintuża jew jinħażen. Id-denominatur jiġi kkalkulat skont il-konsum tal-idroġenu kollu u tad-derivattivi tiegħu fis-settur industrijali fi Stat Membru, jiġifieri inkluż l-RFNBOs, l-idroġenu mill-fjuwils fossili u b’livell baxx tal-emissjonijiet tal-karbonju u d-derivattivi tiegħu. Billi l-idroġenu jinsab b’mod naturali f’ħafna sustanzi użati fl-industrija, bħall-metan (CH4) jew saħansitra fl-ilma (H2O), trid issir distinzjoni bejn id-derivattivi tal-idroġenu u s-sustanzi l-oħra kollha li fihom l-idroġenu. Għall-finijiet tad-denominatur, huma biss dawk il-prodotti li jiġu prodotti bl-idroġenu bħala input li jridu jitqiesu bħala derivattivi tal-idroġenu rilevanti. Għandhom jiġu esklużi l-prodotti li fihom l-idroġenu fil-kundizzjoni naturali tagħhom jew il-prodotti magħmula minn prodotti li fihom l-idroġenu fin-natura tagħhom.

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-metan – li fih l-idroġenu fil-kundizzjoni naturali tiegħu – ma jaqax fid-denominatur iżda l-metan sintetiku (l-e-metan) jaqa’. Madankollu, l-ambitu hu limitat għall-prodotti miksuba bħala derivattivi diretti tal-idroġenu, jiġifieri li jirriżultaw mit-taħlit tal-idroġenu ma’ molekuli oħra. Il-prodotti li fihom l-idroġenu iżda li mhumiex derivattivi diretti tal-idroġenu (eż. il-fertilizzanti), jew il-prodotti manifatturati bl-idroġenu bħala aġent riduċenti (eż. il-ħadid mir-riduzzjoni diretta) ma jaqgħux fid-denominatur.

L-Artikolu 22b ma jeskludix b’mod espliċitu l-prodott sekondarju tal-idroġenu mill-kalkolu tas-sehem tal-idroġenu u tad-derivattivi msemmija fl-Artikolu 22b(1), il-punt (b). Iżda meta jitqies li l-Artikolu 22b mhux dispożizzjoni awtonoma, iżda pjuttost jibni fuq l-Artikolu 22a billi jipprovdi l-flessibbiltà biex tintlaħaq il-mira tal-RFNBOs fis-settur tal-industrija, u biex tkun żgurata l-konsistenza mal-Artikolu 22a, meta l-prodott sekondarju tal-idroġenu jkun eskluż biex ma jitqiesx fil-kalkolu tal-konsum tal-idroġenu, jista’ jiġi interpretat li l-istess esklużjonijiet japplikaw għan-numeratur kif ukoll għad-denominatur tal-Artikolu 22b, il-punt (b), għall-idroġenu prodott bħala prodott sekondarju.

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li japplika l-flessibbiltà prevista fl-Artikolu 22b, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u jgħaddilha l-pjanijiet nazzjonali integrati tiegħu dwar l-enerġija u l-klima. In-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar is-sehem aġġornat tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u d-data rilevanti kollha biex jintwera li ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22b huma ssodisfati.

5.   Il-mira tal-RFNBOs fl-Artikolu 25

L-Artikolu 25 jistabbilixxi sottomira vinkolanti ddedikata għall-RFNBOs ta’ 1 % tal-konsum tal-enerġija tat-trasport li tiġi kkalkulata f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 27. Barra minn hekk, l-RFNBOs jingħaddu għas-sottomira kkombinata stabbilita għall-RFNBOs u għall-bijofjuwils avvanzati kif ukoll għall-mira ġenerali tat-trasport. L-RFNBOs huma eliġibbli biex jingħaddu mal-miri biss jekk ikunu jiksbu ffrankar fl-emissjonijiet ta’ mill-inqas 70 %.

Il-konformità tista’ ssir b’żewġ medi ewlenin:

i)

L-RFNBOs jingħaddu għall-miri jekk jiġu fornuti għal xi wieħed mill-modi tat-trasport, inkluż lill-bunkers marittimi internazzjonali, fit-territorju ta’ Stat Membru.

ii)

L-RFNBOs jingħaddu għall-miri jekk ikunu jintużaw bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni tal-fjuwils u tal-bijofjuwils tat-trasport konvenzjonali diment li t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra miksub bl-RFNBOs ma jingħaddx fil-kalkolu tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-bijofjuwils. L-użu bħala prodotti intermedji jkopri l-każijiet meta l-idroġenu rinnovabbli jintuża fir-raffineriji eż., biex jitneħħew l-impuritajiet waqt l-idrotrattament, u anki l-idroġenu użat għall-produzzjoni tal-HVO u l-metanol li jintuża għall-produzzjoni tal-bijodiżil.

L-RFNBOs li jintużaw bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni tal-fjuwils u tal-bijofjuwils tat-trasport konvenzjonali jingħaddu għall-mira fil-pajjiż fejn jintużaw u ma jitqisux fl-output tal-faċilità li tipproduċi l-fjuwils u l-bijofjuwils tat-trasport konvenzjonali. Jekk l-RFNBOs li jintużaw bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni tal-bijofjuwils jingħaddu għall-miri, dawn iridu jitqiesu bħala input fossili fil-kalkolu tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-bijofjuwils.

Filwaqt li d-Direttiva tispeċifika b’mod ċar li l-RFNBOs li jintużaw bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni tal-fjuwils tat-trasport konvenzjonali jingħaddu għall-miri, din ma tispeċifikax kif jiġi promoss l-użu tal-RFNBOs għall-fini tal-mira tat-trasport. Approċċ promettenti partikolari hu li l-operaturi ekonomiċi li jużaw l-RFNBOs bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni tal-fjuwils u tal-bijofjuwils tat-trasport konvenzjonali jiġu integrati fl-obbligu tal-provvista msemmi fl-Artikolu 25 bħalma jsir għall-operaturi li jfornu l-elettriku rinnovabbli lill-vetturi elettriċi bil-mekkaniżmu tal-kreditu kif previst fl-Artikolu 25.4.


(1)  Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(3)  Dan is-sehem jaqbeż it-30 % meta jingħaddu l-konsum finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)   https://ec.europa.eu/eurostat/documents/38154/16135593/energy-consumption-industry-reporting-instructions.pdf.

(6)   https://ec.europa.eu/eurostat/documents/38154/16135593/energy-consumption-services-reporting-instructions.pdf.

(7)   https://ec.europa.eu/eurostat/documents/38154/16135593/Natural_Gas_Questionnaire_Instructions.pdf u https://ec.europa.eu/eurostat/documents/38154/16135593/Oil_Questionnaire_Instructions.pdf.

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/132 tat-28 ta’ Jannar 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar l-enerġija, rigward l-implimentazzjoni tal-aġġornamenti għall-istatistika annwali, ta’ kull xahar, u fuq żmien qasir dwar l-enerġija (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 208) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/264 tas-17 ta’ Jannar 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar l-enerġija, rigward l-implimentazzjoni tal-aġġornamenti għall-istatistika annwali, ta’ kull xahar, u ta’ kull xahar fuq żmien qasir dwar l-enerġija (ĠU L, 2024/264, 18.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/264/oj).

(9)  F’dan il-każ, taħlita hi sempliċiment idroġenu flimkien ma’ komponent kimiku wieħed jew aktar, iżda li mhumiex magħqudin kimikament.

(10)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(11)  L-għodda għal Valutazzjoni Qasira tas-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli (SHARES) żviluppata mill-Eurostat tiffoka fuq il-kalkolu armonizzat tas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

(12)  Ir-RED riveduta fl-Artikolu 2(36) tiddefinixxi l-RFNBOs bħala “karburanti likwidi u gassużi li l-kontenut enerġetiku tagħhom hu dderivat minn sorsi rinnovabbli minbarra l-bijomassa”.

(13)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika

(C/2023/1087, ĠU L 157, 20.6.2023, p. 11) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1185 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi livell limitu minimu għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ fjuwils tal-karbonju riċiklat u billi jispeċifika metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn fjuwils rinnovabbli likwidi u gassużi għat-trasport ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn fjuwils tal-karbonju riċiklat (C/2023/1086, ĠU L 157, 20.6.2023, p. 20).

(14)  Tajjeb jiġi nnutat li fil-każ tal-manifattura tal-azzar permezz tal-proċess DRI, l-idroġenu rinnovabbli użat bħala aġent riduċenti għar-riduzzjoni diretta tal-ħadid jitqies bħala RFNBO użat fis-settur tal-industrija. Il-ħadid fondut grezz li jirriżulta mir-riduzzjoni diretta tal-ħadid bl-użu tal-idroġenu rinnovabbli ma jitqiesx bħala RFNBO.

(15)  Sakemm, kif previst fl-Artikolu 7(1) tar-RED riveduta, ma jiġrix li l-Istati Membri “jaqblu, permezz ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni speċifiku, li jgħoddu l-karburanti rinnovabbli kollha jew parti minnhom ta’ oriġini mhux bijoloġika kkonsmati fi Stat Membru wieħed, mas-sehem tal-konsum finali gross tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-Istat Membru fejn dawk il-karburanti jiġu prodotti. Biex jiġi mmonitorjat jekk l-istess fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika ma jingħaddux kemm fl-istess Stat Membru fejn ġew prodotti kif ukoll fl-Istat Membru fejn ġew ikkunsmati, u biex jiġi rreġistrat l-ammont magħdud, l-Istat Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull ftehim ta’ kooperazzjoni bħal dan. Ftehim ta’ kooperazzjoni bħal dan għandu jinkludi l-ammont ta’ fjuwil rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika li jrid jingħadd mat-total u għal kull Stat Membru u d-data meta għandu jibda jitħaddem il-ftehim ta’ kooperazzjoni.

(16)  Il-fjuwils tat-trasport konvenzjonali jinkludu l-fjuwils fossili bħad-diżil, il-petrol u l-kerosin li jiġu kkunsmati fis-settur tat-trasport.

(17)  Tajjeb jiġi nnutat li skont id-Direttiva RED riveduta, il-bijofjuwils huma fjuwil likwidu tat-trasport prodott mill-bijomassa.

(18)  Pereżempju, l-idroġenu li jkun prodott sekondarju tal-proċess tal-produzzjoni tal-kloroalkali, meta matul dan il-proċess tal-produzzjoni jkun intuża elettriku rinnovabbli u meta dan ikun konformi mal-atti delegati tal-RFNBOs.


ANNESS

Artikolu 22a

Nintegraw l-enerġija rinnovabbli fl-industrija

1.   L-Istati Membri għandhom jistinkaw biex iżidu s-sehem tas-sorsi rinnovabbli fl-ammont tas-sorsi tal-enerġija użati għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija fis-settur tal-industrija b’żieda indikattiva ta’ mill-anqas 1,6 punti perċentwali bħala medja annwali kkalkulata għall-perjodi mill-2021 sal-2025 u mill-2026 sal-2030.

L-Istati Membri jistgħu jgħoddu s-sħana u l-kesħa mormija maż-żidiet annwali medji msemmija fl-ewwel subparagrafu, sa limitu ta’ 0,4 punti perċentwali, diment li s-sħana u l-kesħa mormija jkunu nkisbu b’tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti, ħlief minn networks li jipprovdu s-sħana lil bini wieħed biss jew meta l-enerġija termika kollha tiġi kkunsmata biss fuq il-post u fejn l-enerġija termika ma tinbiegħx. Jekk jiddeċiedu li jagħmlu dan, iż-żieda annwali medja msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiżdied b’nofs il-punti perċentwali tas-sħana u l-kesħa mormija magħduda.

L-Istati Membri għandhom jinkludu l-politiki u l-miżuri ppjanati u meħuda tagħhom biex tinkiseb din iż-żieda indikattiva fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u fir-rapporti ta’ progress integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament.

Meta l-elekrifikazzjoni titqies bħala għażla kosteffettiva, dawk il-politiki u l-miżuri għandhom jippromwovu l-elettrifikazzjoni bbażata fuq sorsi rinnovabbli tal-proċessi industrijali. Dawk il-politiki u l-miżuri għandhom jistinkaw biex joħolqu kundizzjoni tas-suq li twassal għad-disponibbiltà ta’ alternattivi tal-enerġija rinnovabbli ekonomikament vijabbli u teknikament fattibbli biex jissostitwixxu l-fjuwils fossili użati għat-tisħin industrijali ħalli jonqos l-użu tal-fjuwils fossili użati għat-tisħin meta t-temperatura tkun inqas minn 200 °C. Meta jadottaw dawk il-politiki u l-miżuri, l-Istati Membri għandhom iqisu l-prinċipju li “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, l-effettività u l-kompetittività internazzjonali u l-bżonn li jingħelbu l-ostakli regolatorji, amministrattivi u ekonomiċi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontribut tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija għandu jkun imqar 42 % tal-idroġenu użat għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija fl-industrija sal-2030, u 60 % sal-2035. Għall-kalkolu ta’ dak il-persentaġġ għandhom jintużaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

għall-kalkolu tad-denominatur, għandu jitqies il-kontenut tal-enerġija tal-idroġenu għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija, minbarra:

(i)

l-idroġenu użat bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni ta’ karburanti tat-trasport konvenzjonali u bijokarburanti;

(ii)

l-idroġenu li jiġi prodott bid-dekarbonizzazzjoni tal-gass residwu industrijali u li jintuża biex jissostitwixxi l-gass speċifiku li jiġi prodott minnu;

(iii)

l-idroġenu prodott bħala prodott sekondarju jew derivat minn prodotti sekondarji f’installazzjonijiet industrijali;

(b)

għall-kalkolu tan-numeratur, għandu jitqies il-kontenut tal-enerġija tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika kkunsmati fis-settur tal-industrija għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija, minbarra l-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni tal-fjuwils u tal-bijofjuwils tat-trasport konvenzjonali;

(c)

għall-kalkolu tan-numeratur kif ukoll tad-denominatur, għandhom jintużaw il-valuri rigward il-kontenut tal-enerġija tal-fjuwils kif stabbilit fl-Anness III.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ħames subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, biex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-enerġija tal-fjuwils mhux inklużi fl-Anness III, l-Istati Membri għandhom jużaw l-istandards Ewropej rilevanti għad-determinazzjoni tal-valuri kalorifiċi tal-fjuwils jew, meta ma jkun ġie adottat l-ebda standard Ewropew għal dak l-għan, għandhom jintużaw l-istandards tal-ISO rilevanti.

2.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu skemi volontarji tat-tikkettar għall-prodotti industrijali li jkunu ddikjarati li ġew prodotti bl-enerġija rinnovabbli u bi fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika. Dawn l-iskemi volontarji tat-tikkettar għandhom jindikaw il-persentaġġ tal-enerġija rinnovabbli użata jew tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati fl-istadju tal-akkwist u l-preproċessar, tal-manifattura u tad-distribuzzjoni tal-materja prima, ikkalkulat bil-metodoloġiji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2279 (*1) jew fl-ISO 14067:2018.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-ammont ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika li jistennew li jimportaw u jesportaw fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u fir-rapporti ta’ progress nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament. Abbażi ta’ dak ir-rapportar, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa strateġija tal-Unjoni għall-idroġenu importat u domestiku biex tippromwovi suq Ewropew tal-idroġenu kif ukoll il-produzzjoni domestika tal-idroġenu fl-Unjoni, b’mod li jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-kisba tal-miri stabbiliti fiha, filwaqt li tqis kif xieraq is-sigurtà tal-provvista u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni fl-enerġija u l-ambjent ekwu fis-suq dinji tal-idroġenu. Fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u fir-rapporti ta’ progress nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jindikaw kif beħsiebhom jikkontribwixxu għal dik l-istrateġija.

Artikolu 22b

Kundizzjonijiet għat-tnaqqis fil-mira tal-użu tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika fis-settur industrijali

1.   Stat Membru jista’ jnaqqas il-kontribut tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija msemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22a(1), il-ħames subparagrafu, b’20 % fl-2030, diment li:

(a)

dak l-Istat Membru jkun fit-triq it-tajba lejn il-kontribuzzjoni nazzjonali tiegħu għall-mira kumplessiva vinkolanti tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, li tkun mill-anqas ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet nazzjonali mistennija tiegħu skont il-formula msemmija fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999; u

(b)

is-sehem tal-idroġenu jew tad-derivattivi tiegħu prodotti mill-fjuwils fossili li jikkonsma dak l-Istat Membru ma jkunx aktar minn 23 % fl-2030 u 20 % fl-2035.

Meta xi waħda minn dawk il-kundizzjonijiet ma tiġix issodisfata, it-tnaqqis imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jieqaf japplika.

2.   Meta Stat Membru japplika t-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’danv u jgħaddilha l-pjanijiet nazzjonali integrati tiegħu dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u bħala parti mir-rapporti ta’ progress nazzjonali integrati tiegħu dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament. In-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar is-sehem aġġornat tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u d-data rilevanti kollha biex jintwera li l-kundizzjonijiet stipulati fil- paragrafu 1, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati.

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja s-sitwazzjoni fl-Istati Membri li jibbenefikaw minn tnaqqis, biex tkun tista’ tivverifika li dawn qed jissodisfaw kontinwament il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b).


(*1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2279 tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-użu tal-metodi tal-Impronta Ambjentali għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2983/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)